20.7.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 188/15


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tal-15 ta’ Frar 2007

dwar il-konklużjoni, f’isem il-Komunità, ta’ Arranġament bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika ta’ l-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar il-modalitajiet tal-parteċipazzjoni ta’ dawn l-istati fl-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni tal-Kooperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni ta’ l-Istati Membri ta’ l-Unjoni Ewropea

(2007/511/KE)

IL-KUNSILL ta’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 62(2) (a) u l-Artikolu 66 flimkien ma’ l-ewwel sentenza ta’ l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 300 (2) u l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 300(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Billi:

(1)

Skond l-Artikolu 21 (3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2007/2004 tas-26 ta’ Ottubru 2004 li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni tal-Kooperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni ta’ l-Istati Membri ta’ l-Unjoni Ewropea (2), pajjiżi assoċjati ma’ l-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp ta’ l-acquis ta’ Schengen għandhom jipparteċipaw fl-Aġenzija. Il-modalitajiet tal-parteċipazzjoni tagħhom għandhom ikunu determinati f’arranġamenti ulterjuri li għandhom jiġu konklużi bejn il-Komunita’ u dawk il-Pajjiżi.

(2)

Wara l-awtorizzazzjoni mogħtija mill-Kummissjoni fis-7 ta’ Ottubru 2004, in-negozjati mar-Repubblika ta’ l-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja għal Arranġament dwar il-modalitajiet tal-parteċipazzjoni ta’ dawk l-Istati fl-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni tal-Kooperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni ta’ l-Istati Membri ta’ l-Unjoni Ewropea kienu konklużi.

(3)

Skond l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, id-Danimarka ma tipparteċipax fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u la hija marbuta biha u lanqas suġġetta għall-applikazzjoni tagħha. Billi din id-Deċiżjoni tibni fuq l-acquis ta’ Schengen taħt id-dispożizzjonijiet tat-Titolu IV tat-Tielet Parti tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, huwa meħtieġ li d-Danimarka, skond l-Artikolu 5 ta’ l-imsemmi Protokoll, tiddeċiedi fi żmien perjodu ta’ sitt xhur wara li l-Kunsill ikun adottata din id-Deċiżjoni jekk tkung se timplimentaha fil-liġi nazzjonali tagħha jew le.

(4)

Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet ta’ l-acquis ta’ Schengen li fihom ir-Renju Unit ma jipparteċipax, skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE tad-29 ta’ Mejju 2000 dwar it-talba tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq sabiex jieħu parti f'xi dispożizzjonijiet ta’ l-acquis ta’ Schengen (3). Ir-Renju Unit għalhekk ma jipparteċipax fl-adozzjoni tagħha u la huwa marbut biha u lanqas suġġett għall-applikazzjoni tagħha.

(5)

Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet ta’ l-acquis ta’ Schengen li fihom l-Irlanda ma tipparteċipax, skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta’ Frar 2002 rigward it-talba ta’ l-Irlanda sabiex tiehu sehem f'xi dispożizzjonijiet ta’ l-acquis ta’ Schengen (4). L-Irlanda għalhekk ma tipparteċipax fl-adozzjoni tagħha u la hija marbuta biha u lanqas suġġetta għall-applikazzjoni tagħha.

(6)

Skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/512/KE ta’ (5), u fi stennija tal-konklużjoni finali tiegħu f’data aktar tard, l-Arranġament ġie ffirmat f’isem il-Komunità fl-1 ta’ Frar 2007.

(7)

L-Arranġament għandu jkun konkluż,

IDDEĊIDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

L-Arranġament bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika ta’ l-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar il-modalitajiet tal-parteċipazzjoni ta’ dawk l-Istati fl-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni tal-Kooperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni ta’ l-Istati Membri ta’ l-Unjoni Ewropea qed ikun approvat hawn f’isem il-Komunità.

It-test ta’ l-Arranġament huwa mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni (6).

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill huwa hawnhekk awtorizzat sabiex jaħtar il-persuna bis-setgħa li jiddepożita f’isem il-Komunità l-istrument ta’ approvazzjoni li għalih hemm provdut fl-Artikolu 9 (1) ta’ l-Arranġament, sabiex jesprimi l-qbil tal-Komunità mar-rabta tagħha.

Magħmul fi Brussel, 15 ta’ Frar 2007.

Għall-Kunsill

Il-President

W. SCHÄUBLE


(1)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta’ Diċembru 2006 (għadha mhix pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  ĠU L 349, 25.11.2004, p. 1.

(3)  ĠU L 131, 1.6.2000, p. 43.

(4)  ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20.

(5)  Ara paġna 17 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali.

(6)  Ara paġna 19 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali.