19.7.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 187/30


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

ta’ l-20 ta’ Diċembru 2006

dwar għajnuna mill-istat C 3/2005 (ex N 592/2004 (ex PL 51/2004)) li l-Polonja qiegħda tippjana li timplimenta għall-Fabryka Samochodow Osobowych S.A. ex. DAEWOO — FSO Motor S.A.)

(notifikata taħt id-dokument numru C(2006) 6628)

(Il-verżjoni Pollakka biss hija awtentika)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2007/509/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel subinċiż ta’ l-Artikolu 88(a) tiegħu,

Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 62(1)(a) tiegħu,

Wara li talbet lill-partijiet interessati sabiex jissottomettu l-kummenti (1) tagħhom skond id-dispożizzjonijiet hawn fuq iċċitati,

Billi:

1.   PROĊEDURA

(1)

L-għajnuna mogħtija lil DAEWOO-FSO MOTOR S.A., li bidlet isimha għal Fabryka Samochodów Osobowych S.A. (iktar ‘il quddiem “FSO” jew “il-benefiċjarja”), ġiet innotifikata lill-Kummissjoni permezz ta’ ittra datata 30 ta’ April 2004 bħala għajnuna mogħtija qabel l-adeżjoni. B’ittra tad-19 ta’ Mejju 2004, il-Kummissjoni talbet lill-Polonja sabiex tissottometti ċerti dokumenti li kienu neqsin. Dawn ġew mogħtija fit-18 ta’ Ġunju 2004. Il-Kummissjoni talbet iżjed informazzjoni permezz ta’ ittra tat-2 ta’ Awwissu 2004, li l-Polonja wieġbet permezz ta’ ittra reġistrata fit-13 ta’ Settembru 2004; u b’ittra tas-6 ta’ Ottubru 2004, li l-Polonja wieġbet fit-3 ta’ Novembru 2004. Saret laqgħa fid-9 ta’ Novembru 2004.

(2)

Fil-5 ta’ Jannar 2005, l-awtoritajiet Pollakki aċċettaw li l-Kummissjoni kienet ser tittratta n-notifika tat-30 ta’ April 2004 ukoll bħala notifika taħt l-Artikolu 88 (3) tat-Trattat tal-KE fil-każ ta’ kwalunkwe miżuri li jinstabu li jikkostitwixxu għajnuna ġdida.

(3)

Permezz ta’ ittra tad-19 ta’ Jannar 2005, il-Kummissjoni nfurmat lill-Polonja li kienet iddeċidiet li tibda l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 88(2) tat-Trattat tal-KE fir-rigward ta’ l-għajnuna li ma kinitx ingħatat qabel l-adeżjoni u li kienet tikkostitwixxi għajnuna ġdida. Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tibda l-proċedura ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea tas-26 ta’ April 2005 (2). Il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati sabiex jissottomettu kummenti dwar il-miżuri. L-ebda parti terza ma ssottomettiet kummenti.

(4)

F’ittra tat-28 ta’ Frar 2005, li ġiet irreġistrata fl-1 ta’ Marzu 2005, l-awtoritajiet Pollakki talbu estensjoni tal-perjodu ta’ żmien sabiex jissottomettu l-kummenti tagħhom dwar il-ftuħ ta’ proċedura formali ta’ investigazzjoni. It-tweġiba parzjali tal-Polonja ġiet sottomessa permezz ta’ ittra ta’ l-1 ta’ April 2005, li ġiet irreġistrata fl-4 ta’ April 2005. Fl-istess ittra, il-Polonja talbet estensjoni tal-perjodu ta’ żmien għall-għoti ta’ informazzjoni addizzjonali meħtieġa sabiex il-pjan ta’ ristrutturar jiġi aġġornat sal-15 ta’ April 2005. Fl-ittra tagħhom tas-27 ta’ April 2005, irreġistrata fid-29 ta’ April 2005, l-awtoritajiet Pollakki reġgħu talbu estensjoni tat-terminu ta’ żmien għall-għoti ta’ informazzjoni supplimentari sat-13 ta’ Mejju 2005. Din ġiet sottomessa permezz ta’ ittra tal-31 ta’ Mejju 2005 u rreġistrata fit-2 ta’ Ġunju 2005 u kienet tinkludi verżjoni aġġornata tal-pjan ta’ ristrutturar. Ġew sottomessi kummenti addizzjonali permezz ta’ ittra tat-13 ta’ Ġunju 2005 u rreġistrata fl-14 ta’ Ġunju 2005.

(5)

B’ittra ta’ l-4 ta’ Awwissu 2005 li ġiet irreġistrata fit-8 ta’ Awwissu 2005, il-Polonja nfurmat lill-Kummissjoni li kien irnexxielha ssib investitur ġdid għal FSO. B’ittra tat-28 ta’ Settembru 2005 li ġiet irreġistrata fid-29 ta’ Settembru 2005, l-awtoritajiet Pollakki nfurmaw lill-Kummissjoni li pjan aġġornat għar-ristrutturar, li jinkludi d-deskrizzjoni tal-mudelli prodotti, kien ser jiġi ppreżentat f’Novembru 2005. B’ittra tas-16 ta’ Novembru 2005 li ġiet irreġistrata l-għada, il-Polonja ssottomettiet il-verżjoni Ingliża tal-valutazzjoni ta’ l-ishma ta’ FSO. Il-Kummissjoni talbet informazzjoni supplimentari fit-12 ta’ Diċembru 2005. L-awtoritajiet Pollakki ssottomettew aktar informazzjoni b’ittra tal-15 ta’ Diċembru 2005, li ġiet irreġistrata fid-19 ta’ Diċembru 2005, li fiha ġie sottomess l-aġġornament tal-pjan ta’ ristrutturar li kien ġie mħabbar. Fl-istess ittra, il-Polonja nfurmat lill-Kummissjoni li kienet se tipprovdi iżjed informazzjoni fil-ġimgħat li ġejjin. Fl-ittra tagħha tat-3 ta’ Jannar 2006, li ġiet irreġistrata fil-5 ta’ Jannar 2006, il-Polonja ssottomettiet tweġiba parzjali għat-talba għal informazzjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta’ Diċembru 2005 u talbet differiment sat-23 ta’ Jannar 2006 sabiex tipprovdi l-informazzjoni li kien fadal. B’ittra tas-26 ta’ Jannar 2006, li ġiet irreġistrata fit-30 ta’ Jannar 2006, il-Polonja ssottomettiet parti mill-informazzjoni addizzjonali u talbet estensjoni tat-terminu taż-żmien sas-6 ta’ Frar 2006. B’ittra ta’ l-14 ta’ Frar 2006 li ġiet irreġistrata fil-15 ta’ Frar 2006, il-Polonja pprovdiet il-punti neqsin fit-tweġiba għall-ittra tal-Kummissjoni tat-12 ta’ Diċembru 2005.

(6)

Fil-21 ta’ Frar 2006, fi Brussell, saret laqgħa bejn uffiċjali tal-Kummissjoni, l-awtoritajiet Pollakki, il-maniġment ta’ FSO u l-investitur AvtoZAZ. Wara l-laqgħa, fit-8 ta’ Marzu 2006, il-Kummissjoni bagħtet talba għal informazzjoni lill-Polonja. It-tweġiba tal-Polonja ntbagħtet b’ittra tas-6 ta’ April 2006, li ġiet irreġistrata l-għada. Il-Kummissjoni, b’ittra lill-Polonja tas-27 ta’ April 2006, akkordat estensjoni tat-terminu ta’ żmien għas-sottomissjoni tal-verżjoni finali tal-pjan ta’ ristrutturar sa l-20 ta’ Mejju 2006. L-informazzjoni ġiet sottomessa mill-awtoritajiet Pollakki b’ittra tat-22 ta’ Mejju 2006, li ġiet irreġistrata l-għada.

(7)

B’ittra tat-28 ta’ Ġunju 2006 u tad-29 ta’ Ġunju 2006, li t-tnejn ġew irreġistrati l-għada, l-awtoritajiet Pollakki infurmaw lill-Kummissjoni li kien għadu kemm ġie ffirmat mill-FSO ftehim għall-għoti ta’ liċenzja għall-produzzjoni ta’ mudell ta’ karrozza ġdida. Fid-29 ta’ Ġunju 2006, saret laqgħa ma’ l-awtoritajiet Pollakki.

(8)

Il-Kummissjoni, permezz ta’ ittra tal-5 ta’ Lulju 2006, talbet iżjed informazzjoni, li l-awtoritajiet Pollakki pprovdew b’ittra tad-19 ta’ Lulju 2006 u tas-27 ta’ Lulju 2006.

(9)

L-awtoritajiet Pollakki ssottomettew informazzjoni addizzjonali permezz ta’ ittra tat-30 ta’ Awwissu 2006 u waqt il-laqgħa tal-31 ta’ Awwissu 2006.

(10)

B’ittra tas-6 ta’ Settembru 2006, il-Kummissjoni talbet iżjed informazzjoni, li ngħatat b’ittra tat-3 ta’ Ottubru 2006, li ġiet irreġistrata l-għada. Il-Polonja infurmat lill-Kummissjoni li kienet se tipprovdi aktar informazzjoni fl-għaxart ijiem ta’ xogħol li kien imiss.

(11)

Il-Polonja ssottomettiet informazzjoni addizzjonali b’ittra tas-17 ta’ Ottubru 2006, li ġiet irreġistrata fid-19 ta’ Ottubru 2006. F’din l-ittra, l-awtoritajiet Pollakki talbu laqgħa mas-servizzi tal-Kummissjoni. Din il-laqgħa saret fi Brussell fis-7 ta’ Novembru 2006. L-awtoritajiet Pollakki, wara din il-laqgħa, bagħtu ittra fis-17 ta’ Novembru 2006.

2.   DESKRIZZJONI

2.1.   Il-Benefiċjarja ta’ l-għajnuna

(12)

FSO hija produttriċi Pollakka tal-karrozzi. L-impjant tal-produzzjoni ewlieni tal-kumpanija jinsab f’Varsavja, żona megħjuna skond l-Artikolu 87(3)(a) tat-Trattat tal-KE. Tipproduċi karrozzi tal-passiġġieri, spare parts u aċċessorji. Mill-aħħar tad-disgħinijiet, is-sors ewlieni tad-dħul tagħha kien il-produzzjoni ta’ vetturi tal-marka Daewoo Matiz u Lanos. FSO S.A. tikkontrolla 18-il sussidjarja (is-servizz, il-produzzjoni tal-komponenti, il-bejgħ) li niżlu minn […] (*1) fl-1999.

(13)

Il-predeċessura ta’ FSO kienet tinsab fil-Polonja sa mill-ħamsinijiet u kienet waħda mill-akbar żewġ produtturi tal-karrozzi Pollakki. Fl-1996 ġie konkluż ftehim ta’ impriża konġunta bejn Daewoo Motor Corporation Ltd. (“DMC”) u l-Ministeru ta’ l-Industrija u l-Kummerċ. Daewoo akkwistat 70 % ta’ l-entità li kienet għadha kemm ġiet imwaqqfa DAEWOO-FSO MOTOR S.A. Madwar 25 % tal-kumpanija kienet il-proprjetà tat-Teżor ta’ l-Istat u l-bqija kienet ta’ l-azzjonisti minoritarji. Minn dakinhar, l-isem tal-kumpanija nbidel għal Fabryka Samochodów Osobowych (“FSO”).

2.2.   Id-diffikultajiet u l-isforzi sabiex jinstab investitur strateġiku

(14)

Id-diffikultajiet ta’ FSO jirriżultaw l-aktar mill-falliment ta’ l-akbar azzjonist tagħha – DMC – fl-2000. Dan wassal għat-tnaqqis fit-talba tal-vetturi bil-marka Daewoo minħabba l-inċertezza tal-klijenti dwar id-destin ta’ FSO, id-disponibbiltà ta’ l-ispare parts u s-servizzi tat-tiswija. Minn barra dan, fil-bidu ta’ dan id-deċennju, FSO soffriet tnaqqis kbir fil-bejgħ ta’ vetturi ġodda fil-Polonja minħabba żieda sinifikanti fl-importazzjoni fil-Polonja ta’ vetturi użati mill-Punent ta’ l-Ewropa. Fl-aħħarnett, matul is-snin, iż-żewġ mudelli prodotti, peress li ma ġewx rinovati bħala mudelli kompetittivi, saru inqas attraenti fis-suq ta’ l-UE. B’konsegwenza ta’ dak imsemmi hawn fuq, il-bejgħ ta’ FSO niżel minn 189 000 karrozza (li minnhom 179 000 inbiegħu fil-Polonja) fl-1999 għal 47 000 fl-2001. FSO soffriet telf nett fl-2000, l-2001 u l-2002 li kien jammonta għal PLN 2.1 biljun (EUR 540 miljun (3)), PLN 1.1 biljun (EUR 282 miljun) u PLN 425 miljun (EUR 109 miljun) rispettivament. Fl-aħħar snin, il-maġġoranza kbira tal-karrozzi prodotti kienu Lanos li ġew esportati lejn l-Ukraina [f’kittijiet għall-immuntar] u mmuntati u mibjugħa minn AvtoZAZ li kienet bdiet kooperazzjoni kummerċjali ma’ FSO fl-2000. Il-bejgħ totali baqa’ f’livell baxx ħafna u l-kumpanija kompliet tirreġistra telf fl-operat.

Tabella 1.

 

1999

2000

2001

2002

2003

2004

2005

Bejgħ Totali (1) (1 000 karrozza inklużi l-kittijiet għall-immuntar)

189

121

47

30

35

43

47

(15)

Xi partijiet (notevolment l-isem tad-ditta u xi impjanti ta’ produzzjoni Ażjatiċi) tal-kumpannija falluta DMC, iżda mhux FSO, inxtraw minn General Motors u tqegħdu f’sussidjarja ġdida msejħa GM DAT, li tfisser General Motors Daewoo Auto & Technology.

(16)

FSO ilha tfittex investitur strateġiku sa minn meta bdew il-problemi. Fi Frar 2004, ikkuntattjat l-akbar 29 kumpanija tal-karrozzi u bagħtitilhom memorandum li fih preżentat lilha nnifisha bħala opportunità attraenti għall-investiment. [Xi] kumpaniji, AvtoZAZ, […], [esprimew] fi prinċipju l-interess tagħhom li jinvestu f’FSO. L-AvtoZAZ, il-konsumatur ewlieni ta’ FSO, esprima interess konkret f’kooperazzjoni usa’ ma’ FSO. Il-gvern Pollakk beda negozjati eskussivi ma’ AvtoZAZ għall-bejgħ ta’ FSO.

(17)

AvtoZAZ hija l-akbar produttriċi tal-karrozzi ġewwa l-Ukraina. Din il-kumpanija tarma karrozzi ta’ diversi marki, fosthom ZAZ (il-marka tagħha stess), Daewoo, VAZ (marka tal-kumpanija Russa Lada) u Opel (4). Hija l-proprjetà ta’ UKRAVTO, li hija s-sid ta’ l-ikbar netwerk tad-distribuzzjoni tal-karrozzi u tal-pompi tal-petrol fl-Ukraina. UKRAVTO tiddistribwixxi diversi marki fosthom ZAZ, Daewoo, Chevrolet, VAZ u Opel.

(18)

Fil-25 ta’ Ġunju 2004, ġiet iffirmata Ittra ta’ Intenzjoni bejn it-Teżor ta’ l-Istat, AvtoZAZ u FSO. Il-Kunsill tal-Ministri approva, permezz ta’ riżoluzzjoni tad-9 ta’ Novembru 2004, il-bejgħ ta’ l-ishma ta’ FSO li kienu l-proprjetà tat-Teżor ta’ l-Istat. FSO u t-Teżor ta’ l-Istat qablu li jaħtru lil KPMG bħala konsulent indipendenti sabiex jagħmel valutazzjoni tal-kumpanija. Ġew applikati l-metodu ta’ l-ispejjeż (il-valur fuq il-kotba ta’ l-assi u r-responsabbiltajiet, b’korrezzjoni fejn kien neċessarju) u l-metodu tal-likwidazzjoni (il-valur fis-suq tal-bejgħ furzat ta’ l-assi ta’ FSO wara li jitnaqqas il-passiv). Fiż-żewġ każijiet, il-valur ta’ l-ishma ta’ FSO kien fin-negattiv. Fl-istess ħin, it-Teżor ta’ l-Istat għażel it-tieni konsulent indipendenti (PriceWaterhouseCoopers) sabiex iwettaq l-istima tiegħu. Dan ikkonferma l-ewwel stima.

(19)

Il-ftehim tal-bejgħ ma’ AvtoZAZ (5) ġie iffirmat fit-30 ta’ Ġunju 2005 għall-prezz totali ta’ PLN 100. Skond dan il-ftehim, AvtoZAZ trid jimplimenta l-pjan kummerċjali nnegozjat mat-Teżor ta’ l-Istat. Dan ikopri l-perjodu 2005 – […] u jippjana t-tnedija tal-produzzjoni ta’ mudell ta’ karrozza ġdid, iż-żieda fil-volum ta’ produzzjoni u ż-żamma ta’ livell minimu ta’ impjiegi. Il-ftehim jindika li l-għajnuna mill-Istat, li hemm fil-pjan ta’ ristrutturar li ġie nnotifikat lill-Kummissjoni, se tingħata mill-gvern Pollakk, jekk din tiġi approvata mill-Kummissjoni. Ix-xerrej jiddikjara li l-għoti ta’ l-għajnuna mill-Istat lil FSO kienet waħda mill-kundizzjonaijiet għad-deċiżjoni tiegħu li jixtri l-ishma tal-kumpanija.

(20)

Sadanittant, AvtoZAZ xtrat (bi skont) minn […] li kienu kredituri ta’ FSO, 100 % tal-pretensjonijiet pendenti kontra FSO, li kienu jirrappreżentaw ammont nominali ta’ kważi […].

2.3.   Is-swieq (6)

(21)

Fl-1999, il-bejgħ ta’ vetturi ġodda fil-Polonja kien jammonta għal 640 000 u s-sehem tas-suq ta’ FSO kien 28 %, u b’hekk, dak iż-żmien, kienet il-produttriċi tal-karrozzi ewlenija fil-Polonja. Fl-2003, in-numru tal-karrozzi mibjugħa ġewwa l-Polonja niżel għal 358 000 u s-sehem tas-suq ta’ FSO ma kienx aktar minn 2.2 % (inqas minn 8 000 karrozzi mibjugħa). Fl-2004, FSO biegħet biss 3 500 karrozza fil-Polonja. Il-kompetituri ewlenin ta’ FSO fil-Polonja (u fl-Ewropa) huma Fiat, Skoda, Renault, Toyota, Opel, Peugeot, Ford, Volkswagen u Citroen. Fis-suq Pollakk, il-proporzjon tal-bejgħ tal-vetturi importati żdied minn 25 % fl-1998 għal 75 % fl-2003.

(22)

Meta wieħed iqis l-Unjoni Ewropea, il-kapaċità ta’ produzzjoni fl-2004 (25 Stat Membru) kienet ta’ 20.8 miljun karrozza, waqt li l-volum tal-produzzjoni kien biss ta’ 14.5 miljun karrozza. B’rata ta’ użu tal-kapaċità ta’ produzzjoni ta’ 70 %, l-industrija għalhekk qegħda tbati minn kapaċitajiet żejda importanti. Waqt li l-livell tal-bejgħ ta’ FSO fl-1999 kien jikkorrispondi għall-sehem fis-suq ta’ l-UE ta’ iżjed minn 1 %, il-produzzjoni ta’ FSO fl-2004 kienet tirrappreżenta sehem fis-suq ta’ inqas minn 0.5 %.

(23)

Sa mill-2003, il-parti l-kbira tal-produzzjoni ta’ FSO tinxtara minn AvtoZAZ u tinbiegħ fis-suq ta’ l-Ukraina. Il-bejgħ ta’ karrozzi ġodda fl-Ukraina żdied b’rata mgħaġġla f’dawn l-aħħar snin. Mill-2001 sa l-2005 żdied minn 65 000 għal 265 000. F’dan il-pajjiż, il-karrozzi Daewoo prodotti minn FSO qegħdin jaffrontaw kompetizzjoni minn dawn id-ditti: VAZ (Lada), ZAZ, Chevrolet u mudelli oħra tad-Daewoo mhux prodotti minn FSO. Skoda, Opel, Toyota, Mitsubishi, Nissan, Renault u VW huma preżenti f’dan is-suq iżda għandhom ishma tas-suq iżjed limitati.

(24)

FSO tippjana wkoll li tesporta parti mill-produzzjoni tagħha lejn […]. Il-bejgħ tal-karrozzi fl-[…] kien ta’ madwar 1.6 miljun karrozza fl-2005. Il-marki domestiċi għandhom 72.5 % tas-sehem tas-suq waqt li l-karrozzi impurtati jkopru 27.5 % tal-bejgħ. Il-kwalità baxxa u d-disinn qadim tal-marki tal-karrozzi […] iżda wasslu għall-żieda permanenti fl-importazzjonijiet. Barra minn hekk, il-manifatturi tal-karrozzi barranin qegħdin jibnu faċilitajiet fil- […]. Xi 40 % tal-kumpaniji tal-karrozzi tal-punent diġà stabbilew fabbriki fiż-żona u 16 % oħra qegħdin jippjanaw li jagħmlu dan.

2.4.   Il-pjan ta’ ristrutturar

(25)

Kif jidher f’Tabella 2, il-meniġment beda l-attivitajiet ta’ ristrutturar ta’ FSO S.A. u s-sussidjarji tagħha hekk kif is-sitwazzjoni marret għall-agħar fl-2000, wara l-falliment ta’ DMC. Il-forza tax-xogħol ta’ FSO reġgħet ġiet imnaqqsa bi 2 222 ħaddiem bejn Jannar 2001 u Settembru 2003. Il-pjan ta’ ristrutturar innotifikat lill-Kummissjoni f’April 2004 (il-“pjan ta’ ristrutturar inizjali”) li nbeda fl-aħħar ta’ l-2003, u li għandu jitlesta fl-2007, jippjana tnaqqis addizzjonali ta’ 1 100 impjegat fin-numru tal-ħaddiema ta’ FSO S.A., u b’hekk dawk impjegati fit-tul għandhom ikunu madwar 2 000 ħaddiem. Minn dakinhar dan ġie implimentat fil-maġġorparti tiegħu. Il-forza tax-xogħol niżlet għal 2 200 persuna fl-aħħar ta’ l-2005. Sadanittant, l-awtoritajiet Pollakki ħabbru li l-livell ta’ l-aħħar jikkorrispondi għall-għan ġdid għal perjodu ta’ żmien twil. Is-sussidjarji kkontrollati minn FSO ġew ukoll ristrutturati kompletament matul dawn is-snin u l-forza tax-xogħol ġiet imnaqqsa b’mod konsiderevoli.

Tabella 2 (7)

Il-Forza tax-xogħol fl-aħħar tas-sena

 

1999

2000

2001

2002

2003

2004

2005

FSO S.A.

8 769

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

2 236

Servizz, komponenti, u sussidjarji oħra

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

Il-bejgħ tas-sussidjarji

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

Total

FSO S.A. + Sussidjarji

19 099

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

6 534

(26)

Il-pjan inizjali ta’ ristrutturar, li ġie nnotifikat lill-Kummissjoni fit-30 ta’ April 2004, kien ibbażat fuq il-kundizzjoni li qabel l-2006 jinstab investitur strateġiku għal FSO. Peress li l-mument tad-dħul ta’ l-investitur ma kienx ċar meta ġie ppreparat il-pjan ta’ ristrutturar, inizjalment kien jinkludi żewġ varjanti alternattivi. Matul l-2004, meta d-dħul ta’ investitur potenzjali sar iżjed ċar, FSO ikkonfermat l-ewwel varjant ta’ ristrutturar, avolja d-dati mmirati kellhom jiġu ttardjati xi ftit. Inkludiet il-miżuri li ġejjin:

Estensjoni tad-drittijiet għall-produzzjoni ta’ Matiz u Lanos sa l-aħħar ta’ l-2006 (il-ftehim għall-għoti ta’ liċenzja ġie effettivament iffirmat mal-GM DAT f’April 2004),

Id-dħul ta’ AvtoZAZ bħala investitur strateġiku qabel ma’ jkunu għaddew l-ewwel tliet xhur ta’ l-2005 (qabel l-aħħar ta’ l-2004),

Il-produzzjoni ta’ mudell modifikat ta’ Lanos mill-2005 ‘l quddiem (li qabel ma kinitx ġiet imsemmija),

L-iżvilupp ta’ żewġ mudelli ġodda tagħha stess, u l-produzzjoni għandha tibda mill-2007 (qabel 2005/2006).

(27)

Fil-pjan inizjali ta’ ristrutturar, FSO ippjanat li fit-tul tipproduċi [bejn 130 000 u 170 000] karrozza. Bi qbil ma’ l-għan ta’ produzzjoni fit-tul tagħha, ippjanat li tillimita b’terz il-kapaċità ta’ produzzjoni eżistenti jiġifieri minn [200 000-230 000] vettura kull sena – fuq il-bażi ta’ żewġ xiftijiet u 250 ġurnata ta’ xogħol – għal [140 000-170 000]. Mill-2001, din il-kapaċità eżistenti intużat b’mod limitat (inqas minn 25 %). Wara r-ristrutturar, huwa stmat mill-awtoritajiet Pollakki li l-punt fejn FSO ma tagħmilx telf huwa ta’ [100 000-150 000] karrozza (8).

(28)

Fis-sottomissjonijiet suċċessivi tagħhom, l-awtoritajiet Pollakki nfurmaw lill-Kummissjoni dwar id-dewmien fl-implimentazzjoni tal-pjan inizjali ta’ ristrutturar u li l-għanijiet intermedjarji tal-bejgħ ma kinux intlaħqu.

(29)

Fl-2005, il-pjan ta’ ristrutturar ġie mmodifikat fis-sens li FSO ma kinitx qegħda tippjana iżjed li tiżviluppa l-mudelli ġodda tagħha stess, iżda minflok kienet se tipproduċi mudell eżistenti ta’ manifattur kbir tal-karrozzi, imsejjaħ “entità li tagħti l-liċenzja”, li m’għandiex tiġi mħawwda ma’ “l-investitur”, AvtoZAZ. Il-komponenti kollha għall-produzzjoni tagħhom għalhekk ikunu diġà disponibbli u l-ispejjeż ta’ l-investiment ikunu limitati għall-aġġustamenti teknoloġiċi għal-linji ta’ produzzjoni eżistenti ta’ FSO, sabiex jippermettu l-produzzjoni tal-mudell il-ġdid. FSO, għalhekk, sabiex tikseb dan il-pjan ġdid, kellha bżonn tattira entità li tagħti l-liċenzji.

(30)

Il-Kummissjoni tosserva li din il-modifika fil-pjan ta’ ristrutturar – li minbarra investitur tattira wkoll entità li tagħti liċenzja – saret neċessarja peress li FSO ma rnexxilhiex tattira manifattur kbir tal-karrozzi bħala investitur, li miegħu FSO setgħet tiżviluppa mudell ġdid, kif inkluż fil-pjan ta’ ristrutturar inizjali. L-investitur – AvtoZAZ – ma żviluppax mudelli tiegħu stess li huma kompetittivi fis-suq ta’ l-UE.

(31)

Wara li ġie mmodifikat skond l-iżvilupp tan-negozjati ma’ l-investitur, il-pjan ta’ ristrutturar mbagħad ġie modifikat skond l-iżvilupp tan-negozjati ma’ entitajiet potenzjali li jagħtu l-liċenzji.

(32)

Fil-verżjoni tal-pjan ta’ ristrutturar bid-data ta’ Novembru 2005, l-awtoritajiet Pollakki ndikaw li kienet se tiġi mwaqqfa sussidjarja ġdida ta’ FSO […].

(33)

Fl-[…] 2006, FSO u l-azzjonista tagħha UkrAvto ffirmaw Memorandum ta’ Ftehim ma’ GM DAT għall-produzzjoni ta’ mudell ġdid minn FSO.

(34)

Fl-aħħarnett, fl-[…] 2006, FSO u UkrAvto kkonkludew […] ftehim ma’ GM DAT għall-produzzjoni u l-[…] tal-mudell […] (Chevrolet Aveo). GM kienet qiegħda tfittex kapaċitajiet ġodda fl-[…] għall-produzzjoni ta’ dan il-mudell. Skond it-termini tal-kuntratt, FSO tista’ timmanifattura u timmonta dan il-mudell sal- […]. Tista’ tbiegħu sal-[…] fi […].

(35)

Fl-istess ħin, FSO iffirmat estensjoni ma’ GM DAT li kienet tmur lil hinn mill-[…] tal-ftehim eżistenti ta’ l-għoti tal-liċenzja għall-produzzjoni ta’ Daewoo Lanos. Skond il-kuntratt il-ġdid, FSO tista’ tipproduċi dan il-mudell sa […] u tbiegħu sa […]. Peress li l-bejgħ tal-Lanos […] żdied fl-2005 u fl-2006, FSO beħsiebha tipproduċi dan il-mudell qadim fi kwantitajiet sostanzjali sakemm tibda l-produzzjoni tal-[…] fl-aħħar tal-[…].

(36)

Fis-sottomissjonijiet ta’ informazzjoni riċenti tagħhom, l-awtoritajiet Pollakki ndikaw li FSO, b’kuntrarju ta’ dak li kien ġie imħabbar qabel, tippjana li fit-tul tbiegħ [130 000 – 170 000] karrozza, b’mod partikolari wara l-2008. Parti minn din il-produzzjoni għandha tinbiegħ fil-[…]. Ħafna mill-parti li jkun fadal ser tinbiegh fl-[…].

(37)

Fl-aħħarnett, fil-każ tar-ristrutturar finanzjarju, li hija parti mill-pjan ta’ ristrutturar, mill-2003 ttieħdu u ġew implimentati miżuri sabiex jitnaqqas id-dejn tal-kumpanija. L-ewwel, fit-22 ta’ Settembru 2003, ġie ffirmat ftehim bejn il-kredituri ewlenin ta’ FSO, jiġifieri DMC, it-Teżor ta’ l-Istat u l-[…] istituzzjonijiet finanzjarji (fosthom […] il-banek Pollakki). Il-ftehim stabbilixxa r-rati tal-kambju tal-pretensjonijiet ta’ DMC u tat-Teżor ta’ l-Istat f’ishma ta’ FSO bl-istess rata ta’ kambju. Din il-bidla saret minn dakinhar. L-istituzzjonijiet finanzjarji […] kellhom jaħfru l-maġġoranza tal-pretensjonijiet tagħhom kontra FSO. Kif ġie indikat minn dakinhar, il-banek […] biegħu (bi skont) lill-investitur il-pretensjonijiet li kien fadlilhom kontra FSO. Diġà ġew maħfura iżjed minn PLN […] miljun […]. Minbarra dan il-ftehim mal-kredituri l-kbar tagħha, FSO ippreżentat rikors fil-qorti fis-17 ta’ Settembru 2003 sabiex tibda proċeduri ta’ arranġament, li kellhom x’jaqsmu mal-kredituri ż-żgħar ta’ FSO. Dawn il-proċeduri sadanittant ġew konklużi.

Tabella 3.

Ir-ristrutturar tal-passiv

Partita

Passiv

(PLN ‘000)

Interessi

(PLN ‘000)

Totali

(PLN ‘000)

Mibdula f’ishma

(PLN ‘000)

Maħfura

(PLN ‘000)

DMC

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

Teżor ta’ l-Istat

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

Proċeduri ta’ Arranġament

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

[…] istituzzjonijiet finanzjarji

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

Total

4 193 892

873 849

5 067 741

3 547 475

1 188 500

L-ammont tal-passiv fis-self ġie kkwotat bi qbil mal-ftehim (meta titqies ir-rata tal-kambju tal-USD fid-data tal-Ftehim jiġifieri 3.94 PLN/USD).

[…]

2.5.   Il-miżuri ta’ għajnuna

(38)

Fid-deċiżjoni tagħha ta’ ftuħ tal-proċedura formali ta’ investigazzjoni, il-Kummissjoni kkonkludiet li diġà kienu ttieħdu diversi miżuri li jikkostitwixxu għajnuna ta’ ristrutturar qabel l-adeżjoni, fl-aħħar tliet xhur ta’ l-2003 u fl-ewwel erba’ xhur ta’ l-2004. Dawn il-miżuri, għalhekk, mhumiex soġġetti għal din il-proċedura ta’ investigazzjoni li tikkonċerna biss il-miżuri ta’ għajnuna ppjanati li jingħataw qabel l-adeżjoni. L-għajnuna mogħtija qabel l-adeżjoni iżda trid tittieħed f’kunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tal-kumpatibbiltà, b’mod partikolari meta ssir evalwazzjoni li l-għajnuna qegħda tingħata skond il-minimu neċessarju.

(39)

L-ikbar parti ta’ l-għajnuna mogħtija wara l-adeżjoni tieħu l-forma ta’ […] % garanzija mill-Istat fuq is-self futur għall-investiment lil […]. Is-self mill-bank se jiġi indikat f’dollari Amerikani u f’ammont ta’ USD […] miljun (EUR […] miljun (9)). Il-garanzija għalhekk tesponi lill-Istat għall-pagamenti potenzjali li jammontaw għal USD 83 miljun (EUR 66 miljun) (10) It-tieni miżura importanti hija l-maħfra mill-Ministeru tal-Finanzi tal-pretensjonijiet kontra FSO li jammontaw għal PLN 34 860 000 (EUR 9 miljun).

(40)

Il-miżuri differenti huma mniżżla fit-tabella li jmiss, fuq il-bażi tas-sottomissjoni tat-3 ta’ Jannar 2006 mill-awtoritajiet Pollakki (11):

Tabella 4:

“Għajnuna mill-Istat wara l-adeżjoni”

Nru

L-Awtorità li tagħti l-għajnuna

mill-Istat/It-tip ta’ passiv

It-tip ta’ għajnuna mill-Istat

Miżura f’valur nominali

(1 000 USD)

1

Il-Ministeru tal-Finanzi

Garanziji u Rahan fuq il-kreditu għall-investiment

83 000


Nru

L-Awtorità li tagħti l-għajnuna

mill-Istat/It-tip ta’ passiv

It-tip ta’ għajnuna mill-Istat

L-ammont ta’ dejn maħfur jew pospost/miżuri f’valur nominali

(1 000 PLN)

2

L-Uffiċċju tat-Taxxa Varsavja Praga

Maħfra

34 860

3

L-Istitut ta’ l-Assigurazzjoni Soċjali

Maħfra

1 586

4

Il-Fond ta’ l-Istat għar-Riabilitazzjoni ta’ Persuni b’Disabilità

Ħlasijiet lil PFRON

Maħfra, Posponiment f’5 ħlasijiet ta’ kull tliet xhur L-ewwel ħlas: 30 ta’ Ġunju 2005

467

382

5

Il-Fond ta’ l-Istat għar-Riabilitazzjoni ta’ Persuni b’Disabilità

Ħlasijiet lil PFRON

Maħfra, Posponiment f’6 ħlasijiet ta’ kull tliet xhur L-ewwel ħlas ikun dovut fl-1 ta’ Jannar 2006

375

375

6

Il-Belt ta’ Varsavja Taxxa fuq il-proprjetà

Posponiment għal 12-il ħlas ta’ kull xahar

L-ewwel ħlas ikun dovut fit-2 ta’ Jannar 2006

5 836

7

Il-Belt ta’ Varsavja

Id-Distrett ta’ Białołęka

Ħlas għal ċens perpetwu ta’ l-art

Posponiment tal-ħlas sal- fil-31 ta’ Diċembru 2005.

376

8

L-Uffiċċji Muniċipali tal-Belt ta’ Varsavja

Ħlas għaċ-ċens perpetwu ta’ l-art

Posponiment tal-ħlas sal- fil-31 ta’ Diċembru 2005.

2 022

9

L-Uffiċċju Starost tad-Distrett f’Ełk

Ħlas għaċ-ċens perpetwu ta’ l-art

Posponiment tal-ħlas sal- fil-31 ta’ Diċembru 2005.

56

10

L-Uffiċċju tal-Belt ta’ Elk

Taxxa fuq il-proprjetà

Posponiment għal 12-il ħlas ta’ kull xahar responsabbiltajiet għall-April, Mejju 2004

L-ewwel ħlas ikun dovut fil-31 ta’ Diċembru 2004

54

11

L-Uffiċċju tal-Belt ta’ Elk

Taxxa fuq il-proprjetà

Posponiment għal 12-il ħlas ta’ kull xahar

L-I ħlas għandu jkun dovut fit-30 ta’ Ġunju 2005

323

12

L-Uffiċċju tal-Belt ta’ Kożuchów

Taxxa fuq il-proprjetà

Posponiment għal 12-il ħlas ta’ kull xahar

L-ewwel ħlas ikun dovut fl-1 ta’ Jannar 2005

458

13

Gvernatur Provinċjali ta’ Mazowiecki

Ħlas għaċ-ċens perpetwu ta’ l-art

Maħfra tad-dejn għall-2004

2 419

14

Il-Belt ta’ Varsavja

Ħlas għaċ-ċens perpetwu ta’ l-art

Maħfra tad-dejn għall-2004

397

15

L-Uffiċċju Starost tad-Distrett f’ Opole

Ħlas għaċ-ċens perpetwu ta’ l-art

Posponiment tal-ħlas sal- fil-31 ta’ Diċembru 2004.

79

16

L-Uffiċċju Starost tad-Distrett f’ Opole

Ħlas għaċ-ċens perpetwu ta’ l-art

Posponiment tal-ħlas sal- fil-31 ta’ Diċembru 2005.

79

17

L-Uffiċċju Starost tad-Distrett f’Nysa

Ħlas għaċ-ċens perpetwu ta’ l-art

Posponiment tal-ħlas sal- fil-31 ta’ Diċembru 2004.

89

18

L-Uffiċċju Starost tad-Distrett f’Nysa

Ħlas għaċ-ċens perpetwu ta’ l-art

Posponiment tal-ħlas sal- fil-31 ta’ Diċembru 2005.

81

19

L-Uffiċċju tal-Belt ta’ Nysa

Taxxa fuq il-proprjetà

Maħfra, Posponiment tal-ħlasijiet li jitħallsu f’16-il ħlas ta’ kull tliet xhur

341

341

20

It-tieni Uffiċċju tat-Taxxa Mazowiecki f’Varsavja

Taxxa fuq it-Tranżazzjonijiet tal-liġi ċivili

Maħfra

1 103

21

It-tieni Uffiċċju tat-Taxxa Mazowiecki f’Varsavja

Taxxa fuq it-Tranżazzjonijiet tal-liġi ċivili

Maħfra

671

22

It-tieni Uffiċċju tad-Dwana f’Varsavja

Dwana

Posponiment tal-ħlasijiet għal Mejju, Ġunju 2004 sa Diċembru 2004

1 050

23

It-tieni Uffiċċju tad-Dwana f’Varsavja

Dwana

Posponiment tal-ħlasijiet għal-Lulju, Awwissu 2004 sa Jannar 2005

1 000

24

Fond Nazzjonali għall-Protezzjoni ta’ l-Ambjent u l-Ġestjoni ta’ l-Ilma/Fond Provinċjali għall-Protezzjoni ta’ l-Ambjent u t-Teżor ta’ l-Istat

għall-Maniġment ta’ l-Ilma

Sussidju jew self preferenzjali sabiex jiġu ffinanzjati l-ispejjez għall-implimentazzjoni u l-ħidma, sa l-aħħar ta’ l-2008, ta’ sistema sabiex jiġu riċiklati l-vetturi u l-ispejjeż sabiex isir adattament għar-rekwiżiti legali fl-iskop tal-protezzjoni ambjentali.

7 170

 

 

TOTAL f’PLN (linji 2-24)

61 990

(41)

Il-miżuri ta’ għajnuna li ġew innotifikati jammontaw għall-USD 83 miljun (EUR 66 miljun) u PLN 62 miljun (EUR 16 miljun). Bir-rata tal-kambju ta’ l-20 ta’ Ottubru 2006, il-miżuri totali ta’ għajnuna għalhekk jammontaw għal EUR 82 miljun jew PLN 318 miljun.

(42)

Numru importanti ta’ miżuri ta’ għajnuna għalhekk huma fil-forma ta’ rinunzji jew posponimenti tal-pretensjonijiet eżistenti ta’ l-Istat kontra FSO. Peress li skond l-informazzjoni li kellha l-Kummissjoni, il-ħlas ta’ dawn il-pretensjonijiet minn FSO kien għadu ma sarx, FSO kienet diġà bbenefikat mis-sospensjoni tar-rifużjoni ta’ dan il-passiv. B’riżultat ta’ dan, jista’ jitqies li dawn il-miżuri kienu diġà ġew parzjalment implimentati.

2.6.   Il-bażi sabiex tinbeda l-proċedura

(43)

Fid-deċiżjoni tagħha ta’ ftuħ tal-proċedura, il-Kummissjoni indikat li l-kumpatibbiltà ta’ l-għajnuna l-ġdida kienet se tiġi evalwata fuq il-bażi tal-linji gwida applikabbli ta’ salvataġġ u ristrutturar. Il-Linji Gwida attwali tal-Komunità dwar l-għajnuna li jagħti l-istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar tal-kumpaniji li jkunu f’diffikultà (12) (“il-linji gwida għall-2004”) daħlu fis-seħħ fl-10 ta’ Ottubru 2004. Għall-miżuri nnotifikati qabel din id-data, japplikaw il-linji gwida preċedenti ta’ salvataġġ u ristrutturar ta’ l-1999 (13) (“il-linji gwida”). Peress li l-miżuri ġew innotifikati fid-29 ta’ April 2004, japplikaw il-linji gwida ta’ l-1999. Il-Kummissjoni għalhekk għamlet stima inizjali ta’ l-għajnuna (l-ġdida) notifikata fuq il-bażi tal-kriterji stabbiliti f’dawn il-linji gwida.

(44)

Il-Kummissjoni kkonkludiet, l-ewwelnett, li FSO, minħabba t-telf u t-tnaqqis fil-bejgħ li għaddiet minnu fis-snin preċedenti, kienet tikkwalifika bħala kumpanija f’diffikultà skond it-taqsima 2.1 tal-linji gwida.

(45)

Fir-rigward tar-restawr tal-vijabilità, il-Kummissjoni esprimiet tħassib dwar ċerti aspetti tal-pjan. Element wieħed ta’ dan it-tħassib kellu x’jaqsam man-nuqqas ta’ ċarezza fil-livell ta’ produzzjoni ppjanat. Il-Kummissjoni rrimarkat ukoll li ma kellhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-pjan aġġornat ta’ ristrutturar, li skond l-awtoritajiet Pollakki kien ġie nnegozjat ma’ l-investitur. Ta’ importanza wkoll kienet l-indikazzjoni tal-Kummissjoni li ma kinitx irċeviet mingħand l-awtoritajiet Pollakki servej tas-suq. Indikat li dan ta’ l-aħħar ikollu jinkludi stima tal-kapaċità totali ta’ produzzjoni u t-talba fuq il-livell tal-komunità, u kellu jikkonkludi jekk hemmx eċċess tal-kapaċità fis-suq.

(46)

Biex jiġi evitat li l-kompetizzjoni tiġi affettwata b’mod eċċessiv, il-Kummissjoni ndikat li ma setgħetx tieħu pożizzjoni finali, għaliex, fl-ewwel lok, l-awtoritajiet Pollakki ma kinux ipprovdew indikazzjonijiet jekk hemmx produzzjoni żejda fis-suq li fih topera FSO. Fit-tieni lok, il-Polonja ma kinitx indikat miżuri potenzjali li FSO u/jew l-investitur kienu qegħdin jippjanaw li jaddottaw li kienu jmorru lil hinn mit-tnaqqis tal-kapaċità, li diġà kien ġie meqjus fil-pjan ta’ ristrutturar bħala neċessarju sabiex tinkiseb vijabilità, u li setgħu jitqiesu bħala miżuri ta’ kumpens.

(47)

Fil-każ tal-limitazzjoni ta’ l-għajnuna għall-minimu neċessarju, il-Kummissjoni talbet iżjed dettalji dwar il-miżuri li huma meqjusa bħala l-kontribut tagħha stess, kif ukoll dettalji dwar l-ispejjeż għar-ristrutturar. Il-Kummissjoni esprimiet ukoll tħassib dwar jekk l-għajnuna kinitx ġiet illimitata għal minimu neċessarju peress li l-kundizzjonalità ta’ ċerti miżuri ta’ għajnuna kienu jindikaw li dawn ma kinux assolutament neċessarji.

(48)

Fl-aħħarnett, il-Kummissjoni nnutat li l-ftehim għar-ristrutturar tad-dejn li sar mal-kredituri pubbliċi fit-22 ta’ Settembru 2003 seta’ jinkludi l-għajnuna mogħtija qabel l-adeżjoni. Din l-għajnuna potenzjali, anke jekk il-kumpatibbiltà tagħha ma tistax tiġi evalwata u ma tistax tiġi rkuprata, trid xorta waħda tittieħed f’kunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni ta’ l-għajnuna ġdida.

3.   IR-REAZZJONIJIET TAL-POLONJA

(49)

Fir-rigward tal-figuri kontradittorji dwar il-livelli ppjanati ta’ produzzjoni fis-snin 2005 u 2006, l-awtoritajiet Pollakki spjegaw, fl-ittra tagħhom tat-13 ta’ Ġunju 2005, li minħabba d-dewmien fid-dħul ta’ l-investitur fil-kumpanija, il-figuri kienu ġew imnaqqsa fil-verżjonijiet suċċessivi tal-pjan ta’ ristrutturar. Huma indikaw li punt fejn ma jsirx telf, stmat għal madwar [100 000 – 150 000] karrozza, għandu jintlaħaq fi […]. Fl-ittra tagħhom tat-22 ta’ Mejju 2006, l-awtoritajiet Pollakki pprovdew l-previżjonijiet tal-bejgħ għas-snin 2008 sa 2010. Fid-dokumenti sottomessi waqt il-laqgħa tal-31 ta’ Awwissu 2006, l-awtoritajiet Pollakki ħabbru l-previżjonijiet għas-snin 2006 sa l-2008, li kkonfermaw il-figuri preċedenti.

Tabella 5.

Il-previżjonijiet tal-produzzjoni

(1 000 karrozza)

2006

2007

2008

2009

2010

Ittra tat-22 ta’ Mejju 2006 (14)

 

 

[…]

[…]

[> 200]

Dokument tal-31 ta’ Awwissu 2006 (Previżjonijiet tal-produzzjoni li jinkludu l-kittijiet għall-immuntar)

[< 100]

[…]

[…]

 

 

(50)

Fl-ittra tagħhom tat-3 ta’ Ottubru 2006, l-awtoritajiet Pollakki ssottomettew previżjoni miżjuda b’mod sostanzjali għas-snin 2008 sa -2010. Skond dawn ta’ l-aħħar, il-produzzjoni annwali għandha tkun (‘il fuq minn 250 000] karrozza matul dan il-perjodu.

(51)

Kif ġiet mitluba tagħmel fid-deċiżjoni tal-ftuħ, il-Polonja ssottomettiet il-verżjoni aġġornata tal-pjan ta’ ristrutturar fil-31 ta’ Mejju 2005. Il-Polonja, minn dakinhar, reġgħet issottomettiet verżjonijiet aktar ġodda. Il-pjan ta’ ristrutturar jinkludi deskrizzjonijiet tas-swieq li fihom taħdem FSO. Kif diġà ġie indikat qabel, juri li hemm kapaċitajiet żejda konsiderevoli fl-UE.

(52)

Fir-rigward tal-proposti għal miżuri ta’ kumpens, il-Polonja tindika li, l-ewwel, FSO b’mod intenzjonali tippjana li tillimita l-produzzjoni u l-bejgħ tagħha għal-livell ta’ [140 000 - 170 000] karrozza sa l-2008, minkejja li għandha l-kapaċità li tipproduċi [200 000 - 230 000] karrozza u l-possibiltajiet reali li tikseb iżjed bejgħ minn [140 000 - 170 000] karrozza. Minn barra dan, FSO illimitat wkoll in-netwerk tal-bejgħ tagħha billi naqset in-numru tal-ħwienet li jbiegħu l-karrozzi minn […] fl-2003 għal […] fl-2006. Il-kumpanija llikwidat ukoll żewġt iħwienet. It-tielet, il-kumpanija tillimita n-numru tal-pajjiżi li lejhom tesporta l-prodotti tagħha.

(53)

Fir-rigward tal-limitazzjoni ta’ l-għajnuna għall-minimu neċessarju, l-awtoritajiet Pollakki pprovdew diversi dokumenti dwar l-ammonti kkunsidrati bħala l-kontribuzzjoni tagħhom stess.

(54)

Fl-aħħarnett, il-Polonja pprovdiet kopja tal-ftehim għar-ristrutturar tad-dejn tat-22 ta’ Settembru 2003.

4.   L-ISTIMA TA’ L-GĦAJNUNA

4.1.   L-eżistenza ta’ l-għajnuna

(55)

L-awtoritajiet Pollakki ma jikkontestawx li l-miżuri mniżżla f’Tabella 4 jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat, kif ġie konkluż fid-deċiżjoni tal-ftuħ.

(56)

Minbarra l-miżuri mniżżla f’Tabella 4, fid-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura, il-Kummissjoni esprimiet tħassib li l-ftehim għar-ristrutturar tad-dejn mal-kredituri pubbliċi, tat-22 ta’ Settembru 2003, seta’ jkun fih għajnuna mogħtija qabel l-adeżjoni. Infatti, il-Kummissjoni nnutat li l-istituzzjonijiet finanzjarji aċċettaw rinunzja parzjali tal-pretensjonijiet tagħhom kontra FSO bil-kundizzjoni biss li t-tnaqqis li jirriżulta minn din ir-rinunzja jiġi aċċettat mill-awtorità Pollakka tat-taxxa bħala spiża li tkun tnaqqas id-dħul taxxabbli. Il-Kummissjoni għalhekk indikat li l-Istat seta’ aċċetta konċessjoni iżjed importanti mill-partijiet privati għall-ftehim. L-awtoritajiet Pollakki pprovdew kopja tal-ftehim tat-22 ta’ Settembru 2003. Il-Kummissjoni tosserva li l-bidla tad-dejn li ġiet aċċettata mit-Teżor ta’ l-Istat issir taħt l-istess kundizzjonijiet tal-bidla tad-dejn minn DMC, li hija kumpanija tas-settur privat. Barra minn hekk, l-ammont hekk mibdul mid-DMC huwa ħafna ikbar mill-ammont mibdul mit-Teżor ta’ l-Istat. F’dawn iċ-ċirkostanzi, il-Kummissjoni tikkonkludi li din l-operazzjoni tirrispetta l-prinċipju tal-kreditur ta’ l-ekonomija tas-suq u ma tikkostitwix għajnuna mill-Istat.

(57)

Anke jekk id-dubji fuq dan is-suġġett ma ġewx espressi fid-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura, peress li t-tranżazzjoni saret wara, il-Kummissjoni vverifikat jekk il-bejgħ ta’ l-interessi f’FSO li sar mill-Istat lil AvtoZAZ għall-[…] prezz ta’ PLN 100 fit-30 ta’ Ġunju 2005 kienx fih għajnuna favur ix-xerrej, u indirettament, favur FSO. Il-Kummissjoni analizzat ir-rapport ta’ evalwazzjoni magħmul mill-KPMG. Id-ditta ta’ konsultazzjoni tosserva li l-kumpanija tirreġistra telf kbir u li ma hemm l-ebda talba għall-prodotti tagħha. Għalhekk, il-metodu ta’ l-influss tal-flus kontanti skontati (discounted cash flows method) ma jistax jiġi applikat sew. Il-metodu ta’ l-ispejjeż u l-metodu tal-likwidazzjoni biss jistgħu jiġu applikati. Iż-żewġ metodi jikkonkludu li l-valur ta’ FSO huwa […]. PriceWaterhouseCoopers (“PWC”) fil-maġġorparti taqbel mal-konklużjonijiet tal-KPMG. Il-Kummissjoni ma sabitx żbalji evidenti f’dawn ir-rapporti u tikkonkludi li l-avvenimenti li seħħew bejn id-data ta’ l-evalwazzjoni mill-KPMG u d-data tat-tranżazzjoni ma jwasslux sabiex il-prezz ta’ l-ishma jsir […]. Il-Kummissjoni għalhekk tikkunsidra li din it-tranżazzjoni ma tinkludiex element ta’ għajnuna.

(58)

B’konklużjoni, il-miżuri mniżżla f’Tabella 4 biss jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat soġġett għad-deċiżjoni attwali.

4.2.   Il-kwantifikazzjoni ta’ l-għajnuna

(59)

Fid-deċiżjoni tal-ftuħ, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-miżuri mniżżla f’Tabella 4 ma kinux ingħataw qabel l-adeżjoni tal-Polonja fl-UE fl-1 ta’ Mejju 2004. Il-Kummissjoni, iżda, tosserva li fil-kuntratt għall-bejgħ ta’ l-ishma ta’ FSO, konkluż fit-30 ta’ Ġunju 2005 bejn il-gvern u AvtoZAZ, il-kapitolu dwar l-għajnuna mill-Istat (Artikolu 9) jindika li “Il-korpi relevanti ta’ l-amministrazzjoni pubblika, kemm-il darba jirċievu deċiżjoni mill-Kummissjoni Ewropea li tirrikonoxxi l-għajnuna ppjanata mill-Istat bħala li hija konformi mas-suq komuni, beħsiebhom jagħtu lill-Kumpanija […] għajnuna mill-Istat għar-ristrutturar. Din l-assistenza se tingħata skond it-termini pprovduti fil-pjan ta’ ristrutturar ta’ FSO li bħalissa qiegħed jiġi rivedut mill-Kummissjoni Ewropea f’każ numru K 3/2005. […] Ix-Xerrej jiddikjara li l-għoti ta’ għajnuna mill-istat lill-kumpanija, li hemm referenza għalih fi klawsola 1 hawn fuq, kien wieħed mill-kundizzjonijiet għad-deċiżjoni tiegħu li jinvesti billi jixtri l-Ishma tal-Kumpanija. […] Id-dikjarazzjonijiet tal-korpi relevanti ta’ l-amministrazzjoni pubblika dwar l-intenzjoni li tingħata għajnuna mill-istat lill-Kumpanija, li għaliha saret referenza fil-klawsola 1 hawn fuq, huma nklużi fl-Anness Numru 6 ta’ dan il-kuntratt”. Il-Kummissjoni tikkonkludi, minn dak li ntqal hawn fuq, li fit-30 ta’ Ġunju 2005, kien hemm impenn mill-Istat, li kien jorbot legalment, u li kien soġġett għall-approvazzjoni mill-Kummissjoni, sabiex jagħti l-għajnuna li ġiet innotifikata.

(60)

Il-Kummissjoni tosserva li fit-30 ta’ Ġunju 2005, u f’dati preċedenti, ma kienx ċert jekk FSO kinitx se terġa’ ssir vijabbli. Dan ġie konfermat mir-rapporti ta’ evalwazzjoni ta’ KPMG u PWC msemmija hawn fuq. B’mod partikolari, il-Kummissjoni tinnota li l-kumpanija ma kellha l-ebda persuna li tagħti l-liċenzja għall-produzzjoni ta’ mudell ġdid. Il-kumpanija ma kinitx taf x’kienet se tipproduċi fil-futur. Il-kuntratt għall-[…] ġie ffirmat biss fl-2006. Il-ftehim għall-għoti tal-liċenzja li kien jeżisti dak iż-żmien ma’ GM DAT għall-produzzjoni ta’ Lanos skada […]. Il-livell tal-produzzjoni tal-Lanos kien baxx u ma kienx biżżejjed biex ikopri l-ispejjeż.

(61)

Fil-każ ta’ l-ammont preċiż ta’ l-għajnuna inkluż fil-garanzija ta’ l-Istat li tkopri s-self għall-investiment […], l-awtoritajiet Pollakki ma’ ssottomettewx il-kalkolu tal-fattur tar-riskju li permezz tiegħu tista’ tiġi kkalkolata l-garanzija. Sa Ottubru 2006, l-awtoritajiet Pollakki dejjem indikaw li din il-garanzija kienet neċessarja, peress li l-kumpanija ma setgħetx tikseb il-finanzjament mis-suq minħabba l-esperjenzi ħżiena u t-telf li kienu għamlu l-banek mis-self preċedenti tagħhom lil FSO. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tosserva li, kif ġie indikat, l-impenn sabiex tingħata l-garanzija ittieħed fi żmien meta r-riskju ta’ falliment kien kbir. F’dawn iċ-ċirkostanzi, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-għajnuna inkluża fil-garanzija ta’ l-Istat tista’ tammonta ghal 100 % ta’ l-ammont tal-garanzija. Fuq il-bażi ta’ l-evalwazzjoni li saret wara fuq il-kumpatibbiltà ta’ l-għajnuna, iżda, il-Kummissjoni m’għandhiex bżonn tikkwantifika l-ammont preċiż ta’ l-għajnuna inkluż f’din il-garanzija.

(62)

Il-Kummissjoni tinnota li l-awtoritajiet Pollakki, fis-sottomissjoni tagħhom tas-17 ta’ Ottubru 2006, issuġġerew li f’dik id-data, il-kumpanija tkun tista’ tikseb self mis-suq. B’riżultat ta’ dan, il-Polonja titlob li tikkwantifika l-għajnuna nkluża fil-garanzija fuq il-bażi tat-tnaqqis tar-rata ta’ interess miksub bis-saħħa tal-garanzija. Il-Kummissjoni ma tistax taċċetta din it-talba. Infatti, f’dak il-mument, l-Istat kien diġà impenja ruħu li jagħti l-garanzija (u miżuri oħra ta’ għajnuna) u l-ammont ta’ għajnuna jrid jiġi evalwat mhux iżjed tard minn meta l-Istat jagħti l-impenn irrevokabbli li jagħti l-miżuri ta’ sostenn. Is-self kollu li jingħata mis-suq wara dik id-data, jiġi affetwat mill-għajnuna li se tingħata mill-Istat. Is-suq jieħu f’kunsiderazzjoni l-effett pożittiv dirett (u dak indirett, bħas-sejba ta’ investitur, li sar possibbli minħabba l-wegħda ta’ għajnuna) ta’ l-għajnuna fuq il-kumpanija. B’riżultat ta’ dan, il-prezz tal-finanzjament li jiġi offrut wara ma jistax jintuża bħala bażi sabiex tigi evalwata l-kwantità ta’ għajnuna fil-miżuri kuntrattwali li ġew imwegħda qabel. Minn barra dan, l-informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet Pollakki dwar ir-rieda tal-banek li jagħtu self mhix konklusiva u ma tagħtix provi li kwalunkwe bank kien verament lest li jagħti self ta’ l-ammont in kwistjoni lil FSO mingħajr l-għajnuna mill-istat. L-awtoritajiet Pollakki eventwalment ikkonfermaw […] fl-ittra tagħhom tas-17 ta’ Novembru 2006.

(63)

Fil-każ ta’ l-għajnuna permezz tad-differiment tat-taxxa dovuta u tar-responsabbiltajiet tas-sigurtà soċjali ta’ FSO, din hija ekwivalenti għas-self lill-kumpanija. Kif ġie ndikat, dan it-tibdil fil-pjanijiet sar f’perjodu li fih ir-riskju ta’ falliment kien għoli. F’dawn iċ-ċirkostanzi, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-element ta’ l-għajnuna f’dawn il-posponimenti seta’ jammonta għall-ammont sħiħ li jkun ġie pospost. Fuq il-bażi ta’ l-evalwazzjoni li saret wara dwar il-kumpatibbiltà ta’ l-għajnuna, m’hemmx għalfejn li l-Kummissjoni tikkwantifika l-ammont preċiż ta’ għajnuna inkluża f’dan it-tibdil fil-pjanijiet.

(64)

B’konklużjoni, l-ammont massimu ta’ għajnuna mogħtija wara l-adeżjoni, evalwat fid-deċiżjoni attwali huwa ta’ USD 83 miljun (EUR 66 miljun) u PLN 62 miljun (EUR 16 miljun). Bir-rata tal-kambju ta’ l-20 ta’ Ottubru 2006, l-għajnuna massima għalhekk tammonta għal EUR 82 miljun jew PLN 318 miljun.

(65)

Fl-aħħarnett, fir-rigward ta’ l-ammont tal-għajnuna li jinsab fil-miżuri mogħtija qabel l-adeżjoni, il-Kummissjoni tosserva li xi wħud mill-miżuri kienu wkoll differimenti tat-taxxa u tad-dejn tas-sigurtà soċjali. Fuq il-bażi ta’ l-istess raġunament li deher qabel, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-ammont massimu ta’ għajnuna mogħtija qabel l-adeżjoni huwa t-total tal-valur nominali tal-miżuri, jiġifieri PLN 201 miljun (EUR 51 miljun). Mhux neċessarju li l-Kummissjoni tikkwantifika b’mod preċiż l-ammont ta’ għajnuna inkluż f’dawn il-miżuri.

4.3.   Il-bażi legali għall-evalwazzjoni

(66)

Kif diġà ġie indikat fid-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura, l-għajnuna attwali hija evalwata fuq il-bażi tal-linji gwida tal-Komunità ta’ l-1999 (u mhux ta’ l-2004) dwar l-għajnuna li jagħti l-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar tal-kumpaniji li jinsabu f’diffikultà. Il-Kummissjoni tikkonsidra li għajnuna għar-ristrutturar hija kompatibbli meta kull waħda mill-kundizzjonijiet stabbiliti fil-linji gwida tiġi sodisfatta (15).

4.4.   L-eliġibbiltà tal-kumpanija

(67)

Kif ġie indikat fid-deċiżjoni sabiex tibda l-proċedura, il-Kummissjoni tikkunsidra li FSO qegħda f’diffikultà u hija eliġibbli għall-għajnuna għar-ristrutturar. Kif ġie kkonfermat mill-informazzjoni sottomessa mill-awtoritajiet Pollakki, mingħajr l-għajnuna, il-kumpanija ma kinitx tkun kapaċi tattira azzjonist u entità li tagħti l-liċenzja, li kienu indispensabbli sabiex ma tfallix. Minn barra dan, mingħajr il-garanzija mill-Istat, il-banek sallum ikunu għadhom ma tawx self għall-investiment lil FSO, li huwa indispensabbli għall-produzzjoni ta’ mudell ġdid, u b’konsegwenza, sabiex il-kumpanija ma tfallix.

(68)

Il-Kummissjoni vverifikat ukoll jekk […], li jista’ jkun il-benefiċjarju ta’ self għall-investiment garantit, huwiex eligibbli. L-awtoritajiet Pollakki assiguraw li […] - jew kwalunkwe isem ieħor li jingħata – jkun sussidjarja ta’ FSO u jkun jidher fid-dikjarazzjoni finanzjarja kkonsolidata tal-grupp ta’ FSO. Fuq il-bażi ta’ l-informazzjoni pprovduta mill-Polonja, jista’ jiġi konkluż li l-ħolqien ta’ […] ma kienx jikkostitwixxi l-ħolqien ta’ kumpanija ġdida fis-sens tal-linji gwida. Peress li hija parti essenzjali tat-taqsima ekonomika li qegħda f’diffikulta, […] hija eligibbli għall-għajnuna ta’ ristrutturar.

4.5.   Ir-restawr tal-vijabilità

(69)

Il-linji gwida jindikaw li “l-pjan ta’ ristrutturar, li għandu jkun qasir kemm jista’ jkun, għandu jirrestawra l-vijabilità fit-tul tal-kumpanija f’perjodu ta’ żmien raġonevoli u fuq il-bażi ta’ suppożizzjonijiet realistiċi dwar il-futur tal-kundizzjonijiet ta’ ħidma. […] It-titjib fil-vijabilità għandu jirriżulta l-aktar minn miżuri interni […]”

(70)

Kif ġie dikjarat qabel, FSO fil-futur se topera bħala produttriċi indipendenti tal-karrozzi, fis-sens li l-mudelli prodotti, immuntati u mibjugħa mid-ditta ma jiġux żviluppati fil-grupp li għalih tappartjeni (16). Għalhekk jeħtieġ li l-kumpanija tikseb ftehim għall-għoti tal-liċenzja minn manifatturi kbar tal-karrozzi li jiżviluppaw il-mudelli tagħhom stess. Dawn il-kumpaniji jistgħu jipproduċu l-mudelli tagħhom fl-impjanti tagħhom stess jew f’kumpaniji indipendenti bħal FSO. Minn dan jirriżulta li, meta tkun qegħda tipprova tikseb ftehim għall-għoti tal-liċenzja, FSO se tkun f’kompetizzjoni ma’ l-impjanti ta’ produzzjoni eżistenti tal-manifattur ikkonċernat kif ukoll ma’ produtturi indipendenti oħra. FSO jista’ jirnexxielha tikseb ftehim għall-għoti tal-liċenzja b’mod regolari u li tiġġenera profitti mill-produzzjoni tal-mudelli konċernati jekk hija tkun produttriċi ta’ fiduċja u tkun effiċjenti u jkollha bażi ta’ spejjeż baxxa.

(71)

Il-Kummissjoni tosserva li l-pjan ta’ ristrutturar għandu l-għan li jwettaq il-kundizzjoni ta’ l-aħħar.

(72)

Fil-qasam operattiv, il-kumpanija implimentat pjan ta’ ristrutturar li kien iwassal fit-tul li kellu x’jaqsam ma’ FSO u mas-sussidjarji. Uħud mill-problemi identifikati minn FSO kienu numru eċċessiv ta’ oqsma u ta’ livelli ta’ maniġment, kif ukoll struttura organizzattiva mhux adattata. FSO ddeċidiet li tnaqqas in-numru ta’ oqsma u li tgħaqqad uħud minnhom, li tnaqqas in-numru ta’ livelli ta’ maniġment u li tnaqqas in-numru ta’ pożizzjonijiet maniġerjali. Immodifikat ukoll il-funzjoni tal-mappa tad-distribuzzjoni billi kkonċentrat xi funzjonijiet u eliminat dawk żejda. B’mod ġenerali, peress li l-livell operattiv ma kienx jikkorrispondi għall-operazzjonijiet u għall-volumi proprja ta’ produzzjoni, il-kumpanija naqqset b’mod kbir il-ħaddiema tagħha, kif jidher f’Tabella 2. Il-kumpanija rristrutturat is-sussidjarji tas-servizz tagħha, is-sussidjarji tagħha li huma attivi fil-produzzjoni tal-komponenti, kif ukoll fis-sussidjarji tal-bejgħ tagħha.

(73)

Mill-aspett finanzjarju, il-kumpanija kienet mimlija dejn li hija ma setgħetx trodd lura minħabba t-telf sostanzjali li kienet ġarrbet mis-sena 2000. Kif jidher f’Tabella 3, iżda, il-kumpanija nnegozjat mal-kredituri tagħha, li aċċettaw, jew li jbiddlu l-pretensjonijiet tagħhom f’ishma jew li jirrinunzjaw għall-maġġorparti tagħhom.

(74)

Id-deskrizzjoni preċedenti turi li, kif mitluba mil-linji gwida, il-kumpanija diġà ħadet miżuri interni importanti mill-aspetti operattivi u finanzjarji sabiex terġa’ tikseb il-kompetittività tagħha. Il-perjodu ta’ ristrutturar, iżda, se jkun lest biss meta FSO tkun għamlet l-investimenti neċessarji għall-produzzjoni tal-mudell ġdid u tkun reġgħet kisbet volum ta’ produzzjoni li jkun jiġġenera profitt raġonevoli. B’konsegwenza ta’ dan, fuq il-bażi ta’ l-ippjanar attwali, il-perjodu ta’ ristrutturar għandu jitqies bħala li jispiċċa fi […].

(75)

Minbarra r-ristrutturar intern, li jagħmel lil FSO produttriċi iżjed effiċjenti, il-kumpanija, mill-2005, tibbenefika wkoll minn azzjonist ġdid - AvtoZAZ. Fil-fatt, dan jagħti lil FSO aċċess privileġġat għan-netwerk ta’ distribuzzjoni ta’ UkrAvto sabiex tbiegħ il-prodotti tagħha.

(76)

Il-Kummissjoni osservat li l-pjan ta’ ristrutturar mhuwiex ħieles mir-riskji u l-inċertezzi. Fl-ewwel lokm FSO ikollha fuq bażi regolari tagħmel offerti għall-ftehim għall-għoti tal-liċenzja li jrid ikollhom suċċess sabiex ikollha mudell x’tipproduċi. Fit-tieni lok, FSO tkun tiddependi fuq is-suċċess kummerċjali tal-vettura jew taż-żewġ vetturi prodotti, li ma jistax jiġi ggarantit. It-tielet, FSO jkollha tiġġenera biżżejjed marġini ta’ profitt bil-produzzjoni tal-mudelli kkonċernati. Minħabba l-intensità tal-kompetizzjoni fis-suq tal-karrozzi, li jidher mil-livell baxx ta’ profitt li jsir mill-produtturi ta’ vetturi ta’ massa, sabiex jinkiseb profitt ikun neċessarju li jsir titjib permanenti fl-effiċjenza u li jiġu kkontrollati l-ispejjeż. Dawn ir-riskji kollha huma parti mill-pjan ta’ ristrutturar u jistgħu, fil-każ li jimmaterjalizzaw, ma jitqisux bħala “ċirkostanzi mhux prevedibbli” fit-tifsira tal-paragrafu 48 tal-linji gwida.

(77)

Minħabba r-ristrutturar operattiv u finanzjarju li diġà kien inkiseb, iżda, l-appoġġ ta’ l-azzjonist ġdid u tal-[…] ftehim iffirmat mal-GM DAT fl-[…] 2006 għall-produzzjoni tal-[…], il-Kummissjoni tikkunsidra li hemm probabbiltà biżżejjed li l-pjan ta’ ristrutturar fit-tul jippermetti lil FSO sabiex terġa’ tikseb il-vijabilità tagħha.

4.6.   Għandha tiġi evitata d-distorsjoni żejda tal-kompetizzjoni

(78)

Kif ġie indikat, l-industrija tal-karrozzi ta’ l-UE qegħda tbati minn kapaċitajiet żejda u qiegħed jiġi mħabbar b’mod regolari tnaqqis fin-numru tal-ħaddiema. F’dan il-kuntest, il-ħruġ tal-kumpaniji mis-suq huwa riżultat normali fis-suq. L-għajnuna li qegħda tiġi eżaminata bħalissa tfixkel din il-funzjoni u titfa’ l-piż ta’ l-aġġustament fuq produtturi oħrajn. Dawn il-kompetituri jaffrontaw kompetitur ieħor meta mqabbla mas-sitwazzjoni li fiha ma jkunx hemm l-għajnuna mill-istat li ssalva FSO mill-falliment. Sabiex jiġi evalwat id-daqs tad-distorsjoni li tirriżulta minħabba din l-għajnuna, huwa għalhekk neċessarju li wieħed janalizza f’liema suq topera FSO u min huma l-kompetituri tagħha.

(79)

Il-Kummissjoni tosserva li FSO hija attiva f’żewġt iswieq. L-ewwel nett, FSO tikkompeti sabiex tikseb il-liċenzji jew l-ordinijiet sabiex tipproduċi l-karrozzi minn manifatturi kbar eżistenti ta’ karrozzi. F’dan il-kuntest, FSO qegħda f’kompetizzjoni ma’ l-impjanti ta’ produzzjoni eżistenti – jew li huma proprjeta’ tal-manifattur kbir ikkonċernat jew li huma indipendenti – li jistgħu wkoll jipproduċu dawn il-karrozzi jew li jkun interessati li jibnuhom. Il-Kummissjoni, f’dawn l-aħħar snin, osservat li l-manifatturi kbar tal-karrozzi li huma attivi fl-UE, regolarment iqegħdu f’kompetizzjoni diversi impjanti li jinsabu f’żona ġeografika speċifika, ġeneralment fl-Ewropa (17), għall-produzzjoni ta’ mudelli speċifiċi. Minħabba din l-għajnuna, FSO tista’ ssalva mill-falliment u tista’ tikkompeti għal din il-produzzjoni għad-detriment ta’ impjanti ta’ produzzjoni oħra li jinsabu fiż-żona. Jista’ jkun li din it-tip ta’ distorsjoni forsi diġà seħħet meta FSO ngħatat il-ftehim għall-għoti tal-liċenzja […] minn GM DAT. Il-mudell […] seta’ teoretikament jiġi prodott f’impjant Ewropew ieħor. Jekk wieħed iwarrab dan il-kuntratt partikolari, il-Kummissjoni tista’, peress li FSO se tikkompeti għal ftehim għall-għoti tal-liċenzja oħra fil-futur, tassumi b’mod raġonevoli li, it-tip ta’ distorsjoni li għadha kemm ġiet deskritta se sseħħ fil-futur, għad-detriment ta’ impjanti oħra li jinsabu ġewwa l-UE. F’dan il-każ, il-Kummissjoni tosserva li t-tip ta’ karrozza li FSO beħsiebha tipproduċi bħalissa qiegħed jiġi prodott minn diversi impjanti fl-UE. Din id-distorsjoni tista’ tagħmel ħsara serja lill-impjant ta’ produzzjoni li jkun kiseb il-ftehim għall-għoti tal-liċenzja li kieku FSO ħarġet mis-suq. Il-produzzjoni ta’ mudell ta’ karrozza spiss tfisser xogħol għal mijiet (jew anke eluf) ta’ persuni matul is-snin. Il-ġid ta’ l-Istat Membru, li fih tkun tinsab il-kumpanija li l-offerta tagħha ma tkunx ġiet aċċettata, għalhekk jiġi affettwat b’mod serju bil-preżenza ta’ FSO.

(80)

It-tieni, il-mudell prodott minn FSO, se jkun f’kompetizzjoni ma’ mudelli oħrajn u se jieħu parti mis-suq mingħandhom. Il-mudelli li jikkompetu se jitilfu l-bejgħ meta mqabbla mas-sitwazzjoni li fiha ma jkunx hemm FSO. Din it-tip ta’ distorsjoni se taffwetta b’mod negattiv lill-manifatturi tal-karrozzi u l-impjanti tal-produzzjoni tagħhom li jipproduċu l-mudelli li jikkompetu magħhom. Li kieku FSO kellha toħroġ mis-suq, il-produzzjoni tal-mudelli li FSO aktarx tipproduċi kienu jingħataw lil impjanti ta’ produzzjoni oħra. Il-Kummissjoni tosserva iżda, li jekk FSO tingħata l-kuntratt, dan ikun ifisser li hija produttriċi irħas. Għalhekk, fis-suq jiġu offruti karrozzi irħas milli f’sitwazzjoni kieku FSO għalqet (18). Barra minn hekk, huwa ġeneralment rikonoxxut li ż-żieda fil-kapaċità ta’ produzzjoni disponibbli fis-suq għandha t-tendenza li tnaqqas il-prezz tal-prodott ikkonċernat. Il-prezzijiet iżjed baxxi tal-karrozzi, għalhekk, qegħdin jagħmlu ħsara lill-kompetituri. Il-Kummissjoni tosserva li, skond il-previżjonijiet inklużi fil-pjan ta’ ristrutturar, il-produzzjoni fit-tul ta’ FSO se tirrappreżenta bejn il-l u t-2 % tal-produzzjoni tal-karrozzi ġewwa l-UE. Kif ġie rikonoxxut mill-awtoritajiet Pollakki, iżda, il-karrozzi prodotti minn FSO se jkunu l-aktar f’kompetizzjoni mal-mudelli tal-karrozzi li huma ta’ daqs u prezz simili. Għalhekk, is-sehem tas-suq fuq dik is-sezzjoni partikolari ma jistax jiġi kkunsidrat bħala “negliġibbli” fit-tifsira tal-paragrafu 36 tal-linji gwida.

(81)

Il-Kummissjoni tikkonkludi mill-analiżi preċedenti li l-kompetituri ta’ FSO – l-impjanti ta’ produzzjoni li jagħmlu offerti għall-kostruzzjoni ta’ l-istess mudell, l-impjanti ta’ produzzjoni li jipproduċu l-mudelli li jikkompetu magħhom, il-manifatturi tal-karrozzi li jipproduċu mudelli kompetituri – se jiġu affettwati b’mod negattiv mill-għajnuna li se tippermetti li FSO tkompli f’suq li qiegħed ibati minn kapaċità żejda. Għalhekk, il-Kummissjoni tikkalkula li huma neċessarji miżuri sabiex tiġi llimitata d-distorsjoni li tinħoloq mill-għajnuna. Meta tkun qegħda tiddeċiedi fuq il-livell ta’ dawn il-miżuri, il-Kummissjoni tieħu f’kunsiderazzjoni l-fatturi ta’ mitigazzjoni, li l-kumpanija tinsab f’żona megħjuna u li s-sehem tas-suq huwa limitat.

(82)

Waqt il-proċeduri, l-awtoritajiet Pollakki pproponew diversi miżuri ta’ kumpens. L-ewwel l-awtoritajiet Pollakki ndikaw li FSO illimitat n-netwerk tal-bejgħ tagħha billi naqqset in-numru tal-ħwienet. Il-Kummissjoni iżda tosserva li, peress li l-bejgħ fil-Polonja naqas ħafna u xi ħwienet jew għandhom responsabbiltajiet li misshom diġà tħallsu vis-à-vis FSO jew kienu fallew, din ir-razzjonalizzazzjoni kienet neċesarja għar-raġunijiet ta’ vijabilità u sabiex jitnaqqsu l-ispejjeż tal-bejgħ. Minn barra dan, uħud minn dawn il-ħwienet ma kinux ikkontrollati minn FSO u kienet id-deċiżjoni tas-sid li ma jbiegħx iżjed il-karrozzi ta’ FSO u li jbiegħ marki oħrajn. Din il-miżura, għalhekk, mhijiex sforz addizzjonali ta’ FSO u ma tnaqqasx il-preżenza tal-kumpanija fis-swieq li tmur lil hinn minn dak li huwa ġustifikat għal raġunijiet ta’ vijabilità. Għalhekk, ma jistax jiġi aċċettat bħala miżura ta’ kumpens.

(83)

L-awtoritajiet Pollakki pproponew ukoll li FSO tillimita b’mod “volontarju” n-numru ta’ pajjiżi li lejhom tesporta l-produzzjoni tagħha. Il-Kummissjoni iżda tinnota li FSO mhijiex se tipproduċi l-mudelli tagħha stess iżda se tipproduċi fuq il-bażi tal-ftehim għall-għoti tal-liċenzja. Kuntratt bħal dan jillimita l-pajjiżi li fihom tista’ tinbiegħ il-produzzjoni. Għalhekk, din il-limitazzjoni hija parti integrali tal-pjan kummerċjali u mhijiex konċessjoni minn FSO, li ma għandha l-ebda kontroll fuqha. Minn barra dan, il-previżjonijiet tal-bejgħ għal dawn il-pajjiżi ma ġewx imsaħħa b’biżżejjed elementi.

(84)

L-awtoritajiet Pollakki pproponew li jżarmaw xi apparat fil-linji ta’ produzzjoni ta’ FSO. Dan l-apparat, iżda, xorta jrid jiġi sostitwit sabiex jiġi prodott mudell ġdid.

(85)

Fl-aħħarnett, il-Polonja ndikat li l-kapaċità ta’ produzzjoni ta’ FSO hija ta’ [200 000 – 230 000] karrozza kull sena, fuq il-bażi ta’ żewġ xiftijiet, ipproponiet li tillimita l-kapaċità ta’ produzzjoni għal [140 000 – 170 000] karrozza kull sena sa l-2008. Il-Kummissjoni tosserva li dan jikkorrispondi għal livell ta’ produzzjoni previst minn FSO għall-2008 (ara tabella 5) (19). Għalhekk, din il-miżura ma kinitx se tkun ta’ piż fuq il-kumpanija.

(86)

Bħala konklużjoni, il-miżuri kollha proposti mill-awtoritajiet Pollakki ma jirrappreżentawx il-konċessjonijiet magħmula minn FSO. Ma jnaqqsux il-preżenza fis-suq ta’ FSO iżjed minn dak li jitqies bħala ġġustifikat minħabba n-neċessità li tiġi rrestrawrata l-vijabilità. Ma jistgħux jikkompensaw għad-distorsjoni li tirriżulta minħabba l-għajnuna. Għandha tiġi evitata għalhekk id-distorsjoni mhux neċessarja tal-kompetizzjoni. Peress li l-Kummissjoni tikkunsidra li l-miżuri huma neċessarji sabiex tiġi llimitata d-distorsjoni fil-kompetizzjoni, iddeċidiet li tagħmel il-kumpatibbiltà ta’ l-għajnuna soġġetta għal dawn il-kundizzjonijiet:

(1)

Il-produzzjoni annwali tal-karrozzi tal-passiġġieri, inklużi t-tipi kollha tal-kittijiet għall-immuntar, tigi llimitata għal 150 000 karrozza sa l-aħħar ta’ Frar 2011 (20), […];

(2)

Il-bejgħ annwali fl-UE (21), tal-karrozzi tal-passiġġieri manifatturati, jiġi llimitat għal 107 000 karrozza sa l-aħħar ta’ Frar 2011 (22);

(3)

Dawn iż-żewġ kundizzjonijiet japplikaw għal FSO, għas-sussidjarji preżenti u futuri kollha tagħha, u għal kwalunkwe kumpanija kkontrollata mill-azzjonist ta’ FSO safejn dan jopera l-ishma (eż impjanti, linji ta’ produzzjoni) li bħalissa huma l-proprjetà ta’ FSO jew tas-sussidjarji tagħha.

(87)

Il-Kummissjoni tqis li din il-kundizzjoni hija xierqa sabiex tnaqqas id-distorsjoni fil-kompetizzjoni li tirriżulta minħabba l-għajnuna. Fuq il-bażi tal-previżjonijiet tal-produzzjoni provduti mill-awtoritajiet Pollakki, din kienet se tikkostitwixxi limitu fuq il-kumpanija għal sentejn biss jew għall-massimu ta’ tliet snin u xahrejn (23). Bħala konsegwenza, waqt dan il-perjodu din il-kundizzjoni se ġġiegħel lill-kumpanija sabiex tipproduċi u tbiegħ ftit karrozzi. Dawn il-limitazzjonijiet ifissru wkoll li l-kumpanija ma tkunx tista’ tagħmel offerti għall-ftehim għall-għoti ta’ liċenzja addizzjonali li jkun jeħtieġ produzzjoni waqt dan il-perjodu.

(88)

Billi l-livell ta’ produzzjoni jiġi ddisinjat (dewmien, livell) b’tali mod li l-effett restrittiv jiġi llimitat għal żewġ – jew għall-massimu ta’ tliet snin u xahrejn, il-Kummissjoni tieħu f’kunsiderazzjoni l-istat tar-reġjun li fih tkun il-kumpanija u s-sehem tas-suq limitat tagħha.

4.7.   L-Għajnuna tiġi llimitata għall-minimu neċessarju

(89)

Fid-deċiżjoni ta’ ftuħ ta’ investigazzjoni fil-fond, il-Kummissjoni esprimiet tħassib dwar jekk kinitx neċessarja l-għajnuna kollha. B’mod partikolari, il-Kummissjoni osservat li l-għoti ta’ ċerti miżuri sar bil-kundizzjoni li jinsab investitur. B’riżultat ta’ dan, l-għajnuna kienet tidher bħala mod sabiex jiġi attirat investitur u mhux li kienet se tiġi llimitata għal dak li l-kumpanija verament kienet teħtieġ sabiex ma tfallix. L-investigazzjoni fil-fond warrbet dawn id-dubji. Infatti l-Kummissjoni tosserva li mingħajr l-appoġġ ta’ investitur u ta’ dak li jagħti l-liċenzja, il-kumpanija waħedha ma kinitx teħles mill-falliment. Infatti, FSO ma kellha l-ebda mudell x’tipproduċi u ma kellhiex il-kapaċità li tiżviluppa mudell kompletament ġdid. Minn barra dan, in-nuqqas ta’ interess muri mid-29 l-akbar manifatturi tal-karrozzi wara l-kuntatti magħmula minn FSO fi Frar 2004 juri li l-kumpanija kienet f’sitwazzjoni diffiċli ħafna u li anke bl-għajnuna ma kinitx tirrappreżenta kumpanija li kienet tidher vijabbli u li kienet tagħmel il-qligħ. Fuq il-bażi ta’ dak li diġà ntqal, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-fatt li parti mill-għajnuna saret bil-kundizzjoni li jinstab investitur ma kienx ifisser li din l-għajnuna kienet taqbeż il-minimu neċessarju sabiex FSO terġa’ tikseb il-vijabilità.

(90)

Sabiex jiġi evalwat jekk l-għajnuna hijiex limitata għall-minimu neċessarju, il-Kummissjoni analizzat liema partijiet kienu diġà jappoġġaw u dawk li kienu se jappoġġaw l-ispejjeż tar-ristrutturar. Dawn ta’ l-aħħar għandhom x’jaqsmu l-aktar ma’ l-ispejjeż ta’ ristrutturar tal-passiv tal-kumpanija. Il-kumpanija kienet teħtieġ ukoll garanzija għall-ammont iżgħar sabiex tikseb is-self għall-investiment li jkun jiffinanzja l-modernizzazzjoni tal-linja ta’ produzzjoni li kienet neċessarja sabiex jiġi prodott il-mudell ġdid.

(91)

Kif ġie indikat qabel (ara Tabella 3), ġie iffirmat ftehim f’Settembru 2003 bejn FSO u l-kredituri ewlenin tagħha. F’dan il-kuntest, DMC ikkapitalizzat il-pretensjonijiet tagħha kontra FSO li kienu jammontaw għall-PLN [2 – 3] biljun (*2)[…]. It-Teżor ta’ l-Istat għamlet l-istess għall-ammont ta’ PLN [400 – 800] miljun […]. Kif ġie indikat fil-paragrafu 0, il-Kummissjoni tqis din il-bidla bħala ħielsa mill-għajnuna. F’dan il-ftehim ta’ Settembru 2003, il-banek privati ntrabtu li jirrinunzjaw għall-pretensjonijiet tagħhom kontra FSO li kienu jammontaw għall-PLN [0.7 – 1.2] biljun […], u iżjed min-nofs ta’ dan l-impenn kien diġà ġie implimentat. Ġew ristrutturati wkoll pretensjonijiet iżgħar kontra FSO u b’hekk ġew maħfura PLN [120 – 230] miljun […] oħra. Il-bidla tad-dejn u r-rinunzji jnaqqsu direttament l-ammont ta’ għajnuna li tkun neċessarja sabiex il-kumpanija ma tfallix. Infatti, kieku dawn il-kredituri ma aċċettawx il-bidliet u r-rinunzji tal-pretensjonijiet tagħhom, il-ħlas lura ta’ dan il-passiv kien ikun dovut immedjatament u kienet tkun neċessarja għajnuna addizzjonali sabiex jiġu mħallsa lura u b’hekk jiġi evitat il-falliment ta’ FSO. B’kollox, jekk ma titqiesx l-bidla tad-dejn mit-Teżor ta’ l-Istat, il-kontribuzzjoni magħmula mill-kredituri privati ta’ FSO jammonta għall-PLN [2.8 – 4.4] biljun […].

(92)

Minbarra l-kontribuzzjoni li għadha kemm ġiet deskritta, il-Polonja indikat li f’dawn l-aħħar snin AvtoZAZ iffinanzjat minn qabel l-ordnijiet tagħha lil FSO, li kienu jirrapprezżentaw kważi l-produzzjoni kollha tal-kumpanija Pollakka. Dawn il-finanzjamenti minn qabel ippermettew lil FSO, li ma kellha l-ebda likwidità disponibbli sabiex tiffinanzja l-produzzjoni (eż tixtri l-inputs) tal-karrozzi ordnati. Dawn l-ordnijiet imħallsa minn qabel ippermettew lill-kumpanija sabiex topera f’dawn l-aħħar snin. Dawn it-tipi ta’ finanzjamenti minn qabel mhumiex prattika komuni fl-industrija tal-karrozzi, speċjalment fil-każ ta’ kumpanija li tkun f’diffikultà. Jista’ jiġi konkluż li AvtoZAZ, permezz ta’ dan il-ħlas minn qabel lil FSO kkontribwixxiet għall-finanzjament tal-kumpanija waqt din il-fażi ta’ ristrutturar. Dan il-kontribut privat huwa sinjal li s-suq jemmen fil-vijabilità tal-kumpanija. Skond l-informazzjoni sottomessa mill-awtoritajiet Pollakki, l-ammont tal-ħlas magħmul minn qabel mogħti minn AvtoZAZ, f’ċerti perjodi kien jammonta għall-USD [10 – 50] miljun […].

(93)

Kif ġie indikat, bir-rata tal-kambju ta’ l-20 ta’ Ottubru 2006, l-ammont massimu ta’ għajnuna li se tingħata wara l-adeżjoni huwa ta’ EUR 82 miljun jew PLN 318 miljun. Meta kienet qegħda tevalwa jekk l-għajnuna kinitx qegħda tiġi llimitata għall-minimu neċessarju, il-Kummissjoni kkunsidrat ukoll l-għajnuna mogħtija qabel l-adeżjoni fil-qafas ta’ l-istess ristrutturar. Kif ġie indikat qabel, il-Kummissjoni tqis li l-ammont massimu ta’ għajnuna mogħtija fil-perjodu ta’ tliet xhur qabel l-adeżjoni huwa ta’ PLN 201 miljun (EUR 51 miljun). Il-massimu ta’ l-għajnuna totali tar-ristrutturazzjjoni għalhekk jammonta għal PLN 519 miljun (EUR 133 miljun). Mill-konsiderazzjonijiet preċedenti, jista’ jiġi konkluż li l-kontribuzzjonijiet mis-settur privat ikopru iżjed minn 85 % ta’ l-ispejjeż ta’ ristrutturar, u l-għajnuna inqas minn 15 %. Anke jekk il-bidla tad-dejn (mingħajr għajnuna) mill-Istat ġiet meqjusa bħala spiża tar-ristrutturar, il-kontribuzzjoni mis-settur privat tammonta għal iżjed minn tliet kwarti ta’ l-ispejjeż għar-ristrutturar. Il-Kummissjoni tqis il-kontribuzzjoni mill-kredituri privati bħala importanti.

(94)

Fuq il-bażi ta’ dak ntqal hawn fuq, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-għajnuna hija limitata għall-minimu neċessarju.

4.8.   Il-prinċipju “Darba waħda, l-aħħar darba”

(95)

Fuq il-bażi ta’ l-informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet Pollakki, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-kumpanija ma rċevitx għajnuna ta’ ristrutturar f’dawn l-aħħar għaxar snin. Waqt ir-ristrutturar attwali, il-miżuri ta’ l-ewwel għajnuna ngħataw fl-aħħar tliet xhur ta’ l-2003. Din il-kundizzjoni għalhekk qegħda tiġi rispettata.

5.   KONKLUŻJONI

(96)

Il-Kummissjoni tikkonkludi li l-għajnuna li ġiet innotifikata hija kumpatibbli mas-suq komuni jekk jiġu rispettati ċerti kundizzjonijiet.

ADDOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-miżuri ta’ għajnuna mniżżla f’Tabella 3, li wħud minnhom diġà ġew implimentati jew parzjalment jew b’mod sħiħ mill-Polonja, u li wħud minnhom għadhom ma ġewx implimentati mill-Polonja, favur Fabryka Samochodow Osobowych huma kompatibbli mas-suq komuni, soġġett għall-obbligi u l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 2.

Artikolu 2

1.   Il-pjan tar-ristrutturar ta’ FSO, inkluż ir-ristrutturar tar-responsabbiltajiet ta’ FSO, iridu jiġu implimentati b’mod sħiħ.

2.   Il-produzzjoni annwali tal-karrozzi tal-passiġġieri, inkluż it-tipi kollha tal-kittijiet għall-immuntar, għandha tiġi limitata għall-150 000 karrozza sa l-aħħar ta’ Frar 2011. Dan il-limitu japplika għal kull sena kalendarja. Il-produzzjoni trid tiġi llimitata għall-25 000 karrozza fl-ewwel xahrejn ta’ l-2011.

3.   Il-bejgħ annwali fl-UE (inklużi l-Istati Memrbi ġodda hekk kif jidħlu fl-UE) tal-karrozzi tal-passiġġieri prodotti jrid jiġi limitat għall-107 000 karrozza sa l-aħħar ta’ Frar 2011. Dan il-limitu japplika għal kull sena kalendarja. Il-bejgħ fl-UE għandu jiġi llimitat għal 17 833 karrozza fl-ewwel xahrejn ta’ l-2011.

4.   Iż-żewġ kundizzjonijiet preċedenti japplikaw għal FSO, għas-sussidjarji preżenti u futuri tagħha u għal kwalunkwe kumpanija kkontrollata mill-azzjonist ta’ FSO in kwantu juża l-assi produttivi (eż impjanti, linji ta’ produzzjoni) li bħalissa huma l-proprjetà ta’ FSO jew tas-sussidjarji tagħha.

5.   Sabiex tiġi ssorveljata l-konformità mal-kundizzjonijiet preċedenti kollha, il-Polonja se tipprovdi lill-Kummissjoni b’rapport ta’ kull nofs sena fuq l-istat tal-progress tar-ristrutturar ta’ FSO. Fil-każ tal-produzzjoni u l-limitazzjonijiet tal-bejgħ, il-Polonja trid tipprovdi lill-Kummissjoni b’rapporti annwali, li jintbagħtu l-iżjed tard fl-aħħar ta’ Jannar u li jagħtu informazzjoni dwar il-figuri tal-produzzjoni u tal-bejgħ tas-sena kalendarja preċedenti. L-aħħar rapport se jintbagħat qabel l-aħħar ta’ Marzu 2011 u se jkopri l-produzzjoni u l-bejgħ fl-ewwel xahrejn ta’ l-2011.

Artikolu 3

Il-Polonja għandha tgħarraf lill-Kummissjoni fi żmien xahrejn min-notifika ta’ din id-Deċiżjoni dwar il-miżuri li jkunu ttieħdu sabiex tikkonforma magħha.

Artikolu 4

Din id-deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Polonja.

Magħmul fi Brussell, 20 ta’ Diċembru 2006.

Għall-Kummissjoni

Neelie KROES

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU C 100/02, 26.4.2005, p. 2.

(2)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 1.

(*1)  Informazzjoni kunfidenzjali

(3)  Għall-għanijiet ta’ informazzjoni biss, l-ammonti kollha provduti mill-awtoritajiet Pollakki fi Zloty Pollakki (PLN) ġew mibdula f’Euro (EUR) bir-rata tal-kambju ta’ l-20 ta’ Ottubru 2006 ta’ 1 EUR = 3.89 PLN

(1)  

Sors:

“Company Presentation, Fabryka Samonochodów Osobowych S.A., Warsaw 2006” (“Il-Preżentazzjoni tal-Kumpanija, Fabryka Samonochodów Osobowych S.A., Varsavja 2006”), sottomess mill-awtoritajiet Pollakki fil-31 ta’ Awwissu 2006

(4)  Skond l-istqarrija għall-istampa ta’ l-10 ta’ Jannar 2006, ippubblikata fuq il-website tiegħu (www.ukravto.ua), ZAZ ipproduċa 148 163 vetturi fl-2005. Fosthom hemm, 10 190 mudell “Travria”, 6 224 “Travria Pick-Up”, 20 864 “Slavuta”, 21 379 “Sens”, 9 107 “Lanos T-150”, 697 “Opel Astra-H”, 1 915 “Opel CKD”, 6 179 “VAZ-21093”, 14 459 “VAZ-21099”, u 57 149 vetturi oħra.

(5)  Formalment, il-kuntratt bejn it-Teżor ta’ l-Istat tar-Repubblika tal-Polonja u Zakrytoje Akcjonernoje Obszczestwo z Inostrannoj Inwesticjej “Zaporozskij Awtomobilestroitelnyj Zawod” bil-kwartieri ġenerali tiegħu f’Zaporozhye, l-Ukraina.

(6)  L-informazzjoni użata f’din it-taqsima ttieħdet mis-sottomissjonijiet ta’ l-awtoritajiet Pollakki.

(7)   Sors: sottomissjoni ta’ l-awtoritajiet Pollakki tat-30 ta’ Awwissu 2006.

(8)  Ittra ta’ l-awtoritajiet Pollakki tat-13 ta’ Ġunju 2005.

(9)  L-ammonti kollha provduti mill-awtoritajiet Pollakki f’dollari Ammerikani (USD) ġew mibdula f’ Ewro (EUR) bl-użu tar-rata tal-kambju ta’ l-20 ta’ Ottubru 2006 ta’ 1 EUR = 1.26 USD

(10)  L-awtoritajiet Pollakki, fl-ittra tagħhom tat-3 ta’ Jannar 2006 infurmaw lill-Kummissjoni dwar it-tnaqqis li kien sar fil-garanzija ppjanata. Il-miżuri ta’ għajnuna, immniżla fid-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni, ġew ibbażati fuq in-notifika tat-30 ta’ April 2004. Din ta’ l-aħħar kien fiha pjan għall-garanzija ta’ USD 162.5 million.

(11)  Miżuri 22 u 23 tneħħew mis-sottomissjoni ta’ l-informazzjoni tat-3 ta’ Jannar 2006. Dawn iżda ġew ippreżentati fid-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 88(2) tat-Trattat tal-KE tad-19 ta’ Jannar 2005. Peress li l-Kummissjoni ma rċeviet l-ebda dettalji dwar it-tneħħija tagħhom, iddeċidiet li teħodhom f’kunsiderazzjoni.

(12)   ĠU C 244, 1.10.2004, p. 2.

(13)   ĠU C 288, 9.10.1999, p. 2.

(14)  Dawn il-previżjonijiet kienu jittrattaw il-mudell […], li għalih il-ftehim […] ġie konkluż formalment biss fil-[…].

(15)  Ġie kkonfermat fis-sentenza tal-Qorti ta’ l-Ewwel Istanza ta’ l-14 ta’ Jannar 2004 fil-Każ T-17/03 Schmitz-Gotha Fahrzeugwerke GmbH Paragrafu 44 u 45

(44)

Punt 3.2.2 tal-Linji Gwida, li jistabbilixxi dan ir-rekwiżit jistabbilixxi, b’mod partikolari, li l-pjan ta’ ristrutturazzjoni jrid jissodisfa tliet kundizzjonijiet materjali. Huwa essenzjali li, l-ewwel, irodd lura l-vijabilità tad-ditta benefiċjarja fi żmien raġonevoli u fuq il-bażi ta’ suppożizzjonijiet realistiċi (punt 3.2.2(i)); it-tieni, li jevita li jaffettwa l-kompetizzjoni, meta dawn ma jkunx neċessarju, (punt 3.2.2(ii)); u, it-tielet, li jkun f’proporzjon ma’ l-ispejjeż u l-benefiċċji tar-ristrutturazzjoni (punt 3.2.2(iii)).

(45)

Peress li dawk il-kundizzjonijiet huma akkumulattivi, il-Kummissjoni trid tiddikjara li pjan ta’ għajnuna għar-ristrutturazzjoni mhuwiex kompatibbli, anke jekk waħda minn dawk il-kundizzjonijiet ma tkunx ġiet sodisfatta (Każ T-171/02 Regione autonoma della Sardegna v Commission [2005] II-0000, paragrafu 128; f’dan il-każ ara wkoll, France v Commission, imsemmi hawn fuq, paragrafi 49 u 50).

(16)  Fl-ittra tagħhom tas-6 ta’ April 2006, l-awtoritajiet Pollakki jindikaw li “Bħala regola, l-għoti ta’ liċenzja għandu konnessjoni mill-qrib ma’ iżjed kooperazzjoni bejn dak li jagħti l-liċenzja u d-detentur tal-liċenzja. Dan jinvolvi l-għoti ta’ ħila esperta, ta’ teknoloġija ta’ manifattura, l-għoti ta’ appoġġ tekniku, l-iżvilupp ta’ proċessi ta’ riċerka u żvilupp, il-kontroll tal-kwalità iżda wkoll miżuri konġunti li għadhom l-għan li jidentifikaw il-produzzjoni tal-komponenti u tal-muntaġġ. Jekk id-detentur tal-liċenzja jkollu suċċess fl-implimentazzjoni tat-termini u tal-kundizzjonijiet tal-ftehim ta’ l-għoti tal-liċenzja wara jistgħu jiġi mibdija proġetti konġunti […]”. Minn dak li ġie ddikjarat qabel, huwa ċar li fit-tul, FSO tistenna li tkun involuta iżjed fil-fond fl-iżvilupp tal-prodotti ġodda. Dan iżda jikkonċerna l-futur fil-bogħod ħafna u jissupponi numru ta’ kundizzjonijiet li t-twettiq sħiħ tagħhom huwa ipotetiku f’dan il-perjodu. Il-Kummissjoni għalhekk se tibbaża l-analiżi tagħha fuq il-premessa li l-FSO tibqa’ produttriċi indipendenti.

(17)  Il-produzzjoni fl-UE biex taqdi s-suq Ewropew tippermetti li jiġu evitati l-ħlasijiet tad-dwana u tillimita l-ispejjeż tat-trasport. Għalhekk, il-manifatturi l-kbar tal-karrozzi jqisu l-impjanti ta’ produzzjoni ġewwa l-UE bħala iżjed xierqa – li għalhekk qegħdin f’kompetizzjoni ikbar bejniethom – mill-impjanti ta’ produzzjoni li qegħdin ġewwa u barra l-UE.

(18)  Fil-fatt, huwa probabbli li l-kompetizzjoni qawwija ġġiegħel lill-manifatturi l-kbar tal-karozzi li jipproduċu l-karozzi tagħhom għan FSO sabiex inaqqsu l-prezzijiet peress li jkollhom inqas spejjeż.

(19)  Fuq il-bażi tal-previżjonijiet riveduti sottomessi fit-3 ta’ Ottubru 2006, din il-miżura se tiġi limitata għall-2008 biss.

(20)  Il-produzzjoni trid tiġi limitata għal 25 000 karozza fl-ewwel xahrejn ta’ l-2011.

(21)  Inklużi l-Istati Membri ġodda jekk kif jidħlu fl-UE.

(22)  Il-bejgħ fl-UE għandu jiġi limitat għal 17 833 karozza fl-ewwel xahrejn ta’ l-2011.

(23)  Dan l-effett ta’ restrizzjoni jiġi limitat għal sentejn u xahrejn meta jintużaw il-previżjonijiet għall-produzzjoni kif stabbiliti f’Tabella 5. Jekk jintużaw il-previżjonjiet miżjuda inklużi fl-ittra tat-3 ta’ Ottubru 2006, l-effett ta’ restrizzjoni jiġi limitat għal tliet snin u xahrejn.

(*2)  Żball klerikali – għandha tkun “biljun”.