18.7.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 186/36


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-21 ta’ Ġunju 2007

li tistabbilixxi l-kriterji ekoloġiċi għall-għoti ta’ l-ekotikketta Komunitarja għas-spapen, shampoos u conditioners tax-xagħar

(notifikata taħt id-dokument numru C(2007) 3127)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2007/506/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1980/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Lulju 2000 dwar skema riveduta għall-għoti ta’ l-ekotikketta Komunitarja (1), u b’mod partikolari t-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 6 (1) tiegħu,

Wara li kkonsultat mal-Bord tat-Tikkettar Ekoloġiku ta’ l-Unjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Skond ir-Regolament tal-Komunità (KE) Nru 1980/2000 l-ekotikketta Komunitarja tista’ tingħata lil prodott li jippossiedi karatteristiċi li jippermettulu li jikkontribwixxi b’mod sinifikanti għal titjib f’dak li għandu x’jaqsam ma’ aspetti ambjentali ewlenin.

(2)

Ir-Regolament (KE) Nru 1980/2000 jipprevedi li kriterji speċifiċi għall-ekotikketti, stabbiliti fuq bażi ta’ abbozz ta’ kriterji mħejji mill-Bord tat-Tikkettar Ekoloġiku ta’ l-Unjoni Ewropea, għandhom jiġu stabbiliti skond il-gruppi ta’ prodotti.

(3)

Il-kriterji ekoloġiċi, kif ukoll ir-rekwiżiti ta’ valutazzjoni u verifika relatati, għandhom ikunu validi għal perjodu ta’ tliet snin.

(4)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma skond l-opinjoni tal-Kumitat imwaqqaf bl-Artikolu 17 tar-Regolament (KE) Nru 1980/2000,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-grupp ta’ prodotti “spapen, shampoos u conditioners tax-xagħar” għandu jinkludi kwalunkwe sustanzi u preparazzjonijiet li jistgħu jitneħħew bit-tlaħliħ wara l-użu u li huma maħsuba biex jintużaw b’kuntatt mal-ġilda u mas-sistema tax-xagħar bl-għan esklussiv, jew prinċipali, li jnaddafhom. Dan il-grupp ta’ prodotti għandu jinkludi kwalunkwe sustanzi u preparazzjonijiet li jistgħu jitneħħew bit-tlaħliħ wara l-użu u li huma maħsuba li jintużaw b’kuntatt mal-ġilda u mas-sistema tax-xagħar bl-għan li jtejbu l-kundizzjoni tax-xagħar (conditioners tax-xagħar).

Il-grupp ta’ prodotti għandu jinkludi l-prodotti għal użu personali kif ukoll dawk għal użu professjonali.

Il-grupp ta’ prodotti ma għandux jinkludi l-prodotti li jinbiegħu speċifikament bħala diżinfettanti jew sustanzi għal kontra l-batterji.

Artikolu 2

(1)   Sabiex jingħata l-ekotikketta Komunitarja għal spapen, shampoos u conditioners, skond ir-Regolament (KE) Nru 1980/2000, prodott għandu jaqa’ fil-grupp ta’ prodotti “spapen, shampoos u conditioners tax-xagħar” u għandu jikkonforma mal-kriterji ekoloġiċi stabbiliti fl-Anness għal din id-Deċiżjoni.

(2)   Din id-Deċiżjoni għandha tkun tgħodd mingħajr preġudizzju għad-Direttiva tal-Kunsill 76/768/KEE tas-27 ta’ Lulju 1976 dwar l-applikazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu mal-prodotti kożmetiċi (2).

Artikolu 3

Għal għanijiet amministrattivi in-numru tal-kodiċi tal-grupp tal-prodotti assenjat lil dan il-grupp ta’ prodotti għandu jkun “29”.

Artikolu 4

Il-kriterji ekoloġiċi għall-grupp ta’ prodotti “spapen, shampoos u conditioners tax-xagħar” kif ukoll ir-rekwiżiti ta’ valutazzjoni u verifika relatati għandhom jibqgħu validi sa 3 snin mid-data ta’ notifika ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, 21 ta’ Ġunju 2007.

Għall-Kummissjoni

Stavros DIMAS

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 237, 21.9.2000, p. 1.

(2)   ĠU L 262, 27.9.1976, p. 169. Id-Direttiva kif emendata bid-Direttiva 2007/22/KE tal-Kummissjoni (ĠU L 101, 18.4.2007, p. 11).


ANNESS

QAFAS

L-għanijiet tal-kriterji

Dawn il-kriterji jimmiraw b’mod partikolari li jippromwovu:

it-tnaqqis fit-tniġġis ta’ l-ilma billi jiġu limitati l-użu ta’ ingredjenti li jistgħu jagħmlu ħsara u l-kontenut tossiku totali fil-prodotti.

it-tnaqqis ta’ produzzjoni ta’ skart billi jitnaqqas l-ammont ta’ ppakkeġġar.

it-tnaqqis jew prevenzjoni ta’ riskji potenzjali għall-ambjent relatati ma’ l-użu ta’ sustanzi perikolużi.

Barra minn hekk, il-kriterji jtejbu l-għarfien ambjentali tal-konsumaturi. Il-kriterji huma ffissati f’livelli li jippromwovu t-tikkettar ta’ spapen u shampoos li jkollhom impatt ambjentali aktar baxx minn dak medju fis-suq.

Ir-rekwiżiti tal-valutazzjoni u verifika

Ir-rekwiżiti speċifiċi tal-valutazzjoni u verifika huma indikati għal kull wieħed mill-kriterji ekoloġiċi aktar ‘il quddiem f’dan l-Anness.

Fejn xieraq, il-metodi ta’ ttestjar differenti minn dawk indikati għal kull kriterju jistgħu jintużaw jekk il-Korp Kompetenti li jeżamina l-applikazzjoni jaċċetta l-ekwivalenza tagħhom.

Fejn possibbli, l-ittestjar għandu jitwettaq minn laboratorji li jikkonformaw mar-rekwiżiti ġenerali ta’ l-EN OSI 17025 jew ekwivalenti.

Meta t-testijiet ma jissemmewx, jew meta jissemma li t-testijiet se jintużaw għall-fini ta’ verifika jew monitoraġġ, il-Korpi Kompetenti għandhom joqogħdu, skond ma jkun il-każ, fuq id-dikjarazzjonijiet u dokumentazzjoni li jipprovdilhom l-applikant u/jew fuq verifiki indipendenti.

Fejn xieraq, il-Korpi Kompetenti jistgħu jeħtieġu dokumentazzjoni ta’ sostenn u jistgħu jwettqu verifiki indipendenti, fosthom zjarat fuq il-post fejn issir il-produzzjoni.

Meta l-applikant ikun obbligat li jipprovdi dikjarazzjonijiet, dokumentazzjoni, rapporti tat-testijiet, jew xi evidenza oħra biex juri l-konformità mal-kriterji, huwa miftiehem li dawn jistgħu joriġinaw mill-applikant u/jew il-fornitur(i) tiegħu u/jew il-fornitur(i) tagħhom, eċċetra, kif xieraq.

Fejn ikun hemm referenza għall-ingredjenti, din tinkludi sustanzi u preparazzjonijiet.

It-test jirreferi għad-Database ta’ Ingredjenti ta’ Deterġenti (lista DID), li tinkludi ħafna mill-ingredjenti li jintużaw l-aktar fil-formulazzjonijiet tas-spapen u shampoos. Il-Parti A tal-lista DID għandha tintuża biex tinkiseb id-data għall-kalkoli ta’ CDV u għall-istima tal-bijodegradibbiltà tas-surfactants. L-applikanti jistgħu biss jippreżentaw id-data tagħhom meta l-lista ma turi ebda valur, għajr fil-każ ta’ fwejjaħ (inkluż addittivi bijoloġiċi) u żebgħa.

Fir-rigward ta’ l-ingredjenti li mhumiex inklużi fil-Parti A tal-lista DID, l-applikant għandu, fir-responsabbiltà tiegħu, japplika l-proċedura deskritta fil-Parti B tal-lista DID.

Għandha tintuża l-lista DID li tkun l-aktar aġġornata f’dak iż-żmien, u li tkun disponibbli mingħand il-Korp Kompetenti li jkun qed jipproċessa l-applikazzjoni. Il-lista tista’ tinkiseb ukoll minn fuq din il-websajt: http://ec.europa.eu/environment/ecolabel/product/pg_did_list_en.htm.

Għall-ingredjenti li m’humiex elenkati fil-lista DID, l-applikant jista’ juża l-proċedura biex jipprovdi d-dokumentazzjoni meħtieġa ta’ bijodegradibbiltà anerobika deskritta fl-Appendiċi II.

Għall-fini ta’ dawn il-kriterji, “ surfactant ” tfisser kwalunkwe sustanza organika u/jew preparazzjoni li tintuża fid-deterġenti, li għandha proprjetajiet attivi fil-wiċċ (i.e. f’kuntatt ma’ wiċċ l-ilma) (surface-active) u li tikkonsisti minn grupp(i) idrofobiku/ċi ta’ tali natura u daqs li jippermettu t-tnaqqis tat-tensjoni tal-wiċċ ta’ l-ilma (surface tension), il-formazzjoni ta’ monostrati fil-wiċċ komuni bejn l-ilma u l-arja li kapaċi jifirxu jew jassorbu, il-formazzjoni ta’ emulsjonijiet u/jew mikroemulsjonijiet u/jew micelles (grupp ta’ molekuli), u l-assorbiment fil-wiċċ komuni bejn l-ilma u solidi.

Il-Korpi Kompetenti, huma rrakkomandati li jieħdu in konsiderazzjoni l-implimentazzjoni ta’ l-iskemi ta’ ġestjoni ambjentali rikonoxxuti, bħall-EMAS jew ISO 14001, waqt li jeżaminaw l-applikazzjonijiet u jimmonitorjaw il-konformità mal-kriterji ta’ dan l-Anness.

(Nota: Sabiex wieħed japplika għall-ekotikketta jew biex jikkonforma mal-kriterji ta’ l-ekotikketta, mhix meħtieġa l-implimentazzjoni ta’ skemi ta’ ġestjoni tali.)

UNITÀ FUNZJONALI

L-unità Funzjonali hija 1 gramm ta’ “Kontenut Attiv (AC – Active Content)”. AC huwa definit bħala l-piż ta’ l-ingredjenti organiċi fil-prodott. Dan għandu jiġi kkalkolat abbażi tal-formulazzjoni kompleta tal-prodott. F’dan il-kalkolu, ma jitqiesux l-aġenti ta’ l-għarik/brix preżenti fil-prodotti għall-ħasil ta’ l-idejn.

Il-valutazzjoni u verifika:

Għandha tiġi pprovduta din l-informazzjoni:

Deskrizzjoni teknika tal-kontenut tal-prodott (formulazzjoni kompleta), inkluż il-kontaminanti identifikati. Fid-deskrizzjoni għandhom ikunu speċifikati l-kwantitajiet, in-numru CAS u d-denominazzjonijiet INCI.

Deskrizzjoni tal-funzjoni ta’ kull ingredjent tal-prodott u ta’ l-għan li għalih ġie miżjud dak il-komponent.

Skeda/i tad-data dwar is-sikurezza/Prodott bl-ismijiet tal-fornituri ta’ l-ingredjenti kollha.

KRITERJI EKOLOĠIĊI

1.   Tossiċità għall-organiżmi akkwatiċi

Il-volum kritiku ta’ dilution tossika (CDV – Critical Dilution Volume toxity) huwa kkalkolat għal kull ingredjent (i) u għall-prodott sħiħ permezz ta’ din l-ekwazzjoni:

 

CDV(ingredjent i)= piż (i) × DF(i) × 1 000/TF kroniku (i)

 

CDV = Σ CDV(ingredjent i)

fejn il-piż (i) huwa l-piż ta’ l-ingredjent (fi grammi) għal kull unità funzjonali. DF (i) huwa l-fattur ta’ degradazzjoni u TF kroniku (i) huwa l-fattur ta’ tossiċità ta’ l-ingredjent (f’milligrammi/litru).

Il-valuri tad-DF u tat-TF kroniku għandhom ikunu bħal dawk elenkati fil-Parti A tal-lista tad-Database ta’ Ingredjenti ta’ Deterġenti (lista DID – Parti A). Jekk l-ingredjent ikkonċernat mhux inkluż fil-parti A tal-lista DID, l-applikant għandu jikkalkula dawn il-valuri billi jsegwi l-proċedura deskritta fil-Parti B tal-lista DID. Iċ-CDV tal-prodott hija s-somma totali taċ-CDV(tox) ta’ kull ingredjent.

Iċ-CDV totali tal-prodott ma għandhiex tkun ogħla minn dawn il-valuri:

 

Shampoo, prodotti li jintużaw fil-ħasil taħt id-doċċa u spapen likwidi: 20 000 l/g AC

 

Sapun solidu: 3 500 l/g AC

 

Conditioner: 30 000 l/g AC

Il-valutazzjoni u verifika:

Għandha tingħata l-formulazzjoni eżatta tal-prodott. U barra minn hekk, id-deskrizzjoni kimika eżatta ta’ l-ingredjenti (pereżempju, identifikazzjoni skond in-nomenklatura IUPAC, numru tas-SAC (Cas-no), nomenklatura INCI, purità, tip u perċentwali ta’ impuritajiet, addittivi; għal taħlitiet, pereżempju surfactants: In-numru DID, il-kompożizzjoni u l-ispektrum tad-distribuzzjoni ta’ homologues, isomeri u ismijiet kummerċjali).

Għandhom jingħataw kopji ta’ l-iskeda tad-Data dwar is-Sikurezza tal-Materjal għall-ingredjenti kollha.

Il-kalkolu tas-CDV u r-riżultat tiegħu għandhom jingħataw fid-dettall. Għandu jingħata n-numru xieraq ta’ l-ingredjenti kollha li jidhru fil-lista DID. Fil-każ ta’ l-ingredjenti li ma humiex inklużi fil-lista DID, għandhom jiġu ppreżentati l-metodi ta’ ttestjar għall-ekotossiċità (effetti fit-tul (data NOEC) fuq il-ħut, Daphnia magna, u algi), bijodigradazzjoni u bijoakkumulazzjoni flimkien mar-riżultati tagħhom. Ir-referenzi għat-testijiet rilevanti għandhom ikunu l-Annessi xierqa tad-Direttiva tal-Kunsill 67/548/KEE (1).

2.   Prodotti li jagħmlu ħsara lill-ambjent

Il-prodott ma għandux jissodisfa r-rekwiżiti ta’ klassifikazzjoni għal kwalunkwe waħda minn dawn il-frażijiet ta’ riskju tad-Direttiva 67/548/KEE:

 

N, R50/53: (WR50/53/25 %) ≥ 1

 

N, R51/53: ((WR50/53/2.5 %)+(WR51/53/25 %)) ≥ 1

 

R52/53: ((WR50/53/0.25 %)+(WR51/53/2.5 %)+(WR52/53/25 %)) ≥ 1

 

WR50/53 = Il-perċentwali skond il-piż ta’ l-ingredjenti li jistgħu jiġu kklassifikati bħala R50/53.

 

WR51/53 = Il-perċentwali skond il-piż ta’ l-ingredjenti li jistgħu jiġu kklassifikati bħala R51/53.

 

WR52/53 = Il-perċentwali skond il-piż ta’ l-ingredjenti li jistgħu jiġu kklassifikati bħala R52/53.

Ma jitqiesux l-aġenti ta’ l-għarik/brix preżenti fil-prodotti għall-ħasil ta’ l-idejn.

Il-valutazzjoni u verifika:

Għandhom jingħataw ir-riżultati tat-testijiet għat-tossiċità ta’ l-ilma u l-bijodigradazzjoni ta’ l-ingredjenti kkonċernati, liema testijiet ikunu saru skond il-metodi deskritti fil-Parti 2, metodi ta’ ttestjar, tad-Direttiva 67/548/KEE. Ir-riżultati ta’ tossiċità mill-lista DID ma jistgħux jintużaw għaliex huma valuri medji u mhumiex konformi mad-Direttiva 67/548/KEE.

Jekk il-valur l-aktar baxx tat-tossiċità jkun ≤ 10 mg/l, allura jkollhom jingħataw ir-riżultati tat-testijiet għall–bijoakkumulazzjoni potenzjali (fattur tal-Bijokonċentrazzjoni (BCF) jew logKow). Jekk ma jkunx hemm riżultati disponibbli, l-ingredjent jitqies bħala R 50/53. Japplikaw l-eċċezzjonijiet li ġejjin:

Fwejjaħ u żebgħat: R 51/53.

Addittivi bijoloġiċi, i.e. estratti veġetali u ingredjenti oħra estratti minn pjanti jew annimali u bi ftit jew mingħajr alterazzjoni kimika: R 51/53.

Għandu jitqies kwalunkwe ingredjent (sustanzi jew preparazzjonijiet) li l-konċentrazzjoni tiegħu tkun ogħla minn 0.010 % skond il-piż tal-prodott finali, indipendentament minn jekk intużax fil-formalazzjoni bħala sustanza individwali jew bħala element konstitwenti tal-preparazzjoni. Dan japplika wkoll għal kull ingredjent ta’ kwalunkwe preparazzjoni użat fil-formulazzjoni li jeċċedi 0.010 % skond il-piż tal-prodott finali.

3.   Bijodegradibbiltà Aerobika

a)   Bijodegradibbiltà aerobika tas-surfactants

Kull surfactant użat fil-prodott għandu jkun faċilment bijodigradabbli.

Il-valutazzjoni u verifika:

Il-Korp Kompetenti għandu jingħata l-formulazzjoni eżatta tal-prodott, kif ukoll deskrizzjoni tal-funzjoni ta’ kull ingredjent.

Il-Parti A tal-lista DID tindika jekk xi surfactant speċifiku jkunx aerobikament bijodigradabbli jew le (is-surfactants li huma kklassifikati “R” fil-kolonna dwar il-bijodegradibbiltà aerobika huma faċilment bijodigradabbli). Għal surfactants li m’humiex inklużi fil-Parti A tal-lista DID, għandha tingħata l-informazzjoni rilevanti minn dokumentazzjoni xjentifika jew sorsi oħra, jew ir-riżultati ta’ testijiet xierqa, li juru li dawk is-surfactants huma aerobikament bijodigradabbli. It-testijiet għall-bijodegradibbiltà faċli għandhom ikunu dawk indikati fir-Regolament (KE) Nru 648/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2).

Is-surfactants għandhom jitqiesu bħala faċilment bijodigradabbli jekk il-livell ta’ bijodegradibbiltà (mineralizzazzjoni) mkejjel skond wieħed minn dawn il-ħames testijiet ta’ hawn taħt ikun ta’ l-anqas 60 % fi żmien 28 jum: CO2 headspace test (OECD 310), Carbon dioxide (CO2) Evolution Modified Sturm test (OECD 301B; Direttiva tal-Kunsill 67/548/KEE Anness V.C.4-C), Closed Bottle test (OECD 301D; Direttiva tal-Kunsill 67/548/KEE Anness V.C.4-E), Manometric Respirometry (OECD 301F; Direttiva tal-Kunsill 67/548/KEE Anness V.C.4-D), jew MITI (I) test (OECD 301C; Direttiva tal-Kunsill 67/548/KEE Anness V.C.4-D), jew testijiet ISO li jkunu ekwivalenti għalihom. Skond ma jkunu l-karatteristiċi fiżiċi tas-surfactant, jista’ jintuża xi wieħed minn dawn it-testijiet sabiex jikkonferma l-bijodegradibbiltà faċli, jekk il-livell ta’ bijodegradibbiltà jkun ta’ l-anqas 70 % fi żmien 28 jum: Dissolved Organic Carbon DOC Die-Away (OECD 301A; Direttiva tal-Kunsill 67/548/KEE Anness V.C.4-A) jew Modified OECD Screening DOC Die-Away (OECD 301E, Direttiva tal-Kunsill 67/548/KEE Anness V.C.4-B), jew testijiet ISO li jkunu ekwivalenti għalihom. L-applikabbiltà tal-metodi ta’ ttestjar imsejsa fuq il-kejl ta’ karbonju organiku maħlul (dissolved organic carbon) għandha tkun ġustifikata kif xieraq kif stipulat fir-Regolament (KE) Nru 648/2004.

Għandhom jitqiesu l-ingredjenti kollha (sustanzi u preparazzjonijiet) li jkollhom aktar minn 0.010 % skond il-piż tal-prodott finali. Dan jinkludi wkoll kull ingredjent ta’ kwalunkwe preparazzjoni użat fil-formulazzjoni li jeċċedi 0.010 % skond il-piż tal-prodott finali.

b)   Bijodegradibbiltà aerobika ta’ non-surfactants (aNBDOnon-surf)

Il-kontenut ta’ ingredjenti li mhumiex faċilment bijodigradabbli (jew li ma ġewx ittestjati għall-bijodegradibbiltà aerobika) ma għandux ikun ogħla minn dawn il-livelli:

 

Shampoo, prodotti li jintużaw fil-ħasil taħt id-doċċa u spapen likwidi: 30 mg/g AC

 

Sapun solidu: 15 mg/g AC

 

Conditioner: 50 mg/g AC

Ma jitqiesux l-aġenti ta’ l-għarik/brix preżenti fil-prodotti għall-ħasil ta’ l-idejn.

Għandhom jitqiesu l-ingredjenti kollha (sustanzi u preparazzjonijiet) li jkollhom aktar minn 0.010 % skond il-piż tal-prodott finali. Dan jinkludi wkoll kull ingredjent ta’ kwalunkwe preparazzjoni użat fil-formulazzjoni li jeċċedi 0.010 % skond il-piż tal-prodott finali.

Il-valutazzjoni u verifika:

L-istess bħal fil-każ tar-rekwiżit 3 a).

4.   Bijodegradibbiltà Anerobika (anNBDOtox)

Il-kontenut ta’ ingredjenti li mhumiex degradabbli anerobikament (jew li ma ġewx ittestjati għall-bijodegradibbiltà anerobika) u li l-valur l-aktar baxx ta’ tossiċità akuta LC50 jew EC50 tagħhom huwa anqas minn 100 mg/l (l-istess bħal-limitu ta’ klassifika għall-R52 fid-Direttiva 67/548/KEE) ma għandux ikun ogħla minn dawn il-livelli:

 

Shampoo, prodotti li jintużaw fil-ħasil taħt id-doċċa u spapen likwidi: 25 mg/g AC

 

Sapun solidu: 15 mg/g AC

 

Conditioner: 50 mg/g AC

Ma jitqiesux l-aġenti ta’ l-għarik/brix preżenti fil-prodotti għall-ħasil ta’ l-idejn.

Il-valutazzjoni u verifika:

Il-Parti A tal-lista DID tindika jekk xi ingredjent speċifiku jkunx anerobikament bijodigradabbli jew le (is-surfactants li huma kklassifikati “Y” fil-kolonna dwar il-bijodegradibbiltà anerobika huma bijodigradabbli f’kundizzjonijiet anerobiċi). Għal ingredjenti li m’humiex inklużi fil-Parti A tal-lista DID jew li huma inklużi u kklassifikati “O”, għandha tingħata l-informazzjoni rilevanti minn dokumentazzjoni xjentifika jew sorsi oħra, jew ir-riżultati ta’ testijiet xierqa, li juru li dawk l-ingredjenti huma anerobikament bijodigradabbli. It-test ta’ referenza għal-bijodegradibbiltà anerobika għandu jkun OECD 311, ISO 11734, ECETOC Nru 28 (Ġunju 1988) jew metodu ta’ ttestjar ekwivalenti, bil-ħtieġa ta’ minimu ta’ 60 % bijodegradibbiltà aħħarija taħt kondizzjonijiet anerobiċi. Metodi ta’ ttestjar li jissimulaw il-kondizzjonijiet f’ambjent anerobiku rilevanti jistgħu jintużaw ukoll biex jiddokumentaw li tkun inkisbet 60 % bijodegradibbiltà aħħarija taħt kondizzjonijiet anerobiċi (ara Appendiċi II).

Jekk ikunu disponibbli diversi riżutati tat-tossiċità, għandu jintuża l-aktar valur baxx li jkun ġie kkonfermat. Il-valuri ta’ tossiċità tal-lista DID huma valuri medji li ma jistgħux jintużaw għal dan l-iskop.

Għandhom jitqiesu l-ingredjenti kollha (sustanzi u preparazzjonijiet) li jkollhom aktar minn 0.010 % skond il-piż tal-prodott finali. Dan jinkludi wkoll kull ingredjent ta’ kwalunkwe preparazzjoni użat fil-formulazzjoni li jeċċedi 0.010 % skond il-piż tal-prodott finali.

5.   Fwejjaħ

Kwalunkwe ingredjent miżjud mal-prodott bħala fwieħa għandu jkun ġie manifatturat, itrattat u applikat b’konformità mal-kodiċi ta’ prattika ta’ l-Assoċjazzjoni Internazzjonali tal-Fwieħa..

Il-valutazzjoni u verifika:

Il-manifattur tal-fwieħa għandhu jippreżenta dikjarazzjoni ta’ konformità ma’ dan il-kriterju lill-Korp Kompetenti.

6.   Zebgħa jew kuluranti

La ż-żebgħa organika u l-anqas il-kuluranti ma għandhom ikunu potenzjalment bijoakkumulanti. Fil-każ tal-kuluranti li huma approvati sabiex jintużaw fl-ikel, mhux meħtieġ li tiġi ppreżentata dokumentazzjoni dwar il-potenzjal ta’ bijoakkumulazzjoni. F’dan il-kuntest, il-kulurant jew żebgħa jitqies li huwa potenzjalment bijoakkumulanti jekk il-BCF li jkun ġie imkejjel permezz ta’ esperiment jinstab li huwa ogħla minn 100. Jekk ir-riżultat tat-test għall-BCF (Fattur ta’ Bijokonċentrazzjoni) ma jkunx disponibbli, il-bijoakkumulazzjoni tista’ titkejjel permezz tal-logPow (koeffiċjent ta’ separazzjoni fl-octanol/ilma - log.octanol/water partition coefficient). Jekk il-logPow ikun inqas minn 3.0, il-kulurant jitqies bħala potenzjalment bijoakkumulanti.

Il-valutazzjoni u verifika:

Il-manifattur għandu jippreżenta rapport tat-test jew ir-riżultat ippubblikat flimkien ma’ referenza għall-pubblikazzjoni. Jekk iż-żebgħa jew il-kulurant ikunu ġew approvati sabiex jintużaw fl-ikel, il-manifattur għandu jippreżenta dikjarazzjoni li ssemmi dan il-fatt.

7.   Bijoċidi

a)   Il-prodott jista’ biss jinkludi bijoċidi biex il-prodott ikun ippreservat, u fid-dożaġġ xieraq għal dan il-għan biss. Dan ma japplikax għas-surfactants, li wkoll jista’ jkollhom proprjetajiet bijoċidali.

Il-valutazzjoni u verifika:

Il-manifattur għandu jippreżenta kopji ta’ l-Iskeda tad-Data dwar is-sikurezza tal-materjal għal kwalunkwe preservattiv miżjud, flimkien ma’ tagħrif dwar il-konċentrazzjoni eżatta tiegħu fil-prodott. Il-manifattur jew fornitur tal-preservattivi għandi jipprovdi tagħrif dwar id-dożaġġ meħtieġ għall-preservazzjoni tal-prodott.

b)   Il-bijoċidi, kemm bħala parti mill-formulazzjoni kif ukoll bħala parti minn kwalunkwe preparazzjoni inkluża fil-formulazzjoni, li jintużaw biex jippreservaw il-prodott u li jissodisfaw il-kriterji għall-klassifikazzjoni mal-frażi ta’ riskju R50-53 jew R51-53, b’konformità mad-Direttiva 67/548/KEE jew mad-Direttiva 1999/45/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), huma permessi biss jekk ma jkunux potenzjalment bijoakkumulanti. F’dan il-kuntest, bijoċida titqies bħala potenzjalment bijoakkumulanti jekk il-fattur ta’ bijokonċentrazzjoni (BCF) ikun ogħla minn 100 jew, jekk ma jkunx hemm valuri ta’ BCF disponibbli, jekk il-logPow (koeffiċjent ta’ separazzjoni fl-octanol/ilma) ikun ogħla minn 3.0.

Il-valutazzjoni u verifika:

Għandhom jiġu ppreżentati r-riżultati tat-testijiet għat-tossiċità ta’ l-ilma. Jekk l-aktar tossiċità baxxa tkun ≤ 10 mg/l, għandu jiġi ppreżentat ir-riżultat ta’ test għall-bijodegradibbiltà faċli. Jekk il-bijoċida ma jkunx faċilment bijodigradabbli, għandhom jiġu ppreżentati r-riżultati ta’ testijiet għall-potenzjal ta’ bijoakkumulazzjoni. Il-proċeduri tat-test huma speċifikati fid-Direttiva 67/548/KEE.

c)   Il-preservattivi ma għandhomx jirrilaxxaw sustanzi li huma klassifikati skond il-kriterju 8a.

Il-valutazzjoni u verifika:

Dikjarazzjoni kompluta u ffirmata mil-manifattur tal-bijoċida.

8.   ingredjenti li huma ta’ periklu għall-ambjent

Ir-rekwiżiti jikkonċernaw l-ingredjenti kollha (sustanzi u preparazzjonijiet) li jkollhom aktar minn 0.010 % skond il-piż tal-prodott finali. Dan jinkludi wkoll kull ingredjent ta’ kwalunkwe preparazzjoni użat fil-formulazzjoni li jeċċedi 0.010 % skond il-piż tal-prodott finali.

a)   Ingredjenti kklassifikati

Ebda sustanza kostitwenti ma għandha tiġi kklassifikata bħala karċinoġenika (Carc), Mutaġenika (Mut) jew li hi tossika għar-riproduzzjoni (Rep), b’kunsiderazzjoni għar-regoli għall-awtoklassifikazzjoni fil-kategorija III.

Il-valutazzjoni u verifika:

kopji ta’ l-iskedi tad-Data dwar is-Sikurezza tal-Materjal għandhom jiġu pprovduti għall-ingredjenti kolla (sew sustanzi jew preparazzjonijiet). L-applikant għandu jippreżenta dikjarazzjoni ffirmata li tkun ġiet ippreparata mill-manifattur ta’ l-ingredjenti u li turi li huma konformi ma’ dan il-kriterju.

b)   Ingredjenti speċifikament esklużi

L-ingredjenti li ġejjin m’għandhomx ikunu inklużi fil-prodott, sew bħala parti mill-formulazzjoni jew bħala parti ta’ xi preparazzjoni inkluża fil-formulazzjoni:

Alkyl phenol ethoxylates (APEOs) u derivattivi oħra ta’ l-alkyl phenol

NTA (nitrilo-tri-acetate)

Aċidu boriku, borates u perborates

Nitromusks u polycyclic musks

Il-valutazzjoni u verifika:

Għandha tiġi ppreżentata dikjarazzjoni kompluta u ffirmata mil-manifattur tal-bijoċida.

c)   Ingredjenti speċifikament esklużi

Ethylenediaminetetraacetate (EDTA) u l-imluħ tiegħu u phosphonates li mhumiex faċilment bijodigradabbli jistgħu jiżdiedu biss mas-sapun solidu u sa kontenut massimu ta’ 0.6 mg/g AC biss.

Il-valutazzjoni u verifika:

Għandha tiġi ppreżentata dikjarazzjoni kompluta u ffirmata mill-manifattur tal-bijoċida.

9.   Pakkeġġar

a)   Ir-Relazzjoni ta’ Piż/Kontenut (WCR – Weight/Content Relationship) għandha tkun inqas minn 0.30 g ta’ ppakkeġġar għal kull gramma tal-prodott, u tinħadem hekk:

Formula

Fejn;

Wi

=

il-piż (fi grammi) tal-komponent ta’ ppakkeġġar i (dan japplika għall-ippakkeġġar primarju u dak sekondarju wkoll), inkluż kwalunkwe tikketti.

Ni

=

il-piż (fi grammi) tal-komponent ta’ ppakkeġġar li jiġi mill-materja prima u mhux minn sorsi riċiklati (dan japplika għall-ippakkeġġar primarju u dak sekondarju wkoll). Jekk il-komponent ta’ ppakkeġġar ma jkunx fih materja riċiklata, allura Ni = Wi.

Di

=

il-piż (fi grammi) tal-prodott kontenut fil-komponent ta’ ppakkeġġar.

r

=

in-numru ta’ Ritorn, i.e. l-għadd ta’ drabi li l-komponent ta’ ppakkeġġar i jintuża għall-istess skop permezz ta’ sistema ta’ ritorn u mili mill-ġdid (jekk ma jkunx speċifikat mod ieħor, r = 1 jekk ma jsirx użu mill-ġdid).

Jekk l-ippakkeġġar jerġa’ jintuża, r tiġi stabbilita bħala 20 għall-materjali plastiċi u bħala 10 għall-kartun korrugat, sakemm l-applikant ma jkunx jista’ juri numru akbar.

Il-valutazzjoni u verifika:

Preżentazzjoni tal-kalkolu tal-WCR.

b)   Tikkettar ta’ l-ippakkeġġar

Sabiex ikunu jistgħu jiġu identifikati l-partijiet differenti ta’ l-ippakkeġġar għar-riċiklaġġ, il-partijiet ta’ materjal plastiku ta’ l-ippakkeġġar primarju għandhom jiġu mmarkati skond il-Parti 2 tad-DIN 6120 jew l-ekwivalenti. Dan ir-rekwiżit mhuwiex meħtieġ għall-għeluq u pompi tal-kontenituri.

Il-valutazzjoni u verifika:

Dikjarazzjoni kompluta u ffirmata.

Kampjun ta’ ppakkeġġar primarju.

c)   Dożaġġ

L-ippakkeġġar għandu jkun iddiżinjat b’mod li d-dożaġġ korrett ikun faċli li jsir, pereżempju billi jiżgura li l-ftuħ fil-wiċċ ma jkunx wiesa’ ż-żejjed.

Il-valutazzjoni u verifika:

Deskrizzjoni tal-mezz ta’ dożaġġ.

d)   L-ippakkeġġar ma għandux ikollu addittivi abbażi tal-Kadmju jew Merkurju jew taħlitiet li jinkludu dawn l-elementi, u lanqas addittivi li ma jissodisfawx il-kriterju 8.

Il-valutazzjoni u verifika:

Dikjarazzjoni mill-produttur ta’ l-ippakkeġġar.

10.   Dispożizzjoni għal użu

Id-dispożizzjoni għall-użu tal-prodott għandha tintwera jew permezz ta’ test(ijiet) li jsiru fil-laboratorji jew permezz ta’ test tal-konsumaturi.

It-test għandu jsir b’konformità mal-linji ta’ gwida mniżżla fl-Appendiċi I dwar l-ittestjar għall-effiċjenza tal-prodott.

Il-valutazzjoni u verifika:

Rapport minn test li sar f’laboratorju jew minn test tal-konsumaturi li jixhed effiċjenza sodisfaċenti.

11.   Informazzjoni li tidher fuq l-ekotikketta

B’konformità ma’ l-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 1980/2000, Kaxxa 2 ta’ l-ekotikketta għandha tinkludi t-test li ġej:

“*

Impatt minimu fuq ekosistemi akwatiċi

*

jissodisfa rekwiżiti stretti ta’ bijodegradibbiltà

*

jillimita l-ħela ta’ ppakkeġġar”

Il-valutazzjoni u verifika:

L-applikant għandu jipprovdi kampjun ta’ l-ippakkeġġar tal-prodott li juri t-tikketta, flimkien ma’ dikjarazzjoni ta’ konformità ma’ dan il-kriterju.


(1)   ĠU 196, 16.8.1967, p. 1-98.

(2)   ĠU L 104, 8.4.2004, p. 1-35.

(3)   ĠU L 200, 30.07.1999, p. 1.

L-Appendiċi I

Linji ta’ gwida għat-test tar-rendiment

L-effiċjenza tar-rendiment tal-prodott tista’ tintwera jew permezz ta’ test(ijiet) li jsiru fil-laboratorji jew permezz ta’ test tal-konsumaturi. Jekk jintuża test f’laboratorju, it-test tal-produttur stess ikun aċċettabbli. Madankollu, l-applikant għandu juri li t-test jindika kejl tar-rendiment tal-prodott.

Jekk jintuża test tal-konsumaturi, dan għandu jsegwi dawn il-linji ta’ gwida:

Test tal-konsumaturi għandu jinkludi mill-anqas 10 min-nies. Il-konsumaturi għandhom jiġu mistoqsija dwar l-effiċjenza tal-prodott meta mqabbel ma’ prodott ewlieni fis-suq. Mill-anqas, il-mistogsijiet li jsiru lill-konsumaturi għandhom ikopru dawn l-aspetti:

1.

X’rendiment għandu l-prodott meta mqabbel mal-prodott ewlieni fis-suq?

2.

Kemm huwa faċli li tapplika d-dożaġġ mixtieq tal-prodott meta mqabbel mal-prodott ewlieni fis-suq?

3.

Kemm huwa faċli li tapplika l-prodott fuq ix-xagħar u/jew ġilda meta mqabbel mal-prodott ewlieni fis-suq?

Mill-anqas 80 % tal-konsumaturi għandhom ikunu mill-anqas dagstant sodisfatti bil-prodott daqs kemm bil-prodott ewlieni fis-suq.

L-Appendiċi II

Dokumentazzjoni dwar il-bijodegradibbiltà anerobika

Fil-każ ta’ kwalunkwe ingredjenti li mhumiex inklużi fil-lista DID, jista’ jintuża l-metodu ta’ hawn taħt sabiex tiġi pprovduta d-dokumentazzjoni meħtieġa dwar il-bijodegradibbiltà anerobika.

Estrapolazzjoni b’manjiera raġonevoli. Għandhom jintużaw ir-riżultati ta’ testijiet li jkunu saru fuq materja prima waħda sabiex jiġi estrapolat il-valur tal-bijodegradibbiltà anerobika ta’ surfactants li jkunu relatati strutturalment. Jekk il-valur ta’ bijodegradibbiltà anerobika ta’ surfactant (jew ta’ xi grupp ta’ homologues) skond il-lista DID ikun ġie kkonfermat, wieħed jista’ jassumi li tip ta’ surfactant li jkun simili (pereżempju, C12-15 A 1-3 EO sulphate (DID Nru 8) huwa anerobikament bijodegradabbli wkoll, u wieħed jista’ jassumi li l-istess bijodegradibbiltà anerobika tapplika wkoll għal C12-15 A 6 EO sulphate). Jekk il-valur ta’ bijodegradibbiltà anerobika ta’ surfactant ikun ġie kkonfermat permezz ta’ test xieraq, wieħed jista’ jassumi li tip ta’ surfactant li jkun simili huwa anerobikament bijodegradabbli wkoll (pereżempju, dokumentazzjoni xjentifika li tikkonferma l-bijodegradibbiltà anerobika ta’ surfactants tal-grupp alkyl ester ammonium salts tista’ tintuża bħala dokumentazzjoni għall–bijodegradibbiltà anerobika simili ta’ imlieħ ta’ quaternary ammonium li jkun fihom ester-linkages fl-alkyl chain(s)).

Screening test għall-bijodegradibbiltà anerobika. Jekk ikun meħtieġ l-ittestjar mill-ġdid, għandu jsir screening test permezz ta’ l-użu ta’ l-OECD 311, ISO 11734, ECETOC Nru. 28 (Ġunju 1988) jew xi metodu ekwivalenti.

Low dosage test għall-bijodegradibbiltà. Jekk ikun meħtieġ l-ittestjar mill-ġdid, u fil-każ li jkun hemm xi problemi waqt l-iscreening test, (pereżempju, inibizzjoni kkawżata mit-tossiċità tas-sustanza li tkun qed tiġi ttestjata), għandu jsir l-istess test għal darb’oħra iżda b’dożaġġ baxx tas-surfactant u b’monitoraġġ tad-degradazzjoni permezz ta’ kejl tal-valur tal-14C jew permezz ta’ analiżi kimika. L-ittestjar b’dożaġġ baxx jista’ jsir permezz ta’ l-użu ta’ l-OECD 308 (24 ta’ April 2002) jew ta’ xi metodu ekwivalenti basta jiġu applikati kundizzjonijiet anerobiċi stretti. L-ittestjar u l-interpretazzjoni tar-riżultati tiegħu għandhom isiru minn espert indipendenti.