18.7.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 186/32


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

ta’ l-10 ta’ Lulju 2007

skond l-Artikolu 122(2) tat-Trattat tal-KE dwar l-adozzjoni minn Malta tal-munita unika fl-1 ta’ Jannar 2008

(2007/504/KE)

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 122(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra r-rapport mill-Kummissjoni (1),

Wara li kkunsidra r-rapport mill-Bank Ċentrali Ewropew (2),

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (3),

War li kkunsidra d-diskussjoni tal-Kunsill, imlaqqa’ fil-kompożizzjoni ta’ Kapijiet ta’ Stati jew ta’ Gvernijiet,

Billi:

(1)

It-tielet fażi ta’ l-unjoni ekonomika u monetarja (UEM) bdiet fl-1 ta’ Jannar 1999. Il-Kunsill, imlaqqa’ fi Brussell fit-3 ta’ Mejju 1998 fil-kompożizzjoni tal-Kapijiet ta’ Stati jew ta’ Gvernijiet, iddeċieda li l-Belġju, il-Ġermanja, Spanja, Franza, l-Irlanda, l-Italja, il-Lussemburgu, l-Olanda, l-Awstrija, il-Portugall u l-Finlandja kienu jissodisfaw il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-adozzjoni tal-munita unika fl-1 ta’ Jannar 1999 (4).

(2)

Il-Kunsill iddeċieda fid-19 ta’ Ġunju 2000 li l-Ġreċja kienet tissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-adozzjoni tal-munita unika fl-1 ta’ Jannar 2001 (5). Fil-11 ta’ Lulju 2006, il-Kunsill iddeċieda li s-Slovenja kienet tissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-adozzjoni ta’ l-euro fl-1 ta’ Jannar 2007 (6).

(3)

Skond il-paragrafu 1 tal-Protokoll dwar ċerti dispożizzjonijiet rigward ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq anness mat-Trattat, ir-Renju Unit innotifika lill-Kunsill li ma kienx biħsiebu jgħaddi għat-tielet fażi ta’ l-UEM fl-1 ta’ Jannar 1999. Din in-notifika ma tbiddlitx. Skond il-paragrafu 1 tal-Protokoll dwar ċerti dispożizzjonijiet rigward id-Danimarka anness mat-Trattat u d-Deċiżjoni meħuda mill-Kapijiet ta’ Stat jew Gvernijiet f’Edinburgu f’Diċembru 1992, id-Danimarka nnotifikat lill-Kunsill li ma kenitx sejra tieħu sehem fit-tielet fażi ta’ l-UEM. Id-Danimarka ma talbitx li tinbeda l-proċedura msemmija fl-Artikolu 122(2) tat-Trattat.

(4)

Permezz tad-Deċiżjoni 98/317/KE, l-Iżvezja għandha deroga kif definita fl-Artikolu 122 tat-Trattat. Skond l-Artikolu 4 ta’ l-Att ta’ l-Adeżjoni ta’ l-2003 (7), ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, Ċipru, il-Latvja, il-Litwanja, l-Ungerija, Malta, il-Polonja u s-Slovakkja għandhom deroga kif definita fl-Artikolu 122 tat-Trattat. Skond l-Artikolu 5 ta’ l-Att ta’ l-Adeżjoni ta’ l-2005 (8), il-Bulgarija u r-Rumanija għandhom deroga kif definit fl-Artikolu 122 tat-Trattat.

(5)

Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) ġie stabbilit fl-1 ta’ Lulju 1998. Is-Sistema Monetarja Ewropea ġiet sostitwita minn mekkaniżmu tar-rati tal-kambju, li t-twaqqif tiegħu ġie miftiehem permezz ta’ riżoluzzjoni tal-Kunsill Ewropew tas-16 ta’ Ġunju 1997 dwar l-istabbiliment ta’ mekkaniżmu tar-rati tal-kambju fit-tielet fażi ta’ l-unjoni ekonomika u monetarja (9). Il-proċeduri għal mekkaniżmu tar-rati tal-kambju fit-tielet fażi ta’ l-unjoni ekonomika u monetarja (ERM II) ġew stabbiliti fil-Ftehim ta’ l-1 ta’ Settembru 1998 bejn il-BĊE u l-banek ċentrali nazzjonali ta’ l-Istati Membri barra ż-żona ta’ l-euro li jistabbilixxi l-proċeduri operattivi għal mekkaniżmu tar-rati tal-kambju fit-tielet fażi ta’ l-unjoni ekonomika u monetarja (10).

(6)

L-Artikolu 122(2) tat-Trattat jistabbilixxi l-proċeduri għat-tneħħija tad-derogi ta’ l-Istati Membri kkonċernati. Skond dak l-Artikolu, talanqas darba kull sentejn, jew inkella fuq talba ta’ Stat Membru b’deroga, il-Kummissjoni u l-BĊE għandhom jirrappurtaw lill-Kunsill skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 121(1) tat-Trattat. Fis-27 ta’ Frar 2007, Malta ressqet talba formali għal valutazzjoni tal-konverġenza.

(7)

Il-leġiżlazzjoni nazzjonali fl-Istati Membri, inklużi l-istatuti tal-banek ċentrali nazzjonali, se jiġu adattati skond il-ħtieġa bil-għan li tiġi żgurata l-kompatibbiltà ma’ l-Artikoli 108 u 109 tat-Trattat u l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali (minn hawn ‘il quddiem magħruf bħala “l-Istatut tas-SEBĊ”). Ir-rapporti tal-Kummissjoni u tal-BĊE jagħtu evalwazzjoni dettaljata tal-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni ta’ Malta ma’ l-Artikoli 108 u 109 tat-Trattat u u l-Istatut tas-SEBĊ.

(8)

Skond l-Artikolu 1 tal-Protokoll dwar il-kriterji ta’ konverġenza msemmija fl-Artikolu 121 tat-Trattat, il-kriterju dwar l-istabbiltà tal-prezzijiet imsemmi fl-ewwel inċiż ta’ l-Artikolu 121(1) tat-Trattat ifisser li Stat Membru ikollu prestazzjoni tal-prezzijiet li tkun sostenibbli u rata medja ta’ inflazzjoni, li tkun ġiet osservata matul perjodu ta’ sena qabel l-eżami, li ma tkunx taqbeż b’iktar minn punt perċentwali u nofs dik ta’, l-aktar nett, it-tliet Stati Membri bl-aħjar prestazzjonijiet f’termini ta’ stabbiltà tal-prezzijiet. Għall-finijiet tal-kriterju dwar l-istabbiltà tal-prezzijiet, l-inflazzjoni titkejjel permezz ta’ l-indiċijiet armonizzati tal-prezzijiet għall-konsumatur (HICPs) definiti fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2494/95 (11). Għall-evalwazzjoni tal-kriterju ta’ l-istabbiltà tal-prezzijiet, l-inflazzjoni ta’ Stat Membru titkejjel permezz tal-bidla perċentwali fil-medja aritmetika ta’ 12-il indiċi mensili f’relazzjoni mal-medja aritmetika tat-12-il indiċi mensili tal-perjodu ta’ qabel. Fil-perjodu ta’ sena li ntemm f’Marzu 2007, it-tliet Stati Membri li laħqu l-aqwa riżultati f’dik li hi l-istabbiltà tal-prezzijiet kienu l-Finlandja, il-Polonja u l-Iżvezja, b’rati rispettivi ta’ inflazzjoni ta’ 1,3 %, 1,5 % u 1,6 %. Fir-rapporti tal-Kummissjoni u tal-BĊE, tqies valur ta’ referenza kkalkulat bħala l-medja artimetika sempliċi tar-rati ta’ inflazzjoni tat-tliet Stati Membri bl-aħjar riżultati f’dik li hi l-istabbiltà tal-prezzijiet bl-addizzjoni ta’ 1,5 punti perċentwali. Abbażi ta’ dan, il-valur ta’ referenza fil-perjodu ta’ sena li ntemm f’Marzu 2007 kien 3,0 %.

(9)

Skond l-Artikolu 2 tal-Protokoll dwar il-kriterji ta’ konverġenza, il-kriterju dwar il-pożizzjoni baġitarja tal-gvern li jissemma fit-tieni inċiż ta’ l-Artikolu 121(1) tat-Trattat ifisser li fil-waqt ta’ l-eżami, l-Istat Membru ma jkunx is-suġġett ta’ Deċiżjoni tal-Kunsill taħt l-Artikolu 104(6) tat-Trattat dwar l-eżistenza ta’ żbilanċ eċċessiv.

(10)

Skond l-Artikolu 3 tal-Protokoll dwar il-kriterji ta’ konverġenza, il-kriterju dwar il-parteċipazzjoni fil-mekkaniżmu tar-rati tal-kambju tas-Sistema Monetarja Ewropea li jissemma fit-tielet inċiż ta’ l-Artikolu 121(1) tat-Trattat ifisser li Stat Membru jkun irrispetta l-marġni għall-varjazzjonijiet normali li jipprovdi għalihom il-mekkaniżmu tar-rati tal-kambju (ERM) tas-Sistema Monetarja Ewropea mingħajr tensjonijiet gravi għal talanqas l-aħħar sentejn qabel l-eżami. Partikolarment, l-Istat Membru ma għandux ikun żvaluta r-rata ċentrali bilaterali tal-munita tiegħu kontra l-munita ta’ kwalunkwe Stat Membru ieħor, fuq inizjattiva tiegħu stess matul l-istess perjodu. Mill-1 ta’ Jannar 1999 l-ERM II jipprovdi l-qafas għall-evalwazzjoni ta’ jekk il-kriterju tar-rata tal-kambju jkunx sodisfatt. Fl-evalwazzjoni ta’ jekk dan il-kriterju jkunx sodisfatt fir-rapporti tagħhom, il-Kummissjoni u l-BĊE eżaminaw il-perjodu ta’ sentejn li ntemm fis-26 ta’ April 2007.

(11)

Skond l-Artikolu 4 tal-Protokoll dwar il-kriterji ta’ konverġenza, il-kriterju dwar il-konverġenza tar-rati ta’ imgħax li jissemma fir-raba’ inċiż ta’ l-Artikolu 121(1) tat-Trattat ifisser li, fuq osservazzjoni matul perjodu ta’ sena qabel l-eżami, Stat Membru kellu medja tar-rati ta’ imgħax nominali fit-tul li ma jaqbiżx b’aktar minn żewġ punti perċentwali dik ta’, l-aktar nett, it-tliet Stati Membri bl-aħjar riżultati f’termini ta’ stabbiltà tal-prezzijiet. Għall-finijiet tal-kriterji dwar il-konverġenza tar-rati ta’ imgħax, intużaw rati ta’ imgħax komparabbli fuq bonds ta’ referenza ta’ 10 snin maħruġa mill-gvern. Fir-rapporti tal-Kummissjoni u tal-BĊE, sabiex jiġi evalwat jekk il-kriterju tar-rati ta’ imgħax kienx sodisfatt, tqies valur ta’ referenza kkalkulat bħala l-medja artimetika sempliċi tar-rati ta’ imgħax nominali fit-tul tat-tliet Stati Membri bl-aħjar riżultati f’dik li hi l-istabbiltà tal-prezzijiet bl-addizzjoni ta’ żewġ punti perċentwali. Abbażi ta’ dan, il-valur ta’ referenza fil-perjodu ta’ sena li ntemm f’Marzu 2007 kien 6,4 %.

(12)

Skond l-Artikolu 5 tal-Protokoll dwar il-kriterji ta’ konverġenza, id-data fil-forma ta’ statistika użata fl-evalwazzjoni preżenti ta’ jekk il-kriterji ta’ konverġenza jkunux sodisfatti għandha tiġi pprovduta mill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni pprovdiet id-data meħtieġa għat-tħejjija ta’ din id-Deċiżjoni. Il-Kummissjoni pprovdiet id-data baġitarja abbażi tar-rapporti ppreżentati mill-Istati Membri qabel l-1 ta’ April 2007 bi qbil mar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3605/93 tat-22 ta’ Novembru 1993 dwar l-applikazzjoni tal-Protokoll dwar il-proċedura ta’ żbilanċ eċċessiv anness mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea (12).

(13)

Abbażi tar-rapporti mressqa mill-Kummissjoni u l-BĊE dwar il-progress li sar fl-issodisfar min-naħa ta’ Malta ta’ l-obbligi tagħha rigward il-kisba ta’ l-unjoni ekonomika u monetarja, il-Kummissjoni tasal għall-konklużjoni li:

F’Malta, il-leġiżlazzjoni nazzjonali, inkluż l-Istatut tal-bank ċentrali nazzjonali, hija kompatibbli ma’ l-Artikoli 108 u 109 tat-Trattat u ma’ l-Istatut tas-SEBĊ;

Rigward l-issodisfar min-naħa ta’ Malta tal-kriterji ta’ konverġenza msemmija fl-erba’ inċiżi ta’ l-Artikolu 121(1) tat-Trattat:

ir-rata medja ta’ l-inflazzjoni f’Malta fis-sena li ntemmet f’Marzu 2007 kienet ta’ 2,2 %, li hija aktar baxxa mill-valur ta’ referenza, u x’aktarx tibqa’ taħt il-valur ta’ referenza fix-xhur li ġejjin;

l-iżbilanċ finanzjarju f’Malta għadda minn tnaqqis kredibbli u sostenibbli għal anqas minn 3 % tal-PGD, u l-proporzjon tad-dejn mal-PGD ilu għal xi żmien jonqos lejn il-valur ta’ referenza ta’ 60 %; il-Kummissjoni għaldaqstant irrakkomandat lill-Kunsill biex iħassar id-Deċiżjoni dwar l-eżistenza ta’ żbilanċ eċċessiv f’Malta;

Malta ilha membru ta’ l-ERM II mit-2 ta’ Mejju 2005; fil-perjodu ta’ sentejn li ntemm fis-26 ta’ April 2007, il-lira Maltija (MTL) ma kenitx soġġetta għal tensjonijiet gravi u Malta ma żvalutatx, fuq inizjattiva tagħha stess, ir-rata ċentrali bilaterali tal-MTL kontra l-euro;

fis-sena li ntemmet f’Marzu 2007, ir-rata ta’ imgħax fit-tul f’Malta kienet fil-medja 4,3 %, li huwa taħt il-valur ta’ referenza.

Malta laħqet grad għoli ta’ konverġenza sostenibbli b’referenza għal dawn il-kriterji.

Għalhekk Malta tissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-adozzjoni tal-muniuta unika.

(14)

Bid-Deċiżjoni 2007/464/KE (13), il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi fuq rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni, ħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-eżistenza ta’ żbilanċ eċċessiv.

(15)

Skond l-Artikolu 122(2) tat-Trattat, il-Kunsill, permezz ta’ maġġoranza kkwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni, jiddeċiedi liema Stati Membri b’deroga jissodisfaw il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-adozzjoni tal-munita unika u jħassar id-derogi ta’ l-Istati Membri kkonċernati,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Malta tissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-adozzjoni tal-munita unika. Id-deroga favur Malta msemmija fl-Artikolu 4 ta’ l-Att ta’ l-Adeżjoni ta’ l-2003 għandha titneħħa mill-1 ta’ Jannar 2008.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Magħmula fi Brussell, 10 ta’ Lulju 2007.

Għall-Kunsill

Il-President

F. TEIXEIRA DOS SANTOS


(1)  Rapport adottat fis-16 ta’ Mejju 2007.

(2)  Rapport adottat fis-16 ta’ Mejju 2007.

(3)  Opinjoni mogħtija fl-20 ta’ Ġunju 2007 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(4)  Id-Deċiżjoni 98/317/KE (ĠU L 139, 11.5.1998, p. 30).

(5)  Id-Deċiżjoni 2000/427/KE (ĠU L 167, 7.7.2000, p. 19).

(6)  Id-Deċiżjoni 2006/495/KE (ĠU L 195, 15.7.2006, p. 25).

(7)   ĠU L 236, 23.9.2003, p. 33.

(8)   ĠU L 157, 21.6.2005, p. 203.

(9)   ĠU C 236, 2.8.1997, p. 5.

(10)   ĠU C 345, 13.11.1998, p. 6. Ftehim kif emendat mill-Ftehim ta’ l-14 ta’ Settembru 2000 (ĠU C 362, 16.12.2000, p. 11).

(11)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2494/95 tat-23 ta’ Ottubru 1995 dwar l-indiċijiet armonizzati tal-prezzijiet għall-konsumatur (ĠU L 257, 27.10.1995, p. 1). Regolament kif emendat bir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1882/2003 (ĠU L 284, 31.10.2003, p. 1).

(12)   ĠU L 332, 31.12.1993, p. 7. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 2103/2005 (ĠU L 337, 22.12.2005, p. 1).

(13)   ĠU L 176, 6.7.2007, p. 19.