13.7.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 183/46


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tas-7 ta’ Marzu 2007

Dwar l-Għajnuna mill-Istat Ċ 41/2004 (ex N 221/2004) Il-Portugall – Għajnuna ta’ l-Investiment lil ORFAMA, Organização Fabril de Malhas S.A.

(notifikata taħt id-dokument numru C(2007) 638)

(Il-verżjoni Portugiża biss hija awtentika)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2007/494/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 88(2) tiegħu,

Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 62(1)(a) tiegħu,

Wara li sejħet lill-partijiet interessati sabiex jissottomettu l-kummenti tagħhom skond dawk id-dispożizzjonijiet (1) u wara li kkunsidrat il-kummenti tagħhom,

Billi:

I.   PROĊEDURA

(1)

B’ittra tal-5 ta’ Mejju 2004 (reġistrata li waslet fid-19 ta’ Mejju), il-Portugall innotifika lill-Kummissjoni bl-intenzjoni tiegħu li jipprovdi għajnuna lil Organização Fabril de Malhas S.A. (minn issa ‘l quddiem “ORFAMA”) sabiex jgħin il-finanzjament ta’ investiment mill-kumpannija fil-Polonja. Il-Kummissjoni talbet aktar informazzjoni b’ittra tal-15 ta’ Lulju 2004, li għaliha l-Portugall wieġeb b’ittra tat-30 ta’ Settembru 2004 (reġistrata li waslet fil-5 ta’ Ottubru).

(2)

B’ittra tas-6 ta’ Diċembru 2004, il-Kummissjoni infurmat lill-Portugall li kienet iddeċidiet tibda l-proċedura stipulata fl-Artikolu 88(2) tat-Trattat tal-KE fir-rigward ta’ l-għajnuna.

(3)

B’ittra ta’ l-4 ta’ Frar 2005 (reġistrata li waslet fid-9 ta’ Frar), l-awtoritajiet Portugiżi ppreżentaw il-kummenti tagħhom fil-kuntest tal-proċedura hawn fuq msemmija.

(4)

Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tibda l-proċedura ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea  (2). Il-Kummissjoni sejħet lill-partijiet interessati sabiex jissottomettu l-kummenti tagħhom. Ma kienx hemm kummenti minn partijiet terzi.

II.   DESKRIZZJONI DETTALJATA TA’ L-GĦAJNUNA

Il-benefiċjarju

(5)

ORFAMA hija produttur ta’ fashion knitwear li tinsab fi Braga, reġjun li jaqa’ taħt l-Artikolu 87(3)(a) tat-Trattat tal-KE. Ġiet mwaqqfa fl-1970. Għandha 655 impjegat u fatturat annwali ta’ madwar €25 miljun. Għandha l-proprjetà ta’ 45 % ta’ produttur tal-ħwejjeġ ieħor “Marrantex”. Il-kumpannija tbiegħ il-parti l-kbira tal-prodotti tagħha fl-Unjoni Ewropea (50 %), l-Istati Uniti u l-Kanada (38 %) u l-Ġappun (5 %) (3).

Il-proġett

(6)

Il-proġett jikkonsisti fl-akkwist ta’ żewġ kumpanniji tat-tessuti, Archimode SP u Wartatex SP, li jinsabu f’Lodz, il-Polonja. Iż-żewġ kumpanniji huma involuti fil-produzzjoni tal-ħwejjeġ.

(7)

ORFAMA bdiet taħdem mal-kumpanniji Pollakki fl-1995 taħt arranġament ta’ subappalt fejn dawn il-kumpanniji kienu responsabbli għal madwar 30 % tal-fatturat ta’ ORFAMA. ORFAMA imbagħad iddeċidiet tikkonsolida l-preżenza tagħha fil-Polonja u fis-swieq Ewropej tal-Lvant billi tixtri ż-żewġ kumpanniji Pollakki.

(8)

L-awtoritajiet Portugiżi nnotaw li ORFAMA se żżomm il-kapaċità tagħha installata fil-preżent fil-Portugall mingħajr ma ċċaqlaq l-attivitajiet għall-Polonja. L-għan tal-proġett huwa li jgħolli l-volum tal-produzzjoni, li jillibera l-kapaċità fil-Portugall għall-manifattura ta’ prodotti b’valur miżjud ogħla u sabiex jinkiseb aċċess għas-swieq tal-Ġermanja u ta’ l-Ewropa tal-Lvant.

(9)

L-awtoritajiet Portugiżi kkunsidraw li dan il-proġett għandu jikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-kompetittività ta’ l-industrija tat-tessuti fl-Unjoni Ewropea, meta jiġi kkunsidrat li kemm ORFAMA u kif ukoll il-kumpanniji Pollakki qed jiffaċċaw kompetizzjoni dejjem tikber mill-pajjiżi Ażjatiċi, b’mod partikolari ċ-Ċina. Il-proġett tlesta f’Diċembru 1999.

L-għajnuna

(10)

L-investiment fl-akkwist taż-żewġ kumpanniji ammonta għal €9 217 516 (€8 900 205 għal Archimode u €317 311 għal Wartatex). ORFAMA iffinanzjat 97 % ta’ l-investiment b’selfiet bankarji u l-kumplament bil-kapital tagħha stess.

(11)

Il-Portugall għandu l-ħsieb jagħti lil ORFAMA kreditu ta’ taxxa ta’ €921 752, li jikkorrispondi għal 10 % ta’ l-ispejjeż eliġibbli ta’ l-investiment totali għall-proġett hawn fuq msemmi.

(12)

Il-miżura ġiet notifikata taħt skema Portugiża għall-promozzjoni tal-modernizzar u l-internazzjonalizzazzjoni ta’ aġenti ekonomiċi (4). Din l-iskema tirrikjedi li għajnuna lill-kumpanniji kbar għandha tiġi notifikata fuq bażi individwali.

(13)

L-awtoritajiet Portugiżi spjegaw li t-talba għall-għajnuna ġiet ippreżentata fil-31 ta’ Marzu 2000. Il-proġett twettaq proprju qabel din id-data għal raġunijiet strateġiċi, fuq is-suppożizzjoni li dan għandu jkun eliġibbli għall-għajnuna taħt il-leġiżlazzjoni Portugiża rilevanti. Dewmien intern fisser li l-awtoritjiet Portugiżi nnotifikaw l-għajnuna biss f’Jannar ta’ l-2004.

III.   RAĠUNIJIET GĦALL-BIDU TAL-PROĊEDURA

(14)

Il-Kummissjoni, fid-deċiżjoni tagħha li tibda l-proċedura fir-rigward tal-każ preżenti, iddikjarat li kellha teżamina l-miżura fid-dawl tad-deroga taħt l-Artikolu 87(3)(c) tat-Trattat tal-KE sabiex tiddetermina jekk l-għajnuna setgħetx tiġi kkunsidrata bħala li tiffaċilita l-iżvilupp ta’ ċertu attività ekonomika mingħajr ma tfixkel il-kundizzjonijiet tal-kummerċ sa grad li jkun kontra l-interess komuni.

(15)

Il-Kummissjoni ddikjarat ukoll li kellha teżamina l-miżura fuq il-bażi tal-kriterji normalment użati fl-evalwazzjoni ta’ l-għajnuna lil kumpanniji kbar għall-proġetti ta’ investiment dirett barrani (FDI – Foreign Direct Investment), minħabba x-xebħ ta’ dan il-każ mal-każi ta’ l-għajnuna għall-investiment barra l-Unjoni Ewropea. Il-miżura ġiet notifikata taħt skema Portugiża għall-promozzjoni ta’ l-internazzjonalizzazzjoni ta’ kumpanniji Portugiżi. Għandu jiġi nnotat li, fil-mument li l-proġett twettaq u saret l-applikazzjoni għall-għajnuna, il-Polonja ma kinetx għadha daħlet fl-Unjoni Ewropea. L-investiment għalhekk jikkwalifika bħala investiment dirett barrani taħt l-iskema ta’ l-għajnuna Portugiża rilevanti.

(16)

F’dawn il-każi l-Kummissjoni normalment twieżen il-benefiċċji tal-miżura, f’termini ta’ kontribuzzjoni tagħha lejn il-kompetittività internazzjonali ta’ l-industrija ta’ l-UE kkonċernata, kontra l-effetti negattivi li jista’ jkun hemm fil-Komunità, bħar-riskji tar-rilokazzjoni u kwalunkwe impatt negattiv fuq l-impjiegi. Il-Kummissjoni tqis ukoll il-ħtieġa ta’ l-għajnuna b’riferenza għar-riskji assoċjati mal-proġett fil-pajjiż ikkonċernat kif ukoll id-defiċjenzi tal-kumpannija, bħal dawk li l-SMEs jiffaċċjaw. Kriterju ieħor jirrigwarda l-impatt reġjonali pożittiv li jista’ jkun hemm. Fl-aħħarnett, il-Kummissjoni teskludi kwalunkwe għajnuna għal attivitajiet relatati ma’ l-esportazzjoni.

(17)

F’dan il-kuntest il-Kummissjoni nnotat li, peress li l-investiment kien qed isir fi Stat Membru ta’ l-Unjoni Ewropea, huwa probabbli li l-impatt ta’ l-għajnuna fuq is-suq Komunitarju jkun akbar milli fil-każ ta’ għajnuna għal proġett f’pajjiż terz.

(18)

Il-Kummissjoni staqsiet ukoll x’ikun l-impatt fuq ix-xogħol u fatturi oħra għar-reġjuni kkonċernati jew saħansitra għall-industriji rilevanti fiż-żewġ Stati Membri, kif ukoll dwar jekk l-istess proġett jirċevix għajnuna mill-Polonja.

(19)

Kien ukoll dubjuż jekk l-għajnuna kinetx meħtieġa u/jew kinetx tipprovdi inċentiv għall-applikant li jwettaq l-investiment peress li l-proġett tlesta saħansitra qabel ORFAMA applikat għall-għajnuna mill-istat. Fl-aħħarnett, il-Kummissjoni staqsiet jekk il-proġett setax jikkwalifika bħala “investiment inizjali” skond it-tifsira tal-linji gwida ta’ l-għajnuna reġjonali nazzjonali tal-Kummissjoni (5). Hija talbet lill-Portugall jissottometti kummenti u jipprovdi informazzjoni li tista’ tgħin fl-evalwazzjoni tal-każ.

IV.   KUMMENTI SOTTOMESSI MILL-AWTORITAJIET PORTUGIŻI

(20)

L-awtoritajiet Portugiżi nnotaw li, għalkemm l-investiment seħħ fi ħdan l-Unjoni Ewropea, huwa kkontribwixxa lejn it-tisħiħ tar-rabtiet ekonomiċi mas-swieq Ewropej tal-Lvant. Huma ddikjaraw li ORFAMA, Archimode u Wartatex kienu jinsabu f’reġjuni megħjuna b’rati għolja ta’ qgħad. L-industrija tat-tessuti tirrapreżenta 331 000 impjieg fil-Polonja u 95 446 impjieg fil-Portugall. Ir-rati ta’ l-impjieg fl-industrija naqsu bi 15-il punt perċentwali bejn l-2000 u l-2003 fil-Portugall. L-awtoritajiet Portugiżi kkunsidraw li, f’dan il-kuntest, l-investiment ta’ ORFAMA kkontribwixxa għaż-żamma ta’ l-impjiegi kemm fil-pajjiż minn fejn ġie l-investiment u kif ukoll fil-pajjiż fejn sar l-investiment u għandu jkollu impatt pożittiv fuq ir-reġjuni kkonċernati.

(21)

L-awtoritajiet Portugiżi kkunsidraw li l-ħtieġa ta’ l-għajnuna kienet ġustifikata mill-fatt li dan kien l-ewwel proġett ta’ investiment dirett barrani minn ORFAMA. Kien meħtieġ sforz finanzjarju sinifikanti ta’ €9 217 516, li minnhom €8 978 362 kienu ffinanzjati minn selfiet bankarji u l-kumplament mill-kapital proprju tal-kumpannija. L-għajnuna għandha tikkumpensa lil ORFAMA għal parti minn dan l-isforz.

(22)

Il-proġett huwa wkoll intiż sabiex jimmodernizza t-teknoloġiji tal-produzzjoni u ta’ l-informazzjoni fil-kumpanniji Pollakki bil-għan li tiżdied il-produttività u tittejjeb l-kwalità tal-prodott u l-effiċjenza ta’ l-enerġija. ORFAMA kellha l-ħsieb li tibdel l-apparat industrijali. Fl-opinjoni ta’ l-awtoritajiet Portugiżi, il-proġett għalhekk jikkontribwixxi lejn il-faċilitazzjoni ta’ l-iżvilupp ta’ attività ekonomika skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 87(3)(c) tat-Trattat tal-KE.

(23)

Fl-aħħarnett, l-awtoritajiet Portugiżi argumentaw li l-għajnuna ma jkollhiex impatt negattiv fuq il-kummerċ intra-Komunitarju. L-investiment in kwistjoni kkonċernat sempliċiment jikkonsolida relazzjoni kummerċjali li kienet teżisti minn qabel, minn sitwazzjoni ta’ subappalt għal waħda ta’ titolu ta’ proprjetà. B’sostenn għal dan l-argument, l-awtoritajiet Portugiżi pprovdew statistika li turi li bejn l-1999 (meta sar l-investiment) u l-2003 il-bejgħ ta’ ORFAMA fil-Polonja baqa’ stabbli. Fil-fatt, fl-istess perjodu l-bejgħ ġenerali ta’ ORFAMA fl-UE waqa’.

(24)

B’mod simili, anke l-esportazzjoni proprja tal-prodotti kkonċernati mill-Polonja lejn l-UE naqset matul dan il-perjodu.

(25)

Ma kienx hemm kummenti minn partijiet terzi.

V.   EVALWAZZJONI

Preżenza ta’ għajnuna skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 87(1) tat-Trattat tal-KE

(26)

Taħt l-Artikolu 87(1) tat-Trattat tal-KE, “kull għajnuna ta’ kwalunkwe forma mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi ta’ l-Istat li twassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi għandha, safejn tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri, tkun inkompatibbli mas-suq komuni”.

(27)

Il-Kummissjoni, fid-deċiżjoni tagħha tas-6 ta’ Diċembru 2004, ikkonkludiet li l-għajnuna kienet taqa’ fl-ambitu ta’ l-Artikolu 87(1) tat-Trattat tal-KE għar-raġunijiet li ġejjin: bl-għajnuna lil ORFAMA fit-twettiq ta’ investiment fil-Polonja, il-miżura notifikata tiffavorixxi ċertu impriża jew il-produzzjoni ta’ ċerti prodotti; l-industrija involuta (tat-tessuti) hija s-suġġett ta’ kummerċ sostanzjali fi ħdan l-Unjoni Ewropea u għalhekk l-għajnuna tista’ toħloq hemmhekk distorsjoni għall-kompetizzjoni, u l-għajnuna hija ffinanzjata permezz ta’ riżorsi ta’ l-Istat. Dawn il-konklużjonijiet ma ġewx ikkontestati mill-awtoritajiet Portugiżi u qegħdin hawnhekk jiġu kkonfermati.

Kompatibbiltà ta’ l-għajnuna mat-Trattat tal-KE

(28)

Il-Kummissjoni indikat li kellha tevalwa l-kompatibbiltà ta’ l-għajnuna mat-Trattat tal-KE fid-dawl tad-deroga taħt l-Artikolu 87(3) tat-Trattat, li jawtorizza għajnuna “biex tiffaċilita l-iżvilupp ta’ ċerti attivitajiet ekonomiċi” fejn dik l-għajnuna ma tfixkilx il-kundizzjonijiet tal-kummerċ sa grad li jkun kuntrarju għall-interess komuni. Għalhekk, hija għandha tevalwa jekk l-għajnuna tikkontribwixxix lejn l-iżvilupp tal-produzzjoni tal-fashion knitwear u lbies u/jew attivitajiet ekonomiċi oħra fl-Unjoni Ewropea mingħajr ma tfixkel il-kundizzjonijiet tal-kummerċ bejn l-Istati Membri.

(29)

Fid-deċiżjoni li tibda l-proċedura, il-Kummissjoni nnotat ukoll li kellha tqis ċerti kriterji li kienet applikat f’każi preċedenti għall-kumpanniji kbar għall-proġetti ‘l barra ta’ investiment dirett barrani (ara l-paragrafu 16) bil-ħsieb li tilħaq bilanċ bejn il-benefiċċji tal-miżura f’termini ta’ kontribuzzjoni lejn il-kompetittività ta’ l-industrija ta’ l-UE (eż. jekk l-għajnuna hijiex meħtieġa b’referenza għar-riskji assoċjati mal-proġett fil-pajjiż ta’ l-investiment) u l-effetti negattivi li jista’ jkun hemm fuq is-suq ta’ l-UE.

Il-ħtieġa ta’ l-għajnuna

(30)

Bħala prinċipju ġenerali tal-leġiżlazzjoni ta’ l-għajnuna mill-Istat, sabiex l-għajnuna tkun kompatibbli mas-suq komuni, għandu jintwera li l-għajnuna twassal għal attività mill-benefiċjarju li ma kinetx issir mingħajr l-għajnuna. Altrimenti, l-għajnuna toħloq biss distorsjoni mingħajr ma jkollha effett pożittiv.

(31)

Il-Kummissjoni kienet diġa ddubitat fid-deċiżjoni li tibda l-proċedura jekk l-għajnuna kinetx meħtieġa għal ORFAMA sabiex twettaq l-investiment.

(32)

Skond l-informazzjoni disponibbli, ORFAMA hija produttur stabbilit sewwa fis-suq ta’ l-UE, li tipproduċi għal marki magħrufa sewwa kif ukoll taħt il-marka tagħha stess. Hawnhekk l-awtoritajiet Portugiżi argumentaw li dan kien l-ewwel proġett ta’ investiment dirett barrani ta’ ORFAMA u li l-proġett involva riskji marbuta ma’ l-aspetti strutturali u ċikliċi tas-suq Pollakk (prinċipalment il-fatt li l-Polonja kienet fi proċess li tinnegozja l-adeżjoni tagħha fl-Unjoni Ewropea) u ma’ kundizzjonijiet inerenti fil-fatturi strutturali tal-promotur u l-pajjiż ta’ l-oriġini. Madankollu, ma speċifikawx il-forma eżatta li dawn ir-riskji ħadu.

(33)

L-awtoritajiet Portugiżi kkunsidraw li l-ħtieġa ta’ l-għajnuna kienet ġustifikata mill-fatt li dan kien l-ewwel proġett ta’ investiment dirett barrani minn ORFAMA. Il-Kummissjoni, madankollu, tinnota hawnhekk li r-relazzjonijiet kummerċjali ta’ ORFAMA ma’ Archimode u Wartatex bdew fid-disgħinijiet, meta ORFAMA bdiet tipproduċi lbiesi taħt arranġamenti ta’ subappalt ma’ dawn il-kumpanniji. Fl-1995 dawn iż-żewġ kumpanniji Pollakki kienu diġà rrapreżentaw xi 30 % tal-fatturat ta’ ORFAMA. Għalhekk ORFAMA kienet familjari ma’ l-operazzjoni ta’ dawn il-kumpanniji qabel ma wettqet il-proġett u għalhekk għandha esperjenza kemm tas-suq Pollakk kif ukoll ta’ dak internazzjonali. Ċertament, l-għan tal-benefiċjarju li jkattar il-produzzjoni u jakkwista aċċess għas-suq Pollakk u dawk viċini kien diġà intlaħaq parzjalment anke qabel l-akkwist ta’ dawn il-kumpanniji jew l-applikazzjoni għall-għajnuna. Il-Portugall innifsu deher li kkonferma din l-evalwazzjoni meta ddikjara fin-notifika li d-deċiżjoni ta’ ORFAMA li tinvesti fil-Polonja kienet iddeterminata parzjalment mill-għarfien li l-benefiċjarja diġà kellha tas-suq Pollakk u tal-kumpanniji li akkwistat, biex b’hekk kienu limitati r-riskji assoċjati ma’ l-investiment. Il-Kummissjoni, għalhekk, tikkunsidra li l-investiment in kwistjoni kien essenzjalment operazzjoni finanzjarja għall-akkwist tal-kumpanniji Pollakki kkonċernati fil-kuntest ta’ relazzjoni kummerċjali eżistenti, aktar milli l-ewwel investiment barrani sostantiv (6).

(34)

Il-Kummissjoni tenfasizza wkoll li ORFAMA applikat għall-għajnuna biss wara li l-proġett kien tlesta u għalhekk ma kkonformatx mal-kriterju ta’ l-“effett ta’ l-inċentiv” normalment meħtieġ mir-regoli Komunitarji dwar l-għajnuna reġjonali nazzjonali (7). Innotat ukoll li ORFAMA kienet tidher kapaċi tiffinanzja l-investiment minn riżorsi tagħha stess u billi tirrikorri għal selfiet kummerċjali li kienet ħadet saħansitra qabel ma applikat għall-għajnuna.

(35)

Għalhekk, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-Portugall falla milli juri li l-għajnuna proposta hija meħtieġa sabiex tikkumpensa għal kwalunkwe riskji speċifiċi assoċjati mal-proġett.

L-impatt ta’ l-għajnuna fuq is-suq Komunitarju

(36)

Il-Kummissjoni żammet f’każi preċedenti li l-għajnuna għall-investiment dirett barrani x’aktarx issaħħaħ il-pożizzjoni finanzjarja u strateġika ġenerali tal-benefiċjarju u għalhekk teffettwa l-pożizzjoni relattiva tiegħu fir-rigward tal-kompetituri fis-suq ta’ l-UE (8).

(37)

Il-Portugall argumenta f’dan ir-rigward li l-għan ta’ l-investiment huwa li jippermetti lil ORFAMA tkabbar il-produzzjoni, li laħqet il-limiti tal-kapaċità tagħha fil-Portugall, u żżid il-produttività billi tieħu vantaġġ mill-ispejjeż aktar baxxi u ħaddiema ġeneralment tas-sengħa u iżgħar fl-età fil-Polonja. Madankollu, skond l-awtoritajiet Portugiżi, dan il-proġett se jikkontribwixxi wkoll sabiex isaħħaħ l-industrija Ewropea kkonċernata billi jżid il-provvista ta’ prodotti ta’ oriġini ta’ l-UE u billi jippromwovi marki ta’ l-UE fil-kuntest ta’ kompetizzjoni mill-importazzjoni li qiegħda tikber. Għall-Portugall, l-għoti ta’ għajnuna lil kumpanniji bħal ORFAMA (u, indirettament, Archimode u Wartatex) huwa essenzjali għall-assigurazzjoni li l-industrija tat-tessuti ta’ l-UE tibqa’ kompetittiva fis-suq ta’ l-UE u f’dak internazzjonali.

(38)

Il-Kummissjoni tinnota, madankollu, li l-investiment preżenti jinsab f’pajjiż (il-Polonja) li huwa issa membru ta’ l-UE. L-għajnuna teffettwa settur (tat-tessuti) li huwa fil-preżent taħt pressjoni konsiderevoli mil-liberalizzazzjoni ta’ l-importazzjoni f’Jannar 2005. Kumpanniji ta’ l-UE oħra jistgħu jkunu interessati jorganizzaw mill-ġdid lilhom infushom skond linji simili għal ORFAMA u għalhekk l-għajnuna tkun qed tagħti lil ORFAMA vantaġġ meta mqabbla ma’ kumpanniji li ma jibbenefikawx minn din l-għajnuna.

(39)

Il-Portugall enfasizza wkoll li l-għajnuna għandha tibbenefika lil qasam tax-xogħol kemm fir-reġjun ikkonċernat Portugiż kif ukoll f’dak Pollakk (Braga u Lodz rispettivament), li huma reġjuni megħjuna b’rati għolja ta’ qgħad (ara l-paragrafu 20), iżda ma speċifikax il-mod li bih l-għajnuna seta’ kellha impatt fuq l-impjiegi f’dawk ir-reġjuni.

(40)

Fl-aħħarnett, il-Kummissjoni tinnota li, anke jekk l-investiment minn ORFAMA seta’ kellu impatt pożittiv fuq ir-reġjuni kkonċernati (li ma ntweriex), dan ma jistax, fil-prinċipju, jiġi attribwit lill-għajnuna peress li, kif spjegat hawn fuq, l-għajnuna m’għandha ebda effett ta’ inċentiv f’dan il-każ peress li l-proġett ġie konkluż qabel ma’ ORFAMA talbet l-għajnuna u ma kinetx meħtieġa sabiex jitwettaq l-investiment.

(41)

Meta tevalwa l-kompatibbiltà ta’ l-għajnuna, il-Kummissjoni teżamina mill-qrib il-bilanċ bejn l-effetti pożittivi u dawk negattivi u tiddetermina jekk l-effetti ta’ benefiċċju għall-Komunità jegħlbux l-effetti negattivi fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ fis-suq Komunitajru. Fuq il-bażi ta’ dan kollu, hija m’hijiex konvinta li l-għoti ta’ għajnuna lil ORFAMA fir-rigward ta’ l-investiment tagħha fil-Polonja jgħin sabiex itejjeb il-kompetittività ta’ l-industrija Ewropea jew ikollu impatt pożittiv fuq ir-reġjuni ta’ l-UE kkonċernati. Għall-kuntrarju, l-għajnuna x’aktarx issaħħaħ il-pożizzjoni tal-benefiċjarju bi ħsara għall-kompetituri tiegħu li ma jirċevux għajnuna mll-Istat f’suq karatterizzat b’kompetizzjoni u kummerċ intensivi. Għalhekk, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-għajnuna m’għandhiex effetti pożittivi għall-Komunità li jegħlbu l-impatt negattiv fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ fis-suq Komunitarju.

VI.   KONKLUŻJONI

(42)

Fuq il-bażi ta’ dan kollu, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-awtoritajiet Portugiżi fallew milli juru li l-għajnuna hija meħtieġa għal ORFAMA sabiex twettaq l-investiment ikkonċernat. L-għajnuna jkollha biss effett ta’ distorsjoni fuq il-kompetizzjoni fis-suq komuni mingħajr ma tikkontribwixxi għal xi attività addizzjonali min-naħa tal-benefiċjarju. Fuq din il-bażi, l-għajnuna ma tistax tiġi kkunsidrata li tiffaċilita l-iżvilupp ta’ attività ekonomika skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 87(3)(c) tat-Trattat tal-KE mingħajr ma tfixkel il-kundizzjonijiet tal-kummerċ sa grad li jkun kuntrarju għall-interess komuni u hija għalhekk inkompatibbli mas-suq komuni,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-inċentiv tat-taxxa ta’ €921 752 propost mill-Portugall għall-ORFAMA (Organização Fabril de Malhas S.A.) għall-investiment tagħha fil-Polonja huwa inkompatibbli mas-suq komuni peress li ma jissodisfax il-kriterji ta’ l-Artikolu 87(3)(c) tat-Trattat tal-KE u m’għandux għalhekk jiġi implimentat.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Portugiża.

Magħmul fi Brussell, 7 ta’ Marzu 2007.

Għall-Kummissjoni

Neelie KROES

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU C 14, 20.1.2005, p. 2.

(2)  Ara n-nota tal-qiegħ 1.

(3)  Iċ-ċifri kollha huma pprovduti fin-notifika.

(4)  N 96/99 (ĠU C 375, 24.12.1999, p. 4).

(5)  Ara l-punt 4.4 tal-Linji Gwida dwar l-għajnuna reġjonali nazzjonali (ĠU C 74, 10.3.1998, p. 9). Skond dawn il-linji gwida, l-investiment inizjali huwa investiment f’kapital fiss li jirrigwarda t-twaqqif ta’ stabbiliment ġdid, l-estensjoni ta’ stabbiliment eżistenti jew il-bidu ta’ attività li tinvolvi bidla fundamentali fil-proċess tal-prodott jew tal-produzzjoni ta’ stabbiliment eżistenti (permezz tar-razzjonalizzazzjoni, id-diversifikazzjoni jew il-modernizzazzjoni). L-investiment inizjali huwa definit b’referenza għal sett ta’ partiti eliġibbli ta’ l-infiq (l-art, il-bini u l-impjant/makkinarju, l-assi intanġibbli u/jew l-ispejjeż tal-pagi).

(6)  Kunċett simili għal dak applikat fil-punt 4.4 tal-Linji Gwida dwar l-għajnuna reġjonali nazzjonali, li jirrelata ma’ l-“investiment inizjali”; ara n-nota tal-qiegħ 5.

(7)  Ara l-punt 4.2 tal-Linji Gwida dwar l-għajnuna reġjonali nazzjonali, li jipprovdi li applikazzjoni għall-għajnuna għandha tiġi sottomessa qabel ma jinbeda x-xogħol fuq il-proġett sabiex tiġi assigurata l-eżistenza ta’ l-effett ta’ l-inċentiv meħtieġ (ĠU C 74, 10.3.1998, p. 13).

(8)  Ara d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 21999/365/KE fil-Każ C 77/97 (Austrian LiftGmbH – Doppelmayr).