|
12.7.2007 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
L 182/31 |
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI
ta’ l-20 ta’ Diċembru 2006
dwar proċedura skond l-Artikolu 65 tat-Trattat li istabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar
(Każ Nru COMP/F/39.234 – Alloy surcharge – adozzjoni mill-ġdid)
(notifikata taħt id-dokument numru C(2006) 6765)
(Il-verżjoni Ġermaniża biss hija awtentika)
(2007/486/KE)
Fl-20 ta’ Diċembru 2006, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni dwar proċedura taħt l-Artikolu 65 tat-Trattat tal-KEFA. Skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 30 tar-Regolament tal-Kunsill (1) 1/2003, il-Kummissjoni qiegħda fil-preżenti tippubblika l-ismijiet tal-partijiet u l-kontenut ewlieni tad-deċiżjoni, inkluża l-penalità imposta, b’ħarsien ta’ l-interessi leġittimi ta’ l-impriżi fil-protezzjoni ta’ l-interessi kummerċjali tagħhom. It-test sħiħ tad-deċiżjoni, bit-tnaqqis ta’ dawk il-partijiet dwar liema l-kumpanija tista’ leġittimament titlob il-kunfidenzjalità, tista’ tinstab fuq il-websajt tad-DĠ COMP fl-indirizz http://europa.eu.int/comm/competition/index_en.html fil-lingwa awtentika tal-każ.
ID-DESTINATARJU, MIN JAGĦMEL IL-KSUR U L-KSUR
|
(1) |
Id-deċiżjoni hija indirizzata lil TKS (ThyssenKrupp Stainless AG) għall-komportament ta’ TS-AG (Thyssen Stahl AG). TKS assumiet volontarjament ir-responsabbiltà għall-komportament ta’ TS-AG, ta’ l-inqas għas-snin 1993/1994, permezz ta’ dikjarazzjoni espliċita lill-Kummissjoni fit-23 ta’ Lulju 1997. |
|
(2) |
TS-AG ipparteċipat fis-16 ta’ Diċembru 1993, sakemm waqfet tkun ekonomikament attiva fis-settur ta’ l-istainless steel fil-31 ta’ Diċembru 1994, fi ksur waħdieni u kontinwu kontra l-Artikolu 65 tat-Trattat tal-KEFA bl-iffissar ta’ prezzijiet għal-liegi użati fis-settur ta’ l-istainless steel fl-Ewropa tal-Punent. |
IL-PROĊEDURA
|
(3) |
Id-deċiżjoni tikkonċerna l-adozzjoni mill-ġdid tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 98/247/KEFA tal-21 ta’ Jannar 1998 (2). Din id-deċiżjoni ġiet parzjalment annullata mill-Qrati (3) għal raġunijiet proċedurali. Il-Qrati sabu li l-Kummissjoni ppenalizzat lil TKS fl-1998 għall-komportament ta’ TS-AG mingħajr ma’ tatha l-opportunità tagħmel il-kummenti tagħha dwar dan il-komportament qabel l-impożizzjoni tal-penalità. Dan kiser id-dritt ta’ TKS li tagħmel il-każ tagħha. |
|
(4) |
Fl-24 ta’ April 2006 il-Kummissjoni ħarġet Dikjarazzjoni ta’ Oġġezzjonijiet lil TKS bl-għan li tikkoreġi l-iżball proċedurali kif indikat mill-Qrati. |
L-OPERAZZJONI TAL-KARTELL
|
(5) |
L-alloy surcharge huwa element tal-prezz ikkalkulat fuq il-bażi tal-prezzijiet tal-liegi u ġie miżjud mal-prezz bażiku ta’ l-istainless steel. L-ispiża tal-liegi użati mill-produtturi ta’ l-istainless steel (nikil, kromju u molibdenu) laħqet proporzjon kbir ħafna ta’ l-ispiża totali tal-produzzjoni. Il-prezzijiet ta’ dawn il-liegi kienu ferm volatili. |
|
(6) |
Il-prezzijiet tal-liegi u l-istainless steel waqgħu f’daqqa fl-1993. F’Settembru 1993 meta l-prezzijiet tan-nikil bdew jogħlew, kien hemm tnaqqis konsiderevoli fil-profitti tal-produtturi. Sabiex dan jiġi rimedjat, il-produtturi ta’ prodotti stainless flat qablu li jiltaqgħu f’Madrid fis-16 ta’ Diċembru 1993. Sussegwentement saru diversi kuntatti bejn il-produtturi rigward il-kalkolu u l-implimentazzjoni ta’ l-alloy surcharge. |
|
(7) |
Id-deċiżjoni sabet li TS-AG flimkien ma’ impriżi oħra mmodifikat u applikat b’mod miftiehem il-valur ta’ referenza użat sabiex jiġi kkalkulat l-alloy surcharge. Dan għandu kemm l-għan u kif ukoll ir-riżultat ta’ restrizzjoni u distorzjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq komuni. |
L-APPLIKAZZJONI TAT-TRATTAT TAL-KEFA
|
(8) |
Il-Kummissjoni tikkunsidra li r-regoli sostantivi tat-Trattat tal-KEFA għandhom jiġu applikati għall-ksur tal-kartell peress li t-Trattat tal-KEFA kien fis-seħħ fiż-żmien tal-ksur (1993/1994). Ma kienx hemm indikazzjoni għall-applikazzjoni tal-lex mitior. |
IR-RESPONSABBILTÀ TA’ TKS GĦAL TS-AG
|
(9) |
Id-deċiżjoni ssib lil TKS responsabbli għall-komportament ta’ TS-AG wara li tikkunsidra d-dikjarazzjoni ta’ TKS tat-23 ta’ Lulju 1997 u tiċċara li ma kinetx qed tinvoka l-kunċett tas-suċċessjoni legali jew ekonomika. |
|
(10) |
Id-dikjarazzjoni ta’ l-1997 ma kinetx mistħarrġa fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u lanqas ma tmur kontra l-prinċipji ġenerali tad-dritt jew il-prattika tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni. |
PRESKRIZZJONI
|
(11) |
Id-deċiżjoni tikkonkludi li ma hemmx preskrizzjoni tal-perjodu ta’ limitazzjoni minħabba s-sospensjoni matul il-proċeduri tal-Qorti. |
MULTI
Ammont Bażiku
Gravità
|
(12) |
Sabiex jiġi garantit li ma jkunx hemm diskriminazzjoni bejn id-destinatarji tad-Deċiżjoni 98/247/KEFA ta’ l-1998, il-ksur huwa meqjus bħala wieħed serju (ammont jibda minn € 4 miljun). |
Tul ta’ żmien
|
(13) |
L-ammont tal-bidu huwa miżjud b’10 % peress li l-ksur seħħ matul perjodu itwal minn sena (mis-16 ta’ Diċembru 1993 sal-31 ta’ Diċembru 1994). |
Ċirkostanzi li jnaqqsu l-piena
|
(14) |
Skond id-Deċiżjoni 98/247/KEFA ta’ l-1998 l-ammont tal-bidu jitnaqqas b’10 % peress li s-sitwazzjoni ekonomika tas-settur kienet kritika. |
L-applikazzjoni ta’ l-Avviż ta’ Klemenza ta’ l-1996
|
(15) |
B’applikazzjoni ta’ l-Avviż ta’ l-1996 dwar l-immunità minn multi u t-tnaqqis ta’ multi f’każi ta’ kartell u fid-dawl tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza (4), il-multa hija mnaqqsa b’20 % oħra minħabba l-parteċipazzjoni ta’ TKS fl-għajnuna mogħtija lill-Kummissjoni fl-istabbiliment tal-fatti. Għalhekk, il-multa hija € 3 168 000. |
(2) Każ IV.35.814, Alloy Surcharge, ĠU L 100, 1.4.1998, p. 55.
(3) T-45/98 u T-47/98, 13.12.2001, Krupp Thyssen Stainless GmbH u Acciai Terni SpA/Kummissjoni, ECR 2001, II-3757 u C-65/02 P u C-73/02P, 14.7.2005, ThyssenKrupp Stainless GmbH u ThyssenKrupp Acciai speciali Terni SpA/Kummissjoni.
(4) Para 281 ta’ T-45/98 u T-47/98, 13.12.2001, Krupp Thyssen Gmbh u Acciai Temi SpA/Kummissjoni, ECR 2001, II-3757.