12.7.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 182/29


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

ta’ l-10 ta’ Lulju 2007

li tawtorizza l-Awstrija tikkonkludi ftehim ma’ l-Iżvizzera li jinkludi dispożizzjonijiet li jidderogaw mill-Artikolu 2(1)(d) tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud

(2007/485/KE)

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 396 tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Billi:

(1)

Taħt l-Artikolu 396(1) tad-Direttiva 2006/112/KE, il-Kunsill, li jaġixxi b’mod unanimu fuq proposta tal-Kummissjoni, jista’ jawtorizza kwalunkwe Stat Membru jikkonkludi ma’ pajjiż terz ftehim li jista’ jkollu deroga minn dik id-Direttiva.

(2)

Permezz ta’ ittra reġistrata mas-Segretarjat-Ġenerali tal-Kummissjoni fit-13 ta’ Settembru 2005, l-Awstrija talbet għal awtorizzazzjoni biex tikkonkludi ftehim ma’ l-Iżvizzera relatat mal-bini ta’ impjant ta’ l-enerġija transkonfinali max-xmara Inn bejn Prutz (Awstrija) u Tschlin (Żvizzera).

(3)

Bi qbil ma’ l-Artikolu 396(2) tad-Direttiva 2006/112/KE, il-Kummissjoni infurmat lill-Istati Membri l-oħra b’ittra li ġġib id-data ta’ l-1 ta’ Marzu 2007 bit-talba li saret mill-Awstrija. B’ittra li ġġib id-data tas-6 ta’ Marzu 2007, il-Kummissjoni nnotifikat lill-Awstrija li kellha l-informazzjoni kollha li dehrilha li kellha bżonn biex tivvaluta t-talba.

(4)

Il-ftehim għandu jinkludi dispożizzjonijiet dwar it-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) li jidderogaw mill-Artikolu 2(1)(d) tad-Direttiva 2006/112/KE fir-rigward ta’ merkanzija importata fl-Awstrija relatata ma’ l-impjant ta’ l-enerġija transkonfinali. Dawn l-importazzjonijiet ta’ merkanzija mill-Iżvizzera għall-Awstrija minn persuni taxxabbli bi dritt sħiħ ta’ tnaqqis ma jkunux soġġetti għall-VAT sabiex arranġament simili jinkiseb mill-Iżvizzera għal merkanzija importata mill-Awstrija għall-Iżvizzera.

(5)

Id-deroga għalhekk mhux se jkollha effett negattiv fuq ir-riżorsi tal-Komunitajiet Ewropej tagħhom stess miġbura mill-VAT,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

B’ dan l-Awstrija qed tiġi awtorizzata tikkonkludi Ftehim ma’ l-Iżvizzera li jinkludi dispożizzjonijiet li jidderogaw mid-Direttiva 2006/112/KE li tkopri l-bini, il-manteniment, it-tiġdid u l-operat ta’ impjant ta’ l-enerġija transkonfinali max-xmara Inn bejn Prutz (Awstrija) and Tschlin (Żvizzera).

Id-dispożizzjonijiet tal-VAT li jidderogaw fir-rigward tal-Ftehim huma stabbiliti fl-Artikolu 2.

Artikolu 2

B’ deroga mill-Artikolu 2(1)(d) tad-Direttiva 2006/112/KE, il-merkanzija importata minn persuni taxxabbli bi dritt sħiħ ta’ tnaqqis mill-Iżvizzera għall-Awstrija m’għandiex tkun soġġetta għall-VAT, sakemm din tintuża għall-bini, il-manteniment, it-tiġdid u l-operat ta’ l-impjant transkonfinali msemmi fl-Artikolu 1.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika ta’ l-Awstrija.

Magħmul fi Brussell, 10 ta’ Lulju 2007.

Għall-Kunsill

Il-President

F. TEIXEIRA DOS SANTOS


(1)  ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1. Id-Direttiva kif emendata bid-Direttiva 2006/138/KE (ĠU L 384, 29.12.2006, p. 92).