7.7.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 179/46


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tat-12 ta’ Ġunju 2007

dwar l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ l-acquis ta’ Schengen relatati mas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen fir-Repubblika Ċeka, fir-Repubblika ta’ l-Estonja, fir-Repubblika tal-Latvja, fir-Repubblika tal-Litwanja, fir-Repubblika ta’ l-Ungerija, fir-Repubblika ta’ Malta, fir-Repubblika tal-Polonja, fir-Repubblika tas-Slovenja u fir-Repubblika Slovakka

(2007/471/KE)

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra l-Att dwar il-kondizzjonijiet ta’ Adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, tar-Repubblika ta’ l-Estonja, tar-Repubblika ta’ Ċipru, tar-Repubblika tal-Latvja, tar-Repubblika tal-Litwanja, tar-Repubblika ta’ l-Ungerija, tar-Repubblika ta’ Malta, tar-Repubblika tal-Polonja, tar-Repubblika tas-Slovenja u tar-Repubblika Slovakka u l-aġġustamenti għat-Trattati li fuqhom hi mwaqqfa l-Unjoni Ewropea, (minn hawn 'il quddiem, “l-Att ta’ Adeżjoni ta’ l-2003”), u b’ mod partikolari l-Artikolu 3(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew,

Billi:

(1)

L-Artikolu 3(2) ta’ l-Att ta’ Adeżjoni ta’ l-2003 jipprevedi li d-dispożizzjonijiet ta’ l-acquis ta’ Schengen minbarra dawk imsemmija fl-Anness I għall-Att imsemmi għandhom japplikaw biss fi Stat Membru ġdid fis-sens ta’ dak l-istrument skond Deċiżjoni tal-Kunsill għal dak l-effett wara verifika li jkunu ntlaħqu l-kondizzjonijiet meħtieġa għall-applikazzjoni ta’ dak l-acquis.

(2)

Il-Kunsill ivverifika jekk ir-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika ta’ l-Estonja, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika ta’ l-Ungerija, ir-Repubblika ta’ Malta, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika tas-Slovenja u r-Repubblika Slovakka (minn hawn 'il quddiem, “l-Istati Membri konċernati”) jiżgurawx livelli sodisfaċenti ta’ protezzjoni tad-data permezz ta’ dawn il-passi:

Bit-trasmissjoni ta’ kwestjonarju sħiħ lill-Istati Membri konċernati, li t-tweġibiet tagħhom ġew reġistrati, u bi żjajjar ta’ verifika u evalwazzjoni magħmula fl-Istati Membri kollha konċernati, skond il-proċeduri ta’ evalwazzjoni ta’ Schengen applikabbli kif stabbilit fid-Deċiżjoni tal-Kumitat Eżekuttiv li stabbilixxiet Kumitat Permanenti dwar l-evalwazzjoni u l-implimentazzjoni ta’ Schengen (SCH/Com-ex (98) 26 def.) (1), fil-qasam tal-Protezzjoni tad-Data.

(3)

Fil-5 ta’ Diċembru 2006, il-Kunsill ikkonkluda li l-kondizzjonijiet f'dan il-qasam kienu ġew sodisfatti mir-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika ta’ l-Ungerija, ir-Repubblika ta’ Malta, ir-Repubblika tal-Polonja u r-Repubblika tas-Slovenja. Fil-11 ta’ Ġunju 2007, il-Kunsill ikkonkluda li l-kondizzjonijiet f'dan il-qasam kienu ġew sodisfatti mir-Repubblika ta’ l-Estonja u mir-Repubblika Slovakka. Għaldaqstant huwa possibbli li tiġi stabbilita data minn meta l-acquis ta’ Schengen relatat mas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS) jista' japplika f'dawk l-Istati Membri.

(4)

Id-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni għandu jippermetti li tiġi trasferita data reali tas-SIS lill-Istati Membri konċernati. L-użu konkret ta’ din id-data għandu jippermetti lill-Kunsill, permezz tal-proċeduri ta’ evalwazzjoni applikabbli ta’ Schengen kif imniżżel fl-SCH/Com-ex (98) 26 def., biex jivverifika l-applikazjoni korretta tad-dispożizzjonijiet ta’ l-acquis ta’ Schengen relatati mas-SIS fl-Istati Membri konċernati. Ladarba dawn l-evalwazzjonijiet jkunu ġew mwettqa, il-Kunsill għandu jiddeċiedi dwar it-tneħħija tal-kontrolli fil-fruntieri interni ma’ l-Istati Membri konċernati.

(5)

Huwa meħtieġ li tittieħed Deċiżjoni tal-Kunsill, separata, li tistabbilixxi data għat-tneħħija tal-kontrolli fil-fruntieri interni. Sa meta tasal id-data, tat-tneħħija tal-kontrolli, stabbilita f'dik id-Deċiżjoni, huwa meħtieġ li jiġu imposti ċerti restrizzjonijiet fuq l-użu tas-SIS.

(6)

Fir-rigward ta' l-Islanda u n-Norveġja, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet ta' l-acquis ta' Schengen fis-sens tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta' l-Islanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta' dawk iż-żewġ Stati ma' l-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp ta' l-acquis ta' Schengen (2), li jaqgħu fil-qasam imsemmi fil-punt G ta' l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 1999/437/KE (3) dwar ċerti arranġamenti għall-applikazzjoni ta' dak il-Ftehim,

IDDEĊIDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

1.   Id-dispożizzjonijiet ta’ l-acquis ta’ Schengen relatati mas-SIS, kif imsemmi fl-Anness I, għandhom japplikaw għar-Repubblika Ċeka, għar-Repubblika ta’ l-Estonja, għar-Repubblika tal-Latvja, għar-Repubblika tal-Litwanja, għar-Repubblika ta’ l-Ungerija, għar-Repubblika ta’ Malta, għar-Repubblika tal-Polonja, għar-Repubblika tas-Slovenja u għar-Repubblika Slovakka bejniethom u fir-relazzjonijiet tagħhom mar-Renju tal-Belġju, mar-Renju tad-Danimarka, mar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, mar-Repubblika Ellenika, mar-Renju ta’ Spanja, mar-Repubblika ta’ Franza, mar-Repubblika Taljana, mal-Gran Dukat tal-Lussemburgu, mar-Renju ta’ l-Olanda, mar-Repubblika ta’ l-Awstrija, mar-Repubblika Portugiża, mar-Repubblika tal-Finlandja u mar-Renju ta’ l-Iżvezja, kif ukoll mar-Repubblika ta’ l-Islanda u mar-Renju tan-Norveġja mill-1 ta’ Settembru 2007.

2.   Id-dispożizzjonijiet ta’ l-acquis ta’ Schengen relatati mas-SIS, kif imsemmi fl-Anness II, għandhom japplikaw għar-Repubblika Ċeka, għar-Repubblika ta’ l-Estonja, għar-Repubblika tal-Latvja, għar-Repubblika tal-Litwanja, għar-Repubblika ta’ l-Ungerija, għar-Repubblika ta’ Malta, għar-Repubblika tal-Polonja, għar-Repubblika tas-Slovenja u għar-Repubblika Slovakka bejniethom u fir-relazzjonijiet tagħhom mar-Renju tal-Belġju, mar-Renju tad-Danimarka, mar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, mar-Repubblika Ellenika, mar-Renju ta’ Spanja, mar-Repubblika ta’ Franza, mar-Repubblika Taljana, mal-Gran Dukat tal-Lussemburgu, mar-Renju ta’ l-Olanda, mar-Repubblika ta’ l-Awstrija, mar-Repubblika Portugiża, mar-Repubblika tal-Finlandja u mar-Renju ta’ l-Iżvezja, kif ukoll mar-Repubblika ta’ l-Islanda u mar-Renju tan-Norveġja mid-data prevista f'dawk id-dispożizzjonijiet.

3.   Mis-7 ta’ Lulju 2007, tista' tiġi ttrasferita data reali tas-SIS lill-Istati Membri konċernati.

Mill-1 ta’ Settembru 2007, l-Istati Membri konċernati, bħall-Istati Membri li fir-rigward tagħhom l-acquis ta’ Schengen diġà ġie implimentat, ser ikunu jistgħu jdaħħlu d-data fis-SIS u jużaw id-data fis-SIS, suġġett għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 4.

4.   Sad-data tat-tneħħija tal-kontrolli fil-fruntieri interni ma’ l-Istati Membri konċernati, dawk l-Istati Membri:

(a)

ma’ għandhomx ikunu obbligati jirrifjutaw id-dħul fit-territorju tagħhom jew li jkeċċu ċittadini ta’ Stati terzi li għalihom ikun ħareġ allert tas-SIS minn Stat Membru ieħor għall-finijiet tar-rifjut għad-dħul;

(b)

m'għandhomx idaħħlu d-data koperta mid-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 96 tal-Konvenzjoni tad-19 ta’ Ġunju 1990 li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen ta’ l-14 ta’ Ġunju 1985 bejn il-Gvernijiet ta’ l-Istati ta’ l-unjoni ekonomika tal-Benelux, tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja u tar-Repubblika Franċiża dwar l-abolizzjoni gradwali ta’ kontrolli fil-fruntieri komuni tagħhom (minn hawn 'il quddiem, “il-Konvenzjoni ta’ Schengen”) (4).

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Magħmul fil-Lussemburgu, 12 ta’ Ġunju 2007.

Għall-Kunsill

Il-President

W. SCHÄUBLE


(1)  ĠU L 239, 22.9.2000, p. 138.

(2)  ĠU L 176, 10.7.1999, p. 36.

(3)  ĠU L 176, 10.7.1999, p. 31.

(4)  ĠU L 239, 22.9.2000, p. 19. Konvenzjoni kif emendata l-aħħar mir-Regolament (KE) Nru 1987/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 381, 28.12.2006, p. 4).


ANNESS 1

Lista tad-dispożizzjonijiet ta' l-acquis ta' Schengen relatati mas-SIS fis-sens ta' l-Artikou 3(2) ta' l-Att ta' Adeżjoni ta' l-2003 li għandhom isiru applikabbli għall-Istati Membri konċernati

(1)

Fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta' Schengen:

l-Artikolu 64 u l-Artikoli 92 sa 119 tal-Konvenzjoni ta' Schengen;

(2)

Dispożizzjonijiet oħrajn li jikkonċernaw is-SIS:

(a)

fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjonijiet segwenti tal-Kumitat Eżekuttiv stabbilit mill-Konvenzjoni ta' Schengen:

Deċiżjoni tal-Kumitat Eżekuttiv tal-15 ta' Diċembru 1997 li temenda r-Regolament Finanzjarju dwar C.SIS (SCH/Com-ex (97) 35) (1);

(b)

rigward id-dispożizzjonijiet tad-Dikjarazzjonijiet segwenti tal-Kumitat Eżekuttiv stabbilit mill-Konvenzjoni ta' Schengen:

(i)

Dikjarazzjoni tal-Kumitat Eżekuttiv tat-18 ta' April 1996 li tiddefinixxi l-kunċett ta' barrani (SCH/Com/Ex (96) dikj. 5 rev) (2);

(ii)

Dikjarazzjoni tal-Kumitat Eżekuttiv tat-28 ta' April 1999 dwar l-istruttura tas-SIS (SCH/Com-ex (99) dikj. 2 rev) (3),

(c)

strumenti oħra:

(i)

Deċiżjoni tal-Kunsill (2000/265/KE) tas-27 ta' Marzu 2000 dwar it-twaqqif ta' regolament finanzjarju li jirregola l-aspetti li għandhom x'jaqsmu mal-budget tat-treġija mid-Deputat Segretarju Ġenerali tal-Kunsill, ta' kuntratti konklużi f'ismu, f'isem ċerti Stati Membri, li jirrelataw għall-installazzjoni u l-ħidma ta' l-infrastruttura tal-komunikazzjoni għall-ambjent ta' Schengen, “Sisnet” (4),

(ii)

Il-Manwal SIRENE (5),

(iii)

Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 871/2004 tad-29 ta' April 2004 li għandu x'jaqsam ma' xi funzjonijiet ġodda għas-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen fil-ġlieda kontra t-terroriżmu (6), u kwalunkwe deċiżjoni sussegwenti dwar id-data ta' applikazzjoni ta' dawk il-funzjonijiet;

(iv)

Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/211/ĠAI ta' l-24 ta' Frar 2005 li għandu x'jaqsam ma' xi funzjonijiet ġodda għas-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen fil-ġlieda kontra t-terroriżmu (7), u kwalunkwe deċiżjoni sussegwenti dwar id-data ta' applikazzjoni ta' dawk il-funzjonijiet;

(v)

Regolament (KE) Nru 1160/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Lulju 2005 li jemenda l-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta' Schengen ta' l-14 ta' Ġunju 1985 dwar l-abolizzjoni gradwali ta' kontrolli fuq il-fruntieri komuni, fir-rigward ta' l-aċċess għas-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen mis-servizzi fl-Istati Membri responsabbli mill-ħruġ taċ-ċertifikati ta' reġistrazzjoni għal vetturi (8),

(vi)

L-Artikolu 5(4)(a) u d-dispożizzjonijiet tat-Titolu II u l-Annessi miegħu li jirriferu għas-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen (SIS) tar-Regolament (KE) Nru 562/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Marzu 2006 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta' persuni minn naħa għal oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen) (9).


(1)  ĠU L 239, 22.9.2000, p. 444. Id-Deċiżjoni kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/472/KE (Ara paġna 50 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  ĠU L 239, 22.9.2000, p. 458.

(3)  ĠU L 239, 22.9.2000, p. 459.

(4)  ĠU L 85, 6.4.2000, p. 12. Id-Deċiżjoni kif emendata l-aħħar bid-Deċiżjoni 2007/155/KE (ĠU L 68, 8.3.2007, p. 5).

(5)  Xi partijiet mill-Manwal Sirene ġew pubblikati fil-ĠU C 38, 17.2.2003, p. 1. Il-Manwal ġie emendat mid-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni 2006/757/KE (ĠU L 317, 16.11.2006, p. 1) u 2006/758/KE (ĠU L 317, 16.11.2006, p. 41).

(6)  ĠU L 162, 30.4.2004, p. 29.

(7)  ĠU L 68, 15.3.2005, p. 44.

(8)  ĠU L 191, 22.7.2005, p. 18.

(9)  ĠU L 105, 13.4.2006, p. 1.


ANNESS II

Lista tad-dispożizzjonijiet ta' l-acquis ta' Schengen relatati mas-SIS fis-sens ta' l-Artikolu 3(2) ta' l-Att ta' Adeżjoni ta' l-2003 li għandhom isiru applikabbli għall-Istati Membri konċernati mid-data prevista f'dawk id-dispożizzjonijiet

(1)

Regolament (KE) Nru 1986/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-aċċess għas-Sistema ta' Informazzjoni Schengen tat-Tieni Ġenerazzjoni (SIS II) mis-servizzi fl-Istati Membri responsabbli għall-ħruġ ta' ċertifikati ta' reġistrazzjoni tal-vetturi (1);

(2)

Regolament (KE) Nru 1987/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-20 ta’ Diċembru 2006 dwar l-istabbiliment, it-tħaddim u l-użu tas-sistema ta' informazzjoni ta' Schengen tat-tieni ġenerazzjoni (SIS II) (2);

(3)

Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/…/KE ta' … 2007 dwar l-istabbiliment, l-operazzjoni u l-użu tas-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen tat-tieni ġenerazzjoni (SIS II) (3).


(1)  ĠU L 381, 28.12.2006, p. 1.

(2)  ĠU L 381, 28.12.2006, p. 4.

(3)  Ara d-dokument tal-Kunsill 14914/06. Id-Deċiżjoni għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali, izda adottata fit-12 ta’ Ġunju 2007, ħlief bil-Bulgaru u bir-Rumen (l-adozzjoni f’dawn il-lingwi hija pprogrammata għall-10 ta’ Lulju 2007).