6.7.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 176/25


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-28 tat-Ġunju 2007

Twaqqif tal-Grupp ta’ Esperti dwar l-Identifikazzjoni bil-Frekwenzi tar-Radju

(2007/467/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Billi:

(1)

L-Artikolu 153 tat-Trattat assenja lill-Komunità Ewropea l-biċċa xogħol, li tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni għall-konsumaturi, billi tippromwovi d-dritt tagħhom għall-informazzjoni u biex jorganizzaw i rwieħhom biex iħarsu l-interessi tagħhom. L-Artikolu 163 jipprovdi li l-Komunità għandha tinkoraġġixxi lill-Industrija biex issir aktar kompetittiva fuq livell internazzjonali u li tieħu kemm tista' mill-potenzjal tas-suq intern, b'mod partikolari permezz tad-definizzjoni ta’ standards komuni. L-Artikolu 157 jipprovdi li l-Komunità u l-Istati Membri għandhom jinkoraġġixxu ambjent favorevoli għall-inizjattiva industrijali u għandhom irawmu sfruttament aħjar tal-potenzjal industrijali tal-politiki.

(2)

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “l-Identifikazzjoni bil-Frekwenzi tar-Radju (RFID) fl-Ewropa: passi lejn qafas ta’ politika” (1) (minn hawn 'l quddiem “il-Komunikazzjoni”) ħabbret il-ħolqien ta’ Grupp ta’ Esperti dwar l-Identifikazzjoni bil-Frekwenzi tar-Radju – RFID (minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ “il-grupp” l-RFID) li għandu jippermetti djalogu bejn parteċipanti tas-suq, sabiex dawn jifhmu bis-sħiħ u jagħtu parir dwar azzjonijiet dwar it-tħassib ta’ politika li tqajmu fil-Komunikazzjoni.

(3)

Huwa għalhekk meħtieġ li jitwaqqaf grupp ta’ esperti fil-qasam tal-RFID u li jiġu definiti l-ħidmiet tiegħu u l-istruttura tiegħu.

(4)

Dan il-grupp għandu jgħin fl-iżvilupp ta’ djalogu bejn l-organizzazzjonijiet tal-konsumatur, il-parteċipanti tas-suq, u l-awtoritajiet nazzjonali u Ewropej, fosthom l-awtoritajiet tal-protezzjoni tad-dejta.

(5)

Id-data personali kollha relatata mal-membri tal-grupp għandha tkun ipproċessata b’konformità mar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 45/2001 tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta’ din id-data (2).

(6)

Huwa xieraq li jiġi s tabbilit perjodu għall-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni. Malli jasal il-waqt, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra jekk estensjoni tkunx f'lokha,

IDDEĊIDIET KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Il-Grupp ta’ Esperti dwar l-Identifikazzjoni bil-Frekwenzi tar-Radju

Il-Grupp ta’ esperti “Grupp ta’ Esperti dwar l-Identifikazzjoni bil-Frekwenzi tar-Radju” minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ “il-grupp” huwa b'dan imwaqqaf b'effett minn 1.7.2007.

Artikolu 2

Kompitu

Il-kompitu tal-grupp għandu jkun:

(a)

Li jipprovdi pariri lill-Kummissjoni dwar il-kontenut ta’ Rakkomandazzjoni li tistabbilixxi l-prinċipji li l-awtoritajiet pubbliċi u parteċipanti oħrajn għandhom iħaddmu fejn jidħol l-użu ta’ l-RFID, u dwar il-kontenut ta’ inizjattivi oħrajn tal-Kummissjoni li għandhom x'jaqsmu ma’ dan il-qasam;

(b)

Li jiżviluppa linji gwida dwar kif applikazzjonijiet ta’ l-RFID għandhom joperaw meta jitqiesu l-fehmiet tal-partijiet interessati u kwistjonijiet li jirrigwardaw utenti fit-tul kif ukoll aspetti ekonomiċi u soċjetali tat-teknoloġiji ta’ l-RFID;

(ċ)

Jappoġġ a l-Kummissjoni fl-isforzi tagħha li tippromwovi kampanji ta’ kuxjenza fuq il-livell ta’ l-Istati Membri u dak taċ-ċittadini, dwar l-opportunitajiet u l-isfidi ta’ l-RFID.

(d)

Li jipprovdi informazzjoni oġġettiva u jiffaċilita l-iskambju ta’ esperjenzi u prattiċi tajbin, dwar l-opportunitajiet u l-isfidi tat-teknoloġiji ta’ l-RFID, fosthom applikazzjonijiet għall-ekonomija u s-soċjetà Ewropea; li jipprovdi informazzjoni oġġettiva dwar oqfsa regolatorji tal-Komunità u nazzjonali rigward il-protezzjoni tad-dejta u l-privatezza, u dwar tħassib ieħor ta’ politika.

Artikolu 3

Konsultazzjoni

Il-Kummissjoni tista' tikkonsulta l-grupp dwar kwalunkwe kwistjoni li għandha x'taqsam ma’ l-implimentazzjoni fl-Ewropa ta’ approċċ sigur, żgur, favur il-privatezza u effettiv għall-RFID.

Artikolu 4

Sħubija - Ħatra

1.   Il-grupp għandu jkollu sa 35 membru.

2.   Id-Direttur Ġenerali tad-DĠ “Soċjetà dwar l-Informazzjoni u l-Midja” jew permezz tar-rappreżentant tiegħu/tagħha, għandu l-kariga li jaħtar il-membri u l-osservaturi tal-grupp minn speċjalisti b'kompetenza fil-qasam tal-oqsma msemmija fl-Artikoli 2 u 3.1 u dwar il-proposta ta’ organizzazzjonijiet li ġew mistiedna li jirrakkomandaw l-esperti. Membri alternattivi għall-membri tal-grupp għandhom jinħatru f’numri ugwali u skond l-istess kundizzjonijiet tal-membri. Il-membru alternattiv għandu awtomatikament jieħu l-post ta’ membru li jkun assenti jew indispost.

3.   Il-membri għandhom jinħatru b'tali mod li jiżguraw rappreżentanza ta’ diversi interessati u, b'mod aktar speċifiku, se jinkludi rappreżentanti mill-oqsma li ġejjin:

(a)

Is-soċjetà ċivili.

(i)

il-komunitajiet meqjusa bħala utenti aħħarija, li huma suġġetti għal sistemi RFID (ċittadini, konsumaturi, pazjenti, impjegati);

(ii)

organizzazzjonijiet ta’ privatezza.

(b)

Il-partijiet interessati

(i)

utenti minn setturi differenti ta’ applikazzjoni (eż. tal-loġistika, tal-karozzi, ta’ l-ajrunawtika spazjali, tas-saħħa, tan-negozju, tal-farmaċewtiċi);

(ii)

partijiet li huma involuti b'mod attiv fit-twaqqif ta’ sistemi ta’ l-RFID (bħal produtturi taċ-ċipep ta’ l-RFID, disinjaturi u manifatturi ta’ tikketti ppakkjati u tar-readers tagħhom, integraturi tas-softwer u tas-sistemi, dawk li jipprovdu servizz, u dawk li jipprovdu soluzzjonijiet ta’ privatezza u sigurtà);

(iii)

korpi ta’ l-istandardizzazzjoni

4.   L-awtoritajiet pubbliċi li ġejjin għandhom jiġu mistiedna jipparteċipaw fid-deliberazzjonijiet tal-grupp bħala osservaturi:

(a)

Rappreżentanti ta’ l-Istati Membri li jkollhom il-Presidenza ta’ l-UE matul il-mandat tal-Grupp ta’ Esperti.

(b)

Rappreżentanti ta’ l-awtoritajiet tal-protezzjoni tad-dejta.

5.   L-esperti li ġejjin għandhom jiġu mistiedna jipparteċipaw fid-deliberazzjonijiet tal-grupp bħala osservaturi:

(a)

Riċerkaturi u prattikanti akkademiċi;

(b)

Esperti teknoloġiċi, b'mod partikulari dwar il-ġenerazzjoni ta’ RFIDs netwerkjati li jmiss (“Internet ta’ l-oġġetti”);

(ċ)

Esperti legali li għandhom jipprovdu pariri dwar leġiżlazzjoni eżistenti.

6.   Il-membri tal-grupp huma nnominati għal perjodu ta’ sentejn li tista' tiġġedded. Għandhom jibqgħu fil-kariga sa meta jiġu ssostitwiti jew jispiċċalhom il-mandat.

7.   Il-membri li ma għadhomx fil-pożizzjoni li jikkontribwixxu b’mod effettiv fil-ħidmiet tal-grupp, li jippreżentaw ir-riżenja tagħhom jew li ma jirrispettawx il-kondizzjonijiet stabbiliti f'paragrafi tnejn sa ħamsa ta’ dan l-Artikolu jew ta’ l-Artikolu 287 tat-Trattat, jistgħu jkunu sostitwiti għall-perjodu taż-żmien li jkun fadallu l-mandat tagħhom;

8.   L-ismijiet ta’ l-organizzazzjonijiet imsemmija f'paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu huma ppubblikati fuq is-sit ta’ l-Internet tad-DĠ “Soċjetà ta’ l-Informazzjoni u l-Medja”. L-ismijiet tal-membri jinġabru, jiġu pproċessati u ppubblikati skond id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 45/2001.

Artikolu 5

Operat

1.   Il-president tal-kumitat għandu jkun rappreżentant tal-Kummissjoni.

2.   Bi ftehim mal-Kummissjoni, jistgħu jitwaqqfu sottogruppi biex jeżaminaw mistoqsijiet speċifiċi skond it-termini ta’ referenza stabbiliti mill-grupp. Kif jintemm il-mandat tagħhom gruppi simili għandhom jixxoljew.

3.   Ir-rappreżentant tal-Kummissjoni jista' jistaqsi lill-esperti jew lill-osservaturi ta’ kompetenza speċifika dwar suġġett fuq l-aġenda biex jipparteċipa fid-deliberazjonijiet tal-grupp jew tas-sottogrupp dan ikun utli u/jew meħtieġ.

4.   L-informazzjoni miksuba mill-parteċipazzjoni fid-deliberazzjonjiet tal-grupp jew is-sottogrupp ma tistax tinkixef, jekk, fil-fehma tal-Kummissjoni, dik l-informazzjoni għandha x’taqsam ma’ kwistjonijiet kunfidenzjali.

5.   Il-grupp u s-sottogruppi tiegħu għandhom normalment jiltaqgħu fl-istabbilimenti tal-Kummissjoni skond il-proċeduri u l-iskeda stabbilita minnha. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi s-servizzi segretarjali. Uffiċjali oħrajn tal-Kummissjoni li għandhom interess fil-proċeduri jistgħu jattendu l-laqgħat tal-grupp u s-sottogruppi tiegħu.

6.   Il-grupp għandu jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu abbażi tar-regoli standard ta’ proċedura adottati mill-Kummissjoni.

7.   Il-Kummissjoni tista’ tippubblika, fil-lingwa oriġinali tad-dokument ikkonċernat, kull sommarju, konklużjoni, jew parti minn konklużjoni jew dokument ta’ ħidma tal-grupp.

Artikolu 6

L-Ispejjeż tal-laqgħat

L-ispejjeż tal-vjaġġ u, fejn meħtieġ, ta’ l-għajxien imħallsa għall-membri, l-esperti u l-osservaturi fl-ambitu ta’ l-attivitajiet tal-grupp għandhom jiġu rimborżati mill-Kummissjoni f’konformità mar-regoli tal-Kummissjoni dwar ir-rimborż ta’ spejjeż għal esperti esterni.

Il-membri ma għandhomx jitħallsu għas-servizzi tagħhom.

L-ispejjeż tal-laqgħat jiġu rimborżati fil-limiti tal-baġit annwali allokat għall-grupp mis-servizzi kompetenti tal-Kummissjoni.

Artikolu 7

Applikabbiltà

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sal-31 ta’ Marzu 2009.

Magħmula fi Brussell, 28 ta’ Ġunju 2007

Għall-Kummissjoni

Viviane REDING

Membru tal-Kummissjoni


(1)  COM(2007) 96 finali

(2)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.


ANNESS

REGOLI TA' PROĊEDURA TAL-GRUPP TA' ESPERTI DWAR IDENTIFIKAZZJONI BIL-FREKWENZI TAR-RADJU (RFID)

Il-GRUPP TA' ESPERTI dwar l-Identifikazzjoni bil-Frekwenzi tar-Radju (RFID),

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni li Twaqqaf Grupp ta' esperti dwar Identifikazzjoni bil-Frekwenzi tar-Radju (RFID), u b'mod partikulari l-Artikolu 1,

Wara li kkunsidra ir-regoli ta’ proċedura standard ippubblikati mill-Kummissjoni,

ADOTTA R-REGOLI TA’ PROĊEDURA LI ĠEJJIN:

Artikolu 1

Il-Laqgħat

1.   Il-grupp għandu jitlaqqa' mill-President, jew fuq l-inizjattiva tiegħu, jew fuq talba b’maġġoranza sempliċi tal-membri, wara li jingħata l-kunsens mill-Kummissjoni.

2.   Jistgħu jissejħu laqgħat konġunti tal-grupp ma’ gruppi oħrajn sabiex jiġu diskussi l-kwistjonijiet li jaqgħu taħt l-oqsma ta’ responsabbiltà rispettivi tagħhom.

Artikolu 2

Aġenda

1.   Is-segretarjat għandu jistabbilixxi l-aġenda taħt ir-responsabbiltà tal-President u jgħaddiha lill-membri tal-grupp.

2.   L-aġenda għandha tkun adottata mill-grupp fil-bidu tal-laqgħa.

Artikolu 3

It-trasmissjoni tad-dokumenti lill-membri tal-grupp

1.   Il-konvokazzjoni u l-aġenda tal-laqgħa għandhom jintbagħtu mis-segretarjat lill-membri tal-grupp mhux aktar tard minn tletin ġurnata kalendarja qabel id-data tal-laqgħa.

2.   L-abbozzi li dwarhom l-opinjoni tal-grupp tkun mitluba u kull dokument ta’ ħidma ieħor għandhom jintbagħtu mis-segretarjat lill-membri tal-grupp mhux aktar tard minn 14-il ġurnata kalendarja qabel id-data tal-laqgħa.

3.   F’każijiet urġenti jew eċċezzjonali, il-limitu taż-żmien li fih id-dokumenti indikati fil-paragrafi 1 u 2 għandhom jintbagħtu jista’ jkun imnaqqas għal ħames ġranet kalendarji qabel id-data tal-laqgħa.

Artikolu 4

Opinjonijiet tal-grupp

1.   Sakemm hu possibbli, il-grupp għandu jadotta l-opinjonijiet jew ir-rapporti tiegħu b’kunsens.

2.   Meta ma jkunx jista' jintlaħaq kunsens, pożizzjonijiet konfliġġenti u temi relatati se jiġu rrapurtati sabiex il-pożizzjonijiet differenti jinftiehmu sew.

Artikolu 5

Sottogruppi

1.   Bil-kunsens tal-Kummissjoni, il-grupp jista' jwaqqaf sottogruppi biex jeżamina kwistjonijiet speċifiċi abbażi ta' termini ta' referenza definiti mill-grupp; dawn għandhom jispiċċaw hekk kif ilestu minn dawk it-termini ta' riferenza. kif ilestu l-ħidmiet tagħhom il-gruppi għandhom jinfirdu.

2.   Is-sottogruppi għandhom jirrappurtaw lill-grupp.

Artikolu 6

Id-dħul ta’ partijiet terzi

1.   Ir-rappreżentant tal-Kummissjoni jista’ jistieden esperti jew osservaturi b’kompetenza speċifika f’suġġett fuq l-abbozz l-aġenda biex jipparteċipaw fil-ħidmiet tal-grupp jew tas-sottogruppi meta dan ikun xieraq u/jew meħtieġ.

2.   L-esperti jew l-osservaturi ma jkunux preżenti meta l-grupp jadotta opinjoni jew rapport.

Artikolu 7

Proċedura bil-miktub

1.   Jekk ikun neċessarju, l-opinjoni tal-grupp dwar kwistjoni speċifika tista’ tintbagħat permezz ta’ proċedura bil-miktub. Għal dan il-għan, is-segretarjat għandu jibgħat lill-membri tal-grupp l-abbozzi li dwarhom l-opinjoni tal-grupp hi mitluba kif ukoll kull dokument ieħor ta’ ħidma.

2.   Madankollu, jekk maġġoranza sempliċi tal-membri tal-grupp titlob li l-kwistjoni tkun eżaminata matul waħda mil-laqgħat tal-grupp, il-proċedura bil-miktub għandha tingħalaq mingħajr riżultat u l-President għandu jlaqqa' l-grupp mill-aktar fis possibbli.

Artikolu 8

Is-Segretarjat

Il-Kummissjoni għandha tipprovdi appoġġ segretarjali lill-grupp u lil kull sottogrupp maħluq taħt l-Artikolu 5(1) hawn fuq.

Artikolu 9

Minuti fil-qosor tal-laqgħat

Il-minuti fil-qosor dwar id-diskussjoni ta' kull punt fuq l-aġenda u l-opinjonijiet mogħtija mill-grupp għandhom jitħejjew mis-segretarjat taħt ir-responsabbilità tal-President. Il-minuti ma għandhomx isemmu l-pożizzjoni individwali tal-membri fid-deliberazzjonijiet tal-grupp. Dawn huma addottati mill-grupp.

Artikolu 10

Il-lista ta’ l-attendenza

F’kull laqgħa, is-segretarjat għandu jistabbilixxi taħt ir-responsabbiltà tal-President, lista ta’ attendenza li tispeċifika, fejn xieraq, l-awtoritajiet, l-organizzazzjonijiet jew l-entitajiet li għalihom jappartjenu l-membri tal-grupp.

Artikolu 11

Prevenzjoni ta’ konflitti ta’ interess

1.   Fil-bidu ta’ kull laqgħa, kull membru li l-parteċipazzjoni tiegħu fil-ħidmiet tal-grupp tista’ tikkawża konflitt ta’ interessi dwar punt speċifiku fuq l-aġenda, għandu jinforma lill-President tal-grupp.

2.   F’każ ta’ konflitt ta’ interessi ta’ din ix-xorta, il-membru għandu jastjeni milli jipparteċipa fil-punti kkonċernati ta’ l-aġenda jew f’kull vot dwar dawn il-punti.

Artikolu 12

Il-Korrispondenza

1.   Il-korrispondenza relatata mal-grupp għandha tkun indirizzata lill-Kummissjoni, għall-attenzjoni tal-President tal-grupp.

2.   Il-korrispondenza ddestinata għall-membri tal-grupp għandha tkun mibgħuta fl-indirizz [e-mail] li huma jindikaw għal dan il-għan.

Artikolu 13

Trasparenza

1.   Il-prinċipji u l-kundizzjonijiet marbuta ma’ l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-grupp għandhom ikunu l-istess bħal dawk definiti fir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (1). Għandha tkun il-Kummissjoni li tieħu deċiżjoni dwar it-talbiet għall-aċċess għal dawk id-dokumenti.

2.   Id-deliberazzjonijiet tal-grupp huma kunfidenzjali.

3.   Bi ftehim mal-Kummissjoni, il-grupp jista’, b’maġġoranza sempliċi tal-membri tiegħu, jiddeċiedi li jiftaħ id-deliberazzjonijiet tiegħu għall-pubbliku.

Artikolu 14

Protezzjoni tad-dejta personali

Kull proċessar ta' dejta personali għall-għan ta' dawn ir-regoli ta’ proċedura għandu jkun konformi mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward ta' l-ipproċessar ta' dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data (2).


(1)  ĠU L 145, 31.5.2002, p. 43.

(2)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.