6.7.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 176/21


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tal-5 ta’ Ġunju 2007

li tabroga d-Deċiżjoni 2004/917/KE dwar l-eżistenza ta’ defiċit eċċessiv fil-Greċja

(2007/465/KE)

IL-KUNSILL ta’ L-UNJONI EWROPEA:

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 104 (12) tiegħu,

Wara li kkonsidra r-rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni,

Billi:

(1)

Bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/917/KE (1), wara rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni skond l-Artikolu 104(6) tat-Trattat, ġie deċiż li fil-Greċja kien jeżisti defiċit eċċessiv. Il-Kunsill ikkonstata li fl-2003 id-defiċit ġenerali tal-gvern kien ta’ 3,2 % tal-PGD, li għalhekk kien qabeż it-3 % tal-valur ta’ referenza tal-PGD skond it-Trattat, filwaqt li d-dejn gross ġenerali tal-gvern kien ta’ 103 % tal-PGD, ferm ogħla mis-60 % tal-valur ta’ referenza tal-PGD skond it-Trattat. Iċ-ċifri tad-defiċit ġenerali tal-gvern u tad-dejn gross ġenerali tal-gvern għall-2003 ġew riveduti f’diversi okkażjonijiet. Skond id-data l-iżjed riċenti, id-defiċit u d-dejn kienu jirrappreżentaw 6,2 % tal-PGD u 107,8 % tal-PGD rispettivament.

(2)

Fis-6 ta’ Lulju 2004, skond l-Artikolu 104(7) tat-Trattat u l-Artikolu 3(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) 1467/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv (2), il-Kunsill indirizza rakkomandazzjoni lill-Greċja bil-għan li tiġi terminata s-sitwazzjoni tad-defiċit eċċessiv sa mhux aktar tard mill-2005. Ir-rakkomandazzjoni ġiet pubblikata.

(3)

Fid-19 ta’ Jannar 2005, permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/334/KE (3), skond l-Artikolu 104(8), il-Kunsill iddeċieda, fuq il-bażi ta’ rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni, li l-Greċja ma kenitx ħadet azzjoni effettiva bi tweġiba għar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill skond l-Artikolu 104(7). Fis-17 ta’ Frar 2005, permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/441/KE (4) il-Kunsill, fuq il-bażi ta’ rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni, iddeċieda li jinnotifika lill-Greċja skond l-Artikolu 104(9) sabiex tieħu l-miżuri, għat-tnaqqis tad-defiċit, meqjusa meħtieġa sabiex tiġi rimedjata s-sitwazzjoni tad-defiċit eċċessiv u estenda l-iskadenza għall-korrezzjoni b’sena, sa l-2006.

(4)

Skond l-Artikolu 104(12) tat-Trattat, Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-eżistenza ta’ defiċit eċċessiv għandha tiġi abrogata meta d-defiċit eċċessiv fl-Istat Membru kkonċernat ikun, fil-fehma tal-Kunsill, ġie korrett.

(5)

Skond il-Protokoll dwar il-proċedura tad-defiċit eċċessiv anness mat-Trattat, il-Kummissjoni tipprovdi d-data għall-implimentazzjoni tal-proċedura. Bħala parti mill-applikazzjoni ta’ dan il-Protokoll, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw data dwar id-defiċit u d-djun pubbliċi kif ukoll dwar fatturi varjabbli assoċjati, darbtejn fis-sena, jiġifieri qabel l-1 ta’ April u qabel l-1 ta’ Ottubru, skond l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3605/93 tat-22 ta’ Novembru 1993 dwar l-applikazzjoni tal-Protokoll dwar il-proċedura tad-defiċit eċċessiv anness mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea (5).

(6)

Fuq il-bażi tad-data pprovduta mill-Kummissjoni (Eurostat) skond l-Artikolu 8 g(1) tar-Regolament (KE) Nru 3605/93 wara n-notifika mill-Greċja ta’ l-1 ta’ April 2007 u tat-tbassir tar-Rebbiegħa 2007 tas-servizzi tal-Kummissjoni, huma kunsiljabbli dawn il-konklużjonijiet li ġejjin:

Id-defiċit ġenerali tal-gvern tnaqqas minn 7,9 % tal-PGD fl-2004 għal 2,6 % tal-PGD fl-2006, u għalhekk ġie taħt it-3 % tal-valur ta’ referenza tal-PGD għad-defiċit. Dan ir-riżultat huwa identiku għall-mira ffissata fl-aġġornament ta’ Diċembru 2005 tal-programm ta’ stabbiltà;

Id-dħul u l-infiq kellhom kontribut għall-aġġustament nominali ta’ kważi 3 punti perċentwali tal-PGD meta mqabbel mad-defiċit ta’ l-2005 ta’ 5,5 % bi kważi l-istess ammont proporzjonali. F’termini tal-PGD, id-dħul totali żdied b’1Formula punti perċentwali tal-PGD, bit-taxxi indiretti jirrappreżentaw nofs punt perċentwali tal-PGD. Iż-żidiet fil-kontribuzzjonijiet soċjali u dħul ieħor, inklużi t-trasferimenti kapitali (it-trasferimenti ta’ l-UE) jispjegaw il-punt perċentwali li jifdal. In-nefqa totali tnaqqset b’1Formula punti perċentwali tal-PGD, prinċipalment bħala riżultat tat-tnaqqis fl-infiq primarju (0,5 % tal-PGD) u fl-infiq fuq l-imgħaxijiet (0,25 % tal-PGD). L-infiq kapitali tnaqqas ukoll b’madwar nofs punt perċentwali tal-PGD. Id-dħul ta’ darba ammonta għal 0,6 % tal-PGD. It-titjib fil-bilanċ strutturali (jiġifieri l-bilanċ aġġustat ċiklikament wara l-miżuri ta’ darba u miżuri temporanji oħra) huwa stmat li kien 2,25 % tal-PGD fl-2006. L-aġġustament għad-defiċit dejn ta’ 2,3 % tal-PGD huwa fil-biċċa l-kbira spjegat;

Għall-2007, it-tbassir tar-Rebbiegħa 2007 tas-servizzi tal-Kummissjoni jipprevedi li d-defiċit se jonqos aktar u jinżel għal 2,4 % tal-PGD. Dan huwa konformi mal-mira uffiċjali ta’ defiċit ta’ 2,4 % tal-PGD li kienet iffissata fl-aġġornament tal-programm ta’ stabbiltà ta’ Diċembru 2006. Madankollu, it-tbassir tas-servizzi tal-Kummissjoni jinkludi dħul ulterjuri ta’ darba li jammonta għal 0,25 % tal-PGD, kif ukoll miżuri permanenti għat-tnaqqis fl-ispiża li jammontaw għal madwar 0,25 % tal-PGD, it-tnejn imxandra qabel id-data ta’ l-iskadenza tat-tbassir tar-Rebbiegħa 2007 tas-servizzi tal-Kummissjoni u għalhekk ma ġewx riflessi fil-mira uffiċjali ta’ Diċembru 2006. Minkejja dan, il-previżjoni tad-defiċit għall-2007 tat-tbassir tar-Rebbiegħa mhix aħjar mill-mira għaliex l-impatt ta’ dawn il-miżuri ġodda huma kkumpensati minn kemm assunzjonijiet dwar tkabbir aktar kawt kif ukoll mill-fatt li l-miżuri permanenti ppjanati għall-2007, fil-fehma tal-Kummissjoni, ma jikkumpensawx għal kollox, it-tnaqqis fid-dħul ta’ darba. Mingħajr il-miżuri ta’ darba d-defiċit xorta kien jibqa’ taħt il-valur ta’ referenza billi kien ta’ 2,9 % tal-PGD. Għall-2008, it-tbassir tar-rebbiegħa jipprevedi, f’xenarju ta’ ebda tibdil fil-politika, defiċit ta’ 2,7 % tal-PGD, esklużi miżuri ta’ darba għall-2008. Dan jindika li d-defiċit tnaqqas għal taħt il-livell massimu ta’ 3 % tal-PGD b’mod kredibbli u sostenibbli. Il-bilanċ strutturali huwa previst li jitjieb fl-2007 b’madwar kwart ta’ punt perċentwali tal-PGD u, f’xenarju li ma jipprevedi l-ebda tibdil fil-politika, b’ammont marġinali fl-2008. Dan għandu jkun ikkunsidrat fl-isfond tal-ħtieġa ta’ reġistrazzjoni ta’ progress lejn il-ksib ta’ l-objettiv ta’ terminu medju għall-pożizzjoni baġitarja, li għall-Greċja hija pożizzjoni bbilanċjata f’termini strutturali;

Id-dejn tal-gvern niżel minn 108,5 % tal-PGD fl-2004 għal 104,5 % fl-2006. Skond it-tbassir tar-Rebbiegħa 2007, il-proporzjon tad-dejn huwa stmat li ser jibqa’ nieżel sa madwar 97,5 % sa l-aħħar ta’ l-2008, xorta ferm ogħla mis-60 % tal-valur ta’ referenza tal-PGD. Il-proporzjon tad-dejn jista’ jkun ikkunsidrat bħala li qed jonqos b’mod suffiċjenti lejn il-valur ta’ referenza ta’ 60 % tal-PGD.

(7)

L-awtoritajiet ta’ l-istatistika Griegi għamlu titjib fil-proċeduri tagħhom, li wassal għal tnaqqis sinifikanti fid-diskrepanzi statistiċi u għal kwalità ġenerali ogħla tad-data ġenerali tal-gvern. L-awtoritajiet Griegi huma impenjati li jimplimentaw bis-sħiħ il-pjan ta’ azzjoni sabiex tittejjeb l-istatistika dwar il-finanzi pubbliċi. Bħala riżultat, l-Eurostat irtira r-riżervi tiegħu dwar il-kwalità tad-data rappurtata.

(8)

Fil-fehma tal-Kunsill, id-defiċit eċċessiv fil-Greċja ġie korrett u d-Deċiżjoni 2004/917/KE għandha għalhekk tiġi abrogata,

ADOTTA DIN ID-DECIŻJONI:

Artikolu 1

Minn valutazzjoni globali jirriżulta li s-sitwazzjoni ta’ defiċit eċċessiv fil-Greċja ġiet korretta.

Artikolu 2

Id-Deċiżjoni 2004/917/KE hija b’dan abrogata.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Ellenika.

Magħmul fil-Lussemburgu, 5 ta’ Ġunju 2007.

Għall-Kunsill

Il-President

S. GABRIEL


(1)  ĠU L 389, 30.12.2004, p. 25.

(2)  ĠU L 209, 2.8.1997, p. 6. Ir-Regolament kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 1056/2005 (ĠU L 174, 7.7.2005, p. 5).

(3)  ĠU L 107, 28.4.2005, p. 24.

(4)  ĠU L 153, 16.6.2005, p. 29.

(5)  ĠU L 332, 31.12.1993, p. 7. Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 2103/2005 (ĠU L 337, 22.12.2005, p. 1).