26.6.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 164/32


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-25 ta’ Ġunju 2007

li tirrevoka d-Deċiżjoni 2005/704/KE li taċċetta impenn offrut b’rabta mal-proċediment ta’ l-antidumping ta’ ċerti briks tal-manjesja li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina

(2007/440/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolamnet tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 tat-22 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Komunità Ewropea (1) (ir-‘Regolament bażiku’), u b’mod partikolari l-Artikoli 8 u 9 tiegħu,

Wara li kkonsultat il-Kumitat Konsultattiv,

Billi:

A.   IL-MIŻURI ATTWALI

(1)

F’Ottubru 2005, il-Kunsill, permezz tar-Regolament (KE) Nru 1659/2005 (2), impona dazju definittiv ta’ l-antidumping fuq importazzjonijiet ta’ ċerti briks tal-manjesja li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (‘il-prodott ikkonċernat’).

(2)

Il-Kummissjoni, permezz tad-Deċiżjoni 2005/704/KE tal-11 ta’ Ottubru 2005 (3), aċċettat impenn fuq il-prezzijiet offrut minn Yingkou Qinghua Refractories Co. Ltd., (il-Kumpanija’).

B.   KSUR ta’ L-IMPENN

1.   L-impenn

(a)   Obbligi tal-kumpanija f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-impenn

(3)

Fil-kuntest ta’ l-impenn, il-Kumpanija qablet, inter alia, li ma tbiegħx il-prodott ikkonċernat lill-Komunità Ewropea taħt ċerti prezzijiet minimi (‘PM’) stipulati fl-impenn.

(4)

It-termini ta’ l-impenn jobbligaw ukoll lill-Kumpanija sabiex tipprovdi lill-Kummissjoni b’tagħrif regolari u ddettaljat fil-forma ta’ rapport kull tliet xhur tal-bejgħ tagħha tal-prodott ikkonċernat lill-Komunità Ewropea.

(5)

Bil-għan li tiżgura konformità ma’ l-impenn, il-Kumpanija ntrabtet ukoll li tippermetti żjajjar ta’ verifika fuq il-post fil-proprjetà tagħha sabiex tiġi vverifikata l-eżattezza u l-veraċità tad-data ppreżentata fir-rapporti msemmija ta’ kull tliet xhur u sabiex tipprovdi t-tagħrif kollu meqjus bħala meħtieġ mill-Kummissjoni.

(b)   Dispożizzjonijiet oħra ta’ l-impenn

(6)

Minbarra dan, u kif stipulat fl-impenn, it-tħaddin ta’ l-impenn mill-Kummissjoni Ewropea huwa bbażat fuq fiduċja u kull azzjoni li tagħmel ħsara lir-relazzjoni ta’ fiduċja stabbilita mal-Kummissjoni Ewropea għandha tiġġustifika l-irtirar immedjat ta’ l-impenn.

(7)

Barra minn dan, u kif stipulat fl-impenn, kull bidla fiċ-ċirkustanzi li sseħħ matul il-perjodu ta’ implimentazzjoni ta’ l-impenn minn dawk iċ-ċirkustanzi li kienu jeżistu fi żmien meta l-impenn ġie aċċettat li kienu rilevanti għad-deċiżjoni li l-impenn jiġi aċċettat tista’ twassal għall-irtirar ta’ l-impenn mill-Kummissjoni Ewropea.

2.   Żjara ta’ verifika lill-Kumpanija

(8)

F’dan ir-rigward, saret żjara ta’ verifika fil-post tal-Kumpanija fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina.

(9)

Jumejn qabel iż-żjara, il-Kumpanija ppreżentat verżjonijiet riveduti tar-rapporti ta’ l-impenn għat-tieni u t-tielet kwart ta’ l-2006. Ir-reviżjonijiet ippreżentati kienu jikkonċernaw – inter alia – prolungament tat-termini ta’ ħlas għal ħames tranżazzjonijiet. Dawn it-tibdiliet għaż-żmien permess għall-ħlas wasslu għal prezzijiet aktar baxxi mill-PM.

(10)

Barra minn hekk, iż-żjara ta’ verifika stabbiliet bidla fix-xejra tal-kummerċ lill-Komunità Ewropea wara l-impożizzjoni ta’ miżuri ta’ l-antidumping. Matul il-perjodu ta’ l-investigazzjoni wasslet għall-impożizzjoni tal-miżuri attwali, il-Kumpanija biegħet il-prodott ikkonċernat esklussivament lill-Komunità. Wara l-impożizzjoni tal-miżuri l-Kumpanija bdiet tbiegħ ukoll prodotti oħra lill-klijenti tagħha fil-Komunità.

(11)

Bidla bħal din fix-xejra tal-kummerċ taffettwa l-impenn minħabba li tikkostitwixxi riskju serju għal kumpens ambigwu, jiġifieri l-prodott mhux kopert mill-impenn jista’ jinbiegħ fi prezzijiet artifiċjalment baxxi sabiex jikkumpensa għal PM għall-prodott kopert permezz ta’ l-impenn.

(12)

Sabiex tivverifika b’mod ulterjuri jekk kumpens tali seħħx tassew, il-Kumpanija ntalbet tipprovdi kopji ta’ fatturi tal-prodott mhux kopert permezz ta’ l-impenn, maħruġ lil klijenti oħra fil-Komunità Ewropea u ‘l barra minnha.

(13)

Il-Kumpanija argumentat li analiżi tal-prezzijiet ta’ prodotti oħra mhijiex sinifikanti sabiex tidentifika l-kumpens ambigwu minħabba li l-kwalitajiet u l-prezzijiet assoċjati ta’ dawn il-prodotti jistgħu jvarjaw minn klijent għall-ieħor. Sabiex titratta dan it-tħassib, il-Kumpanija ntalbet tipprovdi lista tal-prezzijiet elenkati skond kwalitajiet u klijenti differenti iżda rrifjutat li tagħmel hekk u allegat li dan kien jikkonċerna tagħrif kunfidenzjali għal prodotti li mhumiex koperti mill-miżuri.

(14)

Fl-aħħarnett, il-Kumpanija pprovdiet kopji ta’ ħames fatturi għal prodotti mhux koperti mill-impenn, maħruġa fl-2005 u l-2006. Fattura minnhom inħarġet lil klijent li kien qiegħed jixtri fl-istess waqt il-prodott kopert permezz ta’ l-impenn, fattura oħra kienet tikkonċerna klijent ġewwa l-Komunità li ma xtarax il-prodott ikkonċernat mill-Kumpanija. Il-bqija tal-fatturi nħarġu lil klijenti ‘l barra mill-Komunità.

(15)

Meta tqiesu l-kwalitajiet varji mixtrija minn dawn il-ħames klijenti, instab li l-prezz li ntalab lill-klijent fil-Komunità, li xtara wkoll il-prodott kopert permezz ta’ l-impenn, kien sinifikament aktar baxx mill-prezz li ntalab għal kwalitajiet simili lill-klijent l-ieħor fil-Komunità li ma xtarax il-prodott kopert permezz ta’ l-impenn. Differenza simili fil-prezz applikat għall-klijenti l-oħra barra mill-Komunità. Għalhekk din il-politika ta’ prezzijiet hija meqjusa bħala indikazzjoni ċara li fil-fatt sar kumpens ambigwu.

3.   Raġunijiet għall-irtirar tat-tħaddin ta’ l-impenn

(16)

L-obbligu tal-Kumpanija li tirrispetta l-PM għall-bejgħ kollu tal-prodott kopert permezz ta’ l-impenn ma ntlaħaqx, kif deskritt fl-inċiż (9) hawn fuq.

(17)

Barra minn dan, bidla fix-xejra tal-kummerċ mindu saret l-impożizzjoni tal-miżuri wasslet għal riskju sinifikanti għal kumpens ambigwu li ma jippermettix iżjed lill-Kummissjoni sabiex tissorvelja b’mod effettiv l-impenn u għalhekk tagħmel l-impenn wieħed li mhuwiex prattiku

(18)

Jidher li din il-bidla fix-xejra tal-kummerċ ippermettiet lill-Kumpanija li tikkumpensa klijenti fil-Komunità għal bejgħ soġġett għall-PM permezz ta’ prezzijiet artifiċjalment baxxi għall-prodott li mhuwiex kopert mill-impenn.

(19)

Din il-bidla fix-xejra tal-kummerċ hija meqjusa bħala bidla rilevanti fiċ-ċirkustanzi mqabbla ma’ dawk li kienu jeżistu fi żmien li tħaddan l-impenn u għandha twassal, filwaqt li jittieħdu f’konsiderazzjoni s-sejbiet stipulati hawn fuq fl-inċiżi (10) sa (12), għall-irtirar ta’ l-impenn.

(20)

Ukoll, meta żammet il-listi tal-prezzijiet għal prodotti mhux koperti permezz ta’ l-impenn, il-Kumpanija naqset milli tikkonforma ma’ l-obbligu li tipprovdi tagħrif rilevanti skond l-Artikolu 8(7) tar-Regolament bażiku u d-dispożizzjonijiet ta’ l-impenn.

(21)

Barra minn dan, in-nuqqas ta’ rieda tal-kumpanija li tipprovdi dawn il-listi tal-prezzijiet għamlet ħsara lir-relazzjoni ta’ fiduċja li kienet tifforma l-bażi tat-tħaddin ta’ l-impenn.

4.   Il-preżentazzjonijiet bil-miktub

(a)   Il-Proporzjonalità

(22)

Fir-rigward tal-ksur tal-prezz, il-Kumpanija ammettiet li seħħ ksur tal-prezz. Madankollu, il-Kumpanija argumentat li l-prezzijiet tal-bejgħ tat-tranżazzjonijiet l-oħra kollha kienu strettament konformi mal-PM. Barra minn dan, ġie ppreżentat li l-prezz finali ma kienx sinifikament aktar baxx minn PM. Il-Kumpanija ddikjarat li, fuq din il-bażi, l-irtirar ta’ dan l-impenn ikun sproporzjonat mal-ksur li seħħ.

(23)

B’reazzjoni għal dawn l-argumenti, fir-rigward tal-kwistjoni tal-proporzjonalità, għandu jiġi indikat li skond l-impenn, il-Kumpanija ntrabtet li tiżgura li l-Prezz Nett tal-Bejgħ għall-bejgħ kollu kopert permezz ta’ l-impenn għandu jkun fil-PM stipulat fl-impenn jew ogħla minnu.

(24)

Barra minn hekk, ir-Regolament bażiku ma fih l-ebda rekwiżit dirett jew indirett li kontravenzjoni ta’ impenn għandha tirrelata ma’ perċentwal minimu ta’ bejgħ jew għandha tirrelata ma’ perċentwal minimu ta’ PM.

(25)

Din l-istrateġija kienet ikkonfermata wkoll permezz tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza li qatgħetha li kull ksur ta’ impenn huwa biżżejjed għall-irtirar ta’ tħaddin ta’ impenn (4).

(26)

Skond dan, l-argumenti ppreżentati mill-Kumpanija fir-rigward tal-proporzjonalità ma jbiddlux il-perspettiva tal-Kummissjoni li seħħ ksur u li l-irtirar ta’ l-impenn għandu jkun proporzjonali għal dak il-ksur.

(b)   Il-bidla fix-xejra tal-kummerċ

(27)

Fir-rigward tal-bidla fix-xejra tal-kummerċ, il-Kumpanija ppreżentat li ma kinitx biddlet ix-xejra tagħha tal-kummerċ b’mod deliberat sabiex tikkumpensa klijenti fil-Komunità għal bejgħ soġġett għall-PM permezz ta’ prezzijiet artifiċjalment baxxi għall-prodott li mhuwiex kopert mill-impenn.

(28)

Kien argumentat li ż-żieda fil-prezz ikkawżata bl-impożizzjoni tal-miżuri ta’ l-antidumping u t-tnaqqis konsegwenti fil-bejgħ lill-UE tal-prodott ikkonċernat wasslu lill-Kumpanija sabiex tiżviluppa prodotti ġodda lil hinn mill-ambitu tal-miżuri sabiex iżżomm kummerċ mal-Komunità.

(29)

B’reazzjoni għal dawn l-argumenti, għandu jiġi enfasizzat li l-bidla fix-xejra tal-kummerċ bħala tali tikkostitwixxi riskju serju ta’ kumpens ambigwu irrispettivament mir-raġuni li seħħet minħabba fiha. Hija prassi stabbilita tal-Kummissjoni li ma taċċettax impenji ta’ prezz jekk ir-riskju ta’ kumpens ambigwu huwa wieħed għoli. Konsegwentament, jekk isseħħ bidla bħal din fil-kummerċ matul il-perjodu ta’ l-applikazzjoni ta’ l-impenn, il-bidla nfisha hija biżżejjed għall-Kummissjoni sabiex tirtira l-impenn, minħabba li tagħmel is-sorveljanza ta’ l-impenn waħda mhux prattika, irrispettivament minn jekk seħħx kumpens ambigwu jew le.

(30)

Skond dan, l-argumenti ppreżentati mill-Kumpanija f’dan ir-rigward ma jbiddlux il-perspettiva tal-Kummissjoni li x-xejra tal-kummerċ wasslet għal riskju sinifikanti ta’ kumpens ambigwu.

(ċ)   L-iskema tal-kumpens

(31)

Il-Kumpanija ppreżentat ukoll li hija strateġija raġjonevoli u prassi komuni tan-negozju li toffri prezzijiet favorevoli meta tkun qed tipprova tippenetra suq bi prodott ġdid u għalhekk ma jistax jiġi konkluż li fil-fatt seħħ kumpens, b’mod partikolari minħabba li l-volum tal-bejgħ tal-prodott il-ġdid kien ‘il bogħod milli jikkumpensa b’mod sħiħ għat-telf fil-bejgħ tal-prodott kopert bl-impenn.

(32)

B’reazzjoni għal din il-preżentazzjoni, għandu jiġi enfasizzat li prezz favorevoli kien offrut biss lill- klijent li qed jixtri kemm il-prodott ikkonċernat permezz ta’ l-impenn kif ukoll prodotti oħra. Ma kienx offrut lill- klijent ieħor fl-UE li ma jixtrix il-prodott kopert permezz tal-ftehim. Għalhekk, il-prezz għoli immens li talbu lill-klijent l-ieħor fl-UE għal kwantità simili jdgħajjef din il-linja ta’ argument u jsaħħaħ l-argument li fil-fatt seħħ kumpens ambigwu.

(33)

Barra minn hekk, f’dak li għandu x’jaqsam ma’ kwistjonijiet ta’ materjalità u proporzjonalità, għandu jiġi enfasizzat li mhemm l-ebda rekwiżit li jorbot il-Kummissjoni sabiex turi li tnaqqis fil-bejgħ tal-prodott ikkonċernat għamlet tajjeb għalih żieda ekwivalenti fil-bejgħ ta’ prodotti ġodda meta tkun qed tivverifika jekk seħħx kumpens ambigwu jew le.

(d)   It-tagħrif li għandu jingħata

(34)

Barra minn dan, il-Kumpanija kkuntestat li kienet irrifjutat li tipprovdi lista tal-prezzijiet għal prodotti mhux koperti permezz ta’ dan l-impenn iżda argumentat li ma għandhiex lista universali tal-prezzijiet minħabba li prezzijiet differenti japplikaw lil konsumaturi differenti f’reġjuni differenti.

(35)

B’reazzjoni għal din il-preżentazzjoni, għandu jitfakkar li l-Kumpanija ntalbet tipprovdi dawk il-listi tal-prezzijiet li huma disponibbli sabiex tingħeleb din il-problema, iżda ma kinitx disposta li tagħmel dan minħabba li allegat li kienu jikkonċernaw tagħrif kunfidenzjali għal prodotti li mhumiex koperti permezz ta’ miżuri.

(36)

Skond dan, l-argumenti ppreżentati mill-Kummissjoni f’dan ir-rigward ma jbiddlux il-perspettiva tal-Kummissjoni li l-Kumpanija naqset milli tikkonforma ma’ l-obbligu li tippermetti verifika tad-data pertinenti skond l-Artikolu 8(7) tar-Regolament bażiku.

C.   IR-REVOKA TAD-DEĊIŻJONI 2005/704/KE

(37)

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, it-tħaddin ta’ l-impenn għandu jiġi rtirat u d-Deċiżjoni 2005/704/KE għandha tiġi rrevokata. Skond dan, għandu japplika d-dazju definittiv ta’ l-antidumping impost permezz ta’ l-Artikolu 1(2) tar-Regolament (KE) Nru 1659/2005 fuq importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat mill-Kumpanija.

IDDEĊIDIET KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/704/KE hija permezz ta’ dan irrevokata.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, 25 ta’ Ġunju 2007.

Għall-Kummissjoni

Peter MANDELSON

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 56, 6.3.1996, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 2117/2005 (ĠU L 340, 23.12.2005, p. 17.)

(2)  ĠU L 267, 12.10.2005, p. 1.

(3)  ĠU L 267, 12.10.2005, p. 27.

(4)  F’dan il-kuntest, ara l-każ T-51/96 Miwon v Council [ECR 2000, p. II-1841] paragrafu 52; il-każ T-340/99 Arne Mathisen AS v Council [ECR 2002, p. II-2905] paragrafu 80.