15.6.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 155/76


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2007/412/ĠAI

tat-12 ta’ Ġunju 2007

li temenda d-Deċiżjoni 2002/348/ĠAI dwar is-sigurtà b’konnessjoni ma’ logħbiet tal-futbol b’dimensjoni internazzjonali

IL-KUNSILL ta’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 30(1)(a) u (b) u l-Artikolu 34(2)(ċ) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-inizjattiva tar-Repubblika ta’ l-Awstrija (1),

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (2),

Billi:

(1)

L-objettiv ta’ l-Unjoni Ewropea huwa, inter alia, li tipprovdi liċ-ċittadini b’livell għoli ta’ sigurtà fi ħdan spazju ta’ libertà, ta’ sigurtà u ta’ ġustizzja billi tiġi żviluppata azzjoni komuni bejn l-Istati Membri fil-qasam tal-koperazzjoni bejn il-pulizija.

(2)

Fil-25 ta’ April 2002, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2002/348/ĠAI (3) li stabbilixxiet punt nazzjonali ta’ informazzjoni dwar il-futbol f’kull Stat Membru inkarigat bl-iskambju ta’ informazzjoni tal-pulizija fir-rigward ta’ logħbiet tal-futbol b’dimensjoni internazzjonali. Dik id-Deċizjoni stabbilixxiet il-kompiti u l-proċeduri li għandhom jiġu adotti minn kull punt nazzjonali ta’ informazzjoni dwar il-futbol.

(3)

Id-Deċiżjoni 2002/348/ĠAI għandha tiġi riveduta u aġġornata sabiex jittieħed kont ta’ l-esperjenza fis-snin reċenti, bħall-Kampjonati Ewropej fl-2004 u l-valutazzjoni mill-esperti tal-koperazjoni internazzjonali bejn il-pulizija fil-qafas ta’ dak il-kampjonat u l-koperazzjoni estensiva bejn il-pulizija fir-rigward ta’ logħbiet internazzjonali kif ukoll ta’ logħob bejn il-klabbijiet fl-Ewropa b’mod ġenerali. Fis-snin reċenti, in-numru ta’ partitarji li jivvjaġġaw għal logħbiet barra mill-pajjiż kompla jikber. Għalhekk, hemm il-ħtieġa li l-korpi kompetenti jsaħħu l-koperazzjoni tagħhom u jipprofessjonalizzaw l-iskambju ta’ informazzjoni sabiex jiġu evitati d-disturbi ta’ l-ordni pubbliku u sabiex jippermettu lil kull Stat Membru jagħmel stima effiċjenti tar-riskji. L-emendi proposti huma r-riżultat ta’ esperjenzi miġbura minn diversi punti nazzjonali ta’ informazzjoni dwar il-futbol fix-xogħol tagħhom ta’ kuljum u għandhom jgħinuhom sabiex jaħdmu b’mod aktar strutturat u professjonali, u b’hekk jiżguraw l-iskambju ta’ kwalità għolja ta’ informazzjoni.

(4)

L-emendi huma mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet nazzjonali eżistenti, b’mod partikolari għad-diviżjonijiet u għar-responsabbiltajiet bejn l-awtoritajiet u s-servizzi differenti fl-Istati Membri kkonċernati, u għall-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat tagħha taħt it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/348/ĠAI hija b’dan emendata kif ġej:

(1)

l-Artikolu 2 għandu jiġi emendat kif ġej:

a)

il-paragrafu 2 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“2.   Il-punti nazzjonali ta’ informazzjoni dwar il-futbol għandhom, skond ir-regoli nazzjonali u internazzjonali applikabbli, ikollhom aċċess għall-informazzjoni li tinvolvi data personali dwar sostenituri ta’ riskju”.

b)

għandu jiżdied il-paragrafu li ġej:

“6.   Il-punti nazzjonali ta’ informazzjoni dwar il-futbol għandhom regolarment jipproduċu u jiċċirkolaw valutazzjonijiet ġeneriċi u /jew tematiċi ta’ diżordni marbut mal-futbol fil-livelli nazzjonali għall-benefiċċju ta’ punti nazzjonali oħra ta’ informazzjoni dwar il-futbol”.

(2)

l-Artikolu 3 għandu jiġi emendat kif ġej:

a)

fil-paragrafu 3, l-ewwel sentenza għandha tiġi sostitwita b’dan li ġej:

“3.   Id-data personali għandha tiġi skambjata skond ir-regoli nazzjonali u internazzjonali applikabbli, b’kont meħud tal-prinċipji tal-Konvenzjoni Nru 108 tal-Kunsill ta’ l-Ewropa tat-28 ta’ Jannar 1981 għall-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ proċessar awtomatiku ta’ data personali u, skond il-każ, tar-Rakkomandazzjoni Nru R (87)15 tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill ta’ l-Ewropa tas-17 ta’ Settembru 1987 li tirregola l-użu ta’ data personali fis-settur tal-pulizija.”

b)

għandu jiżdied il-paragrafu li ġej:

“4.   L-informazzjoni għandha tiġi skambjata permezz tal-formoli adatti li jinsabu fl-appendiċi tal-manwal b’rakkomandazzjonijiet għall-implimentazzjoni, fil-livell internazzjonali, ta’ koperazzjoni bejn il-pulizija u għal miżuri għall-prevenzjoni u l-kontroll tal-vjolenza u ta’ disturbi b’konnessjoni mal-logħbiet tal-futbol b’dimensjoni internazzjonali li jikkonċernaw mill-anqas Stat Membru wieħed. Il-punti nazzjonali ta’ informazzjoni dwar il-futbol għandhom jiżguraw li l-informazzjoni li jibgħatu tkun kompleta u konformi ma’ dawn il-formoli”.

Artikolu 2

Il-Kunsill għandu jivvaluta l-implementazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni mhux aktar tard mit-12 ta’ Ġunju 2010.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandu jibda jkollha effett fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussel, 12 ta’ Ġunju 2007.

Għall-Kunsill

Il-President

W. SCHÄUBLE


(1)  ĠU C 164, 15.7.2006, p. 30.

(2)  Opinjoni mogħtija fit-22 ta’ Marzu 2007 (għadha mhijiex pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(3)  ĠU L 121, 8.5.2002, p. 1.