13.6.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 151/41


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

ta’ l-20 ta’ Diċembru 2006

li tiddikjara konċentrazzjoni kumpatibbli mas-suq komuni u t-tħaddim tal-Ftehim taż-ŻEE

(Każ Nru: COMP/M.4215 – Glatfelter/Crompton Assets)

(notifikata taħt id-dokument numru C(2006) 6764)

(Il-verżjoni bl-Ingliż biss hija awtentika)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2007/403/KE)

Fl-20 ta’ Diċembru 2006, il-Kummissjoni adottat Deċiżjoni f'każ ta’ amalgamazzjoni taħt ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 ta’ l-20 ta’ Jannar 2004 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 8(1) ta’ dan ir-Regolament. Verżjoni mhux kunfidenzjali tad-Deċiżjoni sħiħa tista' tinstab fil-lingwa awtentika tal-każ u fil-lingwi ta’ ħidma tal-Kummissjoni fuq il-website tad-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni, f'dan l-indirizz: http://ec.europa.eu/comm/competition/index_mt.html

I.   SOMMARJU

(1)

Nhar is-16 ta’ Awissu 2006, il-Kummissjoni rċeviet notifika skond l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 139/2004 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (“ir-Regolament tal-KE dwar l-Amalgamazzjonijiet”) dwar konċentrazzjoni fejn P.H. Glatfelter Company (“Glatfelter”, USA) akkwistat kontroll uniku tal-Lydney Business ta’ J.R. Crompton Ltd in Administration (“Lydney Business”, ir-Renju Unit) permezz tax-xiri ta’ l-attiv.

(2)

Kemm Glatfelter u Lydney Business huma attivi fil-produzzjoni ta’ materjal ta’ fibra wet laid għall-filtrazzjoni tat-tè u l-kafè. L-investigazzjoni tas-suq tal-Kummissjoni żvelat li minkejja s-sehem għoli fis-suq globali għall-materjal ta’ fibra wet laid għall-filtrazzjoni tat-tè u l-kafè, il-parti li qed tagħmel in-notifika se tkun kostretta minn numru ta’ kompetituri, partikolarment mill-kumpanija Brittanika Purica li reċentement żiedet il-kapaċità ta’ produzzjoni b'mod sinifikanti fiċ-Ċina. Barra minn hekk, il-kompetizzjoni minn materjali alternattivi għall-materjal ta’ fibra wet laid għall-filtrazzjoni tat-tè u l-kafè se tikkostrinġi l-kapaċità tal-parti li qed tagħmel in-notifika li żżid il-prezzijiet. Għalhekk, id-deċiżjoni tikkonkludi li ebda impediment sinfikanti għall-kompetizzjoni effettiva m'għandu jirriżulta mill-għaqda.

II.   IL-PARTIJIET

(3)

Glatfelter, elenkat fil-borża ta’ New York, huwa manifattur fis-settur ta’ “karti speċjali” u “fibri komposti”. Il-karti speċjali jinkludu l-karti għall-kisi tal-ħajt, karti speċjali għall-istampar, eċċ. Fil-fabbriki sussidjarji tagħha, Glatfelter jimmanifattura fibra wet laid għall-produzzjoni tal-boroż tat-tè, il-filters tal-kafè u boroż tal-kafè, kif ukoll karti speċjali oħrajn.

(4)

Il-Lydney Business tirrappreżenta parti mill-assi ta’ dik li kienet Crompton Ltd in Administration (minn issa 'l quddiem “Crompton”, ir-Renju Unit). Crompton kienet manifattur tal-karti speċjali u materjali ta’ fibra wet laid, u l-fornitur ewlieni fl-industrija tal-boroż tat-tè u tal-filters tal-kafè. Crompton kellha tliet faċilitajiet ta’ produzzjoni b'total ta’ sitt magni tal-karta b'wiċċ inklinat fir-Renju Unit: il-fabbrika ta’ Lydney kellha tliet magni tal-karta b'wiċċ inklinat u oħra għat-trattament tal-fibra tal-polipropilena, il-fabbrika ta’ Simpson Clough kellha żewġ magni tal-karta b'wiċċ inklinat u l-fabbrika ta’ Devon Hill kellha magna tal-karta b'wiċċ inklinat u magna b'wiċċ ċatt.

III.   L-OPERAZZJONI

(5)

Fis-7 ta’ Frar, wara li Crompton tqiegħdet taħt l-Amministrazzjoni bid-deċiżjoni tal-qorti (proċedura ta’ insolvenza tar-Renju Unit), l-amministraturi maħtura (“l-Amministraturi”) iddeċidew li jbigħu l-assi tan-negozju ta’ Crompton. B'hekk, l-Amministraturi għamlu bejgħ pubbliku. Skond il-parti li qed tagħmel in-notifika, wara l-evalwazzjoni ta’ diversi offerti indikattivi inizjali, l-Amministraturi ddeċidew li jistiednu lil Glatfelter u kumpaniji oħrajn biex jissottomettu l-offerta finali tagħhom.

(6)

Fid-9 ta’ Marzu 2006, permezz tas-sussidjarju tagħha Glatfelter UK, Glatfelter xtrat il-maġġoranza ta’ l-assi tal-faċilità tal-produzzjoni ta’ Crompton f'Lydney, Gloucestershire, fir-Renju Unit, inklużi l-assi kollha tanġibbli u mhux tanġibbli biex tiżgura li l-Lydney Business tkompli taħdem. Madankollu, ċerti kuntratti u l-funzjonijiet tas-servizzi amministrattivi li qabel kienu jkunu provduti mill-kwartieri ċentrali ta’ Crompton kienu esklużi. L-assi soġġetti għat-tranżazzjoni huma kollettivament imsemmija bħala l-“Lydney Business”. It-tranżazzjoni rigward l-akkwist tal-Lydney Business minn Glatfelter hija msejħa t-“Tranżazzjoni Lydney”.

(7)

Wara riferiment lill-Kummissjoni skond l-Artikolu 22 tar-Regolament dwar l-Għaqdiet, l-Amministraturi tterminaw il-kuntratt kondizzjonali ma’ Glatfelter li kellu x'jaqsam mas-Simpson Clough Business. Sussegwentement, f'Ġunju 2006, l-Amministraturi biegħu s-Simpsom Clough Business lil Purico. Minbarra l-fabbrika ta’ Simpson Clough Mill u l-fabbrika ta’ Devon Valley Mill, is-Simpson Clough Business kellha wkoll l-uffiċċju prinċipali ta’ Crompton, id-drittijiet fuq l-isem kummerċjali, ċerti kuntratti u s-sussidjarju inkarigat mill-bejgħ Amerikan ta’ Crompton.

IV.   IL-PRODOTTI TAS-SUQ RILEVANTI

(8)

Dan il-każ jikkonċerna materjali ta’ fibra wet laid. Il-materjali ta’ fibra wet laid huma folji rqaq ta’ tessut poruż magħmul minn taħlita ta’ fibri naturali u/jew sintetiċi u huma fabbrikati permezz ta’ magni b'wiċċ inklinat. Il-materjal ta’ fibra wet laid qisu bħal xibka li tixbah lill-karta jew lid-drapp ta’ fibra mhux minsuġa, manifatturata bi proċess daqsxejn differenti minn dak tal-fabbrikazzjoni tal-karta.

(9)

Rigward il-materjal ta’ fibra wet laid, l-attivitajiet ta’ Glatfelter u ta’ Lydney Business jikkoinċidu ma’ xulxin fis-sezzjoni tal-manifattura u l-bejgħ tal-materjal ta’ fibra wet laid għall-filtrazzjoni tat-tè u l-kafè (boroż tat-tè, boroż b'dożi tal-kafè). Hemm ukoll koinċidenza fir-rigward tal-fibra wet laid għall-applikazzjonijiet tal-batteriji.

(10)

Il-parti li qed tagħmel in-notifika tirrikonoxxi li minħabba l-applikazzjonijiet differenti tal-fibra wet laid (eż. il-filtrazzjoni tat-tè u tal-kafè, is-separaturi tal-batteriji, it-tubi (casings) għaz-zalzett, il-kisi) is-sostenibbiltà fuq in-naħa tad-domanda bejn tipi differenti ta’ materjal ta’ fibra wet laid hija limitata. Madankollu, fuq il-bażi ta’ livell għoli ta’ sostenibbiltà fuq in-naħa tal-provvista, il-parti li qed tagħmel in-notifika identifikat is-suq għall-materjal ta’ fibra wet laid bħala l-prodott tas-suq rilevanti.

Il-materjal ta’ fibra wet laid għall-filtrazzjoni tat-tè u tal-kafè

(11)

Fuq is-suq tal-materjal ta’ fibra wet laid għall-filtrazzjoni tat-tè u tal-kafè, l-investigazzjoni tal-Kummissjoni wriet li, minħabba l-ispeċifikazzjonijiet tal-prodott, il-konsumaturi ma jużawx il-fibra wet laid intiża għal applikazzjonijiet oħrajn, għall-ippakkjar tat-tè u/jew tal-kafè. Għalhekk, is-sostenibbiltà fuq in-naħa tad-domanda hija limitata, peress li l-livelli tal-materjali ta’ fibra wet laid iridu jilħqu rekwiżiti stretti ħafna sabiex tkun żgurata l-kumpatibbiltà ma’ l-apparat ta’ trasformazzjoni u rekwiżiti speċifiċi għall-prodott fil-qasam ta’ l-applikazzjonijiet finali (eż. porożità, ħxuna, flessibbiltà, kumpatibbiltà ma’ l-istandards regolatorji).

(12)

Rigward is-sostenibbiltà fuq in-naħa tal-provvista, skond il-parti li qed tagħmel in-notifika, ir-rikonverżjoni tal-produzzjoni ta’ materjal ta’ fibra wet laid għal applikazzjoni waħda partikolari għal materjal ta’ fibra wet laid għal applikazzjoni oħra normalment ma tinħtieġx investiment sinifikanti. Dan ma kienx ikkonfermat mill-investigazzjoni tas-suq tal-Kummissjoni. Xi magni tal-karta b'wiċċ inklinat huma, sa ċertu punt, flessibbli fl-użu tagħhom. Madankollu, ħafna mill-magni tal-karta b'wiċċ inklinat huma ddisinjati għal użu partikolari. Għalhekk, dawk il-magni huma sfruttati l-aħjar għall-produzzjoni ta’ tip partikolari ta’ fibra wet laid. B'konsegwenza ta’ dan, dawk il-magni b'wiċċ inklinat biss huma kapaċi jipproduċu materjali ta’ fibra wet laid għall-produzzjoni tat-tè u l-kafè, li kienu ddisinjati għal din ir-raġuni.

(13)

Anke fuq magni tal-karta b'wiċċ inklinat li huma kapaċi jipproduċu materjali ta’ fibra wet laid għall-filtrazzjoni tat-tè u l-kafè iżda li bħalissa mhux qed jipproduċuha, jeħtieġ li jsiru investimenti sinifikanti sabiex ikunu jistgħu jipproduċu materjali ta’ fibra wet laid għall-filtrazzjoni tat-tè u l-kafè. Il-modifikazzjoni ta’ magna tal-karti b'wiċċ inklinat tieħu wkoll żmien konsiderevoli.

(14)

Kull parteċipant ex nihilo fuq dan is-suq ikollu bżonn ta’ investimenti ikbar u perjodu ta’ żmien itwal biex tibda' taħdem l-attività. Minbarra l-investiment konsiderevoli għal magna ġdida b'wiċċ inklinat, dan ikun jeħtieġ il-ħolqien ta’ netwerk ta’ bejgħ, appoġġ tekniku u ta’ distribuzzjoni. L-investigazzjoni tas-suq turi wkoll li l-materjal ta’ fibra wet laid għall-bżonnijiet tal-filtrazzjoni tat-tè u l-kafè jeħtieġ ikun iċċertifikat f'ħafna pajjiżi qabel ma jitqiegħed fis-suq u l-konsumaturi għandhom bżonn jikkwalifikaw il-materjal fuq il-magni tagħhom.

(15)

Għalhekk, id-deċiżjoni tikkonkludi li l-prodott tas-suq rilevanti jinkludi materjal ta’ fibra wet laid għall-filtrazzjoni tat-tè u l-kafè.

Il-materjal ta’ fibra wet laid għas-separaturi tal-batterija

(16)

Fuq il-parti tas-suq tal-materjal ta’ fibra wet laid għas-separaturi tal-batteriji, l-investigazzjoni tal-Kummissjoni wriet li hemm ċertu livell ta’ sostenibbiltà fuq in-naħa tal-provvista. Peress li l-materjal ta’ fibra wet laid għas-separaturi tal-batterijiet ma teħtieġx l-istandard tal-kuntatt ma’ l-ikel, in-numru ta’ magni b'wiċċ inklinat kapaċi li jipproduċi fibra wet laid għas-separaturi tal-batteriji mhux limitat għal magni li huma użati, eż. għall-filtrazzjoni tat-tè u l-kafè jew it-tubi (casings) għaz-zalzett. Ħafna mill-magni li jipproduċu tipi ta’ fibra wet laid għall-filtrazzjoni tat-tè u l-kafè jistgħu, madankollu, jipproduċu l-karta għas-separaturi tal-batteriji. L-investigazzjoni tas-suq turi li l-materjal ta’ fibra wet laid għas-separaturi tal-batteriji huwa barra minn hekk prodott fuq magni li, fost oħrajn, jipproduċu materjal ta’ fibra wet laid għall-boroż tal-magni li jnaddfu bil-ġbid ta’ l-arja (vacuum cleaners), tejp li jeħel u tubi (casings) għaz-zalzett.

(17)

Id-deċiżjoni ħalliet id-definizzjoni eżatta tal-prodott tas-suq miftuħa għaliex anke fuq il-bażi ta’ l-idjaq definizzjoni ta’ prodott tas-suq rilevanti, notevolment, “materjali ta’ fibra wet laid għas-separaturi tal-batteriji”, it-tranżazzjoni m'għandhiex twassal għal impediment sinifikanti tal-kompetizzjoni.

V.   IS-SWIEQ ĠEOGRAFIĊI RILEVANTI

(18)

Il-parti li qed tagħmel in-notifika ddikjarat li s-swieq ġeografiċi rilevanti huma globali.

Il-materjal ta’ fibra wet laid għall-filtrazzjoni tat-tè u tal-kafè

(19)

L-investigazzjoni tas-suq tal-Kummissjoni kkonfermat li s-suq ġeografiku għall-materjali ta’ fibra wet laid għall-filtrazzjoni tat-tè u tal-kafè huwa globali. Dan huwa minħabba t-tifsiliet tan-negozju dinji u n-nuqqas ta’ spejjeż ta’ trasport projbittiv. Barra minn hekk, ħarġet kapaċità ġdida miċ-Ċina (il-magna ZPM), li tista' tikkostrinġi lill-operaturi diġà stabbiliti, li qed jipproduċu l-iktar fiż-ŻEE. Il-fornituri tal-materjali ta’ fibra wet laid għall-filtrazzjoni tat-tè u tal-kafè u ħafna mill-konsumaturi li għandhom attivitajiet madwar id-dinja jikkonfermaw dawn il-konklużjonijiet.

(20)

Għalhekk, id-deċiżjoni tikkonkludi li s-suq ġeografiku rilevanti għall-materjal ta’ fibra wet laid għall-filtrazzjoni tat-tè u l-kafè huwa globali.

Il-materjal ta’ fibra wet laid għas-separaturi tal-batteriji

(21)

Għalkemm il-konsumaturi indikaw li jipproduċu u jipproċessaw il-materjal ta’ fibra wet laid għas-separaturi tal-batteriji fiż-ŻEE, l-investigazzjoni tas-suq ikkonfermat li r-rekwiżiti regolatorji mhumiex ikkunsidrati bħala ostakolu għan-negozju fuq livell globali. Il-produtturi tas-separaturi tal-batteriji tipikament jibagħtu l-prodott tagħhom madwar id-dinja. Barra minn hekk, l-ispejjeż baxxi tat-trasportazzjoni jinċitaw suq madwar id-dinja kollha. L-implimentazzjoni ta’ netwerk lokali ta’ bejgħ u ta’ assistenza teknika jistgħu jegħlbu n-nuqqas ta’ għajnuna teknika, li hija r-raġuni għalfejn il-konsumaturi donnhom joqogħdu lura milli jimpurtaw.

(22)

Għalhekk, id-deċiżjoni tikkonkludi li s-suq ġeografiku rilevanti għall-materjal ta’ fibra wet laid għas-separaturi tal-batteriji huwa globali.

VI.   EVALWAZZJONI

Il-materjal ta’ fibra wet laid għall-filtrazzjoni tat-tè u tal-kafè

(23)

Fuq is-suq globali għall-materjali ta’ fibra wet laid għall-filtrazzjoni tat-tè u tal-kafè, is-sehem tal-profitti mill-bejgħ tal-konċentrazzjoni tela' għal madwar 60-70 % (Glatfelter 30-40 %, Lydney Business 20-30 %) fl-2005. Qabel ma Crampton tqiegħdet taħt l-amministrazzjoni, kien hemm tliet kompetituri prinċipali attivi fis-suq (Glatfelter, Crompton u Ahlstrom). Wara l-implimentazzjoni ta’ l-operazzjoni notifikata, għandu jkun hemm ukoll tliet kompetituri kredibbli (Glatfelter, Purico u Ahlstrom). Minbarra li Purico akkwistat il-fabbriki Simpson Clough u Devon Valley ta’ Crompton (flimkien mat-trademark) hija qed ixxerred il-kapaċità ġdida tagħha, ZPM, fiċ-Ċina, biex b'hekk Purico qed tidħol fis-suq għall-materjal ta’ fibra wet laid għall-filtrazzjoni tat-tè u l-kafè bejn wieħed u ieħor fl-istess ħin mat-trażazzjoni notifikata. Ahlstrom għandha sehem mis-suq globali ta’ madwar [10-30 %] u Purico attwalment għandha sehem mis-suq globali ta’ madwar [10-30 %]%.

(24)

Is-sehem għoli fis-suq u ż-żieda sinifikanti fil-kapaċità ta’ l-entità li tirriżulta mill-akkwist huma indikaturi tas-saħħa tas-suq. Madankollu, il-kapaċità tal-parti kkonċernata li żżid il-prezzijiet se tkun limitata minn numru ta’ kompetituri, partikolarment minn Purico. Permezz ta’ l-akkwist ta’ l-impjanti ta’ Simpson Clough u ta’ Devon Valley, Purico ħadet il-pożizzjoni u l-vantaġġi ta’ fornitur stabbilit li jirrispetta lill-konsumaturi, inklużi dawk li huma attivi fuq il-livell globali. L-assi li akkwistat Purico minn Crompton, flimkien ma’ l-istallazzjoni avvanzata ZPM fiċ-Ċina għandhom jagħtu lil Purico pożizzjoni partikolarment tajba biex tikkompeti effettivament mal-produzzjoni ZPM tal-materjal ta’ fibra wet laid għall-filtrazzjoni tat-tè u l-kafè. Kif kien ikkonfermat mill-investigazzjoni tas-suq, din il-magna toħloq limitu kompetittiv sinifikanti fuq il-produtturi Ewropej, peress li attwalment għandha l-kapaċità li tipproduċi madwar 1-10 kt/p.a ta’ prodotti għall-istess industrija bħal Simpson Clough, li hija għal materjal ta’ fibra wet laid użat b'mod predominanti għall-filtrazzjoni tat-tè u l-kafè.

(25)

Barra minn hekk, jekk il-parti li qed tagħmel in-notifika żżid il-prezzijiet jew tnaqqas il-produzzjoni tal-materjal ta’ fibra wet laid għall-filtrazzjoni tat-tè u l-kafè, Ahlstrom tista' żżid il-produzzjoni. Jekk Glatfelter iżżid il-prezzijiet b'mod sinifikanti u b'hekk ikun hemm il-possibbiltà li Ahlstrom tagħmel iktar profitt mill-materjal ta’ fibra wet laid għall-filtrazzjoni tat-tè u l-kafè, Ahlstrom tista' tiddevja l-kapaċità jew tista' tinvesti f'iktar kapaċità billi tbiddel magna eżistenti jew tixtri u tbiddel magna użata. Ahlstrom għandha l-għarfien espert u t-teknoloġija meħtieġa biex tkun tista' tbiddel u topera tali magna. Ahlstrom għandha wkoll in-netwerk ta’ distribuzzjoni u bejgħ diġà stabbilita.

(26)

Fl-aħħarnett, fornituri oħrajn tal-materjal ta’ fibra wet laid bil-kapaċità li jipproduċu l-materjal ta’ fibra wet laid għall-filtrazzjoni tat-tè u l-kafè qed jillimitaw ukoll lil Glatfelter. Attwalment, mhux kollha għandhom il-kapaċità li jipproduċu materjali ta’ fibra wet laid b'żewġ saffi u jidhru wkoll li qed jimmiraw lejn konsumaturi iżgħar bi standards ta’ kwalità iktar baxxi mill-biċċa l-kbira tal-konsumaturi ikbar. Madankollu, meta l-fornituri jiżviluppaw iktar il-materjali ta’ fibra wet laid għall-filtrazzjoni tat-tè u l-kafè, ikunu jistgħu jimmiraw lejn konsumaturi ikbar. Barra minn hekk, anke mingħajr ma jimmiraw lejn konsumaturi ikbar, huma jkunu jistgħu jżidu l-volum ta’ bejgħ tagħhom, u b'hekk ikunu qed inaqqsu l-bejgħ ta’ fornituri oħra fil-qasam tal-filtrazzjoni tat-tè u l-kafè, u jħallu lil Glatfelter lura għax ma tkunx tista' żżid il-prezzijiet jew tirrestrinġi l-produzzjoni.

(27)

Il-Kummissjoni sabet ukoll li hemm pressjonijiet kompetittivi minn materjali alternattivi għall-materjali ta’ fibra wet laid għall-filtrazzjoni tat-tè u l-kafè (eż. materjal magħmul minn magni ta’ l-għażil u n-najlon). Għalkemm dawn il-materjali alternattivi attwalment mhumiex mistennija li jieħdu post il-materjal ta’ fibra wet laid sa ċertu punt, parti mid-domanda tal-konsumatur fil-futur tista' ddur għall-materjali alternattivi, biex b'hekk jilliberaw iktar kapaċità għall-materjal ta’ fibra wet laid għall-filtrazzjoni tat-tè u l-kafè u b'hekk, sa ċertu punt, jillimitaw il-kapaċità tal-parti li qed tagħmel in-notifika li teżerċita s-saħħa tas-suq u tgħolli l-prezzijiet.

(28)

Għalhekk, id-deċiżjoni tikkonkludi li effetti unilaterali ftit huma probabbli li jseħħu għaliex il-parti se tkun kostretta fil-kapaċità tagħha li żżid il-prezzijiet b'numru kbir ta’ kompetituri u sa ċertu punt b'materjali alternattivi. Rigward l-effetti koordinati, id-deċiżjoni tikkonkludi wkoll li tali effetti ftit huma probabbli għaliex ġew eżaminati bir-reqqa l-istruttura tas-suq, ir-reazzjoni tal-konsumaturi u r-reazzjoni tal-kompetituri attwali u potenzjali.

Il-materjal ta’ fibra wet laid għas-separaturi tal-batteriji

(29)

L-investigazzjoni tal-Kummissjoni tindika li l-parti tas-suq għall-karti użati għas-separaturi tal-batteriji hija kkaratterizzata minn domanda baxxa b'potenzjal għoli ta’ provvista minn produtturi oħra tal-fibra wet laid, domanda kkonċentrata u li s-sehem tas-suq proġettat ta’ l-entità magħquda se jkun baxx. Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni tqis li ftit li xejn huwa probabbli li dan is-suq se jintlaqat minn impatt anti-kompetittiv mit-tranżazzjoni proposta.

(30)

Fis-6 ta’ Diċembru 2006, il-146 Kumitat Konsultattiv dwar il-Konċentrazzjonijiet ta opinjoni favorevoli dwar l-abbozz ta’ deċiżjoni u approva l-adozzjoni tad-deċiżjoni.

VII.   KONKLUŻJONI

(31)

Id-deċiżjoni tikkonkludi li l-konċentrazzjoni proposta mhux se tinpedixxi b'mod sinifikattiv il-kompetizzjoni effettiva fis-suq komuni jew f'xi parti sostanzjali minnu, partikolarment b'riżultat tal-ħolqien jew tat-tisħiħ ta’ pożizzjoni dominanti. Għalhekk tiddikjara l-konċentrazzjoni kumpatibbli mas-suq komuni u l-Ftehim taż-ŻEE, skond l-Artikoli 2(2) u l-Artikolu 8(1) tar-Regolament dwar l-amalgamazzjonijiet, u l-Artikolu 57 tal-Ftehim taż-ŻEE. Għalhekk, huwa konkluż li l-Kummissjoni, bi proċedura orali: ħadet nota ta’ l-Opinjoni tal-Kumitat Konsultattiv tas-6 ta’ Diċembru 2006; ħadet nota tar-rapport finali ta’ l-Uffiċjal tas-Smigħ f'dan il-każ; u adottat id-deċiżjoni mehmuża bl-Ingliż, li hija l-lingwa awtentika.


(1)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1.