31.5.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 139/28


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-25 ta’ Mejju 2007

dwar l-esklużjoni ta’ thiodicarb mill-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE u l-irtirar ta’ awtorizzazzjonijiet għal prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li fihom dik is-sustanza

(notifikata taħt id-dokument numru C(2007) 2165)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2007/366/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunitajiet Ewropej,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE tal-15 ta’ Lulju 1991 li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (1), u b’mod partikolari r-raba’ subparagrafu ta’ l-Artikolu 8(2) tagħha,

Billi:

(1)

L-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 91/414/KEE jistipola li Stat Membru jista’, matul perjodu ta’ tnax-il sena min-notifika ta’ dik id-Direttiva, jawtorizza t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom sustanzi attivi mhux elenkati fl-Anness I ta’ dik id-Direttiva li diġà jinsabu fis-suq sentejn wara d-data tan-notifika, filwaqt li dawk is-sustanzi jkunu qegħdin jiġu eżaminati bil-mod fil-qafas ta’ programm ta’ ħidma.

(2)

Ir-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 451/2000 (2) u (KE) Nru 703/2001 (3) jistipulaw ir-regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tat-tieni stadju tal-programm ta’ ħidma msemmi fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE u jistabbilixxu lista ta’ sustanzi attivi li għandhom jiġu evalwati bil-għan li jiġu possibbilment inklużi fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE. Din il-lista tinkludi t-thiodicarb.

(3)

Għat-thiodicarb, l-effetti fuq is-saħħa tal-bniedem u fuq l-ambjent ġew evalwati skond id-dispożizzjonijiet stipolati mir-Regolamenti (KE) Nru 451/2000 u (KE) Nru 703/2001 għal firxa ta’ użi proposti min-notifikant. Barra minn hekk, dawn ir-Regolamenti jinnominaw lill-Istati Membri rapporteur li għandhom jippreżentaw ir-rapporti ta’ valutazzjoni u r-rakkomandazzjonijiet rilevanti lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà Alimentari (European Food Safety Authority - EFSA) skond l-Artikolu 8(1) tar-Regolament (KE) Nru 451/2000. Għallt-thiodicarb, l-Istat Membru rapporteur kien ir-Renju Unit u kull informazzjoni rilevanti tressqet fid-19 ta’ Jannar 2004.

(4)

Ir-rapport ta’ valutazzjoni saritlu reviżjoni esperta mill-Istati Membri u l-EFSA fil-Grupp ta’ Ħidma tagħha għall-Evalwazzjoni u kien ippreżentat lill-Kummissjoni fl-14 ta’ Diċembru 2005 fil-format tal-konklużjoni ta’ l-EFSA fir-rigward tar-reviżjoni esperta tal-valutazzjoni tar-riskju tal-pestiċidi tas-sustanza attiva thiodicarb (4). Dan ir-rapport ġie rivedut mill-Istati Membri u mill-Kummissjoni fi ħdan il-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa ta’ l-Annimali u ġie ffinalizzat fl-14 ta’ Lulju 2006 fil-format tar-rapport ta’ reviżjoni tal-Kummissjoni għat-thiodicarb.

(5)

Matul il-valutazzjoni ta’ din is-sustanza attiva, ġie identifikat xi tħassib. Il-valutazzjoni tar-riskju għall-użu fl-insettiċidi indika riskju djetetiku kbir għat-tfal żgħar li jirriżulta mill-konsum ta’ għeneb għall-ikel ittrattati u għall-adulti mill-konsum ta’ l-inbid. Barra minn hekk, il-valutazzjoni tar-riskju għall-użu tat-thiodicarb bħala molluskiċida wera lakuni sinifikanti ta’ data, partikolarment fir-rigward ta’ l-esponiment ta’ l-operatur u l-possibbiltà tal-kontaminazzjoni ta’ l-ilma fil-blat, u għalhekk, ma kinitx possibbli li tiġi konkluża fuq il-bażi ta’ l-informazzjoni disponibbli li t-thiodicarb jissodisfa l-kriterji għall-inklużjoni fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE.

(6)

Il-Kummissjoni stiednet lin-notifikant sabiex jippreżenta l-kummenti tiegħu dwar ir-riżultati tar-reviżjoni esperta u dwar jekk kienx beħsiebu jappoġġja aktar is-sustanza. In-notifikant ippreżenta l-kummenti tiegħu li ġew eżaminati bir-reqqa. Madankollu, minkejja l-argumenti mressqa, it-tħassib imsemmi hawn fuq baqa’ mhux solvut, u valutazzjonijiet li saru abbażi tat-tagħrif ippreżentat u vvalutat matul il-laqgħat ta’ esperti ta’ l-EFSA ma wrewx li wieħed jista’ jistenna li, fil-kundizzjonijiet proposti ta’ użu, prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li fihom it-thiodicarb jissodisfaw b’mod ġenerali r-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 5(1)(a) u (b) tad-Direttiva 91/414/KEE.

(7)

Għalhekk, it-thiodicarb ma għandhiex tkun inkluża fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE.

(8)

Għandhom jittieħdu miżuri biex jiżguraw li l-awtorizzazzjonijiet mogħtija għall-prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li jkun fihom it-thiodicarb jiġu rtirati fi żmien perjodu preskritt u ma jiġux imġedda u li ma jingħatawx awtorizzazzjonijiet ġodda għal prodotti bħal dawn.

(9)

Kull perjodu ta’ klemenza permess mill-Istati Membri għar-rimi, il-ħżin, it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-ħażniet eżistenti ta’ prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li fihom it-thiodicarb, għandu jkun limitat għal perjodu ta’ tnax-il xahar biex jippermetti li l-ħażniet eżistenti jkunu użati fi staġun ieħor tat-tkabbir.

(10)

Din id-Deċiżjoni ma tippreġudika ebda azzjoni li l-Kummissjoni tista’ tieħu fi stadju aktar tard għal din is-sustanza attiva fi ħdan il-qafas tad-Direttiva tal-Kunsill 79/117/KEE tal-21 ta’ Diċembru 1978 li tipprojbixxi t-tqegħid fis-suq u l-użu ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li jkun fihom ċerti sustanzi attivi (5).

(11)

Din id-deċiżjoni ma tippreġudikax is-sottomissjoni ta’ applikazzjoni għat-thiodicarb skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 91/414/KEE fid-dawl ta’ inklużjoni possibbli fl-Anness I tagħha.

(12)

Il-miżuri pprovduti f’din id-Deċiżjoni huma konformi ma’ l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u Saħħet l-Annimali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

It-thiodicarb ma għandux jiġi inkluż bħala sustanza attiva fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE.

Artikolu 2

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li:

(a)

awtorizzazzjonijiet għal prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li fihom it-thiodicarb jiġu irtirati sal-25 ta’ Novembru 2007;

(b)

l-ebda awtorizzazzjoni għal prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li fihom it-thiodicarb m’hi se tingħata jew tiġġedded mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 3

Kull perjodu ta’ klemenza mogħti mill-Istati Membri skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 4(6) tad-Direttiva 91/414/KEE, għandu jkun qasir kemm jista’ jkun u għandu jiskadi mhux aktar tard mill-25 ta’ Novembru 2008.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, 25 ta’ Mejju 2007

Għall-Kummissjoni

Markos KYPRIANOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 230, 19.8.1991, p. 1. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva tal-Kummissjoni 2007/25/KE (ĠU L 106, 24.4.2007, p. 34).

(2)   ĠU L 55, 29.2.2000, p. 25. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1044/2003 (ĠU L 151, 19.6.2003, p. 32).

(3)   ĠU L 98, 7.4.2001, p. 6.

(4)  Rapport Xjentifiku EFSA (2005) 55, 1-76, Konlużjoni dwar il-peer review ta’ l-aissessjar tar-riskju tal-pesticide tat-Thiodicarb.

(5)   ĠU L 33, 8.2.1979, p. 36. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 850/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 158, 30.4.2004, p. 7) verżjoni kkoreġuta (ĠU L 229, 29.6.2004, p. 5).