15.5.2007 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
L 125/27 |
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI
tat-8 ta’ Mejju 2007
li tippermetti l-Istati Membri li jestendu awtorizzazzjonijiet proviżorji mogħtija għas-sustanzi attivi ġodda benalaxyl-M, fluoxastrobin, prothioconazole, spirodiclofen, spiromesifen u sulfuryl fluoride
(notifikata taħt id-dokument numru C(2007) 1929)
(Test b’relevanza għaż-ŻEE)
(2007/333/KE)
IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,
Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunitajiet Ewropej,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE tal-15 ta’ Lulju ta’ l-1991 li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (1), u partikolarment ir-raba’ subparagrafu ta’ l-Artikolu 8(1) tagħha,
Billi:
(1) |
Skond l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 91/414/KEE, fi Frar ta’ l-2002 il-Portugall irċieva applikazzjoni mingħand Isagro, għall-inklużjoni tas-sustanza attiva benalaxyl-M fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE. Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/35/KE (2) kkonfermat li l-inkartament kien komplut u li jista’ jitqies li jissodisfa, fil-prinċipju, ir-rekwiżiti tad-data u t-tagħrif fl-Anness II u l-Anness III għal din id-Direttiva. |
(2) |
F’Marzu 2002, ir-Renju Unit irċieva applikazzjoni minn Bayer CropScience li għandha x’taqsam mal-fluoxastrobin. Id-Deċiżjoni 2003/35/KE kkonfermat li l-inkartament kien komplut u li jista’ jitqies li jissodisfa, fil-prinċipju, ir-rekwiżiti tad-data u t-tagħrif fl-Anness II u l-Anness III għal din id-Direttiva. |
(3) |
F’Marzu 2002 ir-Renju Unit irċieva applikazzjoni minn Bayer CropScience li għandha x’taqsam mal-prothioconazole. Id-Deċiżjoni 2003/35/KE kkonfermat li l-inkartament kien komplut u li jista’ jitqies li jissodisfa, fil-prinċipju, ir-rekwiżiti tad-data u t-tagħrif fl-Anness II u l-Anness III għal din id-Direttiva. |
(4) |
F’Awwissu ta’ l-2001 l-Olanda rċeviet applikazzjoni minn Bayer AG li tikkonċerna spirodiclofen. Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2002/593/KE (3) kkonfermat li l-inkartament kien komplut u li jista’ jitqies li jissodisfa, fil-prinċipju, ir-rekwiżiti tad-data u t-tagħrif fl-Anness II u l-Anness III għal din id-Direttiva. |
(5) |
F’April 2002 ir-Renju Unit irċieva applikazzjoni minn Bayer li għandha x’taqsam ma’ spiromesifen. Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/105/KE (4) kkonfermat li l-inkartament kien komplut u li jista’ jitqies li jissodisfa, fil-prinċipju, ir-rekwiżiti tad-data u t-tagħrif fl-Anness II u l-Anness III għal din id-Direttiva. |
(6) |
F’Lulju 2002 ir-Renju Unit irċieva applikazzjoni minn Dow AgroSciences Ltd. li għandha x’taqsam mas-sulfuryl fluoride. Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/305/KE (5) kkonfermat li l-inkartament kien komplut u li jista’ jitqies li jissodisfa, fil-prinċipju, ir-rekwiżiti tad-data u t-tagħrif fl-Anness II u l-Anness III għal din id-Direttiva. |
(7) |
Kien hemm il-ħtieġa ta’ konferma tal-kompletezza tal-inkartamenti sabiex setgħu jiġu eżaminati fid-dettall u sabiex l-Istati Membri seta’ jkollhom il-possibbiltà li jagħtu awtorizzazzjonijiet proviżorji, għall-perjodi sa tliet snin, għall-prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li fihom is-sustanzi attivi kkonċernati, filwaqt li jikkonformaw mal-kondizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 91/414/KEE u, b’mod partikolari, il-kondizzjoni dwar il-verifika dettaljata tas-sustanza attiva u tal-prodott għall-ħarsien tal-pjanti fid-dawl tar-rekwiżiti stipulati minn din id-Direttiva. |
(8) |
L-effetti fuq is-saħħa tal-bniedem u l-ambjent ta’ dawn is-sustanzi attivi ġew verifikati, skond id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6(2) u (4) tad-Direttiva 91/414/KEE, għall-użi proposti mill-applikant. L-Istati Membri li jirrappurtaw ippreżentaw l-abbozz tar-rapporti ta’ verifika lill-Kummissjoni fl-4 ta’ Diċembru 2003 (benalaxyl-M), fl-14 ta’ Ottubru 2003 (fluoxastrobin), fl-20 ta’ Ottubru 2004 (prothioconazole), fit-18 ta’ Mejju 2004 (spirodiclofen), fis-16 ta’ April 2004 (spiromesifen) u fid-9 ta’ Novembru 2004 (sulfuryl fluoride), rispettivament. |
(9) |
Wara li tressaq l-abbozz tar-rapport ta’ valutazzjoni mill-Istati Membri li jirrappurtaw, instab li kien hemm il-ħtieġa li jintalab tagħrif ulterjuri mill-applikanti u li l-Istati Membri li jirrappurtaw jeżaminaw dan it-tagħrif u jressqu l-valutazzjoni tagħhom. Għalhekk, l-eżaminazzjoni tal-inkartamenti għadha għaddejja u mhux se jkun possibbli li l-valutazzjoni tintemm fis-sħiħ fil-qafas ta’ żmien stipulat fid-Drettiva 91/414/KEE. |
(10) |
Minħabba li l-valutazzjoni s’issa ma identifikat l-ebda dubju immedjat, l-Istati Membri għandhom jingħataw il-possibbiltà li jiġġeddu l-awtorizzazzjonijiet proviżorji mogħtija għall-prodotti tal-ħarsien tal-pjanti li fihom is-sustanzi attivi kkonċernati għal perijodu ta’ 24 xahar skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 8 tad-Direttiva 91/414/KEE sabiex tkun tista’ titkompla l-eżaminazzjoni tal-inkartamenti. Mistenni li l-proċess tal-valutazzjoni u tat-teħid tad-deċiżjonijiet fir-rigward ta’ deċiżjoni dwar il-possibbilità ta’ l-inklużjoni ta’ benalaxyl-M, fluoxastrobin, prothioconazole, spirodiclofen, spiromesifen u sulfuryl fluoride fl-Anness I ser jitlesta fi żmien 24 xahar. |
(11) |
Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina ta’ l-Ikel u s-Saħħa ta’ l-Annimali, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-Istati Membri jistgħu jestendu l-awtorizzazzjonijiet proviżorji għall-prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li fihom benalaxyl-M, fluoxastrobin, prothioconazole, spirodiclofen, spiromesifen jew sulfuryl fluoride għal perijodu li ma jaqbiżx l-24 xahar mid-data ta’ adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Brussell, 8 ta’ Mejju 2007.
Għall-Kummissjoni
Markos KYPRIANOU
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 230, 19.8.1991, p. 1. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva tal-Kummissjoni 2007/25/KE (ĠU L 106, 24.4.2007, p. 34).
(2) ĠU L 11, 16.1.2003, p. 52.
(3) ĠU L 192, 20.7.2002, p. 60.
(4) ĠU L 43, 18.2.2003, p. 45.
(5) ĠU L 112, 6.5.2003, p. 10.