9.5.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 119/45


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-22 ta’ Marzu 2007

li twaqqaf Grupp ta’ Esperti ta’ l-Istati Membri dwar id-Diġitizzazzjoni u l-Konservazzjoni Diġitali

(2007/320/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Billi:

(1)

L-Artikolu 157 tat-Trattat jinkariga lill-Komunità u l-Istati Membri biex jiżguraw li jkun hemm il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-kompetittività ta’ l-industrija tal-Komunità. L-Artikolu 151 jipprovdi li l-Komunità għandha tikkontribwixxi biex il-kulturi ta’ l-Istati Membri jiffjorixxu, filwaqt li tirrispetta d-diversità nazzjonali u reġjonali tagħhom u fl-istess waqt twassal biex il-wirt kulturali komuni jinġieb ’il quddiem.

(2)

Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni bl-isem “i2010 – Soċjetà Informatika Ewropea għat-tkabbir u l-impjiegi” (1) ħabbret inizjattiva prominenti dwar il-biblijoteki diġitali.

(3)

Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni bl-isem “i2010: Il-Bibljoteki Diġitali” (2) tat bidu għal inizjattiva dwar il-biblijoteki diġitali li tikkonsisti f'azzjonijiet fl-oqsma tad-diġitizzazzjoni, l-aċċessibiltà online u l-konservazzjoni diġitali tal-materjal kulturali u l-informazzjoni xjentifika.

(4)

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2006/585/KE ta’ l-24 ta’ Awissu 2006 dwar id-diġitizzazzjoni u l-aċċessibiltà online tal-materjal kulturali u l-preservazzjoni diġitali (3) (minn hawn 'il quddiem “ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni”) issejjaħ lill-Istati Membri biex jieħdu azzjoni biex itejbu l-politika tagħhom f'dawn l-oqsma.

(5)

Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill tat-13 ta’ Novembru 2006 dwar id-diġitizzazzjoni u l-aċċessibiltà online tal-materjal kulturali u l-konservazzjoni diġitali (4) (minn hawn 'il quddiem “il-Konklużjonijiet tal-Kunsill”), jistieden il-Kummissjoni biex tikkontribwixxi għat-titjib tal-koordinazzjoni tal-politika f'dawn l-oqsma, partikolarment bil-ħolqien tal-grupp ta’ esperti ta’ l-Istati Membri.

(6)

Bil-ħsieb li jintlaħqu dawn l-oġġettivi, il-Kummissjoni għandha bżonn iddur għall-esperjenza professjonali ta’ l-ispeċjalisti mill-Istati Membri fi grupp konsultattiv.

(7)

Il-grupp għandu jikkontribwixxi għall-progress ta’ monitoraġġ u fl-evalwazzjoni ta’ l-impatt ta’ l-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni u l-Konklużjonijiet tal-Kunsill. Għandu wkoll jassisti l-koordinazzjoni fuq livell Ewropew u l-iskambju ta’ informazzjoni u l-prattiċi tajbin dwar il-politika ta’ l-Istati Membri dwar id-diġitizzazzjoni u l-aċċessibiltà tal-materjal kulturali u l-konservazzjoni diġitali.

(8)

Huwa għalhekk meħtieġ li jitwaqqaf Grupp ta’ Esperti ta’ l-Istati Membri dwar id-Diġitizzazzjoni u l-Konservazzjoni Diġitali u li jiġu definiti l-għan u l-istruttura tiegħu.

(9)

Il-grupp għandu jkun magħmul minn rappreżentanti ta’ l-Istati Membri bil-kompetenza fil-qasam konċernat. Il-Kummissjoni għandu jkollha l-possibbiltà li tistieden osservaturi, partikolarment minn pajjiżi Ewropej oħrajn u organizzazzjonijiet internazzjonali, jew esperti b'kompetenzi speċifiċi fis-suġġett dwar l-aġenda tal-grupp, sabiex tintlaħaq kooperazzjoni Ewropea effettiva.

(10)

Ir-regoli dwar l-iżvelar ta’ l-informazzjoni mill-membri tal-grupp għandhom jiġu pprovduti, bla ħsara għar-regoli tal-Kummissjoni dwar is-sigurtà kif stabbilit fl-Anness għad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/844/KE, ECSC, Euratom (5).

(11)

Id-data personali kollha relatata mal-membri tal-grupp għandha tiġi pproċessata b’konformità mar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 45/2001 tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta’ individwi b’rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta’ din id-data (6).

(12)

Huwa xieraq li jiġi stabbilit perjodu għall-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni. Malli jasal il-waqt, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra jekk estensjoni tkunx f'lokha,

IDDEĊIDIET KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Il-Grupp ta’ Esperti ta’ l-Istati Membri dwar id-Diġitizzazzjoni u l-Konservazzjoni Diġitali

Il-grupp ta’ esperti “Il-Grupp ta’ Esperti ta’ l-Istati Membri dwar id-Diġitizzazzjoni u l-Konservazzjoni Diġitali”, minn hawn 'il quddiem “il-grupp”, huwa mwaqqaf b'effett mid-data ta’ l-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Kompitu

Il-kompitu tal-grupp għandu jkun:

(a)

li jimmonitorja l-progress u jevalwa l-impatt ta’ l-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni ta’ l-24 ta’ Awissu 2006 dwar id-diġitizzazzjoni u l-aċċessibiltà online tal-materjal kulturali u l-konservazzjoni diġitali u tal-konkluzjonijiet tal-Kunsill tat-13 ta’ Novembru 2006 dwar id-diġitizzazzjoni u l-aċċessibiltà online tal-materjal kulturali u l-konservazzjoni diġitali;

(b)

biex jipprovdi forum ta’ kooperazzjoni bejn l-entitajiet ta’ l-Istati Membri u l-Kummissjoni fuq livell Ewropew u biex isir skambju ta’ informazzjoni u prattiċi tajbin tal-politika u l-istrateġiji ta’ l-Istati Membri dwar id-diġitizzazzjoni u l-aċċessibbiltà online tal-materjal kulturali u l-konservazzjoni diġitali.

Meta jiġi għall-implimentazzjoni tal-kompiti msemmija hawn fuq, il-grupp se jqis ix-xogħol li sar minn gruppi oħrajn imwaqqfin mill-Kummissjoni fil-qasam tad-diġitizzazzjoni u l-konservazzjoni diġitali.

Artikolu 3

Konsultazzjoni

Il-Kummissjoni tista' tikkonsulta l-grupp dwar kwalunkwe materja relatata mad-diġitizzazzjoni u l-aċċessibiltà online tal-materjal kulturali u l-konservazzjoni diġitali.

Artikolu 4

Sħubija - Ħatra

1.   Normalment il-grupp għandu jkun magħmul minn sa żewġ rappreżentanti maħtura minn kull Stat Membru. F'ċirkostanzi ġustifikati, l-Istati Membri jistgħu jaħtru t-tielet rappreżentant. Il-Membri għandhom jiġu maħtura billi jitqiesu l-kompetenzi tagħhom fl-oqsma tad-diġitizzazzjoni u l-aċċessibiltà online tal-materjal kulturali u l-konservazzjoni diġitali.

2.   L-Istati Membri jistgħu jaħtru membri alternattivi għall-membri tal-grupp fl-istess għadd u fuq l-istess kundizzjonijiet bħall-membri, sabiex ikun hemm sostituti għall-membri li jkunu assenti.

3.   Il-membri tal-grupp għandhom jibqgħu fil-kariga tagħhom sakemm ikunu sostitwiti jew sakemm il-mandat tagħhom jiġġedded.

4.   Il-membri li ma jibqgħux f’qagħda li jikkontribwixxu b’mod effettiv fil-ħidmiet tal-grupp, li jirriżenjaw jew li ma jirrispettawx il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu jew l-Artikolu 287 tat-Trattat jistgħu jiġu mibdula.

5.   L-ismijiet tal-membri għandhom jinġabru, jiġu pproċessati u ppubblikati skond ir-Regolament (KE) Nru 45/2001. L-ismijiet tal-membri għandhom jiġu ppublikati fuq il-websajt tal-Biblijoteki Diġitali i2010 (7).

Artikolu 5

Operat

1.   Il-Kummissjoni għandu jkollha l-presidenza tal-grupp.

2.   Bi ftehim mal-Kummissjoni, jistgħu jitwaqqfu sottogruppi biex jeżaminaw mistoqsijiet speċifiċi skond it-termini ta’ referenza stabbiliti mill-grupp. Kif jintemm il-mandat tagħhom, it-tali sottogruppi għandhom jiġu xolti.

3.   Ir-Rappreżentanza tal-Kummissjoni tista' titlob lil osservaturi, partikolarment minn pajjiżi Ewropej oħrajn u organizzazzjonijiet internazzjonali, jew esperti b'kompetenzi speċifiċi fuq is-suġġett dwar l-aġenda, biex jipparteċipaw fid-deliberazzjonijiet tal-grupp jew tas-sottogrupp ħalli tintlaħaq kooperazzjoni Ewropea effettiva.

4.   L-informazzjoni miksuba mill-parteċipazzjoni fid-deliberazzjonjiet tal-grupp jew is-sottogrupp ma tistax tinkixef, jekk, fil-fehma tal-Kummissjoni, dik l-informazzjoni għandha x’taqsam ma’ kwistjonijiet kunfidenzjali.

5.   Il-grupp u s-sottogruppi tiegħu għandhom normalment jiltaqgħu fl-istabbilimenti tal-Kummissjoni skond il-proċeduri u l-iskeda stabbilita minnha. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi s-servizzi segretarjali. Uffiċjali oħrajn tal-Kummissjoni li għandhom interess fil-proċeduri jistgħu jattendu l-laqgħat tal-grupp u s-sottogruppi tiegħu.

6.   Il-grupp għandu jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu abbażi tar-regoli standard ta’ proċedura adottati mill-Kummissjoni.

7.   Il-Kummissjoni tista’ tippubblika, fil-lingwa oriġinali tad-dokument ikkonċernat, kull sommarju, konklużjoni, jew parti minn konklużjoni jew dokument ta’ ħidma tal-grupp.

Artikolu 6

L-Ispejjeż tal-laqgħat

L-ispejjeż tal-vjaġġ u, fejn meħtieġ, ta’ l-għajxien imħallsa għall-membri, l-esperti u l-osservaturi fl-ambitu ta’ l-attivitajiet tal-grupp għandhom jiġu rimborżati mill-Kummissjoni f’konformità mar-regoli tal-Kummissjoni dwar ir-rimborż ta’ spejjeż għal esperti esterni. Ir-rimborż ta’ l-infiq għall-membri huwa limitat għal espert wieħed kull Stat Membru.

Il-membri, l-esperti u l-osservaturi m'għandhomx jitħallsu għas-servizzi mogħtija.

L-ispejjeż tal-laqgħat jiġu rimborżati fil-limiti tal-baġit annwali allokat għall-grupp mis-servizzi kompetenti tal-Kummissjoni.

Artikolu 7

Applikazzjoni

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sal-31 ta’ Diċembru 2010.

Magħmul fi Brussell, 22 ta’ Marzu 2007.

Għall-Kummissjoni

Viviane REDING

Membru tal-Kummissjoni


(1)  COM(2005) 229 finali

(2)  COM(2005) 465 finali

(3)  ĠU L 236, 31.8.2006, p. 28

(4)  ĠU Ċ 297, 7.12.2006, p. 1.

(5)  ĠU L 317, 3.12.2001, p. 1. Id-Deċiżjoni kif emendata l-aħħar bid-Deċiżjoni 2006/598/KE, Euratom (ĠU L 215, 5.8.2006, p. 38).

(6)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.

(7)  http://europa.eu.int/information_society/activities/digital_libraries/consultation/replies/index_en.htm