5.5.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 117/20


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-25 ta’ April 2007

dwar l-irtirar mis-suq ta’ ibridi taż-żrieragħ tal-kolza Ms1xRf2 (ACS-BNØØ4-7xACS-BNØØ2-5) u l-prodotti ġejjin minnha

(notifikata taħt id-dokument numru C(2007) 1806)

(It-test bil-Ġermaniż biss hu awtentiku)

(2007/306/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Settembru 2003 dwar l-ikel u l-għalf modifikati ġenetikament (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 8(6) u 20 (6) tiegħu,

Billi:

(1)

Iż-żrieragħ tal-kolza ibrida Ms1xRf2 (ACS-BNØØ4-7xACS-BNØØ2-5) ingħataw il-kunsens skond id-Direttiva tal-Kunsill 90/220/KEE tat-23 ta’ April 1990 dwar ir-rilaxx intenzjonat fl-ambjent ta’ organiżmi modifikati ġenetikament (2) bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 97/393/KE tas-6 ta’ Ġunju 1997 rigward it-tqegħid fis-suq ta’ kolza Żvediża modifikata ġenetikament (Brassica napus L. oleifera Metzg. MS1, RF2) skond id-Direttiva tal-Kunsill 90/220/KEE (3) għall-użu maħsub ta’ tkabbir u negozjar fl-ambjent qabel u matul il-proċess għal frazzjonijiet mhux vijabbli. Id-Direttiva 90/220/KEE reġgħet ġiet imfassla u rrevokata bid-Direttiva 2001/18/KE.

(2)

Il-kunsens kien imsejjes fuq it-tagħrif miġbur fid-dokumentazzjoni mressqa skond id-Direttiva 90/220/KEE u fuq it-tagħrif kollu mressaq mill-Istati Membri.

(3)

Żejt ipproċessat minn ACS-BNØØ4-7, ACS-BNØØ2-5 u l-kombinazzjoni ta’ l-ibridi ACS-BNØØ4-7xACS-BNØØ2-5 taż-żrieragħ tal-kolza tqiegħdu fis-suq skond l-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 258.97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Jannar 1997 dwar ikel ġdid u ingredjenti ġodda ta’ l-ikel (4).

(4)

L-ACS-BNØØ4-7, ACS-BNØØ2-5 u l-kombinazzjoni ta’ l-ibridi ACS-BNØØ4-7xACS-BNØØ2-5 taż-żrieragħ tal-kolza u l-prodotti ġejjin minnhom ġew notifikati sussegwentement bħala prodotti eżistenti minn Bayer CropScience AG (minn issa ‘l quddiem “in-notifikant”) skond l-Artikolu 8(1)(a) u l-Artikolu 20(1) tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003 (minn issa ‘l quddiem “ir-Regolament”) u tniżżlu fir-Reġistru Komunitarju ta’ ikel u għalf modifikat ġenetikament. L-ambitu tan-notifika kopra ikel (żejt ipproċessat) prodott mil-linji maskili sterili tal-kolża MS1Bn (B91-4) u l-inkroċji konvenzjonali kollha, il-linji taż-żrieragħ tal-kolza RF2Bn (B94-2) li jservu ta’ riġeneraturi tal-fertilità u kull inkroċju konvenzjonali u l-kombinazzjoni ta’ l-ibridi MS1xRF2 (ACS-BNØØ4-7xACS-BNØØ2-5) kif ukoll l-għalf li fih jew huwa magħmul minn żrieragħ tal-kolza Żvediża ġejja mil-linja maskili sterili taż-żrieragħ tal-kolza MS1 (B91-4), varjeta’ Drakkar, (Brassica napus L. oleifera Metzg.), il-linji ta’ żrieragħ tal-kolza li jservu ta’ riġeneraturi tal-fertilità RF2 (B94-2), varjeta’ Drakkar, (Brassica napus L. oleifera Metzg), u l-kombinazzjoni ta’ l-ibridi MS1xRF2 (ACS-BNØØ4-7xACS-BNØØ2-5) (Brassica napus L. oleifera Metzg.

(5)

In-notifikant ta’ l-ibridi taż-żrieragħ tal-kolza ACS-BNØØ4-7xACS-BNØØ2-5, f’ittra lill-Kummissjoni ddatata 15 ta’ Novembru 2005, wera li varjetajiet li fihom dan l-avveniment ma kinux qed jiġu offruti aktar għall-bejgħ fuq bażi globali u li ż-żrieragħ kollha fl-inventarju nġabru u nqerdu wara l-istaġun tal-bejgħ ta’ l-2003.

(6)

In-notifikant ġibed ukoll l-attenzjoni tal-Kummissjoni li huwa mhuwiex intenzjonat iressaq applikazzjoni għat-tiġdid ta’ l-awtorizzazzjoni ta’ l-ACS-BNØØ4-7, l-ACS-BNØØ2-5 u l-kombinazzjoni ta’ l-ibridi ACS-BNØØ4-7xACS-BNØØ2-5 taż-żrieragħ tal-kolza skond ir-Regolament f’konformità ma’ l-ewwel sub-paragrafu ta’ l-Artikolu 8(4), l-Artikolu 11, l-Artikolu 20(4) u l-Artikolu 23 rispettivament. Għalhekk la l-koltivazzjoni u lanqas it-tqegħid fis-suq ta’ l-ibridi taż-żrieragħ tal-kolza ACS-BNØØ4-7xACS-BNØØ2-5 u l-prodotti ġejjin minnhom m’huma se jiġu awtorizzati mill-Komunità wara t-18 ta’ April 2007.

(7)

Għandhom għalhekk jiġu adottati miżuri sabiex jiżguraw l-irtirar effettiv mis-suq taż-żrieragħ ta’ l-ibridi tal-kolza ACS-BNØØ4-7xACS-BNØØ2-5. B’konsegwenza tan-nuqqas ta’ disponibilità taż-żrieragħ, kwalunkwe prodotti ġejjin mill-ACS-BNØØ4-7, l-ACS-BNØØ2-5 u l-kombinazzjoni ta’ l-ibridi ACS-BNØØ4-7xACS-BNØØ2-5 taż-żrieragħ tal-kolza huma mistennija li ma jidhrux aktar fil-katina ta’ l-ikel u ta’ l-għalf f’perjodu raġjonevoli ta’ żmien.

(8)

Billi n-notifikant waqaf ibigħ żrieragħ ta’ l-ibridi tal-kolza ACS-BNØØ4-7xACS-BNØØ2-5 wara l-istaġun tat-tħawwil ta’ l-2003, il-ħażniet ta’ prodotti ġejjin mill-ACS-BNØØ4-7, l-ACS-BNØØ2-5 u l-kombinazzjoni ta’ l-ibridi ACS-BNØØ4-7xACS-BNØØ2-5 taż-żrieragħ tal-kolza ntużaw u mhumiex mistennija li jkunu fis-suq wara t-18 t’April 2007. Madankollu, jistgħu jibqgħu jinstabu xi traċċi żgħar ta’ materjal modifikat ġenetikament mill-ACS-BNØØ4-7, l-ACS-BNØØ2-5 u l-ACS-BNØØ4-7xACS-BNØØ2-5 taż-żrieragħ tal-kolza fil-prodotti ta’ l-ikel jew ta’ l-għalf għal ċertu perjodu ta’ żmien.

(9)

Għal raġunijiet ta’ ċertezza legali, huwa għalhekk meħtieġ li jiġi stabbilit perjodu tranżitorju ta’ żmien li matulu prodotti ta’ l-ikel u ta’ l-għalf jista’ jkollhom traċċi ta’ materjal bħal dan mingħajr ma jiġu kkunsidrati li qed jiksru l-Artikolu 4(2) jew l-Artikolu 16(2) tar-Regolament fejn din il-preżenza hija aċċidentali jew teknikament inevitabbli.

(10)

Għandhom jiġu stabbiliti l-livell tollerat u l-perjodu ta’ żmien filwaqt li jittieħed kont taż-żmien meħtieġ sakemm l-irtirar effettiv taż-żrieragħ mis-suq jipproduċi l-effett tiegħu tul il-katina ta’ l-ikel u ta’ l-għalf. Fil-każijiet kollha, il-livell tollerat għandu jibqa’ ‘l isfel mil-limitu ta’ tikkettjar u ta’ traċċabilità ta’ mhux aktar minn 0.9 % stipulat bir-Regolament għall-preżenza aċċidentali jew teknikament inevitabbli ta’ materjal modifikat ġenetikament fl-ikel u l-għalf.

(11)

L-inklużjoni fir-Reġistru Komunitarju ta’ l-ikel u l-għalf modifikat ġenetikament, kif stipulat fl-Artikolu 28 tar-Regolament, rigward l-ACS-BNØØ4-7, l-ACS-BNØØ2-5 u l-kombinazzjoni ta’ l-ibridi ACS-BNØØ4-7xACS-BNØØ2-5 taż-żrieragħ tal-kolza għandha tinbidel biex jittieħed kont ta’ din id-Deċiżjoni.

(12)

In-notifikant ġie kkonsultat dwar il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni.

(13)

Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa ta’ l-Annimali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Biex jiġi żgurat irtirar effettiv mis-suq taż-żrieragħ ta’ l-ibridi tal-kolza ACS-BNØØ4-7xACS-BNØØ2-5 għall-għan ta’ koltivazzjoni n-notifikant għandu jkun konformi mal-miżuri stipulati fl-Anness.

Fi żmien 6 xhur mid-data ta’ notifika ta’ din id-Deċiżjoni, in-notifikant għandu jressaq rapport lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-miżuri stipulati fl-Anness.

Artikolu 2

Il-preżenza ta’ materjal li fih, li huwa magħmul minn jew li huwa prodott mill-ACS-BNØØ4-7, l-ACS-BNØØ2-5 u l-kombinazzjoni ta’ l-ibridi ACS-BNØØ4-7xACS-BNØØ2-5 taż-żrieragħ tal-kolza fi prodotti ta’ l-ikel jew ta’ l-għalf notifikati skond l-Artikolu 8(1)(a) u l-Artikolu (20)(1) tar-Regolament għandhom jiġu ttollerati sa 5 snin wara d-data ta’ notifika ta’ din id-Deċiżjoni:

(a)

sakemm din il-preżenza tkun aċċidentali jew teknikament inevitabbli; kif ukoll

(b)

fi proporzjon mhux ogħla minn 0,9 %.

Artikolu 3

L-inklużjoni fir-Reġistru Komunitarju ta’ l-ikel u l-għalf modifikat ġenetikament, kif stipulat fl-Artikolu 28 tar-Regolament, rigward l-ACS-BNØØ4-7, l-ACS-BNØØ2-5 u l-kombinazzjoni ta’ l-ibridi ACS-BNØØ4-7xACS-BNØØ2-5 taż-żrieragħ tal-kolza għandha tinbidel biex jittieħed kont ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lil Bayer CropScience AG, Alfred-Nobel-Str. 50, D-40789 Monheim am Rhein, il-Ġermanja.

Magħmul fi Brussell, 25 ta’ April 2007.

Għall-Kummissjoni

Markos KYPRIANOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 268, 18.10.2003, p. 1. Ir-Regolament kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1981/2006 (ĠU L 368, 23.12.2006, p. 99).

(2)   ĠU L 117, tat-8.5.1990, p. 15. Id-Direttiva kif revokata bid-Direttiva 2001/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 106, 17.4.2001, p. 1).

(3)   ĠU L 164, 21.6.1997, p. 40.

(4)   ĠU L 43, 14.2.1997, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1882/2003 (ĠU L 284, 31.10.2003, p. 1).


ANNESS

Miżuri li għandhom jiġu rrispettati min-notifikant biex ikun żgurat l-irtirar effettiv mis-suq ta’ żrieragħ ta’ l-ibridi tal-kolza ACS-BNØØ4-7xACS-BNØØ2-5 maħsuba għall-koltivazzjoni

(a)

Għarraf lill-operaturi kummerċjali fil-Komunità dwar l-istatus kummerċjali u legali taż-żerriegħa.

(b)

Iġbor il-ħażna kummerċjali ta’ żerriegħa li baqa’ miżmuma mill-operaturi.

(ċ)

Eqred il-ħażna kummerċjali ta’ żerriegħa li baqa’.

(d)

Ikkonkludi ftehimiet ta’ sospensjoni tal-prodott ma’ partijiet terzi billi tavżahom biex jibagħtu lura ż-żerriegħa jew biex jiġi vverifikat u attestat li ż-żerriegħa nqerdet.

(e)

Ħu l-passi kollha meħtieġa għat-tneħħija tar-reġistrazzjoni ta’ varjetajiet reġistrati taż-żerriegħa mill-katalogi nazzjonali taż-żrieragħ.

(f)

Implimenta programm intern li jevita l-preżenza ta’ l-avveniment fil-produzzjoni u t-tnissil taż-żerriegħa.