|
3.5.2007 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
L 115/22 |
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI
tat-23 ta’ April 2007
rigward il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Komunità għall-Konferenza ta’ l-OIE fl-2007 bit-tema “Lejn l-eliminazzjoni ta” l-idrofobija fl-Ewroasja
(2007/271/KE)
IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,
Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni tal-Kunsill 90/424/KEE tas-26 ta’ Ġunju 1990 dwar in-nefqa fil-kamp veterinarju (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 20 tagħha,
Billi:
|
(1) |
Id-Deċiżjoni 90/424/KEE tistipula l-proċeduri li jirregolaw il-kontribuzzjonijiet finanzjarji tal-Komunità għal miżuri veterinarji speċifiċi, inklużi miżuri tekniċi u xjentifiċi. B’mod partikolari, il-Komunità għandha twettaq jew tgħin lill-Istati Membri jew organizzazzjonijiet internazzjonali biex iwettqu l-miżuri tekniċi u xjentifiċi meħtieġa għall-iżvilupp tal-leġiżlazzjoni veterinarja Komunitarja u għall-iżvilupp ta’ l-edukazzjoni jew it-taħriġ veterinarju. |
|
(2) |
Billi l-Office International des Epizooties (OIE) ħa l-inizjattiva li jorganizza konferenza fuq skala kbira bit-tema Lejn l-eliminazzjoni ta’ l-idrofobija fl-Ewroasja, li għandha ssir f’Mejju 2007 f’Pariġi (“il-konferenza ta’ l-OIE”). Minħabba li l-għan tal-Konferenza ta’ l-OIE huwa biex ikunu elaborati aktar ir-rakkomandazzjonijiet tal-konferenza li saret mill-OIE fi Kjev fl-2005, l-OIE għandu fil-fatt monopolju kif hemm imniżżel fl-Artikolu 168(c) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2342/2002 tat-23 ta’ Diċembru 2002 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) 1605/2002 dwar ir-regolament finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-komunitajiet Ewropej (2), u allura mhix meħtieġa sejħa għal proposti. |
|
(3) |
L-idrofobija kienet ilha għal bosta snin fl-annimali selvaġġi f’diversi Stati Membri sservi ta’ riserva għal infezzjonijiet f’annimali oħra u għalhekk tirrappreżenta riskju serju għas-saħħa tal-bniedem. Dawk l-Istati Membri implimentaw programmi ta’ eradikazzjoni u tilqim orali fost l-annimali selvaġġi. Bħala riżultat ta’ dawk il-miżuri, il-marda ġiet eradikata f’ċerti Stati Membri imma għadha teżisti f’oħrajn fejn il-programmi ta’ eradikazzjoni nbdew dan l-aħħar. |
|
(4) |
Dawk il-programmi jeħtieġ li jibqgħu sakemm ikun hemm eradikazzjoni kompluta ta’ l-idrofobija. Barra minn hekk, il-programmi jeħtieġ li jibqgħu f’dawk l-Istati Membri li għandhom fruntiera ma’ pajjiżi terzi fejn l-idrofobija għadha teżisti fost l-annimali selvaġġi. |
|
(5) |
Fl-interess ta’ saħħet l-annimali, għandha tkun inkoraġġita kull azzjoni li tista’ tiffaċilita deċiżjonijiet politiċi favur il-kontroll ta’ l-idrofobija u l-eradikazzjoni f’pajjiżi fl-Ewropa tal-Lvant u l-Asja Ċentrali. |
|
(6) |
Il-konferenza ta’ l-OIE taf twassal għal titjib fil-leġiżlazzjoni veternarja li hi fis-seħħ u għal żvilupp fl-edukazzjoni u t-taħriġ fil-mediċina veterinarja tal-pajjiżi parteċipanti. |
|
(7) |
Jixraq għalhekk li ssir kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità għall-konferenza ta’ l-OIE. Għandhom ikunu speċifikati l-ammont massimu u r-rata ta’ kontribuzzjoni bħal din. Il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità għandha tittieħed mil-linja tal-baġit 17 04 02 01. |
|
(8) |
Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa ta’ l-Annimali, |
IDDEĊIDIET KIF ĠEJ:
Artikolu Waħdieni
Kif previst fl-Artikolu 19 tad-Deċiżjoni 90/424/KEE, kontribuzzjoni finanzjarja b’rata massima ta’ 25 % ta’ l-ispejjeż eliġibbli sa l-ammont massimu ta’ EUR 50 000, tingħata lill-Office International des Epizooties (OIE) għall-materjal tekniku u speċifiku relatat mal-konferenza: “Lejn l-eliminazzjoni ta” l-Idrofobija fl-Ewroasja’, li se ssir f’Pariġi f’Mejju 2007.
Magħmul fi Brussell, 23 ta’ April 2007.
Għall-Kummissjoni
Markos KYPRIANOU
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 224, 18.8.1990, p. 19. Deċiżjoni kif emendata l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1791/2006 (ĠU L 363, 20.12.2006, p. 1).
(2) ĠU L 357, 31.12.2002, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1248/2006 (ĠU L 227, 19.8.2006, p. 3).