3.5.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 115/20


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-23 ta’ April 2007

dwar il-kontribut finanzjarju mill-Komunità għal miżuri ta’ emerġenza għall-ġlieda kontra l-influwenza tat-tjur fl-Olanda fl-2006

(notifikata taħt id-dokument numru C(2007) 1746)

(It-test bl-Olandiż biss huwa awtentiku)

(2007/270/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni tal-Kunsill 90/424/KEE tas-26 ta’ Ġunju 1990 dwar in-nefqa fil-qasam veterinarju (1), u partikolarment l-Artikoli 3(3) u 3a(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni 90/424/KEE tistipula l-proċeduri li jamministraw il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità għal miżuri veterinarji speċifiċi, inklużi miżuri ta’ emerġenza. Id-Deċiżjoni 90/424/KEE, kif emendata mid-Deċiżjoni 2006/53/KE (2), tistipula kontribut finanzjarju Komunitarju lill-Istati Membri biex ikopri ċerti spejjeż marbuta mat-teħid ta’ miżuri għall-qerda ta’ l-influwenza tat-tjur.

(2)

Seħħew tifqigħat ta’ l-influwenza tat-tjur fl-Olanda fl-2006. Il-feġġ ta’ din il-marda jirrappreżenta riskju serju għall-popolazzjoni tal-bhejjem tal-Komunità. Skond l-Artikolu 3a(2) tad-Deċiżjoni 90/424/KEE, l-Olanda ħadet miżuri biex tiġġieled dawn it-tifqigħat.

(3)

Il-ħlas ta’ kontribut finanzjarju mill-Komunità għandu jkun suġġett għall-kundizzjoni li l-miżuri ppjanati jkunu fil-fatt twettqu u li l-awtoritajiet kompetenti jkunu pprovdew l-informazzjoni kollha meħtieġa lill-Kummissjoni qabel ċerti skadenzi.

(4)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 349/2005 tat-28 ta’ Frar 2005 li jistabbilixxi r-regoli rigward il-finanzjament Komunitarju għall-interventi urġenti u l-ġlieda kontra ċertu mard ta’ l-annimali kif imsemmi fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 90/424/KEE (3), wara l-emenda tad-Deċiżjoni 90/424/KEE mid-Deċiżjoni 2006/53/KE, ma għadux ikopri l-influwenza tat-tjur. Għalhekk hemm bżonn li jiġi espressament stipulat f’din id-Deċiżjoni li l-għoti ta’ kontribut finanzjarju lill-Olanda huwa suġġett għall-konformità ma’ ċerti regoli stipulati fir-Regolament (KE) Nru 349/2005.

(5)

L-Artikolu 3a(3) tad-Deċiżjoni 90/424/KEE jistipula li l-kontribut finanzjarju tal-Komunità għandu jkun ta’ 50 % ta’ l-ispejjeż eliġibbli mġarrba mill-Istat Membru.

(6)

L-Olanda kkonformat fis-sħiħ ma’ l-obligazzjonijiet tekniċi u amministrattivi tagħha kif stabbilit fl-Artikolu 3(3) u 3a(2) tad-Deċiżjoni 90/424/KEE. L-Olanda għaddiet tagħrif lill-Kummissjoni dwar l-ispejjeż imġarrba fil-qafas ta’ din it-tifqigħa fit-30 ta’ Awwissu 2006 u minn dak in-nhar kompliet tipprovdi t-tagħrif kollu meħtieġ dwar l-ispejjeż ta’ kumpens u l-infiq operattiv.

(7)

Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma konformi ma’ l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti għall-Katina Alimentari u s-Saħħa ta’ l-Annimali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Kontribut finanzjarju mill-Komunità

1.   Jista’ jingħata kontribut finanzjarju mill-Komunità lill-Olanda għall-ispejjeż imġarrba minn dak l-Istat Membru fit-teħid tal-miżuri msemmija fl-Artikolu 3a(2) tad-Deċiżjoni 90/424/KEE għall-ġlieda kontra l-influwenza tat-tjur fl-2006.

Il-kontribut finanzjarju għandu jkun ta’ 50 % ta’ l-ispejjeż imġarrba li jkunu eliġibbli għall-finanzjament mill-Komunità.

2.   Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni, l-Artikoli 2 sa 5 u l-Artikoli 7 u 8 u l-Artikolu 9(2), (3) u (4) u l-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 349/2005 għandhom japplikaw mutatis muntandis.

Artikolu 2

Destinatarju

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju ta’ l-Olanda.

Magħmul fi Brussell, 23 ta’ April 2007.

Għall-Kummissjoni

Markos KYPRIANOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 224, 18.8.1990, p. 19. Deċiżjoni kif emendata l-aħħar mir-Regolament (KE) Nru 1791/2006 (ĠU L 363, 20.12.2006, p. 1).

(2)   ĠU L 29, 2.2.2006, p. 37.

(3)   ĠU L 55, 1.3.2005, p. 12.