1.5.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 114/14


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-23 ta’ April 2007

li temenda d-Deċiżjoni 2004/210/KE li twaqqaf Kumitati Xjentifiċi fil-qasam tas-sikurezza tal-konsumatur, is-saħħa pubblika u l-ambjent

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2007/263/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 152 u 153 tiegħu,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/210/KE (1) tipprevedi t-twaqqif tal-Kumitat Xjentifiku dwar Prodotti tal-Konsumatur (“l-SCCP”), il-Kumitat Xjentifiku dwar Riskji Sanitarji u Ambjentali (“l-SCHER”), u l-Kumitat Xjentifiku dwar Riskji Sanitarji Emerġenti u dawk li ġew Identifikati Reċentament (“l-SCENIHR”) (“il-Kumitati Xjentifiċi”). Il-Kumitati Xjentifiċi huma magħmula minn membri li nħatru mill-Kummissjoni.

(2)

Skond l-Artikolu 7(1) ta’ dik id-Direttiva, it-terminu tal-kariga tal-membri tal-Kumitat Xjentifiku huwa limitat għal tliet snin u t-terminu tal-membri kurrenti għandu jiskadi fl-24 ta’ Lulju 2007.

(3)

Huma mistennija żviluppi ġodda matul is-sentejn li jmiss li għandu jkollhom konsegwenzi sinifikanti għall-ħtiġijiet tal-Kummissjoni fir-rigward ta’ konsulenza għall-Kummissjoni dwar valutazzjoni tar-riskji u għall-istruttura u l-kompetenzi tal-Kumitati Xjentifiċi. B’mod partikolari, it-twaqqif fl-2008 ta’ Aġenzija Ewropea tal-Kimika (ECHA), li timplimenta r-Reġistrazzjoni, l-Awtorizzazzjoni ta’ Valutazzjoni u Restrizzjonijiet tal-Kimika (REACH) skond ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) għandu jeħtieġ definizzjoni ġdida ta’ l-objettivi ta’ l-SCHER.

(4)

Sabiex tinkiseb viżjoni aħjar ta’ l-objettivi fil-ġejjieni tal-Kumitati Xjentifiċi u biex iħejju għal struttura ta’ parir xjentifiku u kompożizzjoni li tkun adattata aktar għall-ħtiġijiet fil-futur, filwaqt li tkun aċċertata il-proviżjoni ta’ parir xjentifiku neċessarju sakemm jitwaqqaf l-EHCA, jixraq li tiġi permessa l-prolongazzjoni taż-żmien fil-kariga tal-membri tal-Kumitati Xjentiċi, f’ċirkostanzi eċċezzjonali, sa perjodu li ma jaqbiżx it-18-il xahar.

(5)

Aktar minn hekk, jixraq ukoll li ssir proviżjoni tal-possibbiltà li jiġu appuntati membri ġodda fil-Kumitati Xjentifiċi wara l-pubblikazzjoni ta’ sejħa għal turija ta’ interess, jekk l-esperjenza meħtieġa ma tkunx disponibbli fuq il-lista ta’ riserva.

(6)

Huwa urġenti, fid-dawl ta’ l-esperjenza operattiva u sabiex jiġu koperti l-ħtiġijiet immedjati, li jiżdiedu n-numru tal-membri ta’ l-SCENIHR.

(7)

Id-Deċiżjoni 2004/210/KE għandha għalhekk tiġi emendata skond dan,

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu Uniku

Id-Deċiżjoni 2004/210/KE qed tkun emendata kif ġej:

(1)

Fl-Artikolu 3(2), l-ewwel sentenza hi ssostitwita b’dan li ġej:

“L-SCENHIR għandu jikkonsisti minn massimu ta’ 17-il membru”.

(2)

L-Artikolu 7 jinbidel b’dan li ġej:

“Artikolu 7

Il-mandat

1.   1. Il-Membri għandhom jinħatru fuq il-Kumitati Xjentifiċi għal tliet snin, u ma jistgħux iservu għal aktar minn tliet termini konsekuttivi. Sabiex tissalvagwardja l-kontinwità ta’ l-esperjenza, il-Kummissjoni tista’, f’ċirkostanza eċċezzjonali, iġġedded it-terminu ta’ żmien ta’ kariga tal-membri ta’ Kumitat Xjentifiku għal perjodu ta’ mhux iktar minn 18-il xahar.

Il-Membri għandhom iżommu l-kariga sakemm jinbidlu jew jiġġeddu l-ħatriet tagħhom.

Il-membri li għadhom kemm lestew tliet termini konsekuttivi għandhom ikunu eleġibbli ghal sħubija ta’ Kumitat Xjentifiku ieħor.

2.   Meta jinsab li membru ma jipparteċipax fix-xogħol ta’ Kumitat Xjentifiku jew jixtieq jirreżenja, il-Kummissjoni tista’ ttemm is-sħubija tal-membru u taħtar sostitut mil-lista ta’ riżervi prevista fl-Artikolu 4 jew, għal raġunijiet iġġustifikati, wara sejħa għal turija ta’ interess.”

Magħmul fi Brussell, 23 ta’ April 2007.

Għall-Kummissjoni

Markos KYPRIANOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 66, 4.3.2004, p. 45.

(2)  ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1.