8.1.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

453


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tas-16 ta’ April 2007

li tawtorizza lir-Renju Unit jintroduċi miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE dwar is-sistema komuni tat-taxxa fuq il-valur miżjud

(2007/250/KE)

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta' Novembru 2006 dwar is-sistema komuni tat-taxxa fuq il-valur miżjud (1) u b’mod partikolari l-Artikolu 395 (1) tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Billi:

(1)

F'ittra reġistrata mis-Segretarjat-Ġenerali tal-Kummissjoni fl-10 ta’ Frar 2006, ir-Renju Unit talab awtorizzazzjoni biex jintroduċi miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 21 (1)(a) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE tas-17 ta' Mejju 1977 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri relatati mat-taxxi fuq id-dħul — Sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ valutazzjoni (2).

(2)

Skond l-Artikolu 27(2) tad-Direttiva 77/388/KEE, il-Kummissjoni infurmat lill-Istati Membri l-oħra permezz ta' ittra datata t-18 ta’ Lulju 2006 bit-talba magħmula mir-Renju Unit. B’ittra ddatata d-19 ta’ Lulju 2006, il-Kummissjoni nnotifikat lir-Renju Unit li hija kellha l-informazzjoni kollha li kkunsidrat meħtieġa biex tivvaluta t-talba.

(3)

Id-Direttiva 77/388/KE ġiet imfassla mill-ġdid u mħassra bid-Direttiva 2006/112/KE. Referenzi għad-disposizzjonijiet ta' l-ewwel għandhom jinqraw bħala referenzi għal ta' l-aħħar.

(4)

Il-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT), skond l-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE hija l-persuna taxxabbli li tforni l-merkanzija. L-iskop tad-deroga mitluba mir-Renju Unit huwa biex dik ir-responsabbiltà titqiegħed fuq il-persuna taxxabbli li lilha jsir il-forniment, iżda biss taħt ċerti kondizzjonijiet u esklussivament fil-każ ta’ telefons ċellulari u ċipep tal-kompjuter/mikroproċessuri.

(5)

F’dak is-settur, għadd sinifikanti ta’ negozjanti jevadu t-taxxa billi ma jħallsux il-VAT lill-awtoritajiet tat-taxxa wara li jkunu biegħu l-prodotti. Il-klijenti tagħhom, madankollu, billi jkollhom f’idejhom fattura valida, jibqgħu intitolati għal tnaqqis tat-taxxa. Fl-aktar forma aggressiva ta’ din l-evażjoni tat-taxxa, l-istess merkanzija, permezz ta' skema “karusell”, tiġi fornuta diversi drabi mingħajr ħlas ta’ VAT lill-awtoritajiet tat-taxxa. F'dawk il-każijiet, bin-nomina tal-persuna li lilha tiġi fornuta l-merkanzija bħala l-persuna responsabbli għall-VAT, id-deroga tneħħi l-oppurtunità li wieħed jidħol għal dik il-forma ta’ evażjoni tat-taxxa. Madankollu, hija ma taffettwax l-ammont ta' VAT dovut.

(6)

Għall-iskopijiet li jiġi żgurat l-operat effettiv tad-deroga u għall-prevenzjoni ta' l-evażjoni tat-taxxa milli titmexxa lejn prodotti oħra jew lejn il-livell tal-bejgħ bl-imnut, ir-Renju Unit għandu jintroduċi obbligi xierqa ta' kontroll u rappurtar. Il-Kummissjoni għandha tiġi infurmata bil-miżuri speċifiċi adottati, u bil-monitoraġġ u l-evalwazzjoni globali ta' l-operat tad-deroga.

(7)

Il-miżura hi proporzjonata ma’ l-objettivi li jridu jinkisbu minħabba li m’hijiex maħsuba li tapplika b’mod ġenerali, iżda biss għal settur speċifiku ta’ riskju għoli li jinkludi ċerti prodotti ddefiniti bir-reqqa li fil-konfront tagħhom l-iskala u d-daqs ta' l-evażjoni tat-taxxa rriżultat f’telf konsiderabbli ta’ taxxa. Barra minn hekk, billi s-settur huwa wieħed żgħir, id-deroga ma tistax titqies bħala ekwivalenti għal miżura ġenerali.

(8)

L-awtorizzazzjoni għandha tkun valida biss għal perijodu qasir, għaliex ma jistax jiġi aċċertat b’ċertezza li l-objettivi tal-miżura ser jintlħaqu, u lanqas ma jista’ wieħed ibassar minn qabel l-impatt tal-miżura fuq il-funzjonament tas-sistema tal-VAT fir-Renju Unit u fi Stati Membri oħra; barra minn hekk, l-impatt tal-miżura u ta' l-implimentazzjoni tagħha fuq il-funzjonament tas-suq intern ser ikollhom jiġu vvalutati sew.

(9)

Id-deroga ma għandha l-ebda impatt negattiv fuq ir-riżorsi Komunitarji proprji li jirriżultaw mill-ġbir tal-VAT,

ADOTTA DIN ID-DECIZJONI:

Artikolu 1

B’deroga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE ir-Renju Unit huwa awtorizzat jinnomina l-persuna taxxabli li lilha jsir il-forniment tal-merkanzija li ġejja, bħala l-persuna responsabbli li tħallas il-VAT:

1)

telefons ċellulari, bħala mezzi magħmula jew adattati għall-użu f’konnessjoni ma’ netwerk liċenzjat u operat fuq frekwenzi speċifikati, kemm jekk ikollhom jew jekk ma jkollhomx kwalunkwe użu ieħor;

2)

mezzi b’ċirkwit integrat bħal mikroproċessuri u unitajiet għall-ipproċessar ċentrali fi stat qabel ma jiġu integrati fi prodotti għall-utent aħħari;

Din id-deroga għandha tapplika għal fornimenti ta’ merkanzija li għaliha l-ammont taxxabbli huwa ta’ GBP 5 000 jew aktar.

Artikolu 2

Id-deroga prevista fl-Artikolu 1 hija soġġetta għar-Renju Unit li jintroduċi obbligi xierqa u effettivi ta' kontroll u rappurtar dwar il-persuni taxxabbli li jfornu merkanzija li għaliha japplika l-ħlas invertit skond din id-Deċiżjoni.

Artikolu 3

Ir-Renju Unit għandu jinforma lill-Kummissjoni fejn adotta l-miżuri msemmija fl-Artikoli 1 u 2 u sal-31 ta’ Marzu 2009, għandu jippreżenta rapport lill-Kummissjoni dwar l-evalwazzjoni globali ta' l-operat tal-miżuri konċernati, b’mod partikolari fir-rigward ta’ l-effettività tal-miżura u kull evidenza ta' ċaqliq ta’ l-evażjoni tat-taxxa lejn prodotti oħra jew lejn il-livell tal-bejgħ bl-imnut.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tiskadi fit-30 ta' April 2009.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u lill-Irlanda ta’ Fuq.

Magħmul fil-Lussemburgu, 16 ta’ April 2007.

Għall-Kunsill

Il-President

H. SEEHOFER


(1)  ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2006/138/KE (ĠU L 384, 29.12.2006, p. 92).

(2)  ĠU L 145, 13.6.1977, p. 1. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2006/98/KE (ĠU L 363, 20.12.2006, p. 129).