24.8.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

481


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-11 ta' April 2007

li tfassal miżuri tranżizzjonali għas-sistema ta' l-identifikazzjoni u reġistrazzjoni ta' l-annimali ovini u kaprini fir-Rumanija, kif inhu previst fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 21/2004

(notifikat bid-dokument numru C(2007) 1527)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2007/228/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat l-Att ta' Adeżjoni tal-Bulgarija u tar-Rumanija, u b'mod partikolari l-Artikolu 42 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 21/2004 tas-17 ta' Diċembru 2003 li jistabbilixxi sistema ta' identifikazzjoni u reġistrazzjoni ta' l-annimali ovini u kaprini, kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 1791/2006 (1), jistipula li l-annimali kollha f'razzett li jkunu twieldu wara d-9 ta' Lulju 2005, jew fir-rigward tal-Bulgarija u r-Rumanija, l-annimali li twieldu wara d-data ta' l-adeżjoni, iridu jiġu identifikati fi ħdan perjodu li ma jaqbiżx sitt xhur mid-data tat-twelid ta' l-annimal u, f'kull każ, qabel ma l-annimal iħalli r-razzett fejn twieled.

(2)

Skond dan ir-Regolament l-annimali jridu jiġu identifikati permezz ta' lametta tal-widnejn u bit-tieni mezz ta' identifikazzjoni approvat mill-awtorità kompetenti u li jikkonforma ma' ċerti karatteristiċi tekniċi.

(3)

B'ittra tat-22 ta' Jannar 2007, ir-Rumanija talbet miżuri tranżitorji għal perjodu ta' sena għall-identifikazzjoni ta' l-annimali ovini u kaprini f'dan l-Istat Membru u matul dan iż-żmien l-annimali se jkunu identifikati biss permezz ta' lametta waħda tal-widnejn.

(4)

Ir-Rumanija tat garanziji xierqa li l-annimali li jidħlu fil-kummerċ intrakomunitarju jew maħsuba għall-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi se jkunu identifikati skond ir-Regolament (KE) Nru 21/2004.

(5)

Sabiex ir-Rumanija tkun tista' tissokta bis-sistema tagħha ta' identifikazzjoni għal sena iżda wkoll sabiex ikun żgurat li l-annimali għall-kummerċ intrakomunitarju u l-esportazzjoni jiġu identifikati b'żewġ mezzi ta' identifikazzjoni, dawn l-annimali għandhom jiġu identifikati skond ir-regoli tal-Komunità, għajr li l-mezz ta' identifikazzjoni, stipulat fir-Regolament (KE) Nru 21/2004, jista' jiġi applikat fuq ir-razzett minn fejn jintbagħtu l-annimali.

(6)

Sabiex tkun iffaċilitata t-tranżizzjoni tar-reġim eżistenti fir-Rumanija għal dak li jaqa' taħt ir-Regolament (KE) Nru 21/2004, huwa xieraq li jiġu stipulati miżuri tranżizzjonali għall-identifikazzjoni ta' l-annimali ovini u kaprini f'dan l-Istat Membru.

(7)

Jeħtieġ li din id-Deċiżjoni tapplika mill-1 ta' Jannar 2007 biex tkun żgurata l-kontinwità fl-applikazzjoni tas-sistema eżistenti ta' identifikazzjoni għaċ-ċaqliq nazzjonali.

(8)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa ta' l-Annimali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Identifikazzjoni ta' l-annimali fir-Rumanija

L-annimali ta' l-ispecji ovini u kaprini miżmuma f'irziezet li jinsabu fir-Rumanija (“l-annimali”) għandhom jiġu identifikati permezz ta' mil-lanqas lametta waħda li jkollha fuqha kodiċi individwali għal kull annimal skond ir-regoli nazzjonali sad-data li l-annimal iħalli r-razzett fejn twieled jew fi żmien sitt xhur mid-data tat-twelid, skond liema waħda minnhom tkun l-ewwel.

Artikolu 2

Identifikazzjoni ta' l-annimali maħsuba għall-kummerċ intra-Komunitarju jew għall-esportazzjoni f'pajjiżi terzi

L-annimali li huma maħsuba għall-kummerċ intrakomunitarju jew għall-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi għandhom jiġu identifikati skond ir-Regolament (KE) Nru 21/2004, fejn hu applikabbli, flimkien mal-lametta tal-widna applikata skond l-Artikolu 1 ta' din id-Deċiżjoni.

B'deroga mill-Artikolu 4(1) tar-Regolament (KE) Nru 21/2004, il-mezz ta' identifikazzjoni msemmi f'din id-dispożizzjoni jista' jiġi applikat fir-razzett ta' oriġini, kif iddefinit fl-Artikolu 2(b)(8) tad-Direttiva tal-Kunsill 91/68/KEE (2).

Artikolu 3

Rekwiżit ta' dokumentazzjoni ta' ċaqliq

Id-dokument ta' ċaqliq li jakkumpanja annimal kull darba li jiċċaqlaq fi ħdan it-territorju nazzjonali bejn żewġt irziezet separati, kif stipulat fl-Artikolu 6(1) tar-Regolament (KE) Nru 21/2004, għandu jkun fih il-kodiċi individwali għal kull annimal kif previst fl-Artikolu 1 ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 4

Applikabilità

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta' Jannar 2007 sal-31 ta' Diċembru 2007.

Artikolu 5

Destinatarju

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, 11 ta' April 2007.

Għall-Kummissjoni

Markos KYPRIANOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 5, 9.1.2004, p. 8; Ir-Regolament kif emendat mir-Regolament (KE) Nru 1791/2006 (ĠU L 363, 20.12.2006, p. 1).

(2)  ĠU L 46, 19.2.1991, p. 19. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2006/104/KE (ĠU L 363, 20.12.2006, p. 352).