24.8.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

436


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-3 ta' April 2007

li ttemm il-proċediment anti–dumping li jikkonċerna l-importazzjonijiet tal-pentaerythritol li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, fir-Russja, fit-Turkija, fl-Ukrajna u fl-Istati Uniti ta' l-Amerika

(2007/214/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 tat-22 ta' Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), u b'mod partikolari l-Artikolu 9 tiegħu,

Wara li kkonsultat il-Kumitat Konsultattiv,

Billi:

A.   IL-PROĊEDURA

1.   Il-bidu

(1)

Fit-2 ta' Diċembru 2005, il-Kummissjoni rċeviet ilment li kien iddepożitat skond l-Artikolu 5 tar-Regolament bażiku mis-CEFIC (European Chemical Industry Council – il-Kunsill ta' l-Industrija Kimika Ewropea) (“min għamel l-ilment”) f'isem il-produtturi li jirrappreżentaw proporzjon kbir, f'dan il-każ aktar minn 50 %, tal-produzzjoni Komunitarja totali tal-pentaerythritol.

(2)

Dan l-ilment kien jinkludi evidenza ta' dumping tal-pentaerythritol mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ir-“RPĊ”), mill-Ukrajna, mir-Russja, mit-Turkija, u mill-Istati Uniti ta' l-Amerika (l-“USA”) u ta' dannu materjali li jirriżulta minn dan, li tqies li kien biżżejjed sabiex jiġġustifika l-ftuħ ta' proċediment.

(3)

Fis-17 ta' Jannar 2006, il-proċediment inbeda bil-pubblikazzjoni ta' avviż tal-bidu (2) fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

2.   Il-partijiet ikkonċernati mill-proċediment

(4)

Il-Kummissjoni uffiċjalment tat parir lil min għamel l-ilment, lill-produtturi Komunitarji, lill-produtturi li jesportaw, lill-importaturi, lill-utenti, lill-fornituri u lill-assoċjazzjonijiet li huwa magħruf li huma kkonċernati u lir-rappreżentanti tal-pajjiżi li jesportaw ikkonċernati bil-bidu tal-proċediment. Il-partijiet interessati ngħataw opportunità li juru l-fehmiet tagħhom bil-miktub u li jitolbu smigħ fi ħdan il-limitu taż-żmien iffissat fl-avviż tal-bidu.

(5)

Il-produtturi li għamlu l-ilment, il-produtturi Komunitarji l-oħra, il-produtturi li jesportaw, l-importaturi, l-utenti u l-fornituri wrew fehmithom. Il-partijiet interessati kollha, li talbu li jinstemgħu u li wrew li kien hemm raġunijiet partikolari għaliex għandhom jinstemgħu, ngħataw smigħ.

(6)

Sabiex il-prodotturi li jesportaw fir-RPĊ u fl-Ukrajna ikunu jistgħu iressqu talba għal trattament ta' ekonomija tas-suq (“MET” – market economy treatment) jew trattament individwali (“IT” – individual treatment), jekk xtaqu jagħmlu dan, il-Kummissjoni bagħtet formoli ta' talba lill-awtoritajiet Ċiniżi u Ukrajni u lill-produtturi li jesportaw f'dawk iż-żewġ pajjiżi li huwa magħruf li huma kkonċernati. Kumpanija waħda fir-RPĊ talbet l-MET skond l-Artikolu 2(7) tar-Regolament bażiku jew l-IT jekk l-investigazzjoni tistabbilixxi li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet għall-MET. L-uniku prodottur Ukrajn talab biss l-IT.

(7)

Fl-avviż tal-bidu, il-Kummissjoni indikat li f'din l-investigazzjoni, għall-esportaturi/produtturi fir-RPĊ, jista' jiġi applikat it-teħid ta' kampjuni. Madanakollu, peress li kumpanija waħda biss ikkooperat u indikat li kienet lesta li tkun inkluża fil-kampjun, it-teħid ta' kampjuni ma kienx meħtieġ.

(8)

Intbagħtu kwestjonarji lill-partijiet kollha li huwa magħruf li kienu kkonċernati u lill-kumpaniji l-oħra kollha li ppreżentaw irwieħhom fi ħdan l-iskadenzi stabbiliti fl-avviż tal-bidu. It-tweġibiet waslu mingħand tliet produtturi Komunitarji, fejn wieħed minnhom għandu żewġ impjanti ta' produzzjoni, tliet importaturi mhux relatati, ħames utenti, fornitur wieħed, produttur li jesporta fir-RPĊ, produttur li jesporta fit-Turkija, produttur li jesporta fl-Ukrajna u produttur li aċċetta li jikkoopera f'pajjiż analogu possibbli, iċ-Ċilì.

(9)

Il-Kummissjoni fittxet u vverifikat l-informazzjoni kollha li qieset li kienet meħtieġa għal determinazzjoni tad-dumping, tad-dannu li rriżulta u ta' l-interess Komunitarju u għamlet verifiki fl-uffiċċji tal-kumpaniji li ġejjin:

(a)

Il-produtturi Komunitarji

—

Perstorp Specialty Chemicals AB, Perstorp, l-Iżvezja

—

Perstorp Chemicals GmbH, Arnsberg, il-Ġermanja

—

Chemza AS Strazske, Strazske, is-Slovakkja

—

S.A. Polialco, Barcelona, Spanja

(b)

Il-produtturi li jesportaw fir-RPĊ

—

Hubei Yihua Chemical Industry Co., Ltd., Yichang

(ċ)

Il-produtturi li jesportaw fl-Ukrajna

—

Rubezhnoye State Chemical Plant (“Zarja”), Rubezhnoye

(d)

Il-produtturi li jesportaw fit-Turkija

—

MKS Marmara Entegre Kimya Sanayi A.Ş., Beşiktaş

(10)

Minħabba l-ħtieġa li jkun stabbilit valur normali għall-produtturi li jesportaw fil-RPĊ u fl-Ukrajna li jista' ma jingħatalhomx il-MET, saret verfika sabiex ikun stabbilit valur normali fuq il-bażi tad-data minn pajjiż analogu possibbli, f'dan il-każ iċ-Ċilì, fl-uffiċċji tal-kumpanija li ġejja:

—

Oxiquim, Viña del Mar

(e)

L-utent industrijali fil-Komunità

—

Nuplex Resins BV, Bergen op Zoom, l-Olanda

3.   Il-perjodu ta' investigazzjoni

(11)

L-investigazzjoni tad-dumping u tad-dannu kopriet il-perjodu mill-1 ta' Jannar sal-31 ta' Diċembru 2005 (il-“perjodu ta' investigazzjoni” jew l-“IP”). L-eżami tat-tendenzi rilevanti għall-valutazzjoni tad-dannu kopra l-perjodu mill-1 ta' Jannar 2002 sa tmiem il-perjodu ta' investigazzjoni (il-“perjodu meqjus”).

B.   IL-PRODOTT IKKONĊERNAT U L-PRODOTT SIMILI

1.   Il-prodott ikkonċernat

(12)

Il-prodott ikkonċernat huwa l-pentaerythritol (il-“penta”), ikklassifikat taħt il-kodiċi NM 2905 42 00 . Huwa kompost bla riħa, abjad, kristallin, u solidu, li jiġi prodott mill-formaldeide u mill-aċetaldeide, u l-aktar polyol użat għall-produzzjoni tar-rażi alkidi madwar id-dinja. Il-materji primi ewlenin li jintużaw huma l-metanol, li jintuża għall-produzzjoni tal-formaldeide, ta' l-aċetaldeide u ta' l-idrossidu tas-sodju.

(13)

Ir-rażidi alkidi, li jintużaw prinċipalment fil-kisi jammontaw għal madwar 60-70 % ta' l-użu aħħari tal-prodott ikkonċernat. Applikazzjonijiet oħra jinkludu lubrikanti sintetiċi għall-kompressuri ta' refriġerazzjoni, esteri rosin li jintużaw f'adeżivi bħat-tackifiers (addittivi li jżidu l-kapaċità tal-materjal li jkun hemm irbit bejn l-atomi fil-molekuli jew li jwaħħal) u l-pentaerythritol tetranitrate (PETN).

(14)

Hemm tliet gradi ewlenin li jiġu prodotti madwar id-dinja, bil-grad penta mono jkun dak li jiġi prodott l-aktar komunement. Iż-żewġ gradi l-oħra huma l-grad tekniku u dak ta' l-għoti tan-nitrati. Il-grad jiddependi mill-grad ta' purità, li jiġi ddefinit mill-kontenut ta' mono- u di-pentaerythritol. Pereżempju, il-grad penta mono għandu kontenut ta' monopentaerythritol ta' 98 % meta pparagunat mas-87 % fil-grad tekniku. L-investigazzjoni wriet li l-proċess ta' produzzjoni huwa prinċipalment l-istess għall-gradi l-aktar komuni tal-penta u b'hekk anki l-ispiża tal-produzzjoni nstab li kienet identika għall-gradi differenti kollha. Barra minn hekk, instab li l-gradi kollha jaqsmu l-istess karatteristiċi kimiċi u fiżiċi bażiċi u bażikament jintużaw għall-istess skopijiet.

(15)

Fi ftit każi, il-gradi penta mono u penta tekniku jiġu pprovduti wkoll f'forma mikronizzata, li tfisser li l-prodott jgħaddi minn tħin wara l-proċess ta' produzzjoni. Mil-lat kimiku, il-penta mikronizzat huwa eżattament l-istess prodott imma minħabba t-tħin għandu spiża tal-produzzjoni u prezz tal-bejgħ ftit ogħla.

(16)

Il-produttur li jesporta Tork argumenta kontra l-użu ta' tip wieħed ta' penta, li jikkombina t-tliet gradi differenti: il-grad mono, tekniku u ta' l-għoti tan-nitrati. B'mod partikolari, qal li l-penta mikronizzat għandu jitqies bħala tip differenti. It-talba ta' l-aħħar tista' tiġi aċċetata u l-penta mikronizzat, li jirrappreżenta parti ferm żgħira tal-produzzjoni ta' l-industrija Komunitarja u li ma nstabx li kien esportat lejn il-Komunità minn kwalunkwe wieħed mill-pajjiżi kkonċernati, ma ġiex inkluż fl-ambitu tal-prodott fil-qafas ta' l-investigazzjoni. Madanakollu, tqis li ma kien hemm l-ebda raġuni sabiex it-tliet gradi differenti li jiġu prodotti jiġu separati f'tipi differenti, ladarba l-livelli ta' spejjeż u ta' prezzijiet tagħhom huma identiċi. Għandu jiġi enfasizzat ukoll li, sa ċertu punt, il-penta huwa komodità, u jitqies mill-konsumatur aħħari bħala l-istess prodott. Għalhekk din it-talba kienet rifjutata u nżamm tip wieħed.

(17)

Fuq il-bażi tal-karatteristiċi fiżiċi, kimiċi u tekniċi, il-proċess ta' produzzjoni u s-sostenibbiltà tat-tipi differenti tal-prodott mill-perspettiva ta' l-utent, il-gradi kollha tal-penta jitqiesu li jikkostitwixxu prodott wieħed għall-fini tal-proċediment.

2.   Il-prodott simili

(18)

Il-prodott ikkonċernat u l-penta prodott u mibjugħ fis-suq domestiku tal-pajjiżi kkonċernati, u fis-suq domestiku tal-Ġappun, li għall-bidu tqies li se jservi bħala pajjiż analogu, kif ukoll il-penta prodott u mibjugħ fil-Komunità mill-industrija Komunitarja nstab li kellhom l-istess karatteristiċi u użi fiżiċi u kimiċi bażiċi.

(19)

Għalhekk kien konkluż b'mod provviżorju li dawn il-prodotti huma simili fi ħdan it-tifsira ta' l-Artikolu 1(4) tar-Regolament bażiku.

C.   ID-DUMPING

1.   Il-metodoloġija ġenerali

(20)

Il-metodoloġija ġenerali ġiet deskritta aktar 'l isfel. Il-preżentazzjoni sussegwenti tas-sejbiet dwar id-dumping għall-pajjiżi kkonċernati għalhekk tiddeskrivi biss kwistjonijiet speċifiċi għal kull pajjiż li jesporta.

2.   Il-valur normali

(21)

Skond l-Artikolu 2(2) tar-Regolament bażiku, għal kull produttur li jesporta li kkoopera l-ewwel ġie eżaminat jekk il-bejgħ domestiku tiegħu tal-penta kienx rappreżentattiv, jiġifieri jekk il-volum ta' bejgħ totali ta' din ix-xorta kienx jirrappreżenta mill-inqas 5 % tal-volum tal-bejgħ totali mill-esportazzjoni tal-produttur lejn il-Komunità.

(22)

Il-Kummissjoni sussegwentement eżaminat jekk il-bejgħ domestiku tal-penta, mibjugħ domestikament fi kwantitajiet rappreżentattivi setax jitqies bħala li sar fl-andament ordinarju tan-negozju skond l-Artikolu 2(4) tar-Regolament bażiku, billi jkun stabbilit il-proporzjon tal-bejgħ bi profitt lil klijenti indipendenti ta' dan il-prodott. F'każi fejn il-volum tal-bejgħ tal-penta, mibjugħ bi prezz tal-bejgħ nett daqs jew akbar mill-ispiża tal-produzzjoni kkalkulata, kien jirrappreżenta aktar minn 80 % tal-volum tal-bejgħ totali, u fejn il-prezz medju u mgħobbi (bil-komponenti ta' mejda ta' fatturi) kien daqs jew akbar mill-ispiza tal-produzzjoni, il-valur normali kien ibbażat fuq il-prezz domestiku effettiv, ikkalkulat bħala medja mgħobbija (bil-komponenti ta' medja ta' fatturi) tal-prezzijiet tal-bejgħ domestiku kollha li sar waqt l-IP, irrispettivament minn jekk dan il-bejgħ kienx bi profitt jew le. F'każi fejn il-volum tal-bejgħ bi profitt tal-penta kien jirrappreżenta 80 % jew inqas tal-volum tal-bejgħ totali ta' dak il-prodott, jew fejn il-prezz medju u mgħobbi (bil-komponenti ta' medja ta' fatturi) kien inqas mill-ispiża tal-produzzjoni, il-valur normali kien ibbażat fuq il-prezz domestiku effettiv, ikkalkulat bħala l-medja mgħobbija (bil-komponenti ta' mejda ta' fatturi) tal-bejgħ bi profitt biss, sakemm dan il-bejgħ kien jirrappreżenta 10 % jew aktar tal-volum tal-bejgħ totali tal-penta.

(23)

F'każi fejn il-volum tal-bejgħ bi profitt tal-penta kien jirrappreżenta inqas minn 10 % tal-volum tal-bejgħ totali ta' dak il-prodott, tqies li l-prodott inbiegħ fi kwantitajiet insuffiċjenti għall-prezz domestiku biex tkun provduta bażi xierqa għall-istabbiliment tal-valur normali. Fejn il-prezzijiet domestiċi tal-penta mibjugħ minn produttur ma setgħux jintużaw sabiex ikun stabbilit il-valur normali, kellu jiġi applikat metodu ieħor.

(24)

Skond l-Artikolu 2(3) tar-Regolament bażiku, il-valur normali nbena fuq il-bażi ta' l-ispiża tal-manifattura ta' kull produttur flimkien ma' ammont raġonevoli għall-bejgħ, għall-infiq ġenerali u amministrattiv (“SG&A”) u għall-profitt.

(25)

Għalhekk, il-Kummissjoni eżaminat jekk l-SG&A li sar u l-profitt li nkiseb minn kull produttur ikkonċernat fis-suq domestiku kinux jikkostitwixxu data affidabbli.

(26)

L-infiq domestiku SG&A effettiv tqies li kien affidabbli fejn il-volum tal-bejgħ domestiku tal-kumpanija kkonċernata seta' jitqies bħala rappreżentattiv kif inhu ddefinit fl-Artikolu 2(2) tar-Regolament bażiku. Il-marġni tal-profitt domestiku kien iddeterminat fuq il-bażi tal-bejgħ domestiku li sar fl-andament ordinarju tan-negozju.

(27)

Skond l-Artikolu 2(6)(a) tar-Regolament bażiku, fil-każijiet kollha, fejn dawn il-kundizzjonijiet ma ġewx sodisfatti, il-Kummissjoni eżaminat jekk id-data ta' esportaturi jew produtturi oħra fis-suq domestiku tal-pajjiż ta' l-oriġini setgħetx tintuża. Fejn id-data affidabbli kienet disponibbli biss għal produttur li jesporta wieħed, ma setgħet tiġi stabbilita l-ebda medja, kif inhu stabbilit fl-Artikolu 2(6)(a) tar-Regolament bażiku u kien eżaminat jekk il-kundizzjonijiet ta' l-Artikolu 2(6)(b) ġewx sodisfatti, jiġifieri l-użu tad-data rigward il-produzzjoni u l-bejgħ ta' l-istess kategorija ġenerali ta' prodotti għall-esportatur jew għall-prodottur ikkonċernat. Fejn din id-data ma kinitx disponibbli jew ma kinitx provduta mill-produttur, l-SG&A u l-profitti kienu stabbiliti skond l-Artikolu 2(6)(c) tar-Regolament bażiku, jiġifieri fuq il-bażi ta' kwalunkwe metodu raġonevoli ieħor.

3.   Il-prezz ta' l-esportazzjoni

(28)

Fil-każi kollha meta l-bejgħ tal-prodott ikkonċernat kien esportat lil klijenti indipendenti fil-Komunità, il-prezz ta' l-esportazzjoni kien stabbilit skond l-Artikolu 2(8) tar-Regolament bażiku, jiġifieri fuq il-bażi ta' prezzijiet ta' l-esportazzjoni li effettivament tħallsu jew li jistgħu jitħallsu.

(a)   Il-paragun

(29)

Il-valur normali u l-prezzijiet ta' l-esportazzjoni kienu pparagunati fuq bażi ta' qabel il-prezz tas-suq. Sabiex ikun żgurat paragun ġust bejn il-valur normali u l-prezz ta' l-esportazzjoni, saret konċessjoni xierqa fil-forma ta' aġġustamenti għad-differenzi li jaffetwaw lill-prezzijiet u lill-komparabbiltà tal-prezzijiet skond l-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku. Fil-każi kollha, fejn instab li kienu raġonevoli, preċiżi u appoġġjati minn evidenza verifikata, ingħataw aġġustamenti xierqa.

(b)   Il-marġni tad-dumping

(30)

Skond l-Artikolu 2(11) u (12) tar-Regolament bażiku, il-marġni tad-dumping għal kull produttur li jesporta kien stabbilit fuq il-bażi ta' paragun bejn il-valur normali medju u mgħobbi (bil-komponenti ta' medja ta' fatturi) u l-prezz ta' l-esportazzjoni medju u mgħobbi (bil-komponenti ta' medja ta' fatturi) tal-prezzijiet ta' esportazzjoni.

4.   It-Turkija

(31)

Waslet tweġiba għall-kwestjonarju mill-uniku produttur li jesporta magħruf.

(a)   Il-valur normali

(32)

Il-produttur kellu bejgħ totali rappreżentativ tal-prodott simili fis-suq domestiku u l-bejgħ kollu seta' jitqies bħala li sar fl-andament ordinarju tan-negozju.

(33)

Barra minn hekk, instab li l-prezzijiet domestiċi kienu jvarjaw b'mod sinifikanti skond ix-xahar tal-bejgħ.

(34)

Meta jitqies dak li ntqal aktar 'il fuq, u sabiex ikun rifless b'mod xieraq il-valur normali tal-prodott ikkonċernat matul l-IP, tqies li jkun xieraq biex f'dan il-każ jiġi ddeterminat valur normali ta' kull xahar għall-prodott ikkonċernat.

(35)

Għal kull xahar, il-prezzijiet domestiċi tqiesu bħala bażi xierqa għall-istabbiliment tal-valur normali. Għalhekk, il-valur normali kien ibbażat fuq il-prezzijiet effettivi li tħallsu jew li jistgħu jitħallsu minn klijenti indipendenti fis-suq domestiku Tork matul kull xahar ta' l-IP.

(b)   Il-prezz ta' l-esportazzjoni

(36)

Fil-każi kollha, il-prodott ikkonċernat inbiegħ lil klijenti indipendenti fil-Komunità. Għaldaqstant, il-prezz ta' l-esportazzjoni kien stabbilit skond l-Artikolu 2(8) tar-Regolament bażiku, jiġifieri fuq il-bażi tal-prezzijiet ta' l-esportazzjoni effettivament imħallsa jew li jistgħu jiġu mħallsa.

(37)

Sabiex ikun żgurat paragun xieraq minħabba l-varjazzjonijiet fil-valur normali waqt l-IP, tqies li kien xieraq li jkun stabbilit prezz ta' l-esportazzjoni medju u mgħobbi (bil-komponenti ta' medja ta' fatturi) ta' kull xahar matul l-IP.

(ċ)   Il-paragun

(38)

Saru aġġustamenti fir-rigward tad-differenzi fl-ispejjeż tat-trasport, ta' l-assigurazzjoni, tat-tagħbija u tal-kreditu, kif ukoll għal skontijiet, kummissjonijiet u ribassi.

(39)

Instab li l-ispejjeż ta' l-assigurazzjoni, ir-ribassi mogħtija u l-ħlasijiet għall-ippakkjar li ġew irrappurtati kienu jiddevjaw bi ftit mid-data kif kienet inkluża fil-kontabilità tal-produttur li jesporta. L-ammonti ta' l-aġġustamenti għalhekk kienu korretti skond dan.

(40)

L-investigazzjoni wriet ukoll li l-produttur li jesporta ħallas ammont sinifikanti għal servizzi ta' konsulenza. Il-kumpanija qalet li ħlasijiet ta' din ix-xorta ma jiġġustifikawx aġġustament u għalhekk m'għandhomx jitnaqqsu la mill-prezz ta' l-esportazzjoni u lanqas mill-prezz tal-bejgħ domestiku. Madanakollu, instab li din in-nefqa kellha impatt fuq l-ispejjeż u fuq il-prezzijiet tal-prodott ikkonċernat, u għalhekk affetwat il-komparabbiltà tal-prezzijiet. Għalhekk, l-ammont rispettiv kien allokat fuq il-bażi tal-kwantità lill-bejgħ ikkonċernat (il-bejgħ domestiku, il-bejgħ fil-KE, u l-bejgħ lil pajjiżi terzi) u mnaqqas mill-prezzijiet tal-bejgħ bħala aġġustament fi ħdan it-tifsira ta' l-Artikolu 2(10)(i) tar-Regolament bażiku.

(41)

Rigward l-ispejjeż ta' kreditu, instab li r-rata ta' l-imgħax irrappurtata għall-IP ma kinitx tirrifetti l-ispiża tal-finanzjament effettiva għal perjodu qasir ta' żmien li saret mill-kumpanija. Għalhekk, l-ispejjeż ta' kreditu ġew aġġustati skond dan.

(d)   Il-marġni tad-dumping

(42)

Minħabba l-eżistenza ta' mudell ċar ta' prezzijiet ta' l-esportazzjoni li jvarjaw skond il-perjodu taż-żmien, tqies li fil-kalkolu tal-marġni tad-dumping element ta' din ix-xorta għandu jitqies. Għalhekk, il-paragun sar fuq bażi ta' kull xahar bejn il-prezz ta' l-esportazzjoni medju u mgħobbi (bil-komponenti ta' medja ta' fatturi) u l-valur normali medju u mgħobbi (bil-komponenti ta' medja ta' fatturi) għall-prodott ikkonċernat.

(43)

Fuq il-bażi ta' dak li ntqal aktar 'il fuq, il-marġni tad-dumping li nstab għall-produtur li jesporta li kkoopera, espress bħala perċentwali tal-prezz CIF nett, liberu fuq il-fruntiera Komunitarja, kien taħt il-limitu de minimis iffissat fl-Artikolu 9(3) tar-Regolament bażiku.

(44)

Ta' min jinnota li l-marġni tad-dumping għandu wkoll ikun de minimis, jekk il-paragun ikun sar bejn il-valur normali medju u mgħobbi (bil-komponenti ta' medja ta' fatturi) u t-tranżazzjonijiet individwali ta' l-esportazzjoni. Madanakollu, paragun ta' din ix-xorta ma nstabx li kien xieraq. Filwaqt li tabilħaqq kien hemm mudell ta' prezzijiet ta' l-esportazzjoni li kien ivarja b'mod sinifikanti kull xahar (differenza sa 20 % tal-prezz ta' l-esportazzjoni setgħet tkun osservata bejn xhur differenti ta' l-IP – b'livelli ferm iktar baxxi minn Mejju sa Ottubru 2005), il-valuri normali ta' kull xahar segwew l-istess tendenza. Dan l-iżvilupp kien minħabba l-fatt li l-materji primi ewlenija, li jammontaw għal proporzjon sinifikanti ta' l-ispiża tal-produzzjoni tal-prodott ikkonċernat, segwew l-istess evoluzzjoni. B'hekk, il-metodu li ġiedeskritt fil-premessa jirrifletti l-ammont sħiħ tad-dumping li qed ikun hemm.

(45)

Peress li l-prodottur li jesporta li kkoopera jidher li kien responsabbli għall-esportazzjonijiet Torok kollha tal-prodott ikkonċernat lejn il-Komunità, ma kien hemm l-ebda raġuni biex wieħed jemmen li kwalunkwe produttur li jesporta naqas milli jikkoopera.

(46)

Għaldaqstant, kif kien iddeterminat mill-Artikolu 9(3) tar-Regolament bażiku, fil-konfront tat-Turkija, il-proċediment għandu jiġi mitmum.

5.   Ir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ir-’RPĊ’) u l-Ukrajna

(a)   Trattament ta' ekonomija tas-suq (MET)

(47)

Skond l-Artikolu 2(7)(b) tar-Regolament bażiku, f'investigazzjonijiet anti–dumping li jikkonċernaw importazzjonijiet li joriġinaw fir-RPĊ u fl-Ukrajna, għal dawk il-prodotturi li nstab li jissodisfaw il-kriterji li ġew stabbiliti fl-Artikolu 2(7)(c) tar-Regolament bażiku, il-valur normali għandu jiġi ddeterminat skond il-paragrafi 1 sa 6 ta' l-imsemmi Artikolu.

(48)

Fil-qosor, u għal faċilità ta' referenza biss, il-kriterji ta' l-MET ġew stabbiliti hawn isfel f'forma mqassra:

i)

Id-deċiżjonijiet u l-ispejjeż kummerċjali isiru b'reazzjoni għall-kundizzjonijiet tas-suq u mingħajr interfernza sinifkanti mill-Istat;

ii)

Id-ditti għandhom sett wieħed ċar ta' rekords kontabbli bażiċi li jiġu vverifikati b'mod indipendenti skond l-istandards internazzjonali tal-kontabilità u jiġu applikati għall-finijiet kollha;

iii)

Mhemm l-ebda tgħawwiġa sinfikanti li tinġarr mis-sistema mhux ta' ekonomija tas-suq preċedenti;

iv)

Il-liġijiet dwar il-falliment u dwar il-proprjetà jiggarantixxu ċertezza u stabbiltà legali;

v)

Il-konverżjonijiet tar-rata tal-kambju jsiru b'rati tas-suq.

(49)

Produttur li jesporta fir-RPĊ talab MET skond l-Artikolu 2(7)(b) tar-Regolament bażiku u wieġeb għall-formola ta' talba għal MET għall-prodotturi li jesportaw fi ħdan l-iskadenza mogħtija. Il-Kummissjoni fittxet u vverfikat fl-uffiċċji ta' din il-kumpanija l-informazzjoni kollha meħtieġa li tressqet fil-formola ta' applikazzjoni għal MET tiegħu kif qieset li kien meħtieġ.

(50)

L-investigazzjoni żvelat li, għal din il-kumpanija, it-talba għall-MET kellha tiġi rrevokata għaliex il-kumpanija ma ssodisfatx ir-rekwiżiti tal-kriterji wieħed, tnejn u tlieta li ssemmew aktar 'il fuq.

(51)

Minħabba l-fatt li l-azzjonisti ewlenin huma intrapriżi ta' l-Istat u li d-diretturi maħtura minn dawn l-azzjonisti għandhom numru ta' pożizzjonijiet sproprozjonat u ta' kontroll fil-Bord tad-Diretturi, instab li l-Istat seta' jeżerċita influwenza sinfikanti fuq id-deċiżjonijiet kummerċjali tal-kumpanija rigward il-ġestjoni ta' kuljum kif ukoll id-distribuzzjoni tal-profitti, il-ħruġ ta' ishma ġodda, iż-żjidiet fil-kapital, l-emendi ta' l-Artikoli ta' Assoċjazzjoni u x-xoljiment tal-kumpanija, u li għalhekk, deċiżjonijiet ta' din ix-xorta ma kinux isiru b'reazzjoni għas-sinjali tas-suq.

(52)

Barra minn hekk, il-kontijiet tal-kumpanija ma kinux jirriflettu s-sitwazzjoni finanzjarja vera peress li l-kumpanija għamlet xi ri-allokazzjonijiet għad-deprezzament ta' l-assi fissi mingħajr ġustifikazzjoni, li jikkostitwixxi vjolazzjoni ta' l-IAS 1-13. Dan, flimkien mal-fatt li l-awdituri tal-kumpanija ma esprimew l-ebda riserva jew ma talbu l-ebda spjegazzjoni dwar il-prattiki li sabu, ikkostitwew vjolazzjoni ċar ta' l-istandards interazzjonali tal-kontabilità.

(53)

Rigward il-valutazzjoni ta' l-assi inizjali, il-kumpanija ma setgħet tipprovdi l-ebda spjegazzjoni dwar il-bażi li fuqha saret valutazzjoni ta' din ix-xorta. Fl-aħħarnett, il-kumpanija ma setgħet tipprovdi l-ebda prova ta' pagament tal-kera tal-bini ta' l-uffiċċju. Iż-żewġ nuqqasijiet indikaw li kien hemm tgħawwiġ sinfikanti li nġarru mis-sistema mhux ta' ekonomija tas-suq preċedenti.

(54)

Kien ikkonsultat il-Kumitat Konsultattiv u l-partijiet direttament ikkonċernati ngħataw opportunità biex jikkummentaw dwar is-sejbiet li ssemmew aktar 'il fuq. Madanakollu, ma wasal l-ebda kumment. L-industrija Komunitarja wkoll ingħatat l-opportunità li tikkummenta, u qablet mad-determinazzjoni tal-MET.

(55)

Wara dak li ntqal aktar 'il fuq, kien konkluż li l-produttur li jesporta Ċiniż m'għandux jingħata MET.

(b)   It-trattament individwali (IT)

(56)

Skond l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku, jiġi stabbilit dazju fil-pajjiż kollu, jekk ikun hemm, għall-pajjiżi li jaqgħu taħt dak l-Artikolu, ħlief f'dawk il-każi fejn il-kumpaniji jistgħu juru li jissodisfaw il-kriterji kollha stabbiliti fl-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku biex jingħataw trattament individwali.

(57)

Il-produttur li jesporta Ċiniż li ma setgħetx tingħatalu l-MET anki talab l-IT fil-każ li ma jingħatax il-MET. Madanakollu, kif ġie deskritt fil-premessa (51), l-Istat, permezz tar-rappreżentanti tiegħu fil-Bord tad-Diretturi tal-kumpanija, instab li jeżerċita influwenza sinfikanti rigward il-prezzijiet u l-kwantitajiet ta' l-esportazzjoni, kif ukoll rigward il-kundizzjonijiet u t-termini ta' bejgħ, b'tali mod li ma setax jitqies li dawn kienu qed jiġu ddeterminati liberament. Barra minn hekk, interferenza mill-Istat ta' din ix-xorta, relatata mal-ġestjoni ta' kuljum tal-kumpanija, fissret li ma setax jiġi eskluż ir-riskju ta' elużjoni, jekk dan l-esportatur kien se jingħata rata tad-dazju individwali.

(58)

Għaldaqstant, u peress li nstab li l-produttur li jesporta Ċiniż ma ssodisfax ir-rekwiżiti kollha biex jingħata l-IT skond l-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku, l-IT kellu jiġi rifjutat.

(59)

L-uniku produttur li jesporta li kkoopera fl-Ukrajn, peress li ma talabx l-MET, talab biss l-IT. Madanakollu, mhemm l-ebda produttur tal-penta fl-Ukrajna magħruf, li huwa kkonfermat mill-fatt li l-esportazzjonijiet tal-penta mill-Ukrajna lejn il-Komunità li ġew irrappurtati mill-produttur li jesporta li kkoopera kienu ekwivalenti għall-kwantitajiet indikati mill-Eurostat. Għalhekk, tqies li ma kienx hemm għalfejn issir determinazzjoni dwar jekk dan il-produttur li jesporta għandux jingħata l-IT peress li se jiġi impost dazju wieħed fil-pajjiż kollu, ikun xi jkun il-każ.

(ċ)   Il-valur normali

(i)   Il-pajjiż analogu

(60)

Skond l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku, il-valur normali għall-produtturi li jesportaw li ma ngħatawx l-MET irid jiġi stabbilit fuq il-bażi tal-prezzijiet jew ta' valur normali mibni f'pajjiż analogu.

(61)

Fl-avviż tal-bidu, il-Kummissjoni indikat il-ħsieb tagħha li tuża lill-Ġappun bħala pajjiż analogu xieraq sabiex tistabbilixxi valur normali għar-RPĊ u għall-Ukrajna u l-partijiet interessati kienu mistiedna jikkummentaw dwar dan. L-ebda parti interessati ma oġġezzjonat għall-proposta.

(62)

Il-Kummissjoni kkuntattjat lill-produttur magħruf tal-penta fil-Ġappun u talbet il-kooperazzjoni tiegħu fil-proċediment preżenti. Madanakollu, ma setgħet tinkiseb l-ebda kooperazzjoni.

(63)

Għall-bidu, il-pajjiżi kkonċernati mill-proċediment preżenti ma ntgħażlux għaliex ma kienx hemm kooperazzjoni jew għaliex is-suq domestiku tagħhom seta' jkun mgħawweġ minħabba d-dumping li kien qed ikun hemm. Għalhekk, il-Kummissjoni fittxet kooperazzjoni mill-produtturi l-oħra kollha magħrufa fiċ-Ċilì, fit-Tajwan, fil-Brażil u fir-Repubblika tal-Korea, il-pajjiżi l-oħra fejn hemm produzzjoni tal-penta.

(64)

Il-produttur fiċ-Ċilì biss qabel li jikkoopera. Għalkemm kien hemm produttur wieħed biss fiċ-Ċilì, is-suq domestiku Ċilen tal-penta kien soġġett għal kompetizzjoni sinfikanti waqt l-IP minħabba l-importazzjonijiet miċ-Ċina, mit-Tajwan, mill-USA, mill-Iżvezja u mir-Repubblika tal-Korea, peress li la hemm kwoti u lanqas kwalunkwe restrizzjoni kwantitativa oħra fuq l-importazzjonijiet.

(65)

Minħabba dak li ntqal aktar 'il fuq, skond l-Artikolu 2(7) tar-Regolament bażiku, kien konkluż b'mod provviżorju li ċ-Ċili kien il-pajjiż analogu l-aktar xieraq u raġonevoli.

(66)

Għalhekk, intbagħat kwestjonarju lil dan il-produttur fejn intalbet informazzjoni dwar il-prezzijiet tal-bejgħ domestiku u l-ispiża tal-produzzjoni tal-prodott simili u d-data li kien hemm fit-tweġiba ġiet ivverifika fil-post.

(67)

Madanakollu, l-investigazzjoni żvelat li l-produttur li jesporta li kkoopera Tork ma kien qed jagħmel l-ebda dumping. Ma kien hemm l-ebda tgħawwiġa apparenti tas-suq Tork tal-penta u l-proċess ta' produzzjoni u l-materji primi li kienu jintużaw mill-produttur Tork huma aktar simili ta' dawk tal-produtturi li jesportaw Ċiniżi u Ukrajni.

(68)

Għalhekk, kien konkluż li t-Turkija tista' titqies bħala pajjiż analogu raġonevoli għall-fini ta' dan il-proċediment.

(ii)   Id-determinazzjoni tal-valur normali fil-pajjiż analogu

(69)

Skond l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku, il-valur normali għall-produtturi li jesportaw li ma ngħatawx MET kien stabbilit fuq il-bażi ta' informazzjoni verifikata li ngħatat mill-produttur fil-pajjiż analogu.

(70)

Il-valur normali kien iddeterminat kif ġie deskritt aktar 'il fuq fil-premessi (32) sa (35).

(d)   Il-prezzijiet ta' l-esportazzjoni

(71)

Il-bejgħ kollu mill-esportazzjoni lejn il-Komunità mill-produtturi li jesportaw Ċiniżi u Ukrajni sar direttament lil klijenti indipendenti fil-Komunità u għalhekk, il-prezz ta' l-esportazzjoni kien stabbilit skond l-Artikolu 2(8) tar-Regolament bażiku fuq il-bażi tal-prezzijiet effettivament imħallsa jew li jistgħu jiġu mħallsa.

(72)

Peress li nstab li valur normali medju għall-IP kollu ma kienx rappreżentattiv, għar-raġunijiet li ġew spjegati aktar 'il fuq fil-premessi (33) sa (37), kienu stabbliti l-prezzijiet medji ta' l-esportazzjoni ta' kull xahar.

(e)   Il-paragun

(73)

Fejn kien applikabbli u ġġustifikat saru aġġustamenti fir-rigward ta' l-ispejjeż tat-trasport, ta' l-assigurazzjoni, ta' l-immaniġġjar u ta' l-ispejjeż anċillari, tal-ħlasijiet għall-ippakkjar, ta' kreditu u bankarji.

(f)   Il-marġnijiet tad-dumping

(74)

Għal kull wieħed mill-produtturi li jesportaw li ma ngħatax l-MET il-valur normali medju u mgħobbi (bil-komponenti ta' medja ta' fatturi) ta' kull xahar stabbilit għall-pajjiż analogu kien ipparagunat mal-prezz ta' l-esportazzjoni medju u mgħobbi (bil-komponenti ta' medja ta' fatturi) ta' kull xahar lejn il-Komunità, kif inhu provdut skond l-Artikolu 2(11) tar-Regolament bażiku.

(75)

Fil-każ tar-RPĊ, il-volum tal-penta esportat mill-produttur li jesporta li kkoopera kien jirrappreżenta ferm inqas minn 70 % tal-volum totali tal-penta importat waqt l-IP minn dak il-pajjiż, skond id-data ta' l-Eurostat. B'hekk, għall-produtturi li jesportaw li ma kkooperawx fir-RPĊ, il-marġni tad-dumping kellu jiġi stabbilit fuq il-bażi tal-fatti disponibbli, skond l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku. Għaldaqstant, tqies li kien meħtieġ li l-marġni tad-dumping jiġi ddeterminat fuq il-bażi ta' l-ogħla tranżazzjonjiet li kienu soġġetti għal dumping għall-produttur li kkoopera. Dan il-metodu kien ukoll meqjus bħala meħtieġ sabiex ikun evitat li jingħata bonu għan-nuqqas ta' kooperazzjoni u minħabba li ma kien hemm l-ebda indikazzjoni li parti li ma kkooperatx kienet għamlet dumping fuq livell aktar baxx.

(76)

Għalhekk kien ikkalkulat marġni medju tad-dumping fil-pajjiż kollu billi bħala fattur ta' tagħbija (bil-komponenti ta' medja ta' fatturi) ntuża l-valur CIF taż-żewġ gruppi ta' esportaturi, jiġifieri dawk li kkooperaw u dawk li ma kkooperawx.

(77)

Fil-każ ta' l-Ukrajna, kif ġie spjegat aktar 'il fuq fil-premessa (59), minħabba l-livell għoli ta' kooperazzjoni, tqies li kien ikun xieraq li jiġi stabbilit il-marġni tad-dumping fil-pajjiż kollu fl-istess livell bħal dak li nstab għall-produttur li jesporta li kkoopera.

(78)

Il-marġni tad-dumping, espress bħala perċentwali tal-prezz CIF ta' l-importazzjoni fuq il-fruntiera Komunitarja, bid-dazju mhux imħallas, huwa kif ġej:

Il-pajjiż

Il-marġni tad-dumping

Ir-RPĊ

18,7  %

L-Ukrajna

10,3  %

6.   Ir-Russja u l-Istati Uniti ta' l-Amerika (l-USA)

(79)

L-ebda wieħed mill-produtturi fir-Russja u fl-Istati Uniti ta' l-Amerika (l-USA) ma kkoopera f'din l-investigazzjoni. Għaldaqstant, u fin-nuqqas ta' kwalunkwe bażi oħra aktar xierqa, il-marġni tad-dumping fil-pajjiż kollu kien stabbilit b'mod provviżorju fuq il-bażi tal-fatti disponibbli skond l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, jiġifieri d-data li ġejja mingħand min għamel l-ilment.

(80)

Il-marġnijiet tad-dumping, espressi bħala perċentwali tal-prezz CIF ta' l-importazzjoni fuq il-fruntiera Komunitarja, bid-dazju mhux imħallas, huma kif ġejjin:

Il-pajjiż

Il-marġni tad-dumping

Ir-Russja

25 %

L-USA

54 %

D.   ID-DANNU

1.   Il-produzzjoni Komunitarja

(81)

L-investigazzjoni stabbiliet li l-prodott simili jiġi manifatturat minn ħames produtturi fil-Komunità, fejn wieħed minnhom għandu żewġ siti ta' produzzjoni. L-ilment kien iddepożitat f'isem tnejn minn dawn il-produtturi. Wara li nbeda, produttur ieħor iddeċieda li jappoġġja l-proċediment billi jikkoopera b'mod sħiħ fl-investigazzjoni. Miż-żewġ produtturi li baqa', fejn it-tnejn li huma provdew data ġenerali dwar il-produzzjoni u l-bejgħ, it-tnejn esprimew l-appoġġ tagħhom għall-proċediment.

(82)

B'hekk, il-volum tal-produzzjoni Komunitarja għall-fini ta' l-Artikolu 4(1) tar-Regolament bażiku ġie kkalkulat b'mod provviżorju billi ngħaddew flimkien il-volum tal-produzzjoni tat-tliet produtturi Komunitarji li kkooperaw u l-volum tal-produzzjoni taż-żewġ produtturi l-oħra, skond id-data provduta minnhom. Fuq din il-bażi, il-produzzjoni Komunitarja totali tal-prodott simili kienet tammonta għal 115 609 tunnellata metrika fl-IP.

2.   Definizzjoni ta' l-industrija Komunitarja

(83)

Il-produzzjoni tat-tliet produtturi Komunitarji li kkooperaw b'mod sħiħ fl-investigazzjoni tirrappreżenta 94 % tal-prodott simili manifatturat fil-Komunità. Għalhekk jitqiesu bħala li jikkostitwixxu l-industrija Komunitarja fi ħdan it-tifsira ta' l-Artikoli 4(1) u 5(4) tar-Regolament bażiku.

3.   Il-konsum Komunitarju

(84)

Il-konsum Komunitarju kien stabbilit fuq il-bażi tal-volumi tal-bejgħ tal-produtturi magħrufa fil-Komunità flimkien ma' l-importazzjonijiet mill-pajjiż terzi kollha taħt il-kodiċi NM rilevanti skond l-Eurostat. F'dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li wieħed biss miż-żewġ produtturi Komunitarji li ma lmentax ipprovdew figuri tal-bejgħ għall-perjodu kollu meqjus. Għalhekk, il-bejgħ tal-produttur l-ieħor ma tqisx, peress li kien provdut biss għall-IP. Peress li dawn il-volumi tal-bejgħ kienu baxxi, l-esklużjoni tagħhom ma kinitx se taffetwa l-istampa ġenerali. Kif jintwera fit-tabella t'aktar 'l isfel, il-konsum Komunitarju tal-prodott ikkonċernat u tal-prodott simili naqas bi 12 % matul il-perjodu meqjus. Bejn l-2003 u l-2004, id-domanda kienet stabbli, filwaqt li fl-IP niżlet b'9 % meta pparagunata mas-sena ta' qabel.

 

2002

2003

2004

IP

Il-konsum Komunitarju (tunnellata metrika)

83 195

80 697

80 403

73 025

Indiċi

100

97

97

88

4.   L-importazzjonijiet fiil-Komunità mill-pajjiżi kkonċernati

(a)   L-akkumulazzjoni

(85)

Il-Kummissjoni qieset jekk l-effetti ta' l-importazzjonijiet tal-penta li joriġinaw fir-RPĊ, fl-USA, fit-Turkija, fir-Russja u fl-Ukrajna għandhomx jiġu vvalutati b'mod kumulattiv skond l-Artikolu 3(4) tar-Regolament bażiku. Ta' min ifakkar li l-importazzjonijiet mit-Turkija ma nstabx li saru bi prezzijiet li kienu soġġetti għal dumping u għalhekk fil-konfront ta' l-importazzjonijiet minn dak il-pajjiż il-proċediment għandu jkun mitmum.

(b)   Il-marġni tad-dumping u l-volum ta' l-importazzjonijiet

(86)

Il-marġnijiet medji tad-dumping li ġew stabbiliti għal kull wieħed mill-erba' pajjiż li jibqa', wara li ġiet eskluża t-Turkija, huma 'l fuq mil-limitu de minimis kif inhu ddefinit fl-Artikolu 9(3) tar-Regolament bażiku, u l-volum ta' l-importazzjonijiet minn kull pajjiż mhux negliġibbli fis-sens ta' l-Artikolu 5(7) tar-Regolament bażiku, bl-ishma rispettivi mis-suq tagħhom fl-IP jilħqu 1,8 % għar-RPĊ, 1,5 % għar-Russja, 3,7 % għall-Ukrajna u 1,9 % għall-USA.

(ċ)   Il-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni

(87)

Il-volumi ta' l-importazzjoni mir-RPĊ, mir-Russja u mill-Ukrajna żdiedu b'mod sinifikanti matul il-perjodu meqjus u t-tendenzi tal-prezzijiet huma simili, fejn b'mod ċar iwaqqgħu l-prezzijiet ta' l-industrija Komunitarja.

(88)

Kif issemma aktar 'il fuq, ġie stabbilit li l-prodott ikkonċernat li ġie importat mill-pajjiżi kkonċernati u l-prodott simili manifatturat u mibjugħ mill-industrija Komunitarja jaqsmu l-istess karatteristiċi tekniċi, fiżiċi u kimiċi bażiċi u l-istess użi aħħarija. Barra minn hekk, il-prodotti kollha jinbiegħu permezz ta' kanali tal-bejgħ simili lill-istess klijenti, b'hekk jikkompetu ma' xulxin.

(89)

Instab li l-importazzjonijiet mill-USA ma waqqgħux il-prezzijiet ta' l-industrija Komunitarja (ara l-premessa (141) t'aktar 'l isfel). Fil-fatt, l-imġiba fl-ipprezzar ta' l-importaturi ta' l-Istati Uniti deher li kienet kompletament differenti minn dik ta' l-esportatri fil-pajjiżi l-oħra kkonċernati. Tabilħaqq, l-USA rnexxielha żżid is-sehem mis-suq tagħha fis-suq Komunitarju bi prezzijiet ogħla minn dawk tat-tliet pajjiżi l-oħra. Dan jista' jiġi spjegat mill-fatt li produttur li jesporta ta' l-Istati Uniti kellu suċċess kbir f'segment tas-suq differenti, fejn jistgħu jinkisbu prezzijiet ogħla. F'dawn iċ-ċirkostanzi tqies li valutazzjoni kumulattiva ta' l-importazzjonijiet mill-USA ma' l-importazzjonijiet li kienu soġġetti għal dumping mir-RPĊ, mir-Russja u mill-Ukrajna ma kinitx xierqa fid-dawl tal-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoin bejn l-importazzjonijiet mill-USA u, min-naħa l-waħda, l-importazzjonijiet li kienu soġġetti għal dumping mit-tliet pajjiżi kkonċernati u, min-naħa l-oħra, il-prodott simili Komunitarju.

(90)

Fuq il-bażi ta' dak li ntqal aktar 'il fuq, kien konkluż li l-kundizzjonijiet li jiġġustifikaw l-akkumulazzjoni ta' l-importazzjonijiet tal-penta li joriġinaw fir-RPĊ, fir-Russja u fl-Ukrajna ġew sodisfatti.

(d)   Il-volum akkumulat u s-sehem mis-suq

(91)

Il-volumi ta' l-importazzjoni mir-RPĊ, mir-Russja u mill-Ukrajna, li ġejjin mill-Eurostat, żdiedu b'mod sinifikanti minn 1 235 tunnellata metrika fl-2002 għal 5 136 tunnellata metrika fl-IP. Is-sehem mis-suq ikkombinat tagħhom żdied kontinwament minn 1 % għal 7 % matul l-istess perjodu. Dan għandu jitqies fl-isfond ta' konsum li qed jonqos.

 

2002

2003

2004

IP

Il-volumi ta' l-importazzjoni (tunnellata metrika)

1 235

3 397

4 752

5 136

Indiċi

100

275

385

416

Is-sehem mis-suq

1 %

4 %

6 %

7 %

(e)   Il-prezzijiet ta' l-importazzjoni u t-tnaqqis tal-prezzijiet taħt il-prezz normali

(92)

L-informazzjoni dwar il-prezzijiet rigward l-importazzjonijiet totali mit-tliet pajjiżi kkonċernati kienet ġejja mill-Eurostat. It-tabella li ġejja turi l-iżvilupp tal-prezzijiet medji ta' l-importazzjoni mir-RPĊ, mir-Russja u mill-Ukrajna. Matul il-perjodu meqjus, dawn il-prezzijiet naqsu bi 13 %.

 

2002

2003

2004

IP

Il-prezzijiet ta' l-importazzjoni (EUR/tunnellata metrika)

1 131

1 032

1 030

988

Indiċi

100

91

91

87

(93)

Għad-determinazzjoni tat-tnaqqis tal-prezzijiet taħt il-prezz normali, il-Kummissjoni analizzat id-data li tirreferi għall-IP. Il-prezzijiet rilevanti tal-bejgħ ta' l-industrija Komunitarja kienu dawk lil klijenti indipendenti, aġġustati fejn kien meħtieġ għal livell ta' qabel il-prezz tas-suq, jiġifieri fejn ġew esklużi l-ispejjeż tal-ġarr tal-merkanzija fil-Komunità u wara t-tnaqqis ta' l-iskontijiet u tar-ribassi. Dawn il-prezzijiet kienu pparagunati mal-prezzijiet ta' l-importazzjonijiet mit-tliet pajjiżi kkonċernati. Rigward ir-Russja, meta jitqies li ma kien hemm l-ebda kooperazzjoni, il-prezz ta' l-esportazzjoni medju u mgħobbi (bil-komponenti ta' medja ta' fatturi) kien ġej mill-Eurostat. Rigward ir-RPĊ u l-Ukrajna, il-paragun sar mal-prezzijiet ta' l-esportazzjoni mitluba mill-produtturi li kkooperaw, nett ta' l-iskontijiet u aġġustat, fejn kien meħtieġ, għall-prezzijiet CIF fuq il-fruntiera Komunitarja b'aġġustament xieraq għall-ispejjeż ta' l-iżdoganar u għall-ispejjeż ta' wara l-importazzjoni. Il-prezzijiet tqies li kienu rappreżentattivi fiż-żewġ każi, peress li fl-Ukrajna hemm produttur wieħed biss tal-penta u rigward ir-RPĊ, l-esportazzjonijiet mill-produttur li kkoopera jirrappreżentaw madwar nofs il-penta esportat kollu mir-RPĊ lejn il-KE.

(94)

Dan il-paragun wera li matul l-IP, il-marġnijiet tat-tnaqqis tal-prezz taħt il-prezz normali medji u mgħobbija (bil-komponenti ta' medja ta' fatturi) kienu ta' 11,3 % għar-RPĊ, 6,2 % għall-Ukrajna u 11,9 % għar-Russja.

5.   Is-sitwazzjoni ta' l-industrija Komunitarja

(95)

Skond l-Artiklu 3(5) tar-Regolament bażiku, l-eżami ta' l-impatt ta' l-importazzjonijiet li kienu soġġetti għal dumping fuq l-industrija Komunitarja kien jinkludi analiżi tal-fatturi ekonomiċi u ta' l-indiċijiet kollha li kellhom influwenza fuq l-istat ta' l-industrija matul il-perjodu meqjus.

(a)   Il-produzzjoni, il-kapaċità tal-produzzjoni u l-użu tal-kapaċità

(96)

Bejn l-2002 u l-IP il-produzzjoni naqset bi 3 %. Iż-żjieda fl-2004 irriżultat miż-żjieda fil-kapaċità tal-produzzjoni ta' produttur wieħed. L-evoluzzjoni tal-volumi tal-produzzjoni kienet kif ġej:

 

2002

2003

2004

IP

Il-produzzjoni (tunnellata metrika)

111 665

103 913

115 204

108 309

Indiċi

100

93

103

97

(97)

Il-kapaċità tal-produzzjoni kienet stabbilita fuq il-bażi tal-kapaċità nominali ta' l-unitajiet ta' produzzjoni ta' l-industrija Komunitarja, fejn tqiesu l-interruzzjonijiet fil-produzzjoni. Il-kapaċità tal-produzzjoni żdiedet b'6 % matul il-perjodu meqjus. Iż-żjieda ġrat prinċipalment fl-2004 u kienet ir-riżultat ta' tneħħija b'suċċess ta' diffikultajiet ta' produttur wieħed min-naħa l-waħda u r-ri-organizzazzjoni tat-tieni impjant ta' produzzjoni ta' l-istess produttur fuq l-oħra.

(98)

Bħala riżultat tat-tnaqqis fil-volumi tal-produzzjoni u taż-żjieda ċkejkna fil-kapaċità, l-użu tal-kapaċità naqset minn 95 % fl-2002 għal 87 % fl-IP.

 

2002

2003

2004

IP

Il-kapaċità tal-produzzjoni (tunnellata metrika)

117 020

119 020

123 987

123 987

Indiċi

100

102

106

106

L-użu tal-kapaċità

95 %

87 %

93 %

87 %

(b)   Il-ħażniet

(99)

Il-ħażniet aktar minn irduppjaw matul il-perjodu meqjus, fejn jirriflettu id-diffikultà dejjem akbar ta' l-industrija Komunitarja biex tbiegħ il-prodotti tagħha fis-suq Komunitarju.

 

2002

2003

2004

IP

Il-ħażniet (tunnellata metrika)

3 178

6 598

6 910

7 122

Indiċi

100

208

217

224

(ċ)   Il-volum tal-bejgħ, l-ishma mis-suq u l-prezzijiet medji ta' l-unitajiet fil-Komunità

(100)

Il-bejgħ tal-penta mill-industrija Komunitarja lil klijenti indipendenti fis-suq Komunitarja naqas b'mod regolari minn 64 663 tunnellata metrika fl-2002 għal 54 543 tunnellata metrika fl-IP, jiġifieri b'16 %. It-tnaqqis fil-volumi tal-bejgħ għalhekk kien aktar f'daqqa mit-tnaqqis fil-konsum Komnitarju li, kif issemma aktar 'il fuq, naqas bi 12 % matul l-istess perjodu. B'hekk l-industrija batiet minn telf ta' sehem mis-suq li jammonta għal 3 punti perċentwali. Is-sehem mis-suq naqas minn 78 % fl-2002 għal 75 % fl-IP.

 

2002

2003

2004

IP

Il-volum tal-bejgħ fil-KE (tunnellata metrika)

64 663

61 308

58 681

54 543

Indiċi

100

95

91

84

Is-sehem mis-suq

78 %

76 %

73 %

75 %

(101)

Il-prezzijiet medji tal-bejgħ lil klijenti li mhumiex relatati fis-suq Komunitarju naqsu bi 11 % matul il-perjodu meqjus. Kien hemm żjieda ċkejkna fil-prezz bejn l-2002 u l-2003, imma wara l-prezzijiet reġgħu naqsu u laħqu l-aktar livell baxx irreġistrat matul l-IP, meta kienu jammontaw għal 1 040 EUR/tunnellata metrika.

(102)

It-tnaqqis fil-prezzijiet matul il-perjodu meqjus għandu jitqies fid-dawl ta' l-attentati ta' l-industrija Komunitarja biex tikkompeti ma' l-importazzjonijiet li kienu soġġetti għal dumping. Il-livelli kurrenti tal-prezzijiet madanakollu mhumiex sostenibbli peress li l-industrija Komunitarja qed tiġi mġiegħla tbiegħ bl-irħis biex tibqa' fis-suq.

 

2002

2003

2004

IP

Il-prezz medju u mgħobbi (bil-komponenti ta' medja ta' fatturi (EUR/tunnellat metrika)

1 163

1 203

1 151

1 040

Indiċi

100

103

99

89

(d)   Il-profittabbiltà u d-dħul u l-ħruġ tal-flus

(103)

Matul il-perjodu meqjus il-profitti ta' l-industrija Komunitarja naqsu f'daqqa minn 12,6 % fl-2002 għal -11,5 % fl-IP. Fl-2004 l-industrija Komunitarja xorta rnexxielha tagħmel profitt ċkejken imma s-sitwazzjoni nbidlet b'mod drammatiku fl-IP, meta l-industrija bdiet tagħmel it-telf. Ir-raġuni ewlenija għal dan l-iżvilupp huwa li ż-żjieda fil-prezzijiet tal-materja prima, b'mod partikolari l-metanol, li jammonta għal madwar 25 % ta' l-ispiża tal-produzzjoni ma setgħetx tiġi mgħoddija lill-klijenti aħħarija minħabba l-livelli baxxi tal-prezzijiet ta' l-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati.

 

2002

2003

2004

IP

Il-marġni ta' profitt ta' qabel it-taxxi

12,6  %

7,5  %

5,7  %

-11,5  %

(104)

Id-dħul u l-ħruġ tal-flus ukoll iddeterjora matul il-perjodu meqjus, skond it-tnaqqis fil-profitti u fl-IP sar negattiv. It-tnaqqis fil-livell assolut tad-dħul u l-ħruġ negattiv tal-flus fi tmiem il-perjodu huwa minħabba t-tnaqqis fil-volumi tal-produzzjoni u tal-bejgħ.

 

2002

2003

2004

IP

Id-dħul u l-ħruġ tal-flus (EUR)

16 189 720

9 427 189

4 441 120

-3 012 661

Indiċi

100

58

27

-19

(e)   L-investimenti, il-profitt fuq l-invstimenti u l-ħila li tiġbor kapital

(105)

L-investimenti wrew tendenza pożittiva matul il-perjodu meqjus. Madanakollu, l-investimenti ewlenija saru fl-2003 meta l-industrija Komunitarja kienet għadha tagħmel il-profitti. L-investimenti fl-IP kienu jikkonċernaw it-tneħħija tad-diffikultajiet ta' produttur wieħed u l-aġġornament tat-tagħmir tal-produzzjoni biex ikun hemm konformità mar-rekwiżiti ambjentali ta' produttur ieħor.

 

2002

2003

2004

IP

L-investimenti (EUR)

3 756 302

8 483 655

2 956 275

4 394 137

Indiċi

100

226

79

117

(106)

Il-profitt fuq l-investiment mill-produzzjoni u mill-bejgħ tal-prodott simili kien negattiv fl-IP u naqas b'mod sostanzjali matul il-perjodu meqjus, li jirrifletti t-tendenza negattiva fil-profitti li ssemmiet aktar 'il fuq.

 

2002

2003

2004

IP

Il-profitt fuq l-investiment

18,5  %

10,5  %

7,9  %

-13,5  %

Indiċi

100

57

43

-73

(107)

Ma kien hemm l-ebda indikazzjoni li l-industrija Komnitarja, li tikkonsisti minn kumpaniji kbar li huma anki involuti fil-produzzjoni ta' prodotti oħra, kellha xi problemi biex tiġbor kapital għall-attivitajiet tagħha u għalhekk kien konkluż li l-industrija Komunitarja kienet f'pożizzjoni li tiġbor kapital għall-attivitajiet tagħha matul il-perjodu meqjus kollu.

(f)   L-impjiegi, il-produttività u l-pagi

(108)

L-evoluzzjoni ta' l-impjiegi, tal-produttività u tal-pagi kienet kif ġej:

 

2002

2003

2004

IP

In-numru ta' impjegati

290

296

293

299

Indiċi

100

102

101

103

Il-produttività (tunnellata metrika/impjegat)

385

351

393

362

Indiċi

100

91

102

94

L-ispejjeż tax-xogħol għal kull impjegat (EUR)

43 379

44 469

46 899

44 921

Indiċi

100

103

108

104

(109)

Matul il-perjodu meqjus in-numru ta' impjegati żdied bi 3 %. Dan kien ir-riżultat tar-ri-organizzazzjoni ta' produttur Komunitarju wieħed, li rriżultat f'ri-allokazzjoni interna ta' l-istaff impjegat fuq il-penta, anki jekk in-numru totali tal-persuni impjegati mill-kumpanija baqa' stabbli. Minħabba ż-żjieda ċkejkna fin-numru ta' impjegati u l-volumi ta' produzzjoni li qed jonqsu, matul il-perjodu meqjus il-produttività wriet tendenza negattiva.

(110)

Matul il-perjodu meqjus, il-livelli medji tal-pagi għal kull impjegat żdiedu b'4 % li kien inqas miż-żjieda fl-inflazzjoni matul l-istess perjodu.

(g)   It-tkabbir

(111)

Filwaqt li matul il-perjodu meqjus il-konsum Komunitarju naqas bi 12 %, il-volum tal-bejgħ ta' l-industrija Komunitarja naqas b'16 % u, b'mod parallel, il-volumi ta' l-importazzjoni mir-RPĊ, mir-Russja u mill-Ukrajna żdiedu b'aktar minn 300 % u dawk mill-USA b'aktar 700 %. Dan wassal għat-telf tas-sehem mis-suq ta' l-industrija Komunitarja, filwaqt li l-importazzjonijiet ikkonċernati rnexxielhom iżidu tagħhom.

(h)   Id-daqs tal-marġni effettiv tad-dumping u l-irkupru mid-dumping ta' l-imgħoddi

(112)

Il-marġnijiet tad-dumping għar-RPĊ, għar-Russja, għall-Ukrajna u għall-USA ġew speċifikati aktar 'il fuq fit-taqsima tad-dumping. B'mod ċar, dawn il-marġnjiet huma 'l fuq minn de minimis. Barra minn hekk, meta jitiqesu l-volumi u l-prezzijiet ta' l-importazzjonijiet li kienu soġġetti għal dumping, l-impatt tal-marġni effettiv tad-dumping ma jistax jitqies li kien negliġibbli.

(113)

Il-Komunità mhix tirkupra mill-effetti tad-dumping jew tas-sussidjar ta' l-imgħoddi peress li qabel ma kienet saret l-ebda investigazzjoni.

6.   Konklużjoni dwar id-dannu

(114)

L-analiżi ta' l-indikaturi tad-dannu turi li s-sitwazzjoni ta' l-industrija Komunitarja ddeterjorat b'mod sinifikanti wara l-2002 u laħqet l-aktar punt baxx tagħha fl-IP, meta l-industrija għamlet telf ta' 11,5 %.

(115)

Fil-kuntest ta' konsum li matul il-perjodu meqjus kien qed jonqos, il-produzzjoni Komunitarja naqset bi 3 % u l-użu tal-kapaċità bi 8 % matul l-istess perjodu. Il-bejgħ fis-suq Komunitarju naqas b'16 % f'termini ta' volum u b'25 % f'termini ta' valur. Dan l-iżvilupp huwa wkoll rifless miż-żjieda fil-ħażniet li kważi rduppjaw fil-perjodu meqjus. Dan wassal għal tnaqqis fis-sehem mis-suq minn 78 % fl-2002 għal 75 % fl-IP. Il-prezzijiet medji ta' l-unitajiet naqsu bi 11 % matul il-perjodu meqjus, li ma rriflettiex iż-żjieda fl-ispejjeż tal-materja prima matul l-istess perjodu. Sabiex ma titlifx aktar sehem mis-suq u biex iżżomm il-produzzjoni għaddejja, l-industrija Komunitarja ma kellha l-ebda għażla oħra ħlief li ssegwi l-livelli tal-prezzijiet iffissati mill-importazzjonijiet li kienu soġġetti għal dumping. Dan irriżulta fi tnaqqis sinifikanti fil-profitti matul l-IP.

(116)

Il-parti l-kbira ta' l-indikaturi tad-dannu wkoll ikkonfermaw is-sitwazzjoni negattiva ta' l-industrija Komunitarja. Il-profitti fuq l-investimenti u d-dħul u l-ħruġ tal-flus kienu negattivi u l-produttività naqset. L-investimenti, madanakollu, urew tendenza pożittiva. Madanakollu, l-investimenti li saru fl-IP, li kienet is-sena tat-telf għall-industrija Komunitarja, kienu fil-fatt it-tneħħija tad-diffikultajiet u l-aġġornament tal-makkinarju biex jikkorrispondi għar-rekwiżiti ambjentali akar milli investmenti f'tagħmir tal-produzzjoni ġdid. Iż-żjieda ċkejkna fin-numru ta' impjegati rriżultat mir-ri-organizzazzjoni ta' produttur wieħed u ma kinitx tinvolvi r-reklutaġġ ta' staff ġdid minn dan il-produtur fi żminijiet meta s-sitwazzjoni ekonomika kienet qed tiddeterjora.

(117)

Fid-dawl ta' dak li ntqal aktar 'il fuq, jista'jiġi konkluż li l-industrija Komunitarja batiet dannu materjali fi ħdan it-tifsira ta' l-Artikolu 3(6) tar-Regolament bażiku.

E.   IL-KAWŻALITÀ

1.   Rimarka preliminari

(118)

Skond l-Artikoli 3(6) u 3(7) tar-Regolament bażiku, kien eżaminat jekk l-importazzjonijiet li kienu soġġetti għal dumping tal-prodott ikkonċernat li joriġinaw fil-pajjiżi kkonċernati ikkawżawx dannu lill-industrija Komunitarja sa tali punt li jista' jiġi kklassifikat bħala materjali. Fatturi magħrufa għajr l-importazzjonijiet li kienu soġġetti għal dumping, li fl-istess ħin setgħu kienu ta' dannu għall-industrija Komunitarja, kienu eżaminati wkoll sabiex ikun żgurat li d-dannu possibbli kkawżat minn dawn il-fatturi l-oħra ma jiġix attribwit lill-importazzjonijiet li kienu soġġetti għal dumping.

2.   L-effett ta' l-importazzjonijiet li kienu soġġetti għal dumping

(119)

Ta' min ifakkar li rigward it-Turkija, li matul l-IP is-sehem mis-suq tagħha kien jammonta għal 8,6 %, il-marġni tad-dumping stabbilit kien taħt il-limitu de minimis. Għalhekk, l-importazzjonijiet mit-Turkija ma tqiesux għall-analiżi ta' l-effett ta' l-importazzjonijiet li kienu soġġetti għal dumping fuq id-dannu li batiet l-industrija Komunitarja. Is-sehem mis-suq ikkombinat ta' l-erba' pajjiżi li baqa', fl-IP kien jammonta għal 9 %.

(120)

Il-volumi ta' l-importazzjoni mir-RPĊ, mir-Russja u mill-Ukrajna żdiedu b'mod sinfikanti matul il-perjodu meqjus, kemm f'termini assoluti kif ukoll f'termini ta' sehem mis-suq. Tabilħaqq, fl-2002 il-volumi kienu kważi negliġibbli, fejn kienu jammontaw għal biss 1 235 tunnellata metrika, filwaqt li, matul il-perjodu meqjus, żdiedu bi 316 % għal 5 136 tunnellata metrika fl-IP. Is-sehem mis-suq ikkombinat tagħhom matul l-istess perjodu żdied minn 1 % għal 7 %. Il-prezzijiet ta' l-importazzjoni medji u mgħobbija (bil-komponenti ta' medja ta' fatturi) naqsu bi 13 %, fejn irriżulta fi tnaqqis tal-prezz taħt il-prezz normali ċar matul l-IP. B'hekk iż-żjieda sostanzjali fil-volumi ta' l-importazzjoni mit-tliet pajjiżi kkonċernati u l-qligħ fis-sehem mis-suq tagħhom matul il-perjodu meqjus, bi prezzijiet li baqgħu ferm taħt dawk ta' l-industrija Komunitarja, ikkoinċidew mad-deterjorament evidenti tas-sitwazzjoni finanzjarja ġenerali ta' l-industrija Komunitarja matul l-istess perjodu.

(121)

L-industrija Komunitarja argumentat li anki b'sehem mis-suq baxx l-importazzjonijiet li kienu soġġetti għal dumping irnexxielhom jikkawżaw tfixkil kbir fis-suq, minħabba n-natura tal-kummerċ. Il-penta huwa komodità u l-aktar prezz baxx ikkwotat fis-suq sa ċertu punt jiddetermina l-prezz tas-suq, li produtturi oħra jkollhom jadattaw għalih, jekk jixtiequ jżommu l-ordnijiet tagħhom. Dan jintwera mit-tendenza li qed tonqos fil-prezzijiet tal-bejgħ ta' l-industrija Komunitarja matul il-perjodu meqjus, filwaqt li l-prezzijiet tal-materja prima prinċipali, il-metanol, żdiedu ferm. L-industrija Komunitarja ssostni li ma kinitx f'pożizzjoni li tgħaddi ż-żjieda fil-prezzijiet tal-materja prima lill-klijenti tagħha minħabba l-pressjoni qawwija fuq il-prezzijiet ta' l-importazzjonijiet li kienu soġġetti għal dumping. Dan wassal għal tnaqqis f'daqqa fil-profitti, fil-profitti fuq l-inestimenti u fid-dħul u l-ħruġ tal-flus.

(122)

Madanakollu, meta l-iżvilupp jitqies b'aktar dettall, jidher li d-deterjorament konsiderevoli tas-sitwazzjoni finanzjarja ta' l-industrija Komunitarja seħħ matul l-IP. Fis-snin qabel l-IP, l-importazzjonijiet mir-RPĊ, mir-Russja u mill-Ukrajna żdiedu b'mod massiv minn 1 235 tunnellata metrika fl-2002 għal 4 752 tunnellata metrika fl-2004, jiġifieri b'285 %, filwaqt li l-prezzijiet minn dawn il-pajjiżi naqsu b'9 % matul l-istess perjodu. Madanakollu, l-effett ta' din iż-żjieda f'daqqa fl-importazzjonijiet fuq is-sitwazzjoni ta' l-industrija Komunitarja ma kienx drammatiku, jiġifieri filwaqt li l-volumi tal-bejgħ naqsu b'9 % u l-prezzijiet b'1 %, il-livell tal-profitti li ntlaħaq fl-2004 baqa' f'livell raġonevolli (5,7 %). Fl-IP, it-tnaqqis fil-bejgħ ta' 7 % mill-industrija Komunitarja kien jikkoinċidi ma' żjieda oħra ta' 8 % fl-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati, li kienet żjieda relattivament ċkejkna meta pparagunata ma' dik li ntlaħqet matul is-sentejn ta' qabel. Madanakollu, kien biss fl-IP li l-industrija Komunitarja rat tnaqqis kbir ħafna fil-profitti tagħha meta naqsu bi -11,5 % u kien hemm deterjorament drammatiku fis-sitwazzjoni finanzjarja tagħha.

(123)

Fuq il-bażi tal-konsiderazzjonijiet li ssemmew aktar 'il fuq, jidher li meta jitqies il-perjodu meqjus kollu, hemm xi korelazzjoni bejn l-iżvilupp ta' l-importazzjonijiet li kienu soġġetti għal dumping u d-dannu li batiet l-industrija Komunitarja. Madanakollu, l-importazzjonijiet li kienu soġġetti għal dumping biss ma jidhirx li jispjegaw it-tnaqqis f'daqqa fil-profitti ta' l-industrija Komunitarja matul l-IP. Għalhekk, ma jistax jiġi konkluż li l-importazzjonijiet li kienu soġġetti għal dumping kien se jkollhom rwol determinanti fis-sitwazzjoni dannuża ta' l-industrija Komunitarja, li laħqet il-qofol tagħha fl-IP.

3.   L-effett ta' fatturi oħra

(a)   It-tnaqqis fil-konsum tal-KE

(124)

Il-konsum tal-penta fil-Komunità naqas bi 12 % matul il-perjodu meqjus. Din it-tendenza ta' tnaqqis jidher li kienet marbuta mad-domanda mnaqqsa għar-rażi alkidi fl-industrija taż-żebgħa, li hija responsabbli għal madwar 70 % ta' l-użu aħħari tal-penta fis-suq Komunitarju. Żjara lil utent industrijali tal-penta, li jipproduċi rażi alkidi għall-industrija taż-żebgħa, żvelat li d-domanda għall-alkidi hija mistennija li tonqos b'mod saħansitra aktar f'daqqa fil-ġejjieni minħabba l-bidliet li dalwaqt jaslu fil-leġiżlazzjoni ambjentali, li se timponi restrizzjonijiet fuq l-emissjonijiet tal-komposti organiċi volatili (“VOC”) miż-żebgħa li jintużaw kemm għal applikazzjonijiet arkitettoniċi kif ukoll għal applikazzjonijiet industrijali. Peress li r-rażi alkidi ma jinkludux daqstant VOC daqs it-teknoloġiji l-oħra, l-użu tagħhom fiż-żebgħa mistenni jonqos.

(125)

Il-bejgħ ta' l-industrija Komunitarja naqas b'16 % f'termini ta' volum u bi tliet punti perġentwali f'termini ta' sehem mis-suq, minn 78 % fl-2002 għal 75 % fl-IP. Il-volumi ta' l-importazzjoni mir-RPĊ, mir-Russja u mill-Ukrajna żdiedu bi 316 % matul il-perjodu meqjus li wasslu għal żjieda fis-sehem mis-suq tagħhom minn 1 % għal 7 %, biex b'hekk ħadu l-kontroll tas-sehem mis-suq li tilfet l-industrija Komunitarja. Għalhekk, it-tnaqqis fid-domanda għall-penta fil-Komunità bħala tali ma jispejgax id-deterjorament tas-sitwazzjoni ta' l-industrija Komunitarja matul il-perjodu meqjus.

(126)

Madanakollu, l-iżvilupp annwali tal-konsum juri li t-tnaqqis fil-konsum kien ferm aktar f'daqqa bejn l-2004 u l-IP, meta naqas b'9 %, meta pparagunat mas-snin ta' qabel. Tabilħaqq, il-konsum baqa' stabbli bejn l-2003 u l-2004 filwaqt li żdied bi 3 % bejn l-2002 u l-2003. Għalhekk, meta jitqies li t-tnaqqis fil-konsum ikkoinċida mal-perjodu meta l-industrija Komunitarja bdiet tagħmel it-telf, ma jistax jiġi eskluż li d-domanda mnaqqsa għall-penta fis-suq Komunitarju kellha impatt fuq is-sitwazzjoni dannuża ta' l-industrija Komunitarja.

(b)   L-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħra

(127)

L-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħra (l-akbar ħamsa) kienu kif ġej:

 

2002

2003

2004

IP

Iċ-Ċilì

 

 

 

 

Il-volum (tunnellata metrika)

1 600

536

1 032

1 384

Indiċi

100

34

65

87

Il-prezzijiet (EUR/tunnellata metrika)

1 141

1 245

1 128

981

Indiċi

100

109

99

86

L-Indja

 

 

 

 

Il-volum (tunnellata metrika)

0

119

390

551

Indiċi

0

100

328

141

Il-prezzijiet (EUR/tunnellata metrika)

0

1 167

1 085

1 253

Indiċi

0

100

87

84

It-Tajwan

 

 

 

 

Il-volum (tunnellata metrika)

343

657

1 840

863

Indiċi

100

192

536

252

Il-prezzijiet (EUR/tunnellata metrika)

1 071

1 060

1 003

1 004

Indiċi

100

99

94

94

It-Turkija

 

 

 

 

Il-volum (tunnellata metrika)

6 300

7 065

8 957

6 730

Indiċi

100

112

142

107

Il-prezzijiet (EUR/tunnellata metrika)

1 292

1 339

1 277

1 097

Indiċi

100

104

99

85

Il-Ġappun

 

 

 

 

Il-volum (tunnellata metrika)

0

20

58

65

Indiċi

0

100

290

112

Il-prezzijiet (EUR/tunnellata metrika)

0

3 905

3 334

2 731

Indiċi

0

100

85

82

(128)

Skond l-Eurostat u l-informazzjoni miġbura waqt l-investigazzjoni, il-pajjiżi terzi ewlenija minfejn jiġi importat il-penta huma ċ-Ċilì, l-Indja u t-Tajwan. Meta l-importazzjonijiet mit-Turkija jingħaddu ma' l-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħra, il-volum totali importat minn pajjiżi terzi oħra żdied bi 12 % minn 8 586 tunnellata metrika fl-2002 għal 9 636 tunnellata metrika fl-IP. Dan jikkorrispondi għal żjieda fis-sehem mis-suq ikkombinat tagħhom minn 10 % sa 13 %. Il-livelli tal-prezzijiet ta' l-importazzjonijiet mill-pajjiżi terzi baqgħu ferm 'il fuq minn dawk ta' l-industrija Komunitarja matul il-perjodu meqjus kollu. B'hekk, l-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħra, li jikkompetu ma' l-importazzjonjiet li kienu soġġetti għal dumping, irnexxielhom iżidu s-sehem mis-suq tagħhom bi tliet punti perċentwali, bi prezzijiet li kienu ogħla minn dawk ta' l-industrija Komunitarja.

(129)

Ta' min jinnota, madanakollu, li l-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħra segwew tendenza differenti meta pparagunata ma' dik ta' l-importazzjonijiet li kienu soġġetti għal dumping fis-sens li l-ogħla livell ta' l-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħra ġara fl-2004, filwaqt li fl-IP, li kienet is-sena tat-telf ta' l-industrija Komunitarja, l-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi reġgħu naqsu bi 22 % meta pparagunati mas-sena ta' qabel. Barra minn hekk, matul l-istess perjodu, il-prezzijiet medji tagħhom naqsu bi 11 % u s-sehem mis-suq tagħhom naqas b'żewġ punti perċentwali. Dan jidher li jindika li mill-2004, anki l-produtturi f'pajjiżi terzi oħra kienu affetwati minn prezzijiet baxxi tas-suq. Madanakollu, il-prezzijiet tagħhom baqgħu ogħla minn dawk ta' l-industrija Komunitarja matul l-IP.

(ċ)   Ir-rendiment ta' l-esportazzjoni ta' l-industrija Komunitarja

(130)

Kien eżaminat ukoll jekk l-esportazzjonijiet mill-industrija Komunitarja lil pajjiżi mhux tal-KE setgħetx ikkontribwiet għad-dannu li batiet l-industrija Komunitarja matul il-perjodu meqjus. L-esportazzjonijiet lil klijenti mhux relatati f'pajjiżi mhux tal-KE kienu jirrappreżentaw kważi nofs il-bejgħ ta' l-industrija Komunitarja tal-prodott simili matul il-perjodu meqjus. Bejn l-2002 u l-IP, il-volumi ta' l-esportazzjoni żdiedu bi 3 %, filwaqt li l-prezzijiet medji ta' l-esportazzjoni naqsu b'7 %.

 

2002

2003

2004

IP

Il-volum tal-bejgħ fi swieq mhux tal-KE (tunnellata metrika)

44 333

35 376

46 460

45 587

Indiċi

100

80

105

103

Il-prezzijiet medji tal-bejgħ fi swieq mhux tal-KE (EUR/tunnellata metrika)

1 034

1 090

1 001

958

Indiċi

100

105

97

93

(131)

Anki jekk il-bejgħ mill-esportazzjoni żdied bi ftit f'termini ta' volum, il-fatt li l-prezzijiet medji ta' l-esportazzjoni kien irħas mill-prezzijiet medji tal-bejgħ fis-suq Komunitarju matul il-perjodu meqjus kollu u barra minn hekk, irħas mill-ispiża tal-produzzjoni ta' unità żgur li kellu effett negattiv fuq is-sitwazzjoni finanzjarja ġenerali ta' l-industrija Komunitarja, anki jekk ma jaffetwax direttament il-profitti fis-suq Komunitarju. Għalhekk, ma jistax jiġi eskluż, li d-dannu li batiet l-industrija Komunitarja kien anki kkawżat b'mod indirett mill-iżvilupp negattiv fil-profitti fis-swieq ta' l-esportazzjoni, ladarba dan kien ikollu effett, pereżempju, fuq il-ħila ta' l-industrija Komunitarja li tagħmel investimenti ġodda jew li timpjega staff ġdid.

(d)   Produtturi Komunitarji oħra

(132)

Il-volumi tal-bejgħ tal-produttur Komunitarju li ma lmentax imma li pprovda data għall-perjodu kollu kkonċernat naqsu aktar f'daqqa minn dawk ta' l-industrija Komunitarja. Għalhekk jidher li dan il-produttur qiegħed f'sitwazzjoni simili bħal dik tal-produtturi Komunitarji li lmentaw. B'hekk jidher ċar li dan il-produttur ma kkontribwiex għad-dannu li batiet l-industrija Komunitarja.

(e)   Iż-żjieda fil-prezzijiet tal-materja prima

(133)

Il-prezzijiet tal-materja prima ewlenija, il-metanol, żdiedu b'mod konsiderevoli matul il-perjodu meqjus. Skond l-istatistiċi li ġew ippubblikati fuq is-sit web tal-Methanex, l-akbar produttur u bejjiegħ dinji tal-metanol, il-prezz tal-kuntratt Ewropew żdied minn 125 EUR/tunnellata metrika f'Jannar 2002 għal 235 EUR/tunnellata metrika f'Diċembru 2005. Dan ikkontribwixxa għaż-żjieda ta' 10 % fl-ispiża tal-produzzjoni ta' unità matul il-perjodu meqjus u b'konsegwenza għat-tnaqqis fil-profitti, minħabba li l-prezzijiet tal-bejgħ ta' unità naqsu bi 13 % matul l-istess perjodu.

(134)

Il-prezzijiet li għolew ferm tal-materja prima bħala tali ma jistgħu jitqiesu li kelhom effett dannuż fuq l-industrija Komunitarja. Anzi, l-iżvilupp negattiv fil-profitti kien minħabba l-fatt li l-produtturi Komunitarja ma setgħux jgħaddu dawn l-ispejjeż ogħla tal-materja prima lill-klijenti tagħhom billi jżidu l-prezzijiet tal-bejgħ tagħhom minħabba l-livell baxx tal-prezzijiet fis-suq Komunitarju. Madanakollu, filwaqt li matul il-perjodu meqjus il-prezzijiet tal-metanol żdiedu bi 88 %, iż-żjieda kienet biss ta' 2 % matul l-IP. Għalhekk, anki jekk il-prezz tas-suq tal-penta kien baxx fl-IP, l-iżvilupp tal-prezzijiet fl-istess ħin tal-materja prima ewlenija, il-metanol, ma jspjegax għaliex l-industrija Komunitarja bdiet tagħmel telf ta' dik il-kwalità fl-IP.

4.   Konklużjoni dwar il-kawżalità

(135)

Id-data disponibbli tissuġġerixxi li anki b'sehem mis-suq baxx, l-importazzjonijiet li kienu soġġetti għal dumping mir-RPĊ, mir-Russja u mill-Ukrajna eżerċitaw pressjoni mil-lat ta' prezzijiet fuq il-prezzijiet ta' l-industrija Komunitarja. Madanakollu, analiżi aktar dettaljata ma tagħtix lok biex tkun stabbilita rabta kawżali materjali bejn id-deterjorament tas-sitwazzjoni finanzjarja ta' l-industrija Komunitarja u l-iżvilupp ta' l-importazzjonjiet li kienu soġġetti għal dumping.

(136)

It-tnaqqis sinifikanti fil-profitti ta' l-industrija Komunitarja u s-sitwazzjoni finanzjarja ġenerali tagħha seħħew bejn l-2004 u l-IP, meta l-volumi ta' l-importazzjonijiet li kienu soġġetti għal dumping żdiedu bi 8 % biss meta pparagunati ma' żjieda ta' 285 % matul it-tliet snin ta' qabel, meta l-industrija Komunitarja kieent għadha qed tagħmel il-profitti. Barra minn hekk, it-tnaqqis fid-domanda għall-penta fis-suq Komunitarju kkoinċida mad-deterjormanet tas-sitwazzjoni finanzjarja ta' l-industrija Komunitarja. Jidher ukoll li ż-żjieda fil-prezzijiet tal-materja prima ewlenija, il-metanol, kienet ferm inqas immarkata fl-IP meta pparagunta mas-snin ta' qabel u għalhekk ma tispjegax it-tnaqqis f'daqqa u drammatiku fil-profitti fl-IP.

(137)

Il-fatt li l-industrija Komunitarja tesporta kważi nofs il-produzzjoni tagħha bi prezzijiet taħt il-prezz tal-produzzjoni, għandu jitqies bħala fattur li kkontribwixxa aktar għas-sitwazzjoni negattiva ġenerali ta' l-industrija Komunitarja, anki jekk ma jaffetwax direttament il-profitti tas-suq Komunitarju.

(138)

Għalhekk ma jistax jiġi konkluż li l-importazzjonijiet li kienu soġġetti għal dumping, jekk jitqiesu waħidhom, ikkawżaw dannu materjali. Tabilħaqq, l-eżami ta' fatturi oħra, skond l-Artikolu 3(7) tar-Regolament bażiku, żvela li d-dannu jista' jkun attribwit ukoll għat-tnaqqis fil-konsum, għar-rendiment ta' l-esportazzjoni ta' l-industrija Komunitarja kif ukoll għall-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħra.

5.   L-importazzjonijiet mill-USA

(139)

Il-volumi ta' l-importazzjoni mill-USA żdiedu minn 169 tunnellata metrika fl-2002 għal 1 355 tunnellata metrika fl-IP. Matul l-istess perjodu, dan wassal għal żjieda fis-sehem mis-suq minn 0,2 % għal 1,9 %.

(140)

Matul il-perjodu meqjus, il-prezzijiet medji ta' l-importazzjoni mill-USA naqsu imma kienu ogħla minn dawk mitluba mill-produtturi fir-RPĊ, fir-Russja u fl-Ukrajna:

 

2002

2003

2004

IP

Il-prezzijiet ta' l-importazzjoni (EUR/tunnellata metrika)

1 935

2 212

1 251

1 244

Indiċi

100

114

65

64

(141)

It-tnaqqis tal-prezzijiet taħt il-prezz normali kien iddeterminat kif ġie deskritt fil-premessa (93) t'aktar 'il fuq. Il-marġni tat-tnaqqis tal-prezzijiet taħt il-prezz normali medju u mgħobbi (bil-komponenti ta' medja ta' fatturi) għall-USA kien ta' -19,5 % fl-IP, jiġifieri l-prezz medju ta' l-importazzjoni kien ferm ogħla mill-prezz mitlub mill-industrija Komunitarja fis-suq Komunitarju. Kif se jiġi spjegat aktar 'l isfel, ma kien hemm l-ebda dipressjoni fil-prezzijiet minħabba l-importazzjonijiet mill-Istati Uniti.

(142)

B'mod parallel għat-tkabbir fl-importazzjonijiet mill-USA, matul il-perjodu meqjus, l-industrija Komunitarja rat, inter alia, tnaqqis fil-bejgħ, fis-sehem mis-suq u fil-prezzijiet tagħha li wassal għall-konklużjoni kif ġiet stabbilita fil-premessa (117) t'aktar 'il fuq li l-industrija Komunitarja batiet minn dannu materjali. Madanakollu, ta' min jinnota li l-prezzijiet ta' l-importazzjonijiet mill-USA ma waqqgħux dawk ta' l-industrija Komunitarja imma, filfatt, inbiegħu bi prezzijiet ferm ogħla minn dawk ta' l-indsutrija Komunitarja. Barra minn hekk, sar paragun addizzjonali bejn il-prezzijiet ta' l-importazzjoni mill-USA u l-prezz mhux dannuż tal-prodott simili mibjugħ mill-industrija Komunitarja fis-suq Komunitarju. Il-prezz mhux dannuż inkiseb billi ġie aġġustat il-prezz tal-bejgħ ta' l-industrija Komunitarja sabiex ikun jirrifletti marġni ta' profitt li kien mistenni li l-industrija Komuniarja tkun tista' tikseb fin-nuqqas ta' dumping dannuż. Dan il-paragun wera li l-livell ta' bejgħ taħt il-prezz kien de minimis. Fuq din il-bażi, qed jiġi konkluż li dawn l-importazzjonijiet ma kkontribwewx għad-dannu li batiet l-industrija Komunitarja.

F.   IT-TMIEM TAL-PROĊEDIMENT

(143)

Fin-nuqqas ta' rabta kawżali sinfikanti bejn l-importazzjonijiet li kienu soġġetti għal dumping u d-dannu li batiet l-industrija Komunitarja, il-proċediment anti-dumping preżenti għandu jiġi mitmum skond l-Artikoli 9(2) u 9(3) tar-Regolament bażiku.

(144)

Min għamel l-ilment u l-partijiet interessati l-oħra kollha kienu informati bil-fatti u bil-konsiderazzjoni essenzjali li fuq il-bażi tagħhom il-Kummissjoni biħsiebha ttemm dan il-proċediment. Wara, dawk li għamlu l-ilment ressqu l-fehmiet tagħhom, li, madanakollu, ma kinux ta'natura li jbiddlu l-konklużjonijiet t'aktar 'il fuq.

IDDEĊIDIET KIF ĠEJ:

Artikolu 1

B'dan qed jiġi mitmum il-proċediment anti-dumping li jikkonċerna l-importazzjonijiet tal-pentaerythritol, li jaqa' fi ħdan il-kodiċi NM 2905 42 00 , li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, fir-Russja, fit-Turkija, fl-Ukrajna u fl-USA.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara l-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, 3 ta' April 2007.

Għall-Kummissjoni

Peter MANDELSON

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 56, 6.3.1996, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 2117/2005 (ĠU L 340, 23.12.2005, p. 17).

(2)   ĠU C 11, 17.1.2006, p. 4.