24.8.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

418


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tas-27 ta' Marzu 2007

li temenda d-Deċiżjoni 2002/757/KE dwar miżuri fitosanitarji proviżorji ta' emerġenza sabiex ma jitħalliex id-dħul u l-firxa fil-Komunità tal-Phytophthora ramorum Werres, De Cock & Man in 't Veld sp. nov.

(notifikat bid-dokument numru C(2007) 1292)

(2007/201/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE tat-8 ta' Mejju 2000 dwar miżuri ta' ħarsien kontra l-introduzzjoni fil-Komunità ta' organiżmi li jagħmlu ħsara lill-pjanti jew lill-prodotti tal-pjanti, kif ukoll kontra t-tixrid tagħhom fil-Komunità (1), u b'mod partikolari fir-raba' sentenza ta' l-Artikolu 16(3) tagħha,

Billi:

(1)

Bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2002/757/KE (2) l-Istati Membri kienu proviżorjament meħtieġa sabiex jieħdu miżuri fitosanitarji proviżorji ta' emerġenza sabiex ma jitħalliex id-dħul u l-firxa fil-Komunità tal-Phytophthora ramorum Werres, De Cock & Man in 't Veld sp. nov. (minn hawn 'il quddiem msejjaħ: “l-organiżmu ta' ħsara”).

(2)

Fuq il-bażi ta' tagħrif xjentifiku riċenti dwar il-ħsara possibbli kkaġunata mill-organiżmu ta' ħsara, jidher li l-lista ta' pjanti, injam u l-qxur tas-siġar suxxetibbli għall-organiżmu ta' ħsara għandha tiġi estiża u aġġornata.

(3)

Sabiex tiġi evitata interpretazzjoni ħażina, għandu jiġi stipulat b'mod ċar li l-passaporti tal-pjanti huma meħtieġa għal kull moviment ta' speċi speċifiċi ta' pjanti suxxetibbli fi ħdan il-Komunità.

(4)

Bħala riżultat ta' l-istħarriġiet uffiċjali mwettqa skond id-Deċiżjoni 2002/757/KE, jidher li mill-inqas żewġ spezzjonijiet uffiċjali ta' speċi speċifiċi ta' pjanti suxxetibbli fil-postijiet ta' produzzjoni jinħtieġu kull sena tul il-perjodu ta' tkabbir sabiex jiġi kkonfermat in-nuqqas ta' l-organiżmu ta' ħsara. Sabiex jingħata żmien biżżejjed għall-aġġustamnet minħabba din il-ħtieġa, dan għandu japplika mill-1 ta' Mejju 2007.

(5)

Minn esperjenza ta' segwitu ma' l-implimentazzjoni tal-miżuri ta' qerda fis-siti tat-tifqigħat, jidher li l-miżuri għandhom ikopru mhux biss il-pjanti, iżda wkoll il-materjali tat-tkabbir u l-frak tal-pjanti assoċjati. Dawn il-miżuri għandhom jinkludu wkoll miżuri fitosanitarji fuq iż-żona tat-tkabbir madwar tali siti.

(6)

Jidher ukoll meħtieġ li l-istħarriġiet imwettqa mill-Istati Membri rigward l-evidenza ta' infestazzjoni mill-organiżmu ta' ħsara jissoktaw u li jiġu ppubblikati r-riżultati ta' dawn fuq bażi annwali.

(7)

Hu xieraq li r-riżultati ta' dawn il-miżuri jiġu kontinwament ivvalutati wara l-istaġjun ta' tkabbir li jmiss, u għandhom jiġu kkunsidrati miżuri sussegwenti possibli fid-dawl tar-riżultati ta' dik il-valutazzjoni. Il-miżuri sussegwenti għandhom ukoll iqisu t-tagħrif li jrid jiġi pprovdut u l-opinjonijiet xentifiċi li jridu jiġu mibgħuta mill-Istati Membri.

(8)

Id-Deċiżjoni 2002/757/KE għandha għalhekk tiġi emendata skond dan.

(9)

Il-miżuri stipulati f4din id-Deċiżjoni huma konformi ma' l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar is-Saħħa tal-Pjanti,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni 2002/757/KE hija emendata kif ġej:

1.

Fl-Artikolu 1, il-paragrafi 2, 3 u 4 huma ssostitwiti b'dan li ġej:

“2.   ‘pjanti suxxetibbli’, għajr il-frott u ż-żerriegħa ta' l-Acer macrophyllum Pursh, Acer pseudoplatanus L., Adiantum aleuticum (Rupr.) Paris, Adiantum jordanii C. Muell., Aesculus californica (Spach) Nutt., Aesculus hippocastanum L., Arbutus menziesii Pursch., Arbutus unedo L., Arctostaphylos spp. Adans, Calluna vulgaris (L.) Hull, Camellia spp. L., Castanea sativa Mill., Fagus sylvatica L., Frangula californica (Eschsch.) Gray, Frangula purshiana (DC.) Cooper, Fraxinus excelsior L., Griselinia littoralis (Raoul), Hamamelis virginiana L., Heteromeles arbutifolia (Lindley) M. Roemer, Kalmia latifolia L., Laurus nobilis L., Leucothoe spp. D. Don, Lithocarpus densiflorus (Hook. & Arn.) Rehd., Lonicera hispidula (Lindl.) Dougl. ex Torr.&Gray, Magnolia spp. L., Michelia doltsopa Buch.-Ham. ex DC, Nothofagus obliqua (Mirbel) Blume, Osmanthus heterophyllus (G. Don) P. S. Green, Parrotia persica (DC) C.A. Meyer, Photinia x fraseri Dress, Pieris spp. D. Don, Pseudotsuga menziesii (Mirbel) Franco, Quercus spp. L., Rhododendron spp. L., għajr ir-Rhododendron simsii Planch., Rosa gymnocarpa Nutt., Salix caprea L., Sequoia sempervirens (Lamb. ex D. Don) Endl., Syringa vulgaris L., Taxus spp. L., Trientalis latifolia (Hook), Umbellularia californica (Hook.& Arn.) Nutt., Vaccinium ovatum Pursh u Viburnum spp. L.

3.   ‘injam suxxetibbli’ ifisser injam ta' l-Acer macrophyllum Pursh, Aesculus californica (Spach) Nutt., Lithocarpus densiflorus (Hook. & Arn.) Rehd., Quercus spp. L. u Taxus brevifolia Nutt.

4.   ‘qxur tas-siġar suxxetibbli’ ifisser qxur tas-siġar iżolati l-Acer macrophyllum Pursh, Aesculus californica (Spach) Nutt., Lithocarpus densiflorus (Hook. & Arn.) Rehd., Quercus spp. L. u Taxus brevifolia Nutt.”

2.

Fl-Artikolu 5, “mill-post ta' produzzjoni” tinbidel b' “fi ħdan il-Komunità”.

3.

Fl-Artikolu 6, il-paragrafu 2 huwa mibdul b'dan li ġej:

“2.   Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2000/29/KE, ir-riżultati ta' dan l-istħarriġ stipulat fl-ewwel paragrafu għandhom jiġu avvżati lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra kull sena sa l-1 ta' Diċembru.”

4.

Fl-Artikolu 8, “il-31 ta' Diċembru 2004” jinbidel f' “il-31 ta' Jannar 2008”.

5.

L-Anness huwa emendat skond l-Anness ta' din id-Direttiva.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, 27 ta' Marzu 2007.

Għall-Kummissjoni

Markos KYPRIANOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 169, 10.7.2000, p. 1. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/35/KE (ĠU L 88, 25.3.2006, p. 9).

(2)  ĠU L 252, 20.9.2002, p. 37. Id-Deċiżjoni kif emendata l-aħħar bid-Deċiżjoni 2004/426/KE (ĠU L 154, 30.4.2004. p. 1, verżjoni kkoreġuta fil-ĠU L 189, 27.5.2004, p. 1).


ANNESS

Il-Punt 3 ta' l-Anness għad-Deċiżjoni 2002/757/KE huwa emendat kif ġej:

1.

Fl-ewwel sentenza, “iċċaqlaq mill-post ta' produzzjoni” hu sosstitwit fi “iċċaqlaq fi ħdan il-Komunità”.

2.

Fil-punt (b), is-sentenza li ġejja tiddaħħal qabel “jew”:

“u, mill-1 ta' Mejju 2007 'l quddiem, imwettqa mill-inqas darbtejn tul l-istaġjun ta' tkabbir f'ħinijiet xierqa meta l-pjanti qegħdin fi tkabbir attiv; l-intensità ta' dawn l-ispezzjonijiet se jqisu s-sistema ta' produzzjoni partikolari tal-pjanti”.

3.

Il-punt (c) huwa ssostitwit b'dan li ġej:

“(ċ)

f'każijiet fejn sinjali ta' organiżmu ta' ħsara nstabu fuq il-pjanti fil-post ta' produzzjoni, ġew implimentati proċeduri xierqa bit-tir li jeqirdu l-organiżmu ta' ħsara, li jikkonsisti mill-inqas f'dan li ġej:

(i)

Qerda tal-pjanti infettati u l-pjanti kollha suxxetibbli fi ħdan raġġ ta' 2 m mill-pjanti infettati, li jinkludu l-materjal ta' tkabbir u l-frak tal-pjanti assoċjati,

(ii)

għall-pjanti kollha suxxettibbli f'raġġ ta' 10 m mill-pjanti infettati, u kull pjanta li tibqa’ mil-lott affettwat:

il-pjanti ġew miżmuma fuq il-post tal-produzzjoni,

twettqu spezzjonijiet uffiċjali supplimentari mill-inqas darbtejn fit-tliet xhur wara li jkunu ġew meħuda l-miżuri ta' qerda meta l-pjanti jkunu għadhom fi tkabbir attiv, u

filwaqt li matul dan il-perjodu taż-żmien ta' tliet xhur ma jkun twettaq l-ebda trattament li jista' joħnoq is-sintomi ta' l-organiżmu ta' ħsara,

il-pjanti nstabu ħielsa mill-organiżmu ta' ħsara f'dawn l-ispezzjonijiet uffiċjali,

(iii)

għall-pjanti l-oħra kollha suxxettibbli fil-post tal-produzzjoni, il-pjanti għaddew minn spezzjoni uffiċjali intensiva mill-ġdid wara s-sejba u nstabu ħielsa mill-organiżmu ta' ħsara f'dawn l-ispezzjonijiet,

(iv)

ittieħdu miżuri fitosanitarji xierqa fuq iż-żona tat-tkabbir fi ħdan raġġ ta' 2 m mill-pjanti infettati.”