|
24.8.2007 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
382 |
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI
tat-23 ta' Marzu 2007
fir-rigward tal-pubblikazzjoni tar-referenza ta' l-istandard EN 71-1:2005 “Is-Sikurezza tal-Ġugarelli – Parti 1: karatteristiċi mekkaniċi u fiżiċi” fir-rigward tar-rekwiżiti tekniċi dwar ġugarelli emisferiċi skond id-Direttiva tal-Kunsill 88/378/KEE dwar is-sikurezza tal-ġugarelli
(notifikat bid-dokument numru C(2007) 1256)
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
(2007/184/KE)
IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,
Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 88/378/KEE tat-3 ta' Mejju 1988 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri fir-rigward tas-sikurezza tal-ġugarelli (1), u b'mod partikolari t-tieni sottoparagrafu ta' l-Artikolu 6(1) tagħha,
Wara li kkunsidrat l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti stabbilit bl-Artikolu 5 tad-Direttiva 98/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ġunju 1998 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta' tagħrif fil-qasam ta' l-istandards u r-regolamenti tekniċi u dwar is-Servizzi tas-Soċjetà ta' l-Informazzjoni (2), kif emendata bid-Direttiva 98/48/KE (Kumitat dwar l-istandards u r-regolamenti tekniċi),
Billi:
|
(1) |
L-Artikolu 2 tad-Direttiva 88/378/KEE jipprovdi li ġugarelli jistgħu jitqiegħdu fis-suq biss jekk ma jheddux is-sikurezza u/jew is-saħħa ta' min jużahom jew ta' partijiet terzi meta dawn jintużaw kif maħsub jew b'mod li jista' jiġi previst, filwaqt li titqies l-imġiba normali tat-tfal. |
|
(2) |
Skond l-Artikolu 5(1) tat-tieni sottoparagrafu tad-Direttiva 88/378/KEE, il-ġugarelli huma assumati li jikkonformaw mar-rekwiżiti ta' sikurezza meħtieġa msemmija fl-Artikolu 3 tad-Direttiva jekk ikunu konformi ma' l-istandards nazzjonali applikabbli għalihom li jittrasponu l-istandards armonizzati, li n-numri tar-referenza tagħhom ġew ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej. |
|
(3) |
Skond l-Artikolu 5(1) it-tieni sottoparagrafu tad-Direttiva 88/378/KEE, Stati Membri huma meħtieġa li jippubblikaw in-numri ta' referenza ta' l-istandards nazzjonali li jittrasponu l-istandards armonizzati, li n-numri ta' referenza tagħhom ġew ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej. |
|
(4) |
Il-Kumitat Ewropew għall-Istandarizzazzjoni (CEN), taħt mandat mill-Kummissjoni, fassal u adotta l-istandard armonizzat EN 71-1:1998 “Is-Sikurezza tal-ġugarelli – Parti 1: karatteristiċi mekkaniċi u fiżiċi” fil-15 ta' Lulju 1998, li n-numri ta' referenza tagħhom ġew ippubblikati għall-ewwel darba fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej tat-28 ta' Lulju 1999 (3). |
|
(5) |
Fis-16 ta' Settembru 2004, il-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni adotta emenda 10 għall-istandard armonizzat EN 71-1:1998 “Is-Sikurezza tal-ġugarelli – Parti 1: karatteristiċi mekkaniċi u fiżiċi”. In-numri ta' referenza ta' din l-emenda ġew ippubblikati għall-ewwel darba fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea tat-2 ta' Awwissu 2005 (4). |
|
(6) |
Fid-19 ta' Settembru 2005, il-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni adotta l-istandard EN 71-1:2005 “Is-Sikurezza tal-ġugarelli – Parti 1: karatteristiċi mekkaniċi u fiżiċi” li huwa verżjoni kkonsolidata ta' l-istandard armonizzat EN 71-1:1998 u l-ħdax-il emenda tiegħu. L-emenda 10 hija inkorporata fl-istandard EN 71-1:2005. |
|
(7) |
L-emenda 10 għandha l-għan li tindirizza r-riskji ta' tagħliq permezz ta' ġugarelli li għandhom l-għamla ta' kikkra, skutella jew nofs bajda b'fetħa kważi tonda, ovali jew ellittika li tfal żgħar jistgħu jpoġġu quddiem wiċċhom meta jkunu qed jilgħabu u b'hekk ma jħallux l-arja tgħaddi. L-emenda teskludi mill-ambitu tagħha ġugarelli maħsuba għax-xorb, bħal kikkri parti minn settijiet tat-te. |
|
(8) |
Skond l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 88/378/KEE, l-awtoritajiet Franċiżi qajjmu oġġezzjoni formali rigward ir-rekwiżiti dwar ġugarelli emisferiċi, b'mod partikolari, l-esklużjoni ta' ġugarelli maħsuba għax-xorb stipulati fl-istandard EN 71-1:2005. |
|
(9) |
L-awtoritajiet Franċiżi jisħqu li l-għan tar-rekwiżiti tekniċi stipulati fl-istandard armonizzat dwar ġugarelli emisferiċi huwa li jindirizzaw ir-riskji ta' tagħliq li jistgħu jinħolqu minn ċerti għamliet ta' ġugarelli li jistgħu jitpoġġew quddiem l-imnieħer u l-ħalq ta' tifel/tifla u ma jħallux l-arja tgħaddi. Fost dwan il-prodotti hemm ġugarelli maħsuba għax-xorb. Dawn huma ġugarelli li wisq probabbli t-tfal se jpoġġu ma' ħalqhom meta jkunu qed jilgħabu sabiex jagħmulha ta' bir-ruħhom li qed jixorbu. Minħabba dan, l-awtoritajiet Franċiżi jisħqu li ġugarelli maħsuba għax-xorb għandhom jiġu koperti mir-rekwiżiti dwar ġugarelli emisferiċi ta' l-istandard armonizzat EN 71-1:2005. |
|
(10) |
Skond l-Organizzazzjoni Ewropea għall-Istandardizzazzjoni (CEN) l-istandardizzazzjoni dwar ġugarelli emisferiċi hija ġustifikata bl-inċidenti li kellhom tfal li kienu qed jilgħabu bit-tali ġugarelli f'ristoranti self-service. Ix-xogħol kien imsejjes fuq investigazzjoni komprensiva mwettqa sabiex jinstab id-daqs kritiku u l-għamliet ta' oġġetti li għandhom jiġu indirizzati bl-istandardizzazzjoni li għandha x'taqsam mat-tfal sabiex dawn jiġu mħarsa. Fir-rigward ta' oġġetti maħsuba għax-xorb, pereżempju kikkri tas-sett tat-te, CEN ikkonkludiet li ma ġew irreġistrati l-ebda inċidenti b'dawn il-ġugarelli jew b'kikkri tax-xorb ta' vera. Fuq il-bażi ta' dawn l-investigazzjonijiet, is-CEN iddeċidiet li ma hemm l-ebda bażi sabiex jiġi estiż ix-xogħol ta' standardizzazzjoni għal dan it-tip partikolari ta' ġugarelli. |
|
(11) |
Fuq talba tal-Kummissjoni, l-esperti ta' l-Istati Membri dwar is-sikurezza tal-ġugarelli infurmaw lill-Kummissjoni b'inċidenti kkawżati minn ġugarelli simili. L-inċidenti ssemmew f'rapport ippubblikat fil-magazin “Pediatrics”, vol. 111, nru 1, Jannar 2003. Skond dan ir-rapport ġew identifikati 17-il inċident. Fil-każijiet kollha investigati, it-tfal instabu bl-oġġett pjuttost sod imwaħħal strett ma' wiċċhom. Mis-17-il inċident involuti, 13 kellhom x'jaqsmu ma' ġugarelli. F'dawn l-inċidenti kienu involuti tfal ta' bejn l-4 u is-36 xahar. |
|
(12) |
B'żieda ma' dan, il-Kummissjoni ġiet infurmata wkoll b'inċident mhux fatali fl-Istati Uniti ta' l-Amerika, irreġistrat fil-Kummissjoni ta' l-Istati Uniti dwar is-Sikurezza ta' Prodotti għall-Konsumatur fis-27 ta' Ottubru 2000. Tifla/Tifel ta' sentejn u nofs instab b'kikkra tal-logħol magħmula minn plastik iebes imwaħħla ma' ħalqu/ħalqha u mnieħru/mnieħerha. Dan il-ġugarell kien parti minn sett tat-te tal-logħob. |
|
(13) |
Fuq il-bażi tat-tagħrif mogħti mill-awtoritajiet Franċiżi, mill-awtoritajiet nazzjonali oħrajn u mill-Kumitat dwar l-istandards u r-regolamenti tekniċi, jeżistu provi biżżejjed li ġugarelli maħsuba għax-xorb jistgħu jkunu ta' riskju ta' tagħliq. Filwaqt li jqisu li dawn il-ġugarelli huma esklużi mill-ambitu ta l-istandard msemmi hawn fuq, skond l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 88/378/KEE, l-Istati Membri għandhom jassumu li l-ġugarelli msemmija hawn fuq jissodisfaw ir-rekwiżiti ta' sikurezza meħtieġa biss jekk dawn għandhom ċertifikat ta' eżaminazzjoni tat-tip KE maħruġ minn korp notifikat. |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Ġugarelli li għandhom l-għamla ta' kikkra, skutella jew nofs bajda b'fetħa kważi tonda, ovali jew ellittika maħsuba għax-xord huma esklużi mill-ambitu ta' l-istandard EN 71-1:2005. Madankollu, dawn jistgħu jkunu ta' l-istess riskju ta' tagħliq daqs ġugarelli koperti mill-istandard. Għalhekk, il-Kommissjoni se tinkariga lill-Organizzazzjoni Ewropea għall-Istandardizzazzjoni kkonċernata sabiex tirrevedi l-istandard fil-kwistjoni.
Artikolu 2
Il-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea tar-referenza ta' l-istandard EN 71-1:2005 “Is-Sikurezza tal-ġugarelli – Parti 1: karatteristiċi mekkaniċi u fiżiċi” għandha tkun akkumpanjata mill-avviż addizzjonali li ġej:
“Ġugarelli li għandhom l-għamla ta' kikkra, skutella jew nofs bajda b'fetħa kważi tonda, ovali jew ellittika maħsuba għax-xorb, bħalma huma settijiet tat-te tal-logħob, jistgħu jkunu ta' riskju għas-saħħa tat-tfal. Dawn il-ġugarelli ma humiex koperti mill-istandard, għalhekk, dawn il-prodott irid ikollhom ċertifikat ta' l-eżaminazzjoni tat-tip KE u l-konformità mal-mudell approvat irid ikun ġie ċċertifikat mit-twaħħil tal-marka KE”.
Artikolu 3
Avviż identiku għal dak stipulat fl-Artikolu 2 ta' din id-Deċiżjoni għandu jakkompanja r-referenza għal standard nazzjonali li jittrasponi l-istandard EN 71-1:2005 “Is-Sikurezza tal-ġugarelli – Parti 1: karatteristiċi mekkaniċi u fiżiċi”, li għandu jiġu ppubblikat mill-Istati Membri skond l-Artikolu 5(1) it-tieni sottoparagrafu tad-Direttiva 88/378/KEE.
Artikolu 4
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Brussell, 23 ta' Marzu 2007.
Għall-Kummissjoni
Günter VERHEUGEN
Viċi President
(1) ĠU L 187, 16.7.1988, p. 1. Direttiva kif emendata bid-Direttiva 93/68/KEE (ĠU L 220, 30.8.1993, p. 1).
(2) ĠU L 204, 21.7.1998, p. 37. Direttiva kif emendata l-aħħar bl-Att ta' Adeżjoni ta' l-2003.