24.8.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

349


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tas-16 ta' Marzu 2007

li tistipula r-rekwiżiti tan-netwerk għas-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen II (l-1 pilastru)

(notifikat bid-dokument numru C(2006) 845)

(Huwa awtentiku biss it-test bil-Bulgaru, iċ-Ċek, l-Olandiż, il-Ġermaniż, l-Estonjan, il-Finlandiż, il-Grieg, il-Franċiż, l-Ungeriż, it-Taljan, il-Latvjan, il-Litwan, il-Malti, il-Pollakk, il-Portugiż, ir-Rumen, is-Slovakk, is-Sloven, l-Ispanjol u l-Iżvediż)

(2007/170/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill Nru 2424/2001 tas-6 ta' Diċembru 2001 dwar l-iżvilupp tat-tieni ġenerazzjoni tas-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen (SIS II) (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 4(a) tiegħu,

Billi:

(1)

Sabiex tiġi żviluppata s-SIS II jinħtieġ li jiġu stabbiliti speċifikazzjonijiet tekniċi dwar in-netwerk ta' komunikazzjoni, il-komponenti tagħha, u r-rekwiżiti tan-netwerk speċifiċi.

(2)

Bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom isiru l-arranġamenti xierqa, b'mod partikolari rigward l-elementi ta' l-interface nazzjonali uniformi fl-Istati Membri.

(3)

Din id-Deċiżjoni hija mingħajr preġudizzju għall-adozzjoni fil-ġejjieni ta' Deċiżjonijiet oħra tal-Kummissjoni relatati ma' l-iżvilupp tas-SIS II, b'mod partikolari dwar l-iżvilupp tar-rekwiżiti tas-sigurtà.

(4)

Kemm ir-Regolament tal-Kunsill KE Nru 2424/2001 tas-6 ta' Diċembru 2001 u kemm id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/886/JHA (2) tas-6 ta' Diċembru 2001 jirregolaw l-iżvilupp tas-SIS II. Biex jiġi żgurat li jkun hemm proċess ta' implimentazzjoni uniku għall-iżvilupp tas-SIS II kollha kemm hi, id-dispożizzjonijiet ta' din id-Deċiżjoni għandhom jirriflettu d-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tistipula r-rekwiżiti tan-netwerk għas-SIS II, li għandha tittieħed fl-applikazzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/886/JHA.

(5)

F'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE tad-29 ta' Mejju 2000 dwar it-talba tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq biex jieħdu parti f'xi dispożizzjonijiet ta' l-acquis ta' Schengen (3), ir-Renju Unit ma ħax sehem fl-adozzjoni tar-Regolament KE Nru 2424/2001 u mhux marbut bih jew suġġett għall-applikazzjoni tiegħu għaliex dan jikkostitwixxi żvilupp fuq id-dispożizzjonijiet ta' l-acquis ta' Schengen. Għaldaqstant, ir-Renju Unit mhux destinatarju ta' din id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni.

(6)

F'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta' Frar 2002 dwar it-talba ta' l-Irlanda biex tieħu sehem f'xi dispożizzjonijiet ta' l-acquis ta' Schengen (4), l-Irlanda ma ħaditx sehem fl-adozzjoni tar-Regolament KE Nru 2424/2001 u mhux marbuta bih jew suġġetta għall-applikazzjoni tiegħu għaliex dan jikkostitwixxi żvilupp fuq id-dispożizzjonijiet ta' l-acquis ta' Schengen. Għaldaqstant, l-Irlanda mhix destinatarju ta' din id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni.

(7)

F'konformità ma' l-Artikolu 5 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, id-Danimarka ddeċidiet li timplimenta r-Regolament tal-Kunsill KE Nru 2424/2001 fil-liġi Daniża. Ir-Regolament (KE) Nru 2424/2001 għaldaqstant jorbot lid-Danimarka fid-dritt internazzjonali.

(8)

Fir-rigward ta' l-Iżlanda u n-Norveġja, ir-Regolament KE Nru 2424/2001 u d-Deċiżjoni 2001/886/JHA tikkostitwixxu żvilupp fuq id-dispożizzjonijiet ta' l-acquis ta' Schengen fis-sens tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta' l-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja fir-rigward ta' l-assoċjazzjoni ta' dawk iż-żewġ Stati ma' l-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp ta' l-acquis ta' Schengen (5), li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, il-punt B tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE tas-17 ta' Mejju 1999 dwar ċerti arranġamenti għall-applikazzjoni tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta' l-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja fir-rigward ta' l-assoċjazzjoni ta' dawk iż-żewġ Stati ma' l-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp ta' l-acquis ta' Schengen (6).

(9)

Fir-rigward ta' l-Iżvizzera, ir-Regolament KE Nru 2424/2001 u d-Deċiżjoni 2001/886/JHA jikkostitwixxu żvilupp fuq id-dispożizzjonijiet ta' l-acquis ta' Schengen fit-tifsira tal-Ftehim iffirmat bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera fl-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp ta' l-acquis ta' Schengen, li jaqa' taħt il-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, il-punt G tad-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 1999/437/KE moqri flimkien ma' l-Artikolu 4(1) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/849/KE dwar l-iffirmar, f'isem il-Komunità Ewropea, u dwar l-applikazzjoni proviżorja ta' ċerti dispożizzjonijiet ta' dan il-Ftehim.

(10)

Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi att li jibni fuq l-acquis ta' Schengen jew li hu b'xi mod ieħor relatat miegħu skond it-tifsira ta' l-Artikolu 3(1) ta' l-Att ta' Adeżjoni.

(11)

Il-miżuri stipulati f'din id-Deċiżjoni huma skond l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 6(1) tar-Regolament (KE) Nru 2424/2001.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-ispeċifikazzjonijiet tekniċi relatati mad-diżinn ta' l-arkitettura fiżika ta' l-infrastruttura tal-komunikazzjoni tas-SIS II għandhom ikunu kif stipulat fl-Anness.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika tal-Bulgarija, ir-Repubblika tar-Rumanija, ir-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika ta' l-Estonja, ir-Repubblika Ellenika, ir-Renju ta' Spanja, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika Taljana, ir-Repubblika ta' Ċipru, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, ir-Repubblika ta' l-Ungerija, ir-Repubblika ta' Malta, ir-Renju ta' l-Olanda, ir-Repubblika ta' l-Awstrija, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika Portugiża, ir-Repubblika tas-Slovenja, ir-Repubblika Slovakka, ir-Repubblika tal-Finlandja u r-Renju ta' l-Iżvezja.

Magħmul fi Brussell, 16 ta' Marzu 2007.

Għall-Kummissjoni

Franco FRATTINI

Viċi President tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 328, 13.12.2001, p. 4. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1988/2006 (ĠU L 411, 30.12.2006, p. 1).

(2)   ĠU L 328, 13.12.2001, p. 1.

(3)   ĠU L 131, 1.6.2000, p. 43. Id-Deċiżjoni hekk kif emendat bid-Deċiżjoni 2004/926/KE (ĠU L 395, 31.12.2004, p. 70).

(4)   ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20.

(5)   ĠU L 176, 10.7.1999, p. 36.

(6)   ĠU L 176, 10.7.1999, p. 31.


ANNESS

WERREJ

1.

Introduzzjoni 352

1.1.

Akronimi u abbrevjazzjonijiet 352

2.

Ħarsa ġenerali 353

3.

Kopertura ġeografika 353

4.

Servizzi tan-netwerk 354

4.1.

Tqassim tan-netwerk 354

4.2.

Tip ta' konnessjoni għas-CS-SIS prinċipali u dak ta' riżerva 354

4.3.

Bandwidth 354

4.4.

Klassijiet ta' servizz 354

4.5.

Protokolli li jistgħu jintużaw 355

4.6.

Speċifikazzjonijiet tekniċi 355

4.6.1.

Indirizzar IP 355

4.6.2.

L-użu ta' Ipv6 355

4.6.3.

Static Route Injection 355

4.6.4.

Rata ta' Fluss Sostenuta 355

4.6.5.

Speċifikazzjonijiet oħra 355

4.7.

Reżiljenza 355

5.

Monitoraġġ 356

6.

Servizzi ġeneriċi 356

7.

Disponibbiltà 356

8.

Servizzi ta' sigurtà 356

8.1.

Kriptar tan-netwerk 356

8.2.

Karatteristiċi oħrajn tas-sigurtà 356

9.

Helpdesk u struttura ta' appoġġ 356

10.

Interazzjoni ma' sistemi oħrajn 356

1.   Introduzzjoni

Dan id-dokument jiddeskrivi d-diżinn tan-netwerk ta' komunikazzjoni, il-komponenti inklużi tagħha u r-rekwiżiti tan-netwerk speċifiċi.

1.1.   Akronimi u abbrevjazzjonijiet

Din it-taqsima tiddeskrivi l-akronimi użati f'dan id-dokument.

Akronimi u abbrevjazzjonijiet

Spjegazzjoni

BLNI

Backup Local National Interface (Interface Nazzjonali Lokali ta' Riżerva)

CEP

Central End Point (Punt Terminali Ċentrali)

CNI

Central National Interface (Interface Nazzjonali Ċentrali)

CS

Central System (Sistema Ċentrali)

CS-SIS

Funzjoni ta' appoġġ tekniku li fiha d-database SIS II

DNS

Domain Name Server

FCIP

Fibre Channel over IP

FTP

File Transport Protocol (Protokoll għat-Trażmissjoni tal-Fajls)

HTTP

Hyper Text Transfer Protocol (Protokoll għat-Trażmissjoni ta' Hyper Text)

IP

Internet Protocol (Protokoll ta' l-Internet)

LAN

Local Area Network (Netwerk Lokali)

LNI

Local National Interface (Interface Nazzjonali Lokali)

Mbps

Megabits kull sekonda

MDC

Main Developer Contractor (Kuntrattur tad-Developer Prinċipali)

N.SIS II

It-taqsima nazzjonali f'kull Stat Membru

NI-SIS

Interface nazzjonali uniformi

NTP

Network Time Protocol (Protokoll għas-Sinkronizzazzjoni tan-Netwerk)

SAN

Storage Area Network

SDH

Synchronous Digital Hierarchy (Ġerarkija Diġitali Sinkrona)

SIS II

Schengen Information System (Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen, it-tieni ġenerazzjoni)

SMTP

Simple Mail Transport Protocol (Protokoll għat-Trażmissjoni ta' Posta Sempliċi)

SNMP

Simple Network Management Protocol (Protokoll għall-Ġestjoni ta' Netwerk Sempliċi)

s-TESTA

Secure Trans-European Services for Telematics between Administrations (Servizzi Trans-Ewropej b'Sigurtà għat-Telematika bejn l-Amministrazzjonijiet), hija miżura tal-Programm IDABC (Il-forniment ta' servizzi ta' eGovernment madwar l-Ewropa lill-amministrazzjonijiet pubbliċi, in-negozji u ċ-ċittadini. Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 2004/387/KE tal-21.4.2004).

TCP

Transmission Control Protocol (Protokoll għall-Kontroll tat-Trażmissjoni)

VIS

Visa Information System (Sistema ta' Informazzjoni dwar il-Viża)

VPN

Virtual Private Network (Netwerk Privata Virtwali)

WAN

Wide Area Network

2.   Ħarsa ġenerali

Is-SIS II huwa kompost minn:

Sistema ċentrali (minn hawn 'il quddiem imsejħa “is-SIS II Ċentrali”) li hija komposta minn:

funzjoni ta' appoġġ tekniku (minn hawn 'il quddiem imsejħa “CS-SIS”) li fiha d-database SIS II. Is-CS-SIS prinċipali jwettaq sorveljanza u amministrazzjoni teknika u s-CS-SIS ta' riżerva huwa kapaċi li jiżgura l-funzjonalitajiet kollha tas-CS-SIS prinċipali f'każ li s-sistema tkun difettuża;

interface nazzjonali uniformi (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ “NI-SIS”);

Taqsima nazzjonali (minn hawn 'il quddiem imsejħa “N.SIS II”) f'kull Stat Membru, li tikkonsisti fis-sistemi ta' data nazzjonali li jikkomunikaw mas-SIS II Ċentrali. N.SIS II jista' jkun fiha fajl (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ “kopja nazzjonali”) b'kopja kompluta jew parzjali tad-database SIS II.

Infrastruttura ta' komunikazzjoni bejn is-CS-SIS u l-NI-SIS (minn hawn 'il quddiem imsejħa “Infrastruttura ta' Komunikazzjoni”) li tipprovdi netwerk virtwali kkriptata ddedikata għad-data tas-SIS II u għall-iskambju ta' data bejn id-diversi Bureaux SIRENE.

L-NI-SIS, li tikkonsisti fi:

Interface Nazzjonali Lokali (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ “LNI”) f'kull Stat Membru, li huwa l-interface li fiżikament iqabbad lill-Istat Membru man-netwerk ta' komunikazzjoni b'sigurtà (secure communication network) u li fih mezzi ta' kriptar dedikati għat-traffiku bejn is-SIS II u s-SIRENES. L-LNI ikun jinsab f'bini fl-Istati Membri.

Interface Nazzjonali Lokali ta' Riżerva (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ “BLNI”), mhux obbligatorju, li għandu l-istess kontenut u funzjoni bħall-LNI.

L-LNI u l-BLNI għandhom jintużaw esklussivament mis-sistema SIS II u għall-iskambju mas-SIRENEs. Il-konfigurazzjoni speċifika ta' l-LNI u l-BLNI tiġi speċifikata u miftiehma ma' kull Stat Membru individwali sabiex jiġu kkunsidrati r-rekwiżiti tas-sigurtà, il-lok fiżiku u l-kundizzjonijiet ta' l-installazzjoni, inkluż il-forniment ta' servizzi mill-fornitur tan-netwerk, jiġifieri l-konnessjoni s-TESTA fiżika jista' jkollha diversi VPN tunnels għal sistemi oħrajn, ngħidu aħna VIS u Eurodac.

Interface Nazzjonali Ċentrali (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ “CNI”) li huwa applikazzjoni li tiżgura l-aċċess għas-CS-SIS. Kull Stat Membru għandu punti ta' aċċess loġiċi separati għas-CNI b'firewall ċentrali.

L-Infrastruttura ta' Komunikazzjoni bejn is-CS-SIS u l-NI-SIS tikkonsisti fi:

In-netwerk għall-forniment ta' Servizzi Trans-Eworpej b'Sigurtà għat-Telematika bejn l-Amministrazzjonijiet (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ s-TESTA) li jipprovdi netwerk privata virtwali kriptata dedikata għad-data tas-SIS II u t-traffiku tas-SIRENEs.

3.   Kopertura ġeografika

L-Infrastruttura ta' Komunikazzjoni għandha tkun kapaċi tkopri u tipprovdi s-servizzi meħtieġa lill-Istati Membri kollha.

L-Istati Membri ta' l-UE kollha (il-Belġju, Franza, il-Ġermanja, il-Lussemburgu, l-Olanda, l-Italja, il-Portugall, Spanja, il-Greċja, l-Awstrija, id-Danimarka, il-Finlandja, l-Iżvezja, Ċipru, ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, l-Ungerija, il-Latvja, il-Litwanja, Malta, il-Polonja, is-Slovakkja, is-Slovenja, ir-Renju Unit u l-Irlanda) + in-Norveġja, l-Iżlanda u l-Iżvizzera.

Barra minn hekk, għandha tkun maħsuba kopertura tal-pajjiżi ta' adeżjoni, ir-Rumanija u l-Bulgarija.

Fl-aħħarnett, l-Infrastruttura ta' Komunikazzjoni għandha tkun tippermetti estensjoni għal pajjiżi jew entitajiet oħra li jidħlu fis-SIS II Ċentrali (eż. l-Europol u l-Eurojust).

4.   Servizzi tan-netwerk

Kull fejn jissemma' protokoll jew arkitettura, dan għandu jinftiehem li teknoloġiji, protokolli u arkitettura simili fil-futur huma aċċettabbli.

4.1.   Tqassim tan-netwerk

L-arkitettura tas-SIS II tuża servizzi ċentralizzati li huma aċċessibbli mill-Istati Membri differenti. Għal skopijiet ta' affidabilità, dawn is-servizzi ċentralizzati huma duplikati f'żewġ postijiet differenti, li huma Strasbourg fi Franza u St Johann im Pongau fl-Awstrija, rispettivament is-CS-SIS, CU u s-CS-SIS, BCU ta' riżerva.

L-unitajiet ċentrali, il-prinċipali u dak ta' riżerva, għandhom ikunu aċċessibbli mill-Istati Membri differenti. Il-pajjiżi li jieħdu sehem jista' jkollhom diversi punti ta' aċċess għan-netwerk, LNI u BLNI, biex jikkonnettjaw is-Sistema Nazzjonali tagħhom mas-servizzi ċentrali.

Minbarra l-konnettività prinċipali mas-servizzi ċentrali, l-Infrastruttura ta' Komunikazzjoni għandha tkun tiflaħ ukoll skambju ta' informazzjoni supplimentari bilaterali bejn l-uffiċċji SIRENE ta' l-Istati Membri differenti.

4.2.   Tip ta' konnessjoni għas-CS-SIS prinċipali u dak ta' riżerva

It-tip ta' konnessjoni meħtieġa għall-interkonnettività bejn is-CS-SIS prinċipali u s-CS-SIS ta' riżerva għandha tkun b'SDH ring jew bħalu, jiġifieri miftuħa wkoll għal arkitettura u teknoloġiji ġodda tal-futur. L-infrastruttura SDH tintuża biex in-netwerks lokali ta-żewġ unitajiet ċentrali jiġu estiżi biex tinħoloq LAN waħda mingħajr problemi. Din il-LAN imbagħad tintuża għal sinkronizzazzjoni kontinwa bejn l-unità ċentrali (CU) u dik ta' riżerva (BCU).

4.3.   Bandwidth

Rekwiżit kritiku ta' l-Infrastruttura ta' Komunikazzjoni huwa d-daqs tal-bandwidth li din tista' tagħti lis-siti differenti interkonnessi u l-kapaċità tagħha li tiflaħ dik il-bandwidth fin-netwerk ewlenija tagħha.

Il-bandwidth meħtieġa għal-LNI u l-BLNI (mhux obbligatorja) tvarja minn Stat Membru għal ieħor, l-aktar minħabba l-għażliet dwar l-użu ta' kopji nazzjonali, tiftix ċentrali u skambju ta' data bijometrika.

Id-daqsijiet attwali li l-Infastruttura ta' Komunikazzjoni tiddeċiedi li toffri huma irrelevanti sakemm dawn ikunu konformi mal-ħtieġa minima ta' kull Stat Membru.

Kull wieħed mit-tipi ta' sit imsemmi hawn fuq jista' jittrasferixxi ammonti kbar ta' data (alfanumerika, bijometrika u dokumenti sħaħ) f'kull direzzjoni. Għalhekk, l-Infrastruttura ta' Komunikazzjoni għandha tipprovdi biżżejjed veloċità minima garantita ta' uploaddownload għal kull konnessjoni.

L-Infrastruttura ta' Komunikazzjoni għandha toffri daqsijiet ta' konnessjoni li jvarjaw minn 2 Mbps sa 155 Mbps jew aktar. In-netwerk għandha tipprovdi biżżejjed veloċità minima garantita ta' uploaddownload għal kull konnessjoni u għandha tkun ta' daqs li tiflaħ id-daqs tal-bandwidth totali tal-punti ta' aċċess għan-netwerk.

4.4.   Klassijiet ta' servizz

Is-SIS II Ċentrali jiflaħ il-possibbiltà li d-domandi/twissijiet jiġu prijoritizzati. Bħala rekwiżit derivat, l-Infrastruttura ta' Komunikazzjoni ser tkun tiflaħ ukoll il-possibbiltà li t-traffiku jiġi prijoritizzat.

Huwa preżunt li l-parametri ta' prijoritizzazzjoni tan-netwerk jiġu stabbiliti mis-SIS II Ċentrali għall-pakketti kollha li jirrikjedu dan. Ser jintuża Weighted Fair Queuing. Dan jimplika li l-Infrastruttura ta' Komunikazzjoni għandha tkun kapaċi li timplimenta l-prijoritizzazzjoni assenjata lill-pakketti tad-data fil-LAN tas-sors u b'hekk tittratta l-pakketti fin-netwerk ewlenija tagħha. Barra minn hekk, fis-sit remot l-Infrastruttura ta' Komunikazzjoni għandha twassal il-pakketti inizjali bl-istess prijoritizzazzjoni kif stabbilit fil-LAN tas-sors.

4.5.   Protokolli li jistgħu jintużaw

Is-SIS II Ċentrali ser juża diversi protokolli ta' komunikazzjoni għan-netwerks. L-Infrastruttura ta' Komunikazzjoni għandha tkun tiflaħ firxa wiesgħa ta' protokolli ta' komunikazzjoni għan-netwerks. Il-protokolli standard li għandu jkunu possibbli li jintużaw huma HTTP, FTP, NTP, SMTP, SNMP u DNS.

Minbarra l-protokolli standard, l-Infrastruttura ta' Komunikazzjoni għandha tkun kapaċi tittratta wkoll tunnelling protocols differenti, protokolli ta' replikazzjoni SAN u protokolli ta' konnessjoni Java-to-Java ta' BEA WebLogic. It-tunnelling protocols, bħal ngħidu aħna IPsec in tunnel mode, ser jintużaw biex jiġi trasferit traffiku kkriptat lejn id-destinazzjoni tiegħu.

4.6.   Speċifikazzjonijiet tekniċi

4.6.1.   Indirizzar IP

L-Infrastruttura ta' Komunikazzjoni għandu jkollha firxa ta' indirizzi IP riżervati li jkunu jistgħu jintużaw biss fi ħdan in-netwerk. Fi ħdan il-firxa ta' indirizzi IP riżervati, is-SIS II Ċentrali ser juża sett ta' indirizzi IP dedikati li ma jintużaw imkien aktar.

4.6.2.   L-użu ta' Ipv6

Wieħed jista' jassumi li l-protokoll użat fin-netwerks lokali ta' l-Istati Membri ser ikun TCP/IP. Madankollu xi siti ser ikunu bbażati fuq il-verżjoni 4 filwaqt li oħrajn ser ikunu bbażati fuq il-verżjoni 6. Il-punti ta' aċċess għan-netwerk għandhom joffru l-possibbiltà li jaġixxu bħala gateway u għandhom ikunu jistgħu joperaw b'mod indipendenti mill-protokolli tan-netwerk użati fis-SIS II Ċentrali kif ukoll fl-N.SIS II.

4.6.3.   Static Route Injection

Is-CU u l-BCU jistgħu jużaw indirizz IP uniku u identiku għall-komunikazzjoni tagħhom ma' l-Istati Membri. Għaldaqstant, l-Infrastruttura ta' Komunikazzjoni għandha tkun taċċetta static route injection.

4.6.4.   Rata ta' Fluss Sostenuta

Sakemm il-konnessjoni tas-CU jew il-BCU jkollha load rate ta' anqas minn 90 %, Stat Membru partikolari għandu jkun jista' jżomm b'mod kontinwu 100 % tal-bandwidth speċifikata.

4.6.5.   Speċifikazzjonijiet oħra

Biex tkun tiflaħ għas-CS-SIS, l-Infrastruttura ta' Komunikazzjoni għandha għall-anqas tkun konformi ma' sett minimu ta' speċifikazzjonijiet tekniċi:

Id-dewmien fit-tranżitu għandu jkun (inkluż f'sigħat ta' attività kbira) mhux aktar minn 150 ms f'95 % tal-pakketti u anqas minn 200 ms f'100 % tal-pakketti.

Il-probabbiltà ta' telf ta' pakketti għandha tkun (inkluż f'sigħat ta' attività kbira) mhux aktar minn jew ugwali għal 10-4 f'95 % tal-pakketti u anqas minn 10-3 f'100 % tal-pakketti.

Dawn l-ispeċifikazzjonijiet għandhom jitqiesu għal kull punt ta' aċċess separatament.

Il-konnessjoni bejn is-CU u l-BCU għandu jkollha dewmien ta' round trip ta' mhux aktar minn 60 ms.

4.7.   Reżiljenza

Is-CS-SIS ġie ddiżinjat bir-rekwiżit ta' disponibbiltà għolja. Għal din ir-raġuni s-sistema għandha reżiljenza integrata kontra malfunzjonijiet fil-komponenti billi tidduplika t-tagħmir kollu.

Il-komponenti ta' l-Infrastruttura ta' Komunikazzjoni għandhom ukoll ikunu reżiljenti kontra ħsarat fil-komponenti. Għall-Infrastruttura ta' Komunikazzjoni, dan ifisser li l-komponenti li ġejjin għandhom ikunu reżiljenti:

In-network ewlenija (backbone network)

Il-mezzi ta' routing

Il-points of presence

Il-konnessjonijiet mal-loop lokali (inklużi l-kejbils fiżikament żejda)

Il-mezzi tas-sigurtà (mezzi ta' kriptar, firewalls, eċċ.)

Is-servizzi ġeneriċi kollha (DNS, NTP, eċċ.)

LNI/BLNI

Il-mekkaniżmi ta' sostituzzjoni (failover) tat-tagħmir kollu tan-netwerk għandhom jitwettqu kollha mingħajr intervent manwali.

5.   Monitoraġġ

Biex ikun faċilitat il-monitoraġġ, l-għodod ta' monitoraġġ ta' l-Infrastruttura ta' Komunikazzjoni għandhom ikunu jistgħu jiġu integrati ma' dawk tal-faċilitajiet ta' monitoraġġ ta' l-organizzazzjoni responsabbli mill-maniġment operattiv għas-SIS II Ċentrali.

6.   Servizzi ġeneriċi

Minbarra n-netwerk dedikata u s-servizzi tas-sigurtà, l-Infrastruttura ta' Komunikazzjoni għandha toffri wkoll servizzi ġeneriċi.

Għandhom ikunu implimentati servizzi dedikati fiż-żewġ unitajiet ċentrali, għal skopijiet ta' redundancy.

L-Infrastruttura ta' Komunikazzjoni għandha tinkludi s-servizzi ġeneriċi mhux obbligatorji li ġejjin:

Servizz

Tagħrif Addizzjonali

DNS

Fil-preżent, il-proċedura ta' sostituzzjoni (failover) li taqleb mis-CU għall-BCU f'każ ta' difett fin-netwerk hija bbażata fuq il-bdil ta' l-indirizz IP fis-server DNS ġeneriku.

Is-servizzi ta' l-email

L-użu ta' relay ta' l-email ġeneriku jista' jkun utli biex is-set-up ta' l-email fl-Istati Membri differenti jkun standardizzat u, bil-kontra ta' server dedikat, dan ma jużax riżorsi għan-netwerk mis-CU/BCU.

E-mails li jużaw relay ta' l-email ġeneriku xorta għandhom ikunu konformi mar-rekwiżiti ta' sigurtà standard (security templates) tagħhom.

NTP

Dan is-servizz jista' jintuża biex jiġu ssinkronizzati l-arloġġi tat-tagħmir tan-netwerks.

7.   Disponibbiltà

Is-CS-SIS u l-LNI u l-BLNI għandhom ikunu kapaċi joffru disponibbiltà ta' 99,99 % fuq perjodu kontinwu ta' 28 jum, eskluża d-disponibbiltà tan-netwerk.

Id-disponibbiltà ta' l-Infrastruttura ta' Komunikazzjoni għandha tkun ta' 99,99 %.

8.   Servizzi ta' sigurtà

8.1.   Kriptar tan-netwerk

Is-SIS II Ċentrali ma jippermettix data b'rekwiżiti ta' sigurtà għolja jew għolja ħafna li tiġi trasferita 'il barra mil-LAN mingħajr ma tkun ikkriptata. Għandu jkun żgurat li l-fornitur tan-netwerk bl-ebda mod ma jkollu aċċess għad-data operattiva tas-SIS II u lanqas għall-iskambju relatat bejn is-SIRENEs.

Biex jinżamm livell ta' sigurtà għoli, l-Infrastruttura ta' Komunikazzjoni għandha tippermetti l-possibbiltà li jiġu mmaniġġjati ċ-ċertifikati/keys. Għandhom ikunu possibbli amministrazzjoni remota u monitoraġġ remot ta' l-encryption boxes. L-algoritmi ta' l-ikkriptar għandhom għall-anqas ikunu konformi mar-rekwiżiti li ġejjin:

Algoritmi ta' l-ikkriptar simetriku:

3DES (128 bits) jew aħjar

Il-mod kif tiġi ġġenerata l-key għandu jiddependi minn valur aleatorju (random value) li ma jippermettix key space reduction meta jiġi attakkat.

L-encryption keys jew l-informazzjoni dwar l-ikkriptar li jistgħu jintużaw biex jiġu derivati l-keys dejjem huma protetti meta maħżuna 002E.

Algoritmi ta' l-ikkriptar asimetriku:

RSA (1 024 bit modulus) jew aħjar

Il-mod kif tiġi ġġenerata l-key għandu jiddependi minn valur aleatorju li ma jippermettix key space reduction meta jiġi attakkat.

Għandu jintuża l-protokoll Encapsulated Security Payload (ESP, RFC2406). Dan għandu jintuża f'tunnel mode. Dan għandu jintuża f'tunnel mode.

Għall-iskambju tas-session keys, għandu jintuża l-protokoll Internet Key Exchange (IKE).

Il-keys ta' l-IKE m'għandhomx ikunu validi għal aktar minn jum wieħed.

Is-session keys m'għandhomx ikunu għal aktar minn siegħa.

8.2.   Karatteristiċi oħrajn tas-sigurtà

Minbarra l-protezzjoni tal-punti ta' l-aċċess għas-SIS II, l-Infrastruttura ta' Komunikazzjoni għandha tipproteġi wkoll is-servizzi ġeneriċi mhux obbligatorji. Dawn is-servizzi għandhom jissodisfaw l-istess miżuri ta' protezzjoni bħal dawk fis-CS-SIS. Is-servizzi ġeneriċi kollha għalhekk għandhom, bħala minimu, ikunu protetti b'firewall, antivirus u sistema ta' sejbien ta' intrużjoni. Barra dan, il-mezzi ta' servizzi ġeneriċi u l-miżuri ta' protezzjoni tagħhom għandhom ikunu taħt sorveljanza ta' sigurtà kontinwa (loggingfollow-up).

Biex jinżamm livell ta' sigurtà għoli, l-organizzazzjoni responsabbli mill-maniġment operattiv għas-SIS II Ċentrali għandha tkun konxja mill-inċidenti ta' sigurtà li jistgħu jinqalgħu fl-Infrastruttura ta' Komunikazzjoni. Għalhekk, l-Infrastruttura ta' Komunikazzjoni għandha tippermetti li l-inċidenti relatati mas-sigurtà jiġu rrappurtati mingħajr dewmien lill-organizzazzjoni responsabbli mill-maniġment operattiv għas-SIS II Ċentrali. L-informazzjoni dwar l-inċidenti kollha relatati mas-sigurtà għandha tingħata fuq bażi regolari, ngħidu aħna b'rappurtaġġ ta' kull xahar u ad hoc.

9.   Helpdesk u struttura ta' appoġġ

Il-fornitur ta' l-Infrastruttura ta' Komunikazzjoni għandu jipprovdi helpdesk li jinteraġixxi ma' l-organizzazzjoni responsabbli mill-maniġment operattiv għas-SIS II Ċentrali.

10.   Interazzjoni ma' sistemi oħrajn

L-Infrastruttura ta' Komunikazzjoni għandha tiżgura li l-informazzjoni ma tkunx tista' tmur lilhinn mill-kanali ta' komunikazzjoni assenjati. F'termini ta' implimentazzjoni teknika, dan jimplika li:

Kull aċċess mhux awtorizzat u/jew mhux ikkontrollat għal netwerks oħrajn għandu jkun strettament ipprojbit. Dan jinkludi l-interkonnettività ma' l-internet.

M'għandu jkun hemm l-ebda tixrid ta' data lejn sistemi oħrajn fuq in-netwerk; eż. mhix permessa interkonnessjoni ta' IP VPNs differenti.

Minbarra r-restrizzjonijiet tekniċi msemmija hawn fuq li jikkawża, dan iħalli impatt ukoll fuq il-helpdesk ta' l-Infrastruttura ta' Komunikazzjoni. Il-helpdesk ma jistax jirrilaxxa informazzjoni rigward is-SIS II Ċentrali għajr lil min hu responsabbli għall-maniġment operattiv tas-SIS II Ċentrali.