24.8.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

343


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-15 ta' Marzu 2007

li tidderoga mir-regoli dwar l-oriġini definiti fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/822/KE, f'dak li jirrigwarda ċerti prodotti tas-sajd importati minn Saint Pierre et Miquelon

(notifikat bid-dokument numru C(2006) 834)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2007/167/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/822/KE tas-27 ta' Novembru 2001 dwar l-assoċjazzjoni tal-pajjiżi u t-territorji lil hinn mill-baħar mal-Komunità Ewropea (“Deċiżjoni dwar Assoċjazzjoni lil hinn mill-baħar”) (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 37 ta' l-Anness III tagħha,

Billi:

(1)

Fis-6 ta' Awissu 2001, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2001/657/KE li tidderoga mid-definizzjoni tal-kunċett ta' “prodotti oriġinarji” biex tqis is-sitwazzjoni speċjali ta' Saint Pierre et Miquelon fir-rigward tal-produzzjoni ta' flettijiet iffriżati tal-merluzz, tar-redfish, tal-barbun u tal-ħalibatt tal-kodiċi NK 0304 20 (2). Din id-deroga waslet fi tmiemha fil-31 ta' Awissu 2006.

(2)

Fit-30 ta' Novembru 2006, Saint Pierre et Miquelon applikat għal deroga ġdida, fuq tul ta' sitt snin, mir-regoli dwar l-oriġini definiti fl-Anness III tad-Deċiżjoni 2001/822/KE. Din it-talba tirrigwarda kwantità globali annwali ta' 2 200 tunnellata ta' flettijiet iffriżati tal-ħut, ta' ħut bir-ras imneħħija, mnaddfa, iffriżati, ta' flettijiet tal-merluzz immellaħħ u sħiħ u tal-laħam (jew il-mili) ta' ħut iffriżat li joriġina minn pajjiżi terzi, li jiġu pproċessati f'Saint Pierre et Miquelon biex jiġu esportati lejn il-Komunità. Id-deroga ntalbet mhux biss għall-prodotti tas-sajd li kienu koperti mid-Deċiżjoni 2001/657/KE, imma wkoll għal prodotti oħra tas-sajd li jaqgħu taħt il-kodiċijiet tan-NM 0303, 0304 u 0305.

(3)

Saint Pierre et Miquelon ibbażat it-talba tagħha fuq l-insuffiċjenza persistenti ta' sorsi ta' forniment ta' ħut diġà ta' l-oriġini.

(4)

Huwa f'loku li tingħata deroga mir-regoli ta' l-oriġini kif definiti fl-Anness III tad-Deċiżjoni 2001/822/KE għall-prodotti li jaqgħu taħt il-kodiċijiet NM 0304 u NM 0305. Effettivament, id-deroga hija ġġustifikata mill-Artikolu 37(1) u (5), il-punti a) u b), ta' l-Anness imsemmi, partikolarment f'dak li jirrigwarda l-iżvilupp ta' industrija lokali eżistenti, l-impatt ekonomiku u soċjali u l-qagħda partikolari ta' Saint-Pierre et Miquelon. Fil-fatt, ġaladarba d-deroga tirrigwarda prodotti li jfissru pproċessar reali, sejra tgħin fl-iżvilupp ta' industrija eżistenti. Din id-deroga hija essenzali għaż-żamma ta' l-attività tal-fabbrika kkonċernata, li tħaddem għadd kbir ta' impjegati permanenti u ta' l-istaġun. L-użu tad-deroga mogħtija fl-2001 kien baqa' baxx ħafna (108 tunnellata fl-2003, 552 tunnellata fl-2004, 356 tunnellata fl-2005 u 491 tunnellata minn Jannar sa Novembru 2006). Id-deroga għaldaqstant għandha tingħata għall-istess kwantità globali annwali bħal dik koperta mid-deroga mogħtija fl-2001, jiġifieri 1 290 tunnellata. Barra minn hekk, it-twessigħ tad-deroga għal għadd akbar ta' speċijiet minn dak kopert mid-Deċiżjoni 2001/675/KE sejjer jippermetti użu aħjar tal-kwantità li tgawdi mid-deroga.

(5)

Suġġett għal konformità ma ċerti kondizzjonijiet li għandhom x'jaqsmu mal-kwantitajiet, u t-tul ta' żmien, id-deroga ma għandhiex tikkaġuna ħsara serja lil settur ekonomiku tal-Komunità jew ta' wieħed jew aktar mill-Istati Membri.

(6)

Mill-ekonomija ġenerali ta' l-Artikolu 37 jirriżulta li deroga mir-regoli ta' l-oriġini definiti fl-Anness III tad-Deċiżjoni 2001/822/KE ma tistax tingħata għal prodotti li jaqgħu taħt il-kodiċi NM 0303. Fil-fatt, ma jgħinux għall-iżvilupp ta' industrija eżistenti, minħabba li huma s-suġġett ta' ħidmiet ta' kondizzjonament, li ma għandhomx il-karattru ta' attivitajiet tassew industrijali.

(7)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 tat-2 ta' Lulju 1993 li jiffissa ċerti dispożizzjonijiet ta' applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi l-kodiċi doganali Komunitarju (3), jiffissa r-regoli tal-ġestjoni tal-kwoti tariffarji. Dawn ir-Regoli għandhom ikunu applikati mutatis mutandis għall-ġestjoni tal-kwantità li għaliha qed tingħata d-deroga kkonċernata.

(8)

Ġaladarba d-Deċiżjoni 2001/822/KE tintemm fil-31 ta' Diċembru 2011, jeħtieġ li jiġi previst li d-deroga tkompli tapplika lil hinn mill-31 ta' Diċembru 2011, jekk qabel dik id-data tiġi adottata deċiżjoni dwar dwar l-assoċjazzjoni tal-pajjiżi u t-territorji lil hinn mill-baħar mal-Komunità Ewropea, jew inkella jekk tiġi estiża d-Deċiżjoni 2001/822/KE.

(9)

Il-miżuri pprovduti b'din id-Deċiżjoni jikkonformaw ma' l-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

B'deroga mid-dispożizzjonijiet ta' l-Anness III tad-Deċiżjoni 2001/822/KE, il-prodotti tas-sajd ipproċessati f'Saint Pierre et Miquelon li jidhru fl-Anness ta' din id-Deċiżjoni għandhom jitqiesu li joriġinaw minn Saint Pierre et Miquelon meta jidderivaw minn materjal mhux ta' l-oriġini, f'konformità mal-kundizzjonijiet definiti f'din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Id-deroga pprovduta fl-Artikolu 1 tapplika għall-prodotti tas-sajd u għall-kwantità annwali li tingħata fl-Anness, li jkunu importati fil-Komunità min San Pierre et Miquelon bejn l-1 ta' April 2007 u l-31 ta' Marzu 2013.

Artikolu 3

L-Artikoli 308(a), 308(b) u 308(c) tar-Regolament (KEE) Nru 2454/93 relatati mal-ġestjoni tal-kwoti tariffarji japplikaw mutatis mutandis għall-ġestjoni tal-kwantità msemmija fl-Anness.

Artikolu 4

L-awtoritajiet doganali ta' Saint Pierre et Miquelon għandhom jieħdu l-passi neċessarji biex iwettqu l-kontrolli kwantitattivi applikabbli fuq l-esportazzjoni tal-prodotti msemmija fl-Artikolu 1.

Għal dan l-għan, iċ-ċertifikati maħruġa f'konformità ma' din id-Deċiżjoni għandu jkollhom referenza għaliha.

L-awtoritajiet kompetenti ta' Saint Pierre et Miquelon għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni, kull tliet xhur, rapport tal-kwantitajiet li għalihom ikunu nħarġu ċertifikati ta' ċirkolazzjoni EUR 1 bis-saħħa ta' din id-Deċiżjoni u n-numri tas-serje ta' dawn iċ-ċertifikati.

Artikolu 5

Ir-rubrika nru 7 taċ-ċertifikati EUR 1 ippubblikati taħt din id-Deċiżjoni għandu jkollhom wieħed min dawn li ġejjin:

“Derogation – Decision no …”;

“Dérogation – Décision no ....”.

Għandha tindika n-Numru ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 6

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta' April 2007 sal-31 ta' Diċembru 2011.

Madankollu, jekk tiġi adottata sistema ġdida preferenzali minflok id-Deċiżjoni 2001/822/KEE lil hinn mill-31 ta' Diċembru 2001, jew jekk is-sistema preżenti tiġi estiża, din id-deċiżjoni għandha tibqa' tapplika sad-data tat-tmiem ta' dan is-sistema l-ġdida jew tas-sistema preżenti estiża, imma fi kwalunkwe każ sa mhux aktar tard mill-31 ta' Marzu 2013.

Artikolu 7

Dan id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, 15 ta' Marzu 2007.

Għall-Kummissjoni

László KOVÁCS

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 314, 30.11.2001, p. 1.

(2)  ĠU L 231, 29.8.2001, p. 13. Id-Deċiżjoni kif emendata bid-Deċiżjoni 2005/335/KE (ĠU L 107, 28.4.2005, p. 26).

(3)  ĠU L 253, 11.10.1993, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 214/2007 (ĠU L 62, 1.3.2007, p. 6).


ANNESS

Prodotti tas-sajd ipproċessati f'Saint Pierre et Miquelon

In-numru tas-serje

Il-kodiċi NM

L-isem tal-merkanzija

Il-perjodu

Il-kwantità globali (1)

(tunnellati)

09.1650

ex 0304 29

ex 0304 99

ex 0305 30

ex 0305 62

Flettijiet iffriżati tal-merluzz, haddock, saithe, dab, barbun, bakkaljaw, redfish, awrat, ħalibatt, ħalibatt ta' l-Atlantiku

Laħam (jew mili) iffriżat tal-haddock, saithe, hake, bakkaljaw

Flettijiet tal-merluzz immellaħ

Merluzz immellaħ sħiħ

mill-1.4.2007 sal-31.3.2008

1 290

mill-1.4.2008 sal-31.3.2009

1 290

mill-1.4.2009 sal-31.3.2010

1 290

Mill-1.4.2010 sal-31.3.2011

1 290

Mill-1.4.2011 sal-31.3.2012

1 290

mill-1.4.2012 sal-31.3.2013

1 290


(1)  Il-kwantità globali annwali tkopri l-ispeċijiet kollha meħudin flimkien.