8.1.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

194


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tat-22 ta’ Frar 2007

dwar il-pożizzjoni tal-Komunità rigward l-abbozz ta’ Regolament tal-Kummissjoni Ekonomika tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ewropa dwar l-approvazzjoni ta’ vetturi bil-mutur fir-rigward tal-kamp viżiv ‘il quddiem tas-sewwieq tal-vettura

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2007/159/KE)

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 97/836/KE tas-27 ta’ Novembru 1997 bil-ħsieb ta’ l-adeżjoni tal-Komunità Ewropea mal-Ftehim tal-Kummissjoni Ekonomika tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ewropa li jikkonċerna l-addozzjoni tal-preskrizzjonijet tekniċi uniformi għall-vetturi bir-roti, tagħmir u partijiet liema jistgħu jkunu ffitjati u/jew ikunu wżati ma’ vetturi bir-roti u l-kondizzjonijet reċiproċi ta’ l-approvazzjonijiet mogħtija fuq il-bażi ta’ dawn il-preskrizzjonijet (1), u b’mod partikolari t-tieni inċiż ta’ l-Artikolu 4(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew,

Billi:

(1)

L-abbozz tar-Regolament tal-Kummissjoni Ekonomika tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ewropa dwar l-approvazzjoni ta’ vetturi bil-mutur fir-rigward tal-kamp viżiv ‘il quddiem tas-sewwieq (2) jipprevedi t-tneħħija tal-barrieri tekniċi għall-kummerċ tal-vetturi bil-mutur bejn il-Partijiet Kontraenti fir-rigward ta’ dawn l-aspetti, filwaqt li jiżgura livell għoli ta’ sigurtà.

(2)

Huwa kunsiljabbli li tiġi definita l-pożizzjoni tal-Komunità rigward l-abbozz ta’ Regolament, u konsegwentement li ssir dispożizzjoni sabiex il-Komunità, rappreżentata mill-Kummissjoni, tivvota favur dak l-abbozz.

(3)

L-abbozz ta’ Regolament għandu jsir parti mis-sistema Komunitarja ta’ l-approvazzjoni tat-tip għall-vetturi bil-mutur minħabba li l-ambitu tad-Direttiva tal-Kunsill 77/649/KE tas-27 ta’ Settembru 1977 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu mal-kamp viżiv tas-sewwieqa tal-vetturi bil-mutur (3) huwa simili għal dak ta’ dan l-abbozz ta’ Regolament,

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

L-abbozz tar-Regolament tal-Kummissjoni Ekonomika tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ewropa (UN/ECE) dwar l-approvazzjoni ta’ vetturi bil-mutur fir-rigward tal-kamp viżiv ‘il quddiem tas-sewwieq tal-vettura, kif jidher fid-dokument TRANS/WP.29/2005/2082 huwa b’dan approvat.

Artikolu 2

Il-Komunità, rappreżentata mill-Kummissjoni, għandha tivvota favur l-abbozz ta’ Regolament ta’ l-UN/ECE msemmi fl-Artikolu 1 f’laqgħa fil-ġejjieni tal-Kumitat Amministrattiv tal-Forum Dinji ta’ l-UN/ECE għall-Armonizzazzjoni tar-Regolamenti tal-Vetturi.

Artikolu 3

L-abbozz ta’ Regolament ta’ l-UN/ECE dwar l-approvazzjoni ta’ vetturi bil-mutur fir-rigward tal-kamp viżiv ‘il quddiem tas-sewwieq tal-vettura għandha ssir parti mis-sistema Komunitarja ta’ l-approvazzjoni tat-tip għall-vetturi bil-mutur.

Magħmul fi Brussell, 22 ta’ Frar 2007.

Għall-Kunsill

Il-President

F. MÜNTEFERING


(1)  ĠU L 346, 17.12.1997, p. 78.

(2)  Dokument UN/ECE TRANS/WP.29/2005/2082

(3)  ĠU L 267, 19.10.1977, p. 1. Direttiva kif emendata l-aħħar mid-Direttiva tal-Kummissjoni 90/630/KE (ĠU L 341, 6.12.1990, p. 20).