8.1.2008 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
178 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
tas-27 ta’ Frar 2007
li temenda d-Deċiżjoni 1999/70/KE dwar l-awdituri esterni tal-banek ċentrali nazzjonali fir-rigward ta' l-awdituri esterni ta' l-Oesterreichische Nationalbank
(2007/145/KE)
IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra l-Protokoll dwar l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, anness għat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 27.1 tiegħu,
Wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni BĊE/2006/29 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-21 ta' Diċembru 2006 lill-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea dwar l-awdituri esterni ta' l-Oesterreichische Nationalbank (1),
Billi:
(1) |
Il-kontijiet tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) u tal-banek ċentrali nazzjonali ta' l-Eurosistema għandhom jiġu verifikati minn awdituri esterni indipendenti rakkomandati mill-Kunsill Regolatorju tal-BĊE u approvati mill-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea. |
(2) |
Skond l-Artikolu 37(1) ta’ l-Att Federali dwar l-Oesterreichische Nationalbank, il-Laqgħa Ġenerali ta’ l-Oesterreichische Nationalbank (OeNB) għandha taħtar żewġ awdituri u żewġ awdituri supplenti kull sena. L-awdituri supplenti jingħataw mandat biss fil-każ li l-awdituri ma jkunux jistgħu jwettqu l-verifika. |
(3) |
Fl-14 ta’ Marzu 2006 l-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea, wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew BĊE/2006/1 ta’ l-1 ta’ Frar 2006 lill-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea dwar l-awdituri esterni ta’ l-Oesterreichische Nationalbank (2), approva lil KPMG Alpen-Treuhand GmbH u TPA Horwath Wirtschaftsprüfung GmbH bħala awdituri esterni konġunti, u lil Moore Stephens Austria Wirtschaftsprüfungsgesellschaft mbH u BDO Auxilia Treuhand GmbH bħala awdituri supplenti konġunti għas-sena finanzjarja 2006 (3). |
(4) |
Fit-8 ta’ Settembru 2006 l-OeNB informa lill-BĊE li fil-Laqgħa Ġenerali tiegħu ta' Mejju 2006, KPMG Alpen-Treuhand GmbH ma kienx kiseb il-maġġoranza tal-voti meħtieġa biex jintgħażel u, li bħala konsegwenza ta’ dan, it-tieni awditur fil-mertu, TPA Horwath Wirtschaftsprüfung GmbH, inħatar bħala l-ewwel awditur. L-ewwel awditur supplenti fil-mertu, Moore Stephens Austria Wirtschaftsprüfungsgesellschaft mbH, inħatar bħala t-tieni awditur u t-tieni awditur supplenti fil-mertu, BDO Auxilia Treuhand GmbH, inħatar bħala l-uniku awditur supplenti. Biex jinħatar it-tieni awditur supplenti, l-OeNB mexxiet proċedura għal akkwist pubbliku ristretta, għażlet lil Ernst & Young Wirtschaftsprüfungs GmbH u stiednet lill-BĊE biex jirrakkomanda dan lill-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea għall-approvazzjoni. |
(5) |
L-approvazzjoni tal-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea hija meħtieġa biex jinħatar Moore Stephens Austria Wirtschaftsprüfungsgesellschaft mbH bħala t-tieni awditur estern u Ernst & Young Wirtschaftsprüfungs GmbH bħala t-tieni awditur supplenti estern ta’ l-OeNB. |
(6) |
Il-Kunsill Regolatorju tal-BĊE irrakkomanda li l-mandat ta' l-awdituri esterni għandu jiġġedded fuq bażi annwali, li ma jaqbiżx mandat totali ta' ħames snin. |
(7) |
Huwa xieraq li tiġi segwita r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill Regolatorju tal-BĊE u li tiġi emendata d-Deċiżjoni 1999/70/KE (4) kif meħtieġ, |
IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:
Artikolu 1
L-Artikolu 1(9) tad-Deċiżjoni 1999/70/KE għandu jinbidel b'dan li ġej:
“9. TPA Horwath Wirtschaftsprüfung GmbH and Moore Stephens Austria Wirtschaftsprüfungsgesellschaft mbH huma hawnhekk approvati konġuntament bħala l-awdituri esterni ta' l-OeNB għas-sena finanzjarja 2006.
BDO Auxilia Treuhand GmbH u Ernst & Young Wirtschaftsprüfungs GmbH huma hawnhekk approvati konġuntament bħala l-awdituri supplenti esterni ta’ l-OeNB għas-sena finanzjarja 2006.
Dan il-mandat jista' jiġġedded fuq bażi annwali, li ma jaqbiżx mandat totali ta' ħames snin, li jintemm mhux aktar tard mis-sena finanzjarja 2010.”
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tiġi notifikata lill-Bank Ċentrali Ewropew.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni għandha tiġi pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, 27 ta’ Frar 2007.
Għall-Kunsill
Il-President
P. STEINBRÜCK
(2) ĠU C 34, 10.2.2006, p. 30.
(3) ĠU L 79, 16.3.2006, p. 25.
(4) ĠU L 22, 29.1.1999, p. 69. Id-Deċiżjoni kif emendata l-aħħar bid-Deċiżjoni 2007/97/KE (ĠU L 42, 14.2.2007, p. 24).