24.8.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

305


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-28 ta' Frar 2007

li tistabbilixxi Tim Veterinarju Komunitarju ta' Emerġenza sabiex jgħin lill-Kummissjoni fl-appoġġ għall-Istati Membri u pajjiżi terzi fi kwistjonijiet veterinarji marbuta ma' ċertu mard ta' l-annimali

(2007/142/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Billi:

(1)

Fil-każ ta' tifqigħat ta' ċertu mard ta' l-annimali, jew suspetti dwar dan, il-Kummissjoni hija meħtieġa tipprovdi għajnuna lill-Istati Membri u lil pajjiżi terzi permezz ta' għarfien espert b'ħafna esperjenza fil-qasam ta' l-epdemjoloġija veterinarja. Id-disponibbiltà ta' l-esperjenza Komunitarja ġiet affrontat fil-kuntest tal-Kunsill ta' l-Agrikoltura u s-Sajd.

(2)

Id-disponibbiltà fil-pront ta' għarfien tekniku espert sod fil-qasam veterinarju hija meħtieġa għall-Kummissjoni sabiex tkun tista' taqdi dmirijietha, partikolarment fil-każ ta' tifqigħat kbar ta' dak il-mard ta' l-annimali.

(3)

Tim speċjalizzat ta' esperti jipprovdi għarfien espert u appoġġ b'mod aktar effiċjenti, bħalma hu t-Tim Veterinarju Komunitarju ta' Emerġenza, li l-Membri tiegħu jagħmlu mezz li jkunu disponibbli għall-Kummissjoni meta jintalbu jagħmlu dan. Tim bħal dan għandu jkun stabbilit u r-rwol u x-xogħolijiet tiegħu għandhom jiġu definiti.

(4)

Sabiex it-Tim Veterinarju Komunitarju ta' Emerġenza jkun jista' jipprovdi l-għajnuna teknika veterinarja li tesiġi l-Kummissjoni, l-membri tiegħu jistgħu jintbagħtu fl-Istati Membri jew il-pajjiżi terzi kkonċernati. F'dak il-każ il-membri għandhom joperaw f'koperazzjoni ma' l-awtoritjiet kompetenti ta' l-Istat Membru jew il-pajjiż terz ikkonċernat.

(5)

It-Tim Veterinarju Komunitarju ta' Emerġenza għandu jaħdem, kif jixraq f'koperazzjoni fil-qrib ma' gruppi ta' esperti internazzjonali oħra, bħalma huma ċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC), l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Mard Epiżootiku (OIE), l-Organizzazzjoni għall-Ikel u l-Agrikoltura (FAO), u l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) sabiex jiżgura li l-għarfien espert disponibbli jintuża bl-aktar mod effettiv,

IDDEĊIDIET KIF ĠEJ:

Artikolu 1

1.   Tim Veterinarju Komunitarju ta' Emerġenza magħmul minn esperti jinħoloq (“it-tim”) sabiex jipprovdi għajnuna teknika veterinarja dwar miżuri ta' kontroll marbuta mal-mard soġġett għan-notifikazzjoni elenkata fl-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 82/894/KEE (1) (“il-mard”)

2.   Il-Membri tat-Tim għandhom ikunu nnominati minn fost esperti fil-qasam ta' l-epidemjoloġija veterinarja, il-viroloġija, in-natura selvaġġa, il-ġestjoni ta' programmi ta' qerda, dijanjostiċi laboratorji, l-organizzazzjoni tas-servizzi veterinarji u l-qafas regolatorju, komunikazzjoni tar-riskji, ġestjoni u kull qasam rilevanti ieħor għall-kontroll tal-mard ta' l-annimali.

Artikolu 2

1.   It-tim għandu jgħin lill-Kummissjoni fi kwistjonijiet veterinarji tekniċi marbuta mal-miżuri ta' kontroll tal-mard ta' l-annimali li għandhom jittieħdu fil-każ ta' tifqigħat tal-mard jew suspett dwar dan.

Għajnuna bħal din għandha tinkludi, b'mod partikolari:

(a)

għajnuna xjentifika, teknika u maniġerjali fuq il-post fir-rigward tas-sorveljanza, l-monitoraġġ, il-kontroll u l-qerda tal-mard, f'koperazzjoni ma' l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat Membru jew pajjiż terz ikkonċernat minn tifqigħat tal-mard jew suspett dwar dan;

(b)

pariri xjentifiċi speċifiċi dwar il-metodi dijanjostiċi xierqa u investigazzjonijiet epidemjoloġiċi f'koordinazzjoni mal-Laboratorju Komunitarju ta' Referenza kif elenkat fl-Anness VII tar-Regolament (KE) Nru 882/2004 (2) u ma' laboratorji ta' referenza oħra, kif jixraq;

(ċ)

għajnuna speċifika sabiex tiġi żgurata l-koordinazzjoni fost is-servizzi veterinarji ta' l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi u mal-Laboratorju Komunitarju ta' Referenza kif elenkat fl-Anness VII tar-Regolament (KE) Nru 882/2004 u ma' laboratorji ta' referenza oħra, kif jixraq;

2.   Il-Kummissjoni tista' tippubblika fuq il-websajt tagħha rapport sommarju ta' l-attivitajiet tat-tim u kwalunkwe konklużjoni jew dokument ta' ħidma mill-attivitajiet tat-tim.

Artikolu 3

1.   Kull sena, mhux aktar tard mill-1 ta' Ġunju, u għall-ewwel darba mhux aktar tard minn 30 ġurnata mid-data ta' pubblikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri għandhom iressqu l-lista ta' l-esperti li jipproponu għad-deżinjazzjoni bħala membri tat-tim għas-sena kalendarja li jmiss lill-Kummissjoni.

F'dik l-okkażjoni, l-Istati Membri għandhom jipprovdu l-informazzjoni xierqa kollha dwar il-profil professjonali u l-qasam ta' għarfien għal kull wieħed mill-esperti proposti.

2.   Il-membri tat-tim għandhom jinħatru mill-Kummissjoni minn fost esperti proposti mill-Istati Membri.

Kull sena, sa mhux aktar tard mill-1 ta' Novembru, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri fil-qafas tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa ta' l-Annimali dwar il-lista aġġornata tal-membri tat-tim.

Il-Kummissjoni għandha tippubblika dik il-lista aġġornata fuq il-websajt tagħha.

L-ismijiet tal-membri għandhom jinġabru, jiġu pproċessati u ppubblikati skond ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3).

Il-Membri li ma jkunux jistgħu jibqgħu jagħtu sehem effettiv lill-attivitajiet tat-tim jew li jirriżenjaw jew li ma jirrispettawx ir-regoli stipulati fl-Artikolu 4 ta' din id-Deċiżjoni jew l-Artikolu 287 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea jistgħu jiġu sostitwiti.

Artikolu 4

It-tim għandu jikkonforma mar-regoli proċedurali stabbiliti mis-servizzi tal-Kummissjoni abbażi tar-regoli proċedurali standard għall-gruppi ta' l-esperti.

Dawk ir-regoli proċedurali għandhom jiġu ppubblikati fuq il-websajt tal-Kummissjoni.

Artikolu 5

Il-membri tat-tim għandhom:

(a)

fuq talba mill-Kummissjoni, jkunu disponibbli fi kwalunkwe ħin mingħajr ma jkunu avżati ħafna qabel;

(b)

iżommu għalihom it-tagħrif li jiksbu b'riżultat ta' xogħol it-tim meta jiġu infurmati li tagħrif bħal dan huwa kunfidenzjali.

Artikolu 6

L-Istati Membri għandhom ikunu intitolati għall-indennizzi għall-parteċipazzjoni tagħhom fl-attivitajiet fuq il-post tat-tim u għar-rwol ta' Mexxej tat-tim jew Rapporteur għall-missjoni dwar kwestjoni speċifika, kif inhu previst fl-Anness ma' din id-Deċiżjoni.

Ir-rimborsi ta' spejjeż ta' vjaġġar ta' affarijiet ta' kuljum għandhom jiġu rimbursati mill-Kummissjoni skond ir-regoli għar-rimbors ta' vjaġġar, spejjeż ta' kuljum u spejjeż oħra għal esperti barranin tat-“Taqsima Esperti”, fi ħdan l-Uffiċċju għall-Amministrazzjoni u l-Ħlas ta' Allokazzjoni Individwali tal-Kummissjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, 28 ta' Frar 2007.

Għall-Kummissjoni

Markos KYPRIANOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 378, 31.12.1982, p. 58.

(2)  ĠU L 165, 30.4.2004, p. 1 kif koreġuta (ĠU L 191, 28.5.2004, p. 1).

(3)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.


ANNESS

INDENNIZZI

Il-membri tat-tim għandhom ikunu intitolati għall-indennizzi għall-parteċipazzjoni tagħhom fl-attivitajiet ta' fuq il-post kif ġej:

 

Għall-parteċipazzjoni fl-attivitajiet ta' fuq il-post tat-tim:

EUR 300 għall-kull ġurnata ta' parteċipazzjoni sħiħa jew EUR 150 għall-parteċipazzjoni ta' filgħodu jew filgħaxija jew f'laqgħa esterna li hija konnessa max-xogħol tat-tim.

 

Għar-rwol bħala Mexxej tat-tim jew Rapporteur għall-attivitajiet li jeħtieġu mhux inqas minn ġurnata xogħol waħda u bil-kunsens bil-miktub minn qabel tal-Kummissjoni:

EUR 300.