24.2.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

1


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tat-12 ta' Frar 2007

li tistabbilixxi l-programmi speċifiċi “Prevenzjoni, Stat ta' Tħejjija u Maniġġar tal-Konsegwenzi tat-Terroriżmu u riskji oħra relatati mas-Sigurtà” u “Prevenzjoni ta' u l-Ġlieda kontra l-Kriminalità” għall-Perijodu 2007-2013 bħala parti mill-programmi Ġenerali dwar is-Sigurtà u s-Salvagwardja tal-Libertajiet u dwar id-Drittijiet Fundamentali u l-Ġustizzja

(2007/124/KE, Euratom)

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 308 tiegħu,

u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea ta' l-Enerġija Atomika, u b'mod partikolari l-Artikolu 203 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Billi:

(1)

Il-prevenzjoni, l-istat ta' tħejjija u l-maniġġar tal-konsegwenzi tat-terroriżmu u riskji oħra relatati mas-sigurtà huma aspetti essenzjali tal-protezzjoni tal-persuni u l-infrastruttura kritika fiż-żona ta' libertà, sigurtà u ġustizzja.

(2)

Il-Pjan ta' Azzjoni rivedut ta' l-Unjoni Ewropea dwar il-Ġlieda kontra t-Terroriżmu kif adottat mill-Kunsill Ewropew tas-17-18 ta' Ġunju 2004, identifika bħala kwistjonijiet ta' prijorità, fost oħrajn, il-prevenzjoni u l-maniġġar tal-konsegwenzi ta' attakki terroristiċi, u l-protezzjoni ta' infrastrutturi kritiċi.

(3)

Fit-2 ta' Diċembru 2004, il-Kunsill adotta l-Programm ta' Solidarjetà rivedut ta' l-Unjoni Ewropea dwar il-Konsegwenzi ta' Theddid u Attakki Terroristiċi, b'enfasi fuq l-importanza tal-valutazzjonijiet tar-riskju u t-theddid, il-protezzjoni ta' infrastruttura kritika, il-mekkaniżmi għall-kxif u l-identifikazzjoni ta' theddid terroristiku, u l-istat ta' tħejjija politiku u operattiv u l-kapaċità għall-maniġġar tal-konsegwenzi.

(4)

F'Diċembru 2005 l-Kunsill iddeċieda li l-Programm Ewropew għall-Protezzjoni ta' Infrastruttura Kritika (PEPIK) ser ikun ibbażat fuq approċċ li jikkunsidra l-perikoli kollha filwaqt li l-ġlieda kontra theddid mit-terroriżmu hija meqjusa bħala prijorità. Strateġija Ġdida ta' Kontra t-Terroriżmu li fiha erba' linji: Prevenzjoni, protezzjoni, insegwiment u rispons, kienet ukoll adottata fil-Kunsill Ewropew ta' Diċembru 2005.

(5)

Il-mekkaniżmu tal-Komunità għall-faċilitazzjoni tal-kooperazzjoni msaħħa f'interventi ta' assistenza għall-protezzjoni ċivili stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/792/KE, Euratom tat-23 ta' Ottubru 2001 (2), jindirizza rispons immedjat għall-emerġenzi prinċipali kollha, iżda ma kienx maħsub speċifikament għall-prevenzjoni, l-istat ta' tħejjija u l-maniġġar tal-konsegwenzi ta' attakki terroristiċi.

(6)

Il-Programm ta' l-Aja (3) stabbilit mill-Kunsill Ewropew f'Novembru 2004, appella għal maniġġar integrat u kkoordinat ta' kriżijiet fl-UE b'effetti transkonfinali.

(7)

Fil-kamp ta' applikazzjoni tal-kompetenza tagħha l-Komunità għandha tikkontribwixxi għat-teħid tal-miżuri meħtieġa biex it-terroristi jiġu miżmuma lura milli jattakkaw il-valuri tad-demokrazija, l-istat tad-dritt, is-soċjetà miftuħa u l-libertà taċ-ċittadini u s-soċjetajiet tagħna, u sabiex jiġu limitati l-konsegwenzi ta' kwalunkwe attakk kull fejn ikun possibbli.

(8)

Fl-interess ta' l-effikaċja, l-effiċjenza a paragun tan-nefqa u t-trasparenza, l-isforzi speċifiċi għall-prevenzjoni, l-istat ta' tħejjija u l-maniġġar tal-konsegwenzi tat-terroriżmu għandhom ikunu simplifikati u ffinanzjati minn programm wieħed uniku.

(9)

Fir-rigward taċ-ċertezza u l-koerenza legali, u l-komplementarjetà ma' programmi finanzjarji oħra, it-termini “prevenzjoni u ta' stat ta' tħejjija”, “maniġġar ta' konsegwenzi” u “infrastruttura kritika” għandhom ikunu definiti.

(10)

Ir-responsabbiltà primarja għall-protezzjoni ta' infrastrutturi kritiċi taqa' fuq l-Istati Membri, is-sidien, l-operaturi u l-utenti (l-utenti definiti bħala organizzazzjonijiet li jabbużaw u jużaw l-infrastruttura għal għanijiet ta' kummerċ u proviżjoni ta' servizz). L-awtoritajiet ta' l-Istati Membri ser jipprovdu tmexxija u koordinazzjoni fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' approċċ konsistenti nazzjonali għall-protezzjoni ta' infrastruttura kritika fil-ġurisdizzjoni tagħhom b'kont meħud tal-kompetenzi Komunitarji eżistenti. Ir-responsabbiltà għat-twettiq tal-valutazzjonijiet tar-riskju u tat-theddid għalhekk hija primarjament ta' l-Istati Membri.

(11)

Azzjonijiet tal-Kummissjoni, flimkien ma' proġetti transnazzjonali fejn ikun il-każ, huma essenzjali għall-kisba ta' approċċ Komunitarju integrat u kkoordinat. Barra minn hekk, huwa utli u adatt li jiġu appoġġati proġetti fl-Istati Membri sal-punt li jkunu jistgħu jipprovdu esperjenza u għarfien utli għal azzjonijiet ulterjuri fil-livell Komunitarju, b'mod partikolari valutazzjonijiet ta' riskji u theddid. F'dan ir-rigward hu xieraq li jiġi adottat approċċ għall-perikoli kollha waqt li t-theddida tat-terroriżmu tkun ikkunsidrata bħala prijorità.

(12)

Huwa wkoll xieraq li jsir provvediment għall-parteċipazzjoni ta' pajjiżi terzi u ta' organizzazzjonijiet internazzjonali fi proġetti transnazzjonali.

(13)

Jeħtieġ li tkun żgurata l-komplementarjetà ma' programmi oħra Komunitarji u ta' l-Unjoni bħall-Fond ta' Solidarjetà ta' l-Unjoni Ewropea u l-Istrument Finanzjarju ta' Protezzjoni Ċivili, il-mekkaniżmu tal-Komunità għall-faċilitazzjoni tal-kooperazzjoni msaħħa f'interventi ta' assistenza għall-protezzjoni ċivili, is-Seba' Programm Kwadru għar-Riċerka u l-Iżvilupp Teknoloġiku u l-Attivitajiet ta' Demostrazzjoni u l-Fondi Strutturali.

(14)

Ladarba l-għanijiet ta' din id-Deċiżjoni ma jistgħux jinkisbu biżżejjed mill-Istati Membri u jistgħu għalhekk, minħabba l-iskala jew l-effetti tal-programm, jinkisbu aħjar fuq il-livell Komunitarju, il-Komunità tista' tadotta miżuri skond il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju ta' proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, din id-Deċiżjoni ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jinkisbu dawk l-għanijiet.

(15)

In-nefqa tal-programm għandha tkun kompatibbli mal-limitu taħt l-Intestatura 3 tal-qafas finanzjarju. Jeħtieġ li tkun prevista flessibbiltà fid-definizzjoni tal-programm sabiex jitħalla post għal aġġustamenti eventwali fi kwalunkwe azzjoni prevista, sabiex ikun hemm risposta għall-evoluzzjoni ta' ħtiġijiet matul il-perijodu 2007-2013. Id-deċiżjoni għandha, għalhekk, tkun limitata għad-definizzjoni ġenerika ta' azzjonijiet previsti u l-arranġamenti amministrattivi u finanzjarji rispettivi tagħhom.

(16)

Għandhom jittieħdu wkoll miżuri xierqa għall-prevenzjoni ta' irregolaritajiet u frodi, u għandhom jittieħdu l-passi meħtieġa biex jiġu rkuprati fondi mitlufa, imħallsa b'mod mhux dovut jew użati ħażin b'mod konformi mar-Regolamenti tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 tat-18 ta' Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni ta' l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea (4), (Euratom, KE) Nru 2185/96 tal-11 ta' Novembru 1996 dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni (5) u r-Regolament (KE) Nru 1073/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Mejju 1999 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi (OLAF) (6).

(17)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju li japplika għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (7) u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2342/2002 tat-23 ta' Diċembru 2002 li jippreskrivi regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (8), li jissalvagwardjaw l-interessi finanzjarji tal-Komunità, japplikaw b'kont meħud tal-prinċipji tas-sempliċità u l-konsistenza fl-għażla ta' l-istrumenti tal-baġit, limitazzjoni fuq in-numru ta' każijiet fejn il-Kummissjoni żżomm responsabbiltà diretta għall-implimentazzjoni u l-amministrazzjoni tagħhom, u l-proporzjonalità meħtieġa bejn l-ammont ta' riżorsi u l-piż amministrattiv marbut ma' l-użu tagħhom.

(18)

Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni għandhom jiġu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta' l-implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni (9) filwaqt li ssir distinzjoni bejn dawk il-miżuri li huma soġġetti għall-proċedura tal-kumitat amministrattiv u dawk li huma soġġetti għall-proċedura tal-kumitat konsultattiv, fejn f'ċerti każijiet u bil-ħsieb ta' effiċenzja akbar, din ta' l-aħħar tkun l-aktar adatta.

(19)

It-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea ta' l-Enerġija Atomika ma jipprovdux setgħat speċifiċi għall-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni għajr dawk taħt l-Artikoli 308 u 203, rispettivament.

(20)

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew ta l-opinjoni tiegħu. (10)

(21)

Sabiex ikun żgurat l-implimentazzjoni effettiva u fil-ħin tal-programm, din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta' Jannar 2007,

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Suġġett

1.   Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi l-Programm Speċifiku “Prevenzjoni, Stat ta' Tħejjija u Ġestjoni tal-Konsegwenzi tat-Terroriżmu u riskji oħra relatati mas-Sigurtà”, minn issa 'l quddiem imsejjaħ “il-Programm”, sabiex isir kontribut għall-appoġġ ta' l-isforzi ta' l-Istati Membri sabiex jipprevjenu, iħejju għal, u jipproteġu lill-persuni u l-infrastruttura kritika kontra riskji marbuta ma' attakki terroristiċi u riskji oħra relatati mas-sigurtà, bħala parti mill-Programm Ġenerali dwar is-Sigurtà u Salvagwardja tal-Libertajiet.

2.   Il-Programm għandu jkopri l-perijodu mill-1 ta' Jannar 2007 sal-31 ta' Diċembru 2013.

3.   Din id-Deċiżjoni m' għandhiex tapplika għal kwistjonijiet li huma koperti mill-Istrument Finanzjarju ta' Protezzjoni Ċivili.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni, id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw:

(a)

“prevenzjoni u stat ta' tħejjija” tirreferi għal miżuri mmirati lejn il-prevenzjoni u/jew (i)t-tnaqqis ta' riskji marbuta mat-terroriżmu u riskji oħra relatati mas-sigurtà;

(b)

“maniġġar tal-konsegwenzi” tirreferi għall-koordinazzjoni ta' miżuri meħuda sabiex ikun hemm reazzjoni għal, u jiġi mnaqqas, l-impatt ta' l-effetti ta' inċident relatat mas-sigurtà, b'mod partikolari inċident li jirriżulta minn attakki terroristiċi sabiex tkun żgurata l-koordinazzjoni mingħajr xkiel ta' maniġġar ta' kriżijiet u azzjonijiet ta' sigurtà;

(ċ)

“infrastruttura kritika” tinkludi b'mod partikolari dawk ir-riżorsi fiżiċi, is-servizzi, il-faċilitajiet ta' teknoloġija ta' l-informatika, netwerks u assi ta' infrastruttura li, jekk imfixkla jew meqruda, ikollhom impatt serju fuq il-funzjonijiet kritiċi tas-soċjetà, inkluża l-katina tal-provvista, is-saħħa, is-sikurezza, is-sigurtà, il-benesseri ekonomiku u soċjali tal-persuni jew tal-funzjonament tal-Komunità jew l-Istati Membri tagħha.

Artikolu 3

Għanijiet ġenerali

1.   Dan il-Programm għandu jikkontribwixxi għall-appoġġ ta' l-isforzi ta' l-Istati Membri għall-prevenzjoni, it-tħejjija għal, u l-protezzjoni ta' persuni u infrastruttura kritika kontra attakki terroristiċi u inċidenti oħra relatati mas-sigurtà.

2.   Il-Programm huwa maħsub sabiex jikkontribwixxi għall-iżgurar tal-protezzjoni f'oqsma bħall-kriżi, maniġġar, ambjent, is-saħħa pubblika, it-trasport, ir-riċerka u l-iżvilupp teknoloġiku u l-koeżjoni ekonomika u soċjali, fil-qasam tat-terroriżmu u riskji oħra relatati mas-sigurtà fiż-żona ta' libertà, sigurtà u ġustizzja.

Artikolu 4

Għanijiet speċifiċi

1.   Fi ħdan l-għanijiet ġenerali, u dment li ma jkunx kopert minn strumenti finanzjarji oħra, il-Programm għandu jistimula, jippromwovi u jiżviluppa miżuri dwar il-prevenzjoni, l-istat ta' tħejjija u l-maniġġar tal-konsegwenzi abbażi, fost l-oħrajn, ta' valutazzjonijiet komprensivi tat-theddid u tar-riskju, soġġetti għas-superviżjoni mill-Istati Membri u b'kont dovut għall-kompetenza Komunitarja eżistenti f'dik il-materja, u bil-għan tal-prevenzjoni jew it-tnaqqis ta' riskji marbuta mat-terroriżmu u riskji oħra relatati mas-sigurtà.

2.   Fir-rigward ta' prevenzjoni u stat ta' tħejjija ta' riskji konnessi mat-terroriżmu u riskji oħra relatati tas-sigurtà l-Programm jimmira għall-protezzjoni tan-nies u ta' l-infrastruttura kritika, b'mod partikolari billi:

(a)

jistimula, jippromwovi, u jappoġġa valutazzjonijiet tar-riskju dwar infrastruttura kritika, sabiex titjieb is-sigurtà.

(b)

jistimula, jippromwovi, u jappoġġa l-iżvilupp ta' metodoloġiji għall-protezzjoni ta' infrastruttura kritika, b'mod partikolari metodoloġiji ta' valutazzjoni tar-riskju.

(ċ)

jippromwovi u jappoġġa miżuri operattivi kondiviżi għat-titjib tas-sigurtà f'katini tal-provvista transkonfinali, dment li r-regoli tal-kompetizzjoni fis-suq intern ma jkunux imfixkla.

(d)

jippromwovi u jappoġġa l-iżvilupp ta' standards tas-sigurtà, u skambju ta' ħila u esperjenza dwar protezzjoni tan-nies u ta' infrastruttura kritika;

(e)

jippromwovi u jappoġġa l-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni mal-Komunità kollha dwar il-protezzjoni ta' infrastruttura kritika.

3.   Fir-rigward ta' maniġġar tal-konsegwenzi l-Programm għandu l-għan li:

(a)

jistimula, jippromwovi u jappoġġa skambju ta' ħila u esperjenza, sabiex tiġi stabbilita l-aħjar prattika bil-ħsieb tal-koordinazzjoni ta' miżuri ta' rispons u sabiex tinkiseb kooperazzjoni bejn diversi atturi ta' maniġġar ta' kriżijiet u azzjonijiet ta' sigurtà;

(b)

jippromwovi eżerċizzji konġunti u xenarji prattiċi li jinkludu komponenti ta' sigurtà u sikurezza, sabiex isaħħaħ il-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni bejn atturi rilevanti fil-livell Ewropew ;

Artikolu 5

Azzjonijiet Eliġibbli

1.   Bil-ħsieb li jiġu persegwiti l-għanijiet ġenerali u speċifiċi mniżżla fl-Artikoli 3 u 4, il-programm għandu jipprovdi taħt il-kundizzjonijiet li jidhru fil-Programm ta' ħidma annwali appoġġ finanzjarju għat-tipi ta' azzjoni li ġejjin:

(a)

proġetti mibdija u amministrati mill-Kummissjoni b'dimensjoni Ewropea;

(b)

proġetti transnazzjonali, li għandhom jinvolvu sħab f'mill-inqas żewġ Stati Membri, jew ta' l-inqas Stat Membru wieħed u pajjiż wieħed ieħor li jista' jkun pajjiż aderenti jew pajjiż kandidat;

(ċ)

proġetti nazzjonali fl-Istati Membri, li

(i)

iħejju proġetti transnazzjonali u/jew azzjonijiet Komunitarji (“miżuri ta' avvjament”),

(ii)

jħejju proġetti transnazzjonali u/jew azzjonijiet Komunitarji (“miżuri komplementarji”),

(iii)

jikkontribwixxu għall-iżvilupp ta' metodi innovattivi u/jew teknoloġiji b'potenzjal għal transferibbiltà għal azzjonijiet fil-livell Komunitarju, jew jiżviluppaw tali metodi jew teknoloġiji bil-ħsieb li jiġu trasferiti lill-Istati Membri l-oħra u/jew lil pajjiż ieħor li jista' jkun pajjiż aderenti jew pajjiż kandidat.

2.   B'mod partikolari, appoġġ finanzjarju jista' jkun ipprovdut għal

(a)

azzjonijiet dwar kooperazzjoni u koordinazzjoni operattivi (tisħiħ tan-netwerking, kunfidenza u ftehim reċiproku, żvilupp ta' pjanijiet ta' kontinġenza, skambju u tixrid ta' informazzjoni, esperjenza u l-aħjar prattika)

(b)

attivitajiet analitiċi, ta' monitoraġġ, ta' evalwazzjoni u ta' verifika,

(ċ)

żvilupp u trasferiment ta' teknoloġija u metodoloġija, b'mod partikolari fir-rigward ta' kondiviżjoni ta' informazzjoni u interoperabbiltà,

(d)

taħriġ, skambju ta' persunal u esperti; u

(e)

attivitajiet ta' sensibilizzazzjoni u tixrid.

Artikolu 6

Aċċess għall-Programm

1.   Aċċess għall-Programm għandu jkun miftuħ għal korpi u organizzazzjonijiet b'personalità ġuridika stabbilti fl-Istati Membri. Korpi u organizzazzjonijiet li huma orjentati għall-profitt għandu jkollhom aċċess għall-għotjiet biss flimkien ma' organizzazzjonijiet bla profitt jew statali. Organizzazzjonijiet mhux governattivi jistgħu japplikaw għall-finanzjament tal-proġetti msemmija fl-Artikolu 5(2) dment li jiżguraw livell suffiċjenti ta' konfidenzjalità.

2.   Fir-rigward ta' proġetti transnazzjonali, pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali jistgħu jieħdu sehem bħala sħab iżda ma jistgħux jissottomettu proġetti.

Artikolu 7

Tipi ta' intervent

1.   Appoġġ finanzjarju Komunitarju jista' jieħu l-forom legali li ġejjin:

(a)

għotjiet,

(b)

kuntratti ta' akkwist pubbliku.

2.   Għotjiet Komunitarji għandhom jingħataw wara sejħiet għal proposti, ħlief f'każijiet eċċezzjonali ta' emerġenza ssostanzjati kif dovut jew fejn il-karatteristiċi tal-benefiċjarju ma jħallu l-ebda għażla oħra għal azzjoni partikolari, u għandhom jiġu pprovduti permezz ta' għotjiet operattivi u għotjiet għal azzjonijiet.

Il-programm ta' ħidma annwali għandu jispeċifika r-rata minima tan-nefqa annwali li għandha tingħata għall-għotjiet. Din ir-rata minima għandha tkun mill-anqas ta' 65 %.

Ir-rata massima ta' kofinanzjament ta' l-ispejjeż tal-proġetti għandha tiġi speċifikata fil-programm ta' ħidma annwali.

3.   Hija prevista nefqa għal miżuri ta' akkumpanjament, permezz ta' kuntratti ta' akkwist pubbliku, f'liema każ fondi Komunitarji għandhom ikopru x-xiri ta' servizzi u merkanzija. Dan għandu jkopri, inter alia, nefqa fuq informazzjoni u komunikazzjoni, tħejjija, implimentazzjoni, monitoraġġ, ikkontrollar u evalwazzjoni ta' proġetti, linja politiċi, programmi u leġiżlazzjoni.

Artikolu 8

Miżuri implimentattivi

1.   Il-Kummissjoni għandha timplimenta l-appoġġ finanzjarju Komunitarju skond ir-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002, minn issa 'l quddiem imsejjaħ ir-“Regolament Finanzjarju”.

2.   Sabiex timplimenta l-Programm, il-Kummissjoni għandha, fil-limiti ta' l-għanijiet ġenerali definiti fl-Artikolu 3, tadotta programm ta' ħidma annwali, sa' l-aħħar ta' Settembru li jispeċifika l-għanijiet speċifiċi tagħha, il-prijoritajiet tematiċi, deskrizzjoni ta' miżuri ta' akkumpanjament previsti fl-Artikolu 7(3) u jekk ikun meħtieġ lista ta' azzjonijiet oħrajn.

Il-programm ta' ħidma annwali għall-2007 għandu jiġi adottat tliet xhur wara li jkollha effett din id-Deċiżjoni.

3.   Il-programm ta' ħidma annwali għandu jiġi adottat skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 9(3).

4.   Il-proċeduri ta' evalwazzjoni u ta' għoti relatati ma' għotjiet għal azzjonijiet għandhom jieħdu kont, inter alia, tal-kriterji li ġejjin:

(a)

il-konformità mal-programm ta' ħidma annwali, l-għanijiet ġenerali kif speċifikat fl-Artikolu 3 u miżuri meħuda fl-oqsma differenti kif speċifikat fl-Artikoli 4 u 5;

(b)

il-kwalità ta' l-azzjoni proposta fir-rigward tal-konċepiment, l-organizzazzjoni u l-preżentazzjoni tagħha u r-riżultati mistennija minnha;

(ċ)

l-ammont mitlub għall-finanzjament Komunitarju u kemm hu xieraq meta jitqiesu r-riżultati mistennija;

(d)

l-impatt tar-riżultati mistennija fuq l-għanijiet ġenerali definiti fl-Artikolu 3 u fuq il-miżuri li ttieħdu fl-oqsma differenti kif speċifikat fl-Artikoli 4 u 5.

5.   Deċiżjonijiet relatati ma' azzjonijiet sottomessi taħt l-Artikolu 5(1)(a) għandhom ikunu adottati mill-Kummissjoni skond il-proċedura amministrattiva msemmija fl-Artikolu 9(3). Deċiżjonijiet relatati ma' azzjonijiet sottomessi taħt l-Artikolu 5(1)(b) u (ċ) għandhom ikunu adottati mill-Kummissjoni skond il-proċedura ta' konsultazzjoni msemmija fl-Artikolu 9(2).

Deċiżjonijiet dwar applikazzjonijiet għal għotjiet li jinvolvu korpi jew organizzazjonijiet orjentati lejn il-profitt għandhom ikunu adottati mill-Kummissjoni skond il-proċedura amministrattiva msemmija fl-Artikolu 9(3).

Artikolu 9

Kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn kumitat (minn issa 'l quddiem imsejjaħ “il-Kumitat”).

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu għandhom japplikaw l-Artikoli 3 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.

3.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu għandhom japplikaw l-Artikoli 4 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.

Il-perijodu stabbilit fl-Artikolu 4(3) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jkun stabbilit għal 3 xhur.

4.   Il-Kumitat għandu jadotta r-regoli ta' proċedura tiegħu.

Artikolu 10

Komplementarjetà

1.   Għandhom ikunu mfittxija sinerġiji, konsistenza u komplementarjetà ma' strumenti ta' l-Unjoni u Komunitarji oħra, inter alia mal-programmi speċifiċi ”Prevenzjoni ta' u l-Ġlieda kontra l-Kriminalità” u ”Ġustizzja Kriminali”, is-Seba' Programm Kwadru għar-Riċerka u l-Iżvilupp Teknoloġiku u l-Attivitajiet ta' Dimonstrazzjoni, il-Fond ta' Solidarjetà ta' l-Unjoni Ewropea u l-Istrument Finanzjarju għall-Protezzjoni Ċivili.

2.   Il-Programm jista' jikkondividi riżorsi ma' strumenti oħra Komunitarji u ta' l-Unjoni, b'mod partikolari l-Programm dwar il-Prevenzjoni ta' u l-Ġlieda kontra l-Kriminalità, sabiex jiġu implimentati azzjonijiet li jissodisfaw l-għanijiet kemm tal-Programm kif ukoll ta' strumenti oħra Komunitarji/ta' l-Unjoni.

3.   Operazzjonijiet iffinanzjati taħt din id-Deċiżjoni m' għandhomx jirċievu appoġġ finanzjarju għall-istess għan minn strumenti finanzjarji oħra Komunitarji jew ta' l-Unjoni. Għandu jkun żgurat li l-benefiċjarji tal-Programm għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni b'informazzjoni dwar finanzjament irċevut mill-baġit ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea u minn sorsi oħra, kif ukoll informazzjoni dwar applikazzjonijiet kurrenti għal finanzjament.

Artikolu 11

Riżorsi tal-Baġit

Ir-riżorsi tal-baġit allokati għall-azzjonijiet previsti f'dan il-Programm għandhom jiddaħħlu fl-approprjazzjonijiet annwali tal-baġit ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea. L-approprjazzjonijiet annwali disponibbli għandhom jiġu awtorizzati mill-awtorità tal-baġit fil-limiti tal-qafas finanzjarju.

Artikolu 12

Monitoraġġ

1.   Il-Kummissjoni għandha tiżgura li għal kwalunkwe azzjoni ffinanzjata mill-Programm, il-benefiċjarju jissottometti rapporti tekniċi u finanzjarji dwar il-progress tal-ħidma u li rapport finali jiġi sottomess fi żmien tliet xhur mit-tlestija ta' l-azzjoni. Il-Kummissjoni għandha tiddetermina l-forma u l-istruttura tar-rapporti.

2.   Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-kuntratti u l-ftehim li jirriżultaw mill-implimentazzjoni tal-Programm jipprevedu b'mod partikolari għas-superviżjoni u l-kontroll finanzjarju mill-Kummissjoni (jew kwalunkwe rappreżentant awtorizzat minnha), jekk meħtieġ permezz ta' kontrolli fuq il-post, inkluż kontrolli ta' kampjuni, u verifiki mill-Qorti ta' l-Awdituri.

3.   Il-Kummissjoni għandha tiżgura li għal perijodu ta' ħames snin wara l-aħħar pagament fir-rigward ta' kwalunkwe azzjoni, il-benefiċjarju ta' l-appoġġ finanzjarju Komunitarju għandu jżomm għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni d-dokumenti kollha ta' appoġġ fir-rigward tan-nefqa fuq l-azzjoni.

4.   Abbażi tar-riżultati tar-rapporti u l-kontrolli fuq il-post imsemmija fil-paragrafi 1 u 2, il-Kummissjoni għandha tiżgura, jekk meħtieġ, li l-iskala jew il-kondizzjonijiet ta' l-allokazzjoni ta' l-appoġġ finanzjarju approvati oriġinarjament kif ukoll l-iskeda ta' żmien għall-pagamenti jiġu aġġustati.

5.   Il-Kummissjoni għandha tiżgura li kull pass ieħor meħtieġ biex tivverifika li l-azzjonijiet iffinanzjati jitwettqu tajjeb u jittieħdu skond id-dispożizzjonijiet ta' din id-Deċiżjoni u tar-Regolament Finanzjarju.

Artikolu 13

Protezzjoni ta' l-interessi finanzjarji Komunitarji

1.   Il-Kummissjoni għandha tiżgura li, meta azzjonijiet iffinanzjati taħt din id-Deċiżjoni preżenti jiġu implimentati, l-interessi finanzjarji Komunitarji jkunu protetti bl-applikazzjoni ta' miżuri ta' prevenzjoni kontra l-frodi, korruzzjoni u kwalunkwe attività illegali oħra, permezz ta' kontrolli effettivi u permezz ta' l-irkupru ta' l-ammonti mħallsa mhux kif dovut u, jekk jiġu individwati irregolaritajiet, b'pieni effettivi, proporzjonati u dissważivi, skond ir-Regolamenti (KE, Euratom) Nru 2988/95, (Euratom, KE) Nru 2185/96, u (KE) Nru 1073/1999.

2.   Għall-azzjonijiet Komunitarji ffinanzjati taħt din id-Deċiżjoni, ir-Regolamenti (KE, Euratom) Nru 2988/95 u (Euratom, KE) Nru 2185/96 għandhom japplikaw għal kwalunkwe ksur ta' dispożizzjoni ta' liġi Komunitarja, inkluż ksur ta' obbligu kuntrattwali stipulat abbażi tal-Programm, li jirriżulta minn att jew omissjoni minn operatur ekonomiku, li għandu, jew ikollu, l-effett li jippreġudika l-baġit ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea jew il-baġits amministrati minnha, b'punt ta' nefqa mhux ġustifikat.

3.   Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-ammont ta' assistenza finanzjarja mogħti għal azzjoni jiġi mnaqqas, sospiż jew irkuprat, jekk issib irregolaritajiet, inkluż nuqqas ta' konformità mad-dispożizzjonijiet ta' din id-Deċiżjoni jew id-deċiżjoni individwali jew il-kuntratt jew il-ftehim li jagħtu l-appoġġ finanzjarju in kwistjoni, jew jekk jirriżulta li, mingħajr ma tkun intalbet l-approvazzjoni tal-Kummissjoni, l-azzjoni tkun għaddiet minn tibdil li jmur kontra n-natura jew il-kondizzjonijiet ta' implimentazzjoni tal-proġett.

4.   Jekk il-limiti ta' żmien ma jkunux ġew osservati jew jekk parti biss mill-appoġġ finanzjarju allokat tkun iġġustifikata bil-progress li jkun sar bl-implimentazzjoni ta' azzjoni, il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-benefiċjarju jiġi mitlub jissottometti osservazzjonijiet f'perijodu speċifikat. Jekk il-benefiċjarju ma jagħtix tweġiba sodisfaċenti, il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-appoġġ finanzjarju li jkun fadal jista' jiġi kkanċellat u li jiġi mitlub il-ħlas lura ta' somom diġà mħallsa.

5.   Il-Kummissjoni għandha tiżgura li kwalunkwe pagament imħallas mhux kif dovut jitħallas lura lill-Kummissjoni. Għandhom jiżdiedu l-interessi ma' kwalunkwe somma mhux imħallsa lura f'waqtha taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti mir-Regolament Finanzjarju.

Artikolu 14

Evalwazzjoni

1.   Il-Programm għandu jiġi mmonitorjat regolarment sabiex tkun segwita l-implimentazzjoni ta' attivitajiet imwettqa taħt dan.

2.   Il-Kummissjoni għandha tiżgura evalwazzjoni regolari, indipendenti u esterna tal-Programm.

3.   Il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill:

(a)

preżentazzjoni annwali dwar l-implimentazzjoni tal-Programm

(b)

rapport ta' evalwazzjoni interim dwar ir-riżultati miksuba u l-aspetti kwalitattivi u kwantitattivi ta' l-implimentazzjoni ta' dan il-Programm sa mhux aktar tard mill-31 ta' Marzu 2010;

(ċ)

komunikazzjoni dwar il-kontinwazzjoni ta' dan il-Programm sa mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 2010;

(d)

rapport ta' evalwazzjoni ex post sa mhux aktar tard mill-31 ta' Marzu 2015.

Artikolu 15

Pubblikazzjoni ta' proġetti

Kull sena, il-Kummissjoni għandha tippubblika l-lista ta' azzjonijiet iffinanzjati taħt il-Programm b'deskrizzjoni qasira ta' kull proġett.

Artikolu 16

Effett u applikazzjoni

Din id-Deċiżjoni għandu jkollha effett fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Hija għandha tapplika mill-1 ta' Jannar 2007

Magħmul fi Brussel, 12 ta' Frar 2007.

Għall-Kunsill

Il-President

F.-W. STEINMEIER


(1)  Opinjoni mogħtija fl-14 ta' Diċembru 2006 (għadha mhux pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali)

(2)  ĠU L 297, 15.11.2001, p. 7.

(3)  ĠU C 53, 3.3.2005, p. 1.

(4)  ĠU L 312, 23.12.1995, p. 1.

(5)  ĠU L 292, 15.11.1996, p. 2.

(6)  ĠU L 136, 31.5.1999 p. 1.

(7)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1. Regolament kif emendat bir-Regolament (KE, Euratom) Nru 1995/2006 (ĠU L 390, 30.12.2006, p. 1).

(8)  ĠU L 357, 31.12.2002, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE, Euratom) Nru 1248/2006 (ĠU L 227, 19.8.2006, p. 3).

(9)  ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23. Deċiżjoni kif emendata bid-Deċiżjoni 2006/512/KE (ĠU L 200, 22.7.2006, p. 11).

(10)  ĠU C 65, 17.3.2006, p. 63.