|
24.8.2007 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
219 |
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI
ta' l-14 ta' Frar 2007
li temenda d-Deċiżjoni 2005/692/KE dwar ċerti miżuri ta' ħarsien rigward l-influwenza tat-tjur fil-Korea ta' Isfel
(notifikat bid-dokument numru C(2007) 410)
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
(2007/99/KE)
IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,
Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 91/496/KEE tal-15 ta' Lulju 1991 li tistabbilixxi l-prinċipji li jirregolaw l-organizzazzjoni ta' kontrolli veterinarji fuq annimali li jidħlu fil-Komunità minn pajjiżi terzi u li temenda d-Direttivi 89/662/KEE, 90/425/KEE u 90/675/KEE (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 18(7) tagħha,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 97/78/KE tat-18 ta' Diċembru 1997 li tistabbilixxi l-prinċipji li jirregolaw l-organizzazzjoni tal-verifiki veterinarji fuq prodotti li jidħlu fil-Komunità minn pajjiżi terzi (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 22 (6) ta' din id-Direttiva,
Billi:
|
(1) |
Wara t-tifqigħa ta' l-influwenza tat-tjur, ikkawżata minn razza tal-vajrus H5N1 b'patoġeniċità għolja, fix-Xlokk ta' l-Ażja li bdiet f'Diċembru 2003, il-Kummissjoni adottat bosta miżuri ta' ħarsien marbuta ma' l-influwenza tat-tjur. Dawn il-miżuri jinkludu b'mod partikolari d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/692/KE tas-6 ta' Ottubru 2005 li tikkonċerna ċerti miżuri ta' ħarsien relatati ma' l-influwenza tat-tjur f'bosta pajjiżi terzi (3). |
|
(2) |
Fil-25 ta' Novembru 2006, il-Korea ta' Isfel ikkonfermat tifqigħa ta' influwenza tat-tjur b'patoġeniċità għolja kkawżata mir-razza H5N1 fi stabbiliment tat-trobbija tat-tjur fin-naħa ta' isfel tal-pajjiż. |
|
(3) |
Taħt il-leġiżlazzjoni attwali tal-Komunità, il-Korea ta' Isfel hija awtorizzata biss biex tesporta lejn il-Komunità ikel mhux imsajjar għall-annimali domestiċi u materjal mhux ipproċessat għall-għalf li fih kwalunkwe parti tat-tjur, bajd għall-konsum mill-bniedem u trofej tal-kaċċa mhux ittrattati minn kwalunkwe għasfur. |
|
(4) |
Fid-dawl tar-riskju għas-saħħa ta' l-annimali bid-dħul ta' l-influwenza tat-tjur b'patoġeniċità għolja fil-Komunità, huwa xieraq li bħala miżura immedjata jiġu sospiżi l-importazzjonijiet ta' dawn il-prodotti mill-Korea ta' Isfel. |
|
(5) |
Id-Deċiżjoni 2005/692/KE għandha għalhekk tiġi emendata skond dan. |
|
(6) |
Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina ta' l-Ikel u s-Saħħa ta' l-Annimali, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni Nru 2005/692/KE hu mibdul b'dan li ġej:
“Artikolu 3
L-Istati Membri għandhom jissospendu l-importazzjoni mill-Malażja u mill-Korea ta' Isfel ta':
|
(a) |
ikel mhux imsajjar għall-annimali domestiċi u materjal ta' l-għalf mhux ipproċessat li jkun fih kwalunkwe parti tat-tjur; |
|
(b) |
bajd maħsub għall-konsum mill-bniedem; kif ukoll |
|
(c) |
trofej tal-kaċċa mhux ittrattati minn kwalunkwe għasfur.” |
Artikolu 2
L-Istati Membri għandhom minnufih jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jikkonformaw ma' din id-Deċiżjoni u jippubblikaw dawn il-miżuri. Huma għandhom jinformaw immedjatament lill-Kummissjoni dwar dan.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Brussell, 14 ta' Frar 2007.
Għall-Kummissjoni
Markos KYPRIANOU
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 268, 24.9.1991, p. 56. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2006/104/KE (ĠU L 363, 20.12.2006, p. 352).
(2) ĠU L 24, 30.1.1998, p. 9. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar mid-Direttiva 2006/104/KE.
(3) ĠU L 263, 8.10.2005, p. 20. Id-Deċiżjoni kif emendata mid-Deċiżjoni 2006/521/KE (ĠU L 205, 27.7.2006, p. 26).