|
8.1.2008 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
76 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
tat-12 ta’ Frar 2007
li temenda d-Deċiżjoni 1999/70/KE li tikkonċerna l-awdituri esterni tal-banek ċentrali nazzjonali fir-rigward ta' l-awdituri esterni tal-Banco de España
(2007/97/KE)
IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra l-Protokoll dwar l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew anness għat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 27(1) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni BĊE/2006/18 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-13 ta' Novembru 2006 lill-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea dwar l-awdituri esterni tal-Banco de España (1),
Billi:
|
(1) |
Il-kontijiet tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) u tal-banek ċentrali nazzjonali għandhom jiġu verifikati minn awdituri esterni indipendenti rakkomandati mill-Kunsill Regolatorju tal-BĊE u approvati mill-Kunsill. |
|
(2) |
Skond l-Artikolu 4(2) tal-Liġi 13/1994 ta' l-awtonomija tal-Banco de España u l-Artikoli 29(3) u 31 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, il-kontijiet tal-Banco de España huma verifikati minn awdituri esterni indipendenti kif provdut fl-Artikolu 27 tal-Protokoll dwar l-Istatut tas-Sistema Ewopea tal-Banek Ċentrali u l-Bank Ċentrali Ewropew u taħt it-termini tal-Liġi 19/1988 dwar il-verifika tal-kontijiet (2) fir-rigward ta' l-eliġibilità, il-mandat u r-rotazzjoni ta' l-awdituri. |
|
(3) |
Il-mandat ta' l-awdituri esterni attwali tal-Banco de España ser jiskadi wara l-verifika għas-sena finanzjarja 2005. Huwa għalhekk meħtieġ li jinħatru awdituri esterni mill-bidu tas-sena finanzjarja 2006. |
|
(4) |
Il-Banco de España għażel lil Deloitte, S.L. bħala l-awdituri esterni tiegħu għas-snin finanzjarji 2006 sa 2008. Il-mandat jista' wara dan jiġġedded fuq bażi annwali sa tmiem is-sena finanzjarja 2012. |
|
(5) |
Il-BĊE jqis li l-awdituri esterni magħżula mill-Banco de España jissodisfaw il-ħtiġiet meħtieġa biex jinħatru u għalhekk il-Kunsill Regolatorju tal-BĊE jirrakkomanda li Deloitte, S.L. jinħatru għas-snin finanzjarji 2006 sa 2008 u l-mandat tagħhom jista' eventwalment jiġġedded fuq bażi annwali sas-sena finanzjarja 2012. |
|
(6) |
Huwa xieraq li tiġi segwita r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill Regolatorju tal-BĊE u li tiġi emendata d-Deċiżjoni 1999/70/KE (3) kif meħtieġ, |
IDDECIEDA KIF GEJ:
Artikolu 1
L-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni 1999/70/KE għandu jinbidel b'dan li ġej:
“3. Deloitte, S.L. huma b'dan approvati bħala l-awdituri esterni tal-Banco de España għas-snin finanzjarji 2006 sa 2008.
Dan il-mandat jista' eventwalment jiġġedded fuq bażi annwali sa l-aħħar tas-sena finanzjarja 2012.”
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tiġi notifikata lill-Bank Ċentrali Ewropew.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni għandha tiġi pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, 12 ta’ Frar 2007.
Għall-Kunsill
Il-President
F.-W. STEINMEIER
(1) ĠU C 283, 21.11.2006, p. 16.
(2) Liġi kif emendata mill-Liġi 44/2002 dwar miżuri ta' riforma tas-sistema finanzjarja.
(3) ĠU L 22, 29.1.1999, p. 69. Deċiżjoni emendata l-aħħar bid-Deċiżjoni 2006/852/KE (ĠU L 331, 29.11.2006, p. 19).