24.8.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

200


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-2 ta' Frar 2007

li tapprova l-pjan ta' azzjoni tekniku ta' l-2007 għat-titjib ta' l-istatistika agrikola

(notifikat bid-dokument numru C(2006) 7081)

(2007/84/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 96/411/KE tal-25 ta' Ġunju 1996 dwar it-titjib ta' l-istatistika agrikola tal-Komunità, u b’ mod partikolari l-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 6(2) tagħha,

Billi:

(1)

Skond id-Deċiżjoni Nru 96/411/KE, il-Kummissjoni tistabbilixxi pjan ta' azzjoni tekniku għall-istatistika agrikola kull sena.

(2)

Skond id-Deċiżjoni Nru 96/411/KE, il-Komunità tikkontribwixxi għall-ispejjeż imġarrba mill-Istati Membri filwaqt li jwettqu addattamenti għal sistemi nazzjonali ta' statistika agrikola jew l-ispejjeż ta' xogħol ta' tħejjija għal ħtiġijiet ġodda jew li qed jiżdiedu li huma parti minn pjan ta' azzjoni tekniku.

(3)

Jeħtieġ li jkun hemm titjib u li tiġi żviluppata l-informazzjoni statistika dwar l-iżvilupp rurali għall-implimentazzjoni tal-politiki relatati tal-Komunità. Dan huwa qasam prinċipali tal-pjan ta' azzjoni annwali.

(4)

Il-miżuri stipulati f'din id-Deċiżjoni huma fi qbil ma' l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar l-Istatistika Agrikola,

ADOTTAT DIN ID-DECIZJONI:

Artikolu 1

Il-pjan ta' azzjoni tekniku ta' l-2007 għat-titjib ta' l-istatistika agrikola (TAPAS 2007), kif stabbilit fl-Anness, hu approvat skond il-kondizzjoni li l-approprjazzjonijiet tal-baġit jkunu disponibbli u li l-baġit ta' l-2007 jiġi adottat mingħajr emendi.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, 2 ta' Frar 2007.

Għall-Kummissjoni

Joaquín ALMUNIA

Membru tal-Kummissjoni


ANNESS

PJAN TA' AZZJONI TEKNIKU 2007 SABIEX TITTEJJEB L-ISTATISTIKA AGRIKOLA (TAPAS 2007)

Il-miżuri li huma koperti mill-pjan ta' azzjoni tekniku 2007 għat-titjib ta' l-istatistika agrikola li tikkonċerna l-oqsma li ġejjin:

a)

Żvilupp rurali,

b)

Biedja organika.

Il-Kummissjoni se tagħmel kontribut finanzjarju lil proġetti żviluppati bħala parti minn dawn il-miżuri li mhumiex se jaqbżu l-ammonti murija fit-Tabella A għal kull Stat Membru.

Tabella A

PJAN TA' AZZJONI TEKNIKU 2007

Kontribut finanzjarju massimu tal-Komunità lill-ispiża mġarrba

(f'euro)

Pajjiżi

Żvilupp Rurali

Biedja organika

Total

BE

29 048

37 627

66 675

DK

28 000

55 000

83 000

DE

67 000

 

67 000

EE

19 343

14 650

33 993

GR

 

144 000

144 000

IT

63 968

200 337

264 305

LT

 

31 000

31 000

LV

 

16 284

16 284

HU

41 555

34 597

76 152

MT

29 283

 

29 283

NL

35 000

 

35 000

SK

 

7 200

7 200

FI

 

43 400

43 400

SE

12 000

10 800

22 800

UK

135 000

 

 

Total

460 197

594 895

1 055 092

AZZJONIJIET LI GĦANDHOM JIĠU IMPLIMENTATI SKOND IL-PJAN TA' AZZJONI TEKNIKU 2007 (TAPAS 2007)

1.   INTRODUZZJONI

L-għan tad-Deċiżjoni 96/411/KE huwa li taċċerta li l-istatistiċi agrikoli tal-Komunità jitfasslu aħjar biex jiffaċċjaw il-ħtiġijiet ta' l-informazzjoni li tqajmu mir-riforma tal-politika agrikola komuni. Għal dan il-għan, l-Istati Membri qegħdin jieħdu l-passi kollha meħtieġa biex jagħmlu t-tibdil addattat fis-sistemi ta' l-istatistiki agrikoli tagħhom, b'kunsiderazzjoni mistħoqqa mogħtija lill-oqsma msemmija fl-Anness I u II tad-Deċiżjoni tal-Kunsill ikkonċernata u ta' l-għanijiet, karatteristiċi u kriterji stipulati fl-Anness III. L-azzjonijiet li għandhom jittieħdu kull sena mill-Istati Membri sabiex dawn l-għanijiet jiġu ssodisfatti huma ddefiniti kull sena fil-pjanijiet ta' azzjoni tekniki. Dawn jitfasslu mill-Kummissjoni wara li l-Kumitat Permanenti għall-Istatistika Agrikola jagħti l-opinjoni tiegħu.

Il-Komunità tagħmel kontribut finanzjarju għall-ispejjeż imġarrba minn kull Stat Membru biex jagħmel it-tibdil fis-sistemi nazzjonali jew minħabba ħidma ta' preparazzjoni biex jilqgħu ħtiġijiet ġodda li għandhom isiru bħala parti mill-pjan ta' azzjoni tekniku annwali. Dan il-kontribut li hu għal żmien limitat, għandu t-tir li jiffaċilità l-esperimentazzjoni bl-introduzzjoni, jew it-tisħiħ, tal-metodi ta' ġabra u sistemi li jissodisfaw ir-rekwiżiti ta' l-istatistika ta' informazzjoni kif jidhru fil-pjan ta' azzjoni tekniku. Ladarba dan il-pjan jitwettaq, l-Istati Membri jridu jkunu f'pożizzjoni li jibqgħu jibagħtu rapporti regolari lill-Kummissjoni dwar il-metodi u s-sistemi introdotti bħala parti mill-pjan imsemmi.

Id-deċiżjoni attwali li għandha tiġi adottata mill-Kummissjoni hija għall-pjan ta' azzjoni tekniku 2007.

L-azzjonijiet magħżula għandhom l-għan li jaċċertaw ċertu numru ta' żviluppi fl-oqsma ta':

a)

L-Iżvilupp rurali,

b)

Il-biedja organika.

Eurostat irċeviet 28 dikjarazzjoni ta' intenzjoni mill-Istati Membri għall-azzjonijiet ta' TAPAS 2007.

13 minnhom jikkonċernaw statistiċi ta' żvilupp rurali, u wieħed minn dawn ġie rrifjutat minn Eurostat minħabba raġunijiet tekniċi. Disa' minnhom jittrattaw aspetti ta' bilanċi ta' nutrijenti, tliet proposti jikkonċernaw l-infrastruttura ta' l-internet f'żoni rurali, l-istima tal-prezzijiet fuq l-art agrikola u l-valutazzjoni tat-tkabbir tal-foresta mhux użata fil-qafas tal-kontijiet ekonomiċi tal-foresterija (EAF).

Rigward il-qasam prijoritarju tal-biedja organika, Eurostat irċieva 15-il dikjarazzjoni ta' intenzjoni. Disa' minn dawn l-azzjonijiet jikkonċernaw il-produzzjoni, żewġ proposti jittrattaw il-prezzijiet, erba' proposti l-varjabbli ekonomiċi u strutturali, id-data dwar il-katina ta' l-ikel, bejgħ dirett mill-irżiezet u r-reviżjoni tal-metodoloġija tas-sistema ta' ġabra ta' data dwar il-biedja organika.

Deskrizzjonijiet fil-qosor ta' l-azzjonijiet proposti għall-pjan ta' azzjoni tekniku 2007 jistgħu jinstabu hawn taħt.

2.   TAPAS 2007 – DESKRIZZJONI TA' L-AZZJONIJIET

a)   Żvilupp rurali

IL-BELĠJU

Titlu ta' l-azzjoni: Bilanċ tan-nutrijenti għan-nitroġenu

Kontribut mill-UE: EUR 29 048

Skeda għax-xogħol: Ġunju/Diċembru 2007

Deskrizzjoni qasira ta' l-azzjoni

Aġġornament tal-bilanċi tan-nitroġenu mill-1997 sa l-2005, kalkolu mill-ġdid ta' ċerti koeffiċjenti, twaqqif tal-bilanċi tan-nitroġenu fuq il-livell 3 tan-NUTS. Se tinġabar id-data mill-istituzzjonijiet responsabbli li se tingħaqad fuq livell ċentrali. Ċertu serje tad-data huma disponibbli biss fuq livell nazzjonali, u b'hekk iridu jitqassmu skond id-distrett.

ID-DANIMARKA

Titlu ta' l-azzjoni: Żvilupp rurali: Stima tal-prezzijiet fuq l-art agrikola

Kontribut mill-UE: EUR 10 000

Skeda għax-xogħol: Ix-xogħol se jitwettaq minn Marzu sa Settembru 2007

Deskrizzjoni qasira ta' l-azzjoni

It-tir ewlieni huwa li jippruvaw jużaw l-istimi ta' l-esperti f'qasam statistiku fejn l-għanijiet tad-data fl-Istati Membri jidhru differenti ħafna u diffiċli sabiex jintużaw skond il-metodoloġija.

L-attività tikkonsisti b'mod partikolari fit-tfassil ta' kwestjonarju fuq il-prezzijiet u l-kiri ta' l-art, fejn il-konsulenti ekonomiċi ta' l-agrikoltura lokali (madwar 50 ċentru lokali) jagħtu stimi għall-prezzijiet f'żoni lokali definiti (97 muniċipalità fid-DK). Il-mistoqsijiet u d-definizzjonijiet se jkunu skond il-metodoloġija aġġornata/riveduta dwar il-prezzijiet u l-kiri ta' l-art.

Il-kwestjonarju se jiġi diskuss mas-Servizz ta' Konsultazzjoni tal-Bdiewa sabiex jiżgura il-fehim tal-kunċett u ċ-ċarezza tal-mistoqsijiet.

Id-data se tinġabar u ż-żoni mill-FSS se jintużaw sabiex ikun hemm riflessjoni dwar ir-riżultati dwar il-livelli reġjonali (NUTS2) u nazzjonali.

Ir-riżultati mill-istħarriġ se jkunu suġġetti għal żewġ kontrolli. L-ewwel wieħed se jivverifika r-riżultati skond l-informazzjoni eżistenti dwar il-kwalità ta' l-art u d-densità tal-bhejjem (importanti għall-prezzijiet ta' l-art) fir-reġjuni. It-tieni se jqabbel ir-riżultati ta' l-istħarriġ mad-data minn sorsi oħrajn, b'mod partikolari dawk użati bħalissa.

ID-DANIMARKA

Titlu ta' l-azzjoni: Bilanċi tan-nutrijenti fuq livell reġjonali fid-Danimarka

Kontribut mill-UE: EUR 18 000

Skeda għax-xogħol: Ġunju/Diċembru 2007

Deskrizzjoni qasira ta' l-azzjoni

Sabiex isir inventarju tad-data li hi diġà disponibbli, fuq livell reġjonali għad-data meħtieġa għall-bilanċi minn istituzzjonijiet governattivi differenti, l-istituti tar-riċerka u l-organizzazzjonijiet agrikoli. Tiġi identifikata d-data miġbura għall-bilanċi tan-nutrijenti fuq livell reġjonali, u jiġu prodotti stimi u koeffiċjenti għad-data tan-nutirjenti varji mitluba. Li tingħata daqqa ta' għajn lid-data li tikkonċerna xi reġjuni ġeografiċi naturali, pereżempju t-tipi ta' ħamrija u fl-fluss ta' l-ilma taħt il-ħamrija, jekk disponibbli.

IL-ĠERMANJA

Titlu ta' l-azzjoni: Bilanċi tan-nutrijenti li jiddependi mill-iskala – SCANUBA

Kontribut mill-UE: EUR 49 000

Skeda għax-xogħol: Jannar/Diċembru 2007

Deskrizzjoni qasira ta' l-azzjoni

Kalkolu tal-bilanċi fl-akbar riżoluzzjoni spazjali possibbli li għaliha d-data hi disponibbli sabiex jiġi ddivrenzjat spazjalment u jiġu vvalutati r-riskji ta' kontaminazzjoni tan-nutrijenti, peress li żieda fil-bilanċ fuq livell nazzjonali ma tippermettix li jiġi indikat liema reġjuni jew liema sistemi ta' biedja jeħtieġu miżuri ta' tnaqqis. Il-karti tal-bilanċ għandhom jiġu speċifikati b'mod partikolari għaż-żoni tar-riskju.

Kalkol tal-konċentrazzjonijiet tan-nutrijenti skond l-intensità ta' l-użu ta' l-art, l-ispeċifikazzjoni tal-koeffiċjenti sabiex in-numru tal-bhejjem jinqalbu f'ammonti N ta' l-eskrementi (fil-produzzjoni), ir-rati ta' applikazzjoni ta' fertilizzanti mhux organiċi għall-uċuħ tar-raba differenti minflok iċ-ċifri tal-bejgħ, ir-rati ta' applikazzjoni u l-kontenuti tan-nutrijenti ta' fertilizzanti organiċi u l-addattament tal-bilanċi tan-nutrijenti OECD eżistenti.

IL-ĠERMANJA

Titlu ta' l-azzjoni: Valutazzjoni tat-tkabbir tal-foresta mhux użata fil-qasam ta' l-EAF għar-Repubblika Federali tal-Ġermanja (1991-2004)

Kontribut mill-UE: EUR 18 000

Skeda għax-xogħol: Ix-xogħol se jitwettaq minn Jannar sa Ġunju 2007

Deskrizzjoni qasira ta' l-azzjoni

It-tir ewlieni hi valutazzjoni aktar preċiża tat-tkabbir mhux użat tal-foresti fil-Ġermanja għas-snin 1991 sa 2004 permezz ta' l-użu ta' data mit-Tieni Inventarju Nazzjonali tal-Foresti; B'hekk itejjeb il-kalkolu tal-Kontijiet Ekonomiċi għall-Foresterija li ġie kkalkulat skond l-ESA 95 għall-1991 sa l-2002.

L-attività hi maqsuma f'żewġ partijiet: 1. Stima tat-tkabbir annwali tal-foresti f'valuri fiżiċi u 2. Valutazzjoni monetarja tat-tkabbir mhux użat tal-foresti.

Ir-riżultati se jtemmu r-rapport dwar il-produzzjoni tal-foresti fi ħdan l-EAF għall-Ġermanja u jibnu rabta ma' l-IEEAF. Hu mistenni wkoll li l-proġett se jwassal għal rakkomandazzjonijiet metodoloġiċi li jikkonċernaw il-problemi tal-valutazzjoni tal-foresti.

L-ESTONJA

Titlu ta' l-azzjoni: TAPAS 2007 Azzjonijiet fuq il-bilanċi tan-nutrijenti

Kontribut mill-UE: EUR 19 343

Skeda għax-xogħol: Jannar/Diċembru 2007

Deskrizzjoni qasira ta' l-azzjoni

L-għan hu l-iżvilupp ta' bilanċi ta' nutrijenti għan-nitroġenu fl-Estonja. Il-kalkolu tal-koeffiċjenti ewlenin li għandhom jintużaw għall-bilanċi-N, u għal titjib tal-koeffiċjenti eżistenti. Id-deskrizzjoni tal-metodoloġija u s-sorsi tad-data. Se tiġi studjata l-possibbiltà tal-produzzjoni tar-rati ta' depożitu N li ġejjin mill-atmosfera. Se jingħata appoġġ mill-Università tat-Teknoloġija ta' Tallinn u ċ-Ċentru Jäneda.

L-ITALJA

Titlu ta' l-azzjoni: Żoni rurali u Aċċess għal Internet fl-Italja (RAIANET)

Kontribut mill-UE: EUR 63 968

Skeda għax-xogħol: Data tal-bidu: pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni rigward il-Pjan ta' Azzjoni Annwali (t) + xahar (mhux qabel l-1 ta' Frar 2006)

Deskrizzjoni qasira ta' l-azzjoni

Studju msejjes fuq stħarriġ li jikkonċerna 5 żoni piloti b'indiċi tar-ruralità differenti. Tfassil tal-kwestjonarji ta' l-istħarriġ biex jitwieġbu l-kwistjonijiet li ġejjin:

Aċċess għall-internet fiż-żoni rurali: implimentazzjoni u disponibbiltà

Karatteristiċi demografiċi ta' l-internet fiż-żoni rurali: Min qiegħed online?

L-attivitajiet ta' l-utenti ta' l-internet fiż-żoni rurali jissoktaw

Attitudnijiet ta' dawk li jgħixu fiż-żoni rurali vis-a-vis l-internet.

L-UNGERIJA

Titlu ta' l-azzjoni: Bilanċi tan-nutrijent gross: Il-kalkolu tal-koeffiċjenti tekniċi meħtieġ għat-tfassil tal-bilanċi nazzjonali u reġjonali tan-nitroġenu u l-fosfru

Kontribut mill-UE: EUR 41 555

Skeda għax-xogħol: Jannar/Diċembru 2007

Deskrizzjoni qasira ta' l-azzjoni

It-titjib tal-kwalità tal-koeffiċjenti użati u l-kalkoli tal-bilanċi N u P għall-Ungerija mhux biss fuq livell nazjonali, iżda fuq dak reġjonali wkoll.

Is-serje ta' data għall-Istitut ta' Riċerka għax-Xjenza tal-Ħamrija u l-Kimika Agrikola ta' l-Akkademja tax-Xjenza Ungeriża (RISSAC) se jintużaw għall-iżvilupp tal-bilanċi. Jinħtieġ li tiġi eżaminata l-possibbiltà tas-sostituzzjoni tad-data bi stimi statistiċi fuq livell reġjonali. Rigwrad l-istimi preċiżi tal-koeffiċjenti, jeħtieġ li jiġu użati d-databases agrikoli relevanti ta' l-HCSO.

MALTA

Titlu ta' l-azzjoni: Bilanċi tan-Nitroġenu Nazzjonali u Reġjonali għal Malta

Kontribut mill-UE: EUR 29 283

Skeda għax-xogħol: Jannar/Diċembru 2007

Deskrizzjoni qasira ta' l-azzjoni

Sabiex jinħolqu l-kundizzjonijiet li jippermettu l-kalkolu tal-bilanċi tan-nutrijenti, se jitwettqu studji sabiex jiddeterminaw liema data tonqos. Se jitwettaq stħarriġ fuq il-konsum u l-użu tal-fertilizzanti minerali u organiċi. Se jitwettqu għadd ta' analiżi tat-tessuti tal-pjanti (madwar 50) biex jiġi ddeterminat il-kontenut tan-nitroġeni ta' l-uċuħ maħsuda (uċuħ tar-raba ta' l-għalf u li jinħartu).

L-OLANDA

Titlu ta' l-azzjoni: Bilanċi minerali reġjonali għall-artijiet agrikoli

Kontribut mill-UE: EUR 35 000

Skeda għax-xogħol: Jannar/Diċembru 2007

Deskrizzjoni qasira ta' l-azzjoni

Bilanċi minerali reġjonali stabbiliti skond il-linji ta' gwida ta' l-Eurostat/OECD se jittieħdu minn 5 żoni ta' l-art bil-ħaxix, imsejsa fuq data dwar l-użu reġjonali tal-fertilizzanti u/jew il-koeffiċjenti ta' l-użu tal-fertilizzanti għal kull wiċċ ta' raba, data dwar it-trasport tad-demel u data dwar il-produzzjoni reġjonali tal-wiċċ tar-raba.

Se tiġi introdotta data dwar il-bilanċi ta' l-għalf reġjonali għall-annimali żgħar li jixtarru fil-proġett TAPAS-2001. Data dwar l-użu reġjonali tal-fertilizzanti u dwar it-trasport tad-demel li jiġi minn reġistrazzjoni nazzjonali ta' l-irziezet. Ix-xogħol jinkludi l-integrazzjoni ta' bosta sorsi tad-data statistika minn istituti differenti. Parti mid-data għandha tkun disponibbli għall-Ufffiċċju ta' l-Istatistika ta' l-Olanda b'mod partikolari għal dan il-proġett.

L-IŻVEZJA

Titlu ta' l-azzjoni: Adozzjoni tal-kalkoli tal-bilanċi tan-nutrijenti reġjonali ta' l-Iżvezja tal-metodu Eurostat/OECD

Kontribut mill-UE: EUR 12 000

Skeda għax-xogħol: Jannar/Diċembru 2007

Deskrizzjoni qasira ta' l-azzjoni

L-Uffiċċju ta' l-Istatistika ta' l-Iżvezja kkalkola bilanċi reġjonali għal tmien żoni ta' produzzjoni mill-1995, iżda l-metodu hu differenti minn dak indikat fil-linji ta' gwida ta' l-Eurostat/OECD, b'mod partikolari għal dak li għandu x'jaqsam ma' l-istima ta' superfiċji bil-ħaxix maħsud u mittiekel. L-għan hu li tittejjeb il-kwalità u jiġu armonizzati l-kalkoli sabiex ikun hemm riżultati komparabbli ma' dawk tal-pajjiżi l-oħra.

Il-proġett se jqabbel il-metodu u l-koeffiċjenti użati, jispjega d-differenzi u jirrakkomanda bosta mill-bidliet relevanti sabiex il-kalkoli nazzjonali kif ukoll dawk reġjonali jiġu armonizzati. Se joħloq ukoll mod kif ibiddel ir-reġjonalizzazzjoni miż-żoni ta' produzzjoni Żvediżi għal NUTS 2.

IR-RENJU UNIT

Titlu ta' l-azzjoni: Il-Bilanċi tan-Nutrijenti – l-Istimi tal-ħamrija fuq livell reġjonali

Kontribut mill-UE: EUR 135 000

Skeda għax-xogħol: April – Ġunju 2006

Deskrizzjoni qasira ta' l-azzjoni

L-azzjoni se timmira li tnaqqas l-ispejjeż billi tgħaqqad l-istħarriġiet biex itejjbu l-effiċjenza, il-kwalità ta' l-istimi tal-bilanċ tan-nutrijent tal-ħamrija permezz tat-titjib tad-data li tirriżulta mill-istħarriġ u bl-iżvilupp tal-koeffiċjenti ta' fissazzjoni tan-nutrijenti. Timmira wkoll biex tnaqqas il-piż fuq min iwieġeb.

Se tikkonsisti fl-eżami u ttestjar ta' l-aħjar mod sabiex jiġu integrati u żviluppati s-sorsi eżistenti biex jipprovdu t-tagħrif meħtieġ. Għandha wkoll l-għan li temenda l-istħarriġ fuq l-użu tal-fertilizzanti, l-istħarriġ tal-prassi ta' l-irziezet, u l-istħarriġ dwar l-użu tal-pestiċidi.

Se jkun hemm aktar riċerka sabiex tiġi żviluppata d-data ta' koeffiċjenza li ma tistax tinġabar minn stħarriġ imsejjes fuq l-irziezet.

b)   Biedja Organika

IL-BELĠJU

Titlu ta' l-azzjoni: It-titjib ta' l-istatistika dwar il-prodotti organiċi (produzzjoni, proċessar, konsum, karta tal-bilanċ)

Kontribut mill-UE: EUR 37 627

Skeda għax-xogħol: 12-il xahar Data tal-bidu: pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni rigward il-Pjan ta' Azzjoni Annwali (t) + xahar

Deskrizzjoni qasira ta' l-azzjoni

L-azzjoni għandha l-għan torganizza u tanalizza d-data dwar il-produzzjoni organika li tiġi minn bosta sorsi biex ittemm id-data statistika organika. Għandha l-għan li tivvaluta wkoll il-possibbiltajiet ta' addattament ta' l-istħarriġiet attwali sabiex tinkiseb data dwar il-produzzjoni organika u varjabbli oħrajn, il-konsum, il-prezzijiet eċċ.

ID-DANIMARKA

Titlu ta' l-azzjoni: Produzzjoni organika ta' l-annimali fid-Danimarka

Kontribut mill-UE: EUR 10 000

Skeda għax-xogħol: 6 xhur Data tal-bidu: pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni rigward il-Pjan ta' Azzjoni Annwali (t) + xahar

Deskrizzjoni qasira ta' l-azzjoni

L-azzjoni għandha l-għan ittejjeb il-kwalità tad-data dwar il-produzzjoni organika ta' l-annimali u t-tkabbir organiku tal-bhejjem minn sorsi amministrattivi.

ID-DANIMARKA

Titlu ta' l-azzjoni: Bejgħ dirett tal-produzzjoni tal-wiċċ tar-raba f'irziezet organiċi

Kontribut mill-UE: EUR 35 000

Skeda għax-xogħol: 12 il-xahar Data tal-bidu: pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni rigward il-Pjan ta' Azzjoni Annwali (t) + xahar

Deskrizzjoni qasira ta' l-azzjoni

L-azzjoni għandha l-għan li tivvaluta l-volum tal-produzzjoni organika mibjugħa direttament lill-pubbliku mill-bdiewa. L-istima se tissejjes fuq kwestjonarji mibgħuta direttament lill-ħwienet ta' l-irziezet. Se tagħti stima tal-bejgħ dirett tal-prodotti organiċi u se tivverifika l-volum totali mibjugħ u d-data tal-produzzjoni.

ID-DANIMARKA

Titlu ta' l-azzjoni: Stima tal-produzzjoni tal-wiċċ tar-raba f'irziezet organiċi

Kontribut mill-UE: EUR 10 000

Skeda għax-xogħol: 6 xhur Data tal-bidu: pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni rigward il-Pjan ta' Azzjoni Annwali (t) + xahar

Deskrizzjoni qasira ta' l-azzjoni

Analiżi tad-data dwar il-produzzjoni organika u varjabbli oħrajn li ġejjin minn stħarriġiet oħrajn. Il-kontroll tal-kwalità u r-rakkomandazzjonijiet maħsuba jtejbu l-kopertura tad-data.

L-ESTONJA

Titlu ta' l-azzjoni : Data dwar il-produzzjoni u l-prodotti organiċi li joriġinaw mill-annimali

Kontribut mill-UE: EUR 14 650

Skeda għax-xogħol: 12-il xahar. Data tal-bidu: pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni rigward il-Pjan ta' Azzjoni Annwali (t) + xahar

Deskrizzjoni qasira ta' l-azzjoni

L-għan hu li tiġi organizzata s-sistema ta' ġbir tad-data dwar il-produzzjoni u l-prodotti organiċi sabiex tiġi pprovduta data għad-database ta' l-Eurostat. Il-metodoloġija se tipprova tgħaqqad is-sorsi tad-data kollha. stħarriġiet u data amministrattiva li jużaw definizzjonijiet diġà pprovduti.

IL-GREĊJA

Titlu ta' l-azzjoni: Integrazzjoni u valutazzjoni tad-data tal-produzzjoni organika minn sorsi varji

Kontribut mill-UE: EUR 144 000

Skeda għax-xogħol: 12-il xahar. Data tal-bidu: pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni rigward il-Pjan ta' Azzjoni Annwali (t) + xahar

Deskrizzjoni qasira ta' l-azzjoni

L-għan hu l-iżvilupp u l-proposta ta' metodi għall-ġabra ta' data u sabiex jimtlew il-lakuni dwar il-prodotti organiċi. Il-metodoloġija proposta se tiffoka fuq l-integrazzjoni tas-sorsi tad-data u se ttejjeb il-kwalità tad-data.

L-ITALJA

Titlu ta' l-azzjoni: Prezzijiet bl-ingrossa ta' ġabra ta' prodotti organiċi

Kontribut mill-UE: EUR 76 681

Skeda għax-xogħol: 12-il xahar. Data tal-bidu: pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni rigward il-Pjan ta' Azzjoni Annwali (t) + xahar

Deskrizzjoni qasira ta' l-azzjoni

L-azzjoni għandha l-għan li tiġor id-data fuq il-prezzijiet organiċi bl-ingrossa billi jitwettaq stħarriġ ieħor bl-użu tal-metodoloġija diġà ttestjata għall-prodotti agrikoli konvenzjonali.

L-ITALJA

Titlu ta' l-azzjoni: Ġabra tal-prezzijiet għall-konsumaturi ta' prodotti organiċi

Kontribut mill-UE: EUR 71 596

Skeda għax-xogħol: 12-il xahar. Data tal-bidu: pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni rigward il-Pjan ta' Azzjoni Annwali (t) + xahar

Deskrizzjoni qasira ta' l-azzjoni

L-azzjoni tikkonstiti fl-addattament ta' l-istħarriġ konvenzjonali tal-prezzijiet għal konsumaturi sabiex tinġabar id-data fuq il-prezz għall-konsumaturi ta' prodotti organiċi.

L-ITALJA

Titlu ta' l-azzjoni: Statistika dwar il-biedja organika Taljana: l-istruttura, l-attivitajiet u l-prassi agrikoli tagħha f'kuntest b'bosta oqsma

Kontribut mill-UE: EUR 52 060

Skeda għax-xogħol: 12-il xahar. Data tal-bidu: pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni rigward il-Pjan ta' Azzjoni Annwali (t) + xahar

Deskrizzjoni qasira ta' l-azzjoni

Din l-azzjoni hi maħsuba tiddetermina l-konsegwenzi ambjentali u ekonomiċi tal-metodi tal-biedja organika u tista' tkun utli għall-valutazzjoni tas-sostenibbiltà ta' l-irziezet organiċi u għall-kalkoli tar-ritorn soċjali ta' l-investiment.

IL-LATVJA

Titlu ta' l-azzjoni: Reviżjoni tal-metodoloġija tas-sistema tal-ġabra tad-data dwar il-biedja organika

Kontribut mill-UE: EUR 16 284

Skeda għax-xogħol: 12-il xahar. Data tal-bidu: pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni rigward il-Pjan ta' Azzjoni Annwali (t) + xahar

Deskrizzjoni qasira ta' l-azzjoni

L-azzjoni hi maħsuba ttejjeb il-metodoloġija għall-ġabra ta' data fuq prodotti organiċi sabiex jinbena metodu konsistenti u sostenibbli għall-ġabra ta' data dwar id-data tal-biedja organika, uċuħ tar-raba, il-produzzjoni ta' l-annimali, il-bhejjem, bl-użu ta' data amministrattiva u bir-rabta ta' din id-data ma' data statistika.

IL-LITWANJA

Titlu ta' l-azzjoni: Produzzjoni organika ta' prodotti agrikoli

Kontribut mill-UE: EUR 31 000

Skeda għax-xogħol: 12-il xahar. Data tal-bidu: pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni rigward il-Pjan ta' Azzjoni Annwali (t) + xahar

Deskrizzjoni qasira ta' l-azzjoni

L-għan ta' l-azzjoni hu t-titjib tal-kwalità tal-ġabra ta' data dwar il-prodotti organiċi permezz ta' l-implimentazzjoni tal-metod użati mill-Istati Membri l-oħra. Tinvolvi l-kollaborazzjoni tal-Korp ta' Ċertifikazzjoni u t-twettiq ta' stħarriġ u l-kisba ta' data dwar il-produzzjoni ta' rziezet ċertifikati.

L-UNGERIJA

Titlu ta' l-azzjoni: Statistika fuq il-produzzjoni, il-kummerċ u l-konsum ta' prodotti organiċi

Kontribut mill-UE: EUR 34 597

Skeda għax-xogħol: 12-il xahar. Data tal-bidu: pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni rigward il-Pjan ta' Azzjoni Annwali (t) + xahar

Deskrizzjoni qasira ta' l-azzjoni:

L-azzjoni timmira li ttemm il-proġett imwettaq mill-Uffiċċju ta' l-Istatistika u l-Biokontroll biex jimlew il-lakuni identifikati minn dan ix-xogħol. Iż-żewġ istituzzjonijiet jaħdmu flimkien mill-qrib biex joħolqu rabta bejn is-sorsi amministrattivi, u s-sorsi u d-definizzjonijiet statistiċi. Il-proġett li miegħu hi assoċjata l-azzjoni għandu l-għan li jfassal strument informatiku u jidentifika l-lakuni ewlenin li għandhom jimtlew kif suppost minn din it-tieni parti.

IS-SLOVAKKJA

Titlu ta' l-azzjoni: Ġabra ta' data dwar it-tkabbir ta' ħsad organiku, il-manifatturi ta' prodotti organiċi, il-bejgħ u l-użu ta' prodotti organiċi.

Kontribut mill-UE: EUR 7 200

Skeda għax-xogħol: 12-il xahar. Data tal-bidu: pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni rigward il-Pjan ta' Azzjoni Annwali (t) + xahar

Deskrizzjoni qasira ta' l-azzjoni

L-azzjoni għandha l-għan tiġbor id-data dwar il-prodotti organiċi u tibda mill-produzzjoni primarja u tkompli bit-tqegħid fis-suq ta' din il-produzzjoni. L-azzjoni se tipprova tiġbor data relevanti dwar il-kummerċ estern. Ix-xogħol se jitwettaq f'kollaborazzjoni ma' l-entitajiet amministrattivi.

L-IŻVEZJA

Titlu ta' l-azzjoni: Il-kisba ta' aktar data dwar il-prodotti organiċi Żvediżi

Kontribut mill-UE: EUR 10 800

Skeda għax-xogħol: 12-il xahar. Data tal-bidu: pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni rigward il-Pjan ta' Azzjoni Annwali (t) + xahar

Deskrizzjoni qasira ta' l-azzjoni

L-azzjoni għandha l-għan timla l-lakuni li jeżistu bħalissa fit-tagħrif mogħti lill-Eurostat. L-għan ewlieni hu li tintuża d-data eżistenti iżda li għad mhix disponibbli u li tinbena serje kronoloġika permezz tad-data disponibbli.

IL-FINLANDJA

Titlu ta' l-azzjoni: L-iżvilupp ta' l-istatistika dwar il-katina tal-produzzjoni organika taċ-ċereali – Metodi ġodda għall-istima ta' l-użu ta' prodotti organiċi fil-katina ta' l-ikel

Kontribut mill-UE: EUR 43 400

Skeda għax-xogħol: 9 xhur. Data tal-bidu: pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni rigward il-Pjan ta' Azzjoni Annwali (t) + xahar

Deskrizzjoni qasira ta' l-azzjoni

L-għan hu li tiġi mistħarrġa l-katina ta' l-ikel tal-prodotti organiċi b'mod partikolari ta' ċerti ċereali. Dan se jippermetti stima tal-lakuni bejn il-produzzjoni u t-tqegħid fis-suq ta' prodotti organiċi.