2.12.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

489


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-15 ta' Diċembru 2006

li tistabbilixxi kriterji ekoloġiċi riveduti u r-rekwiżiti ta’ stima u verifikazzjoni relatati għall-għoti ta’ ekotikketta tal-Komunità għall-midja tat-tkabbir

(notifikata bid-dokument numru C(2006) 6962)

(Test b’rilevanza ŻEE)

(2007/64/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1980/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Lulju 2000 dwar skema riveduta għall-għoti ta’ ekotikketti tal-Komunità (1), u b’mod partikolari t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tiegħu,

Wara li kkonsultat mal-Bord tal-Unjoni Ewropea għall-Ekotikkettar,

Billi:

(1)

Skont ir-Regolament (KE) Nru 1980/2000, saret analiżi f’waqta tal-kriterji ekoloġiċi, kif ukoll tar-rekwiżiti ta’ l-istima u tal-verifika relatati, stabbiliti mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/688/KE (2) għall-għoti ta’ ekotikketti tal-Komunità għall-materjali li jtejbu l-ħamrija u għall-midja tat-tkabbir.

(2)

Wara dik ir-reviżjoni, il-grupp tal-prodotti ġie maqsum f’żewġ gruppi ta’ prodotti separati u b’hekk id-Deċiżjoni 2006/799KE (3) fuq il-materjali li jtejbu l-ħamrija ġiet addottata. Dik id-Deċiżjoni issostitwit id-Deċiżjoni 2001/688/KE safejn huma konċernati l-materjali li jtejbu l-ħamrija.

(3)

Madankollu, huwa neċessarju li tiġi sostitwita d-Deċiżjoni 2001/688/KE safejn hija kkonċernata l-midja tat-tkabbir.

(4)

Fid-dawl ta’ din ir-reviżjoni, huwa xieraq, sabiex tingħata kunsiderazzjoni lill-iżviluppi xjentifiċi u tas-suq, li jiġu riveduti l-kriterji u r-rekwiżiti relatati mal-midja tat-kabbir, li l-perjodu ta’ validità tagħhom jintemm fit-28 ta’ Awissu 2007.

(5)

Il-kriterji u r-rekwiżiti ekoloġiċi riveduti se jkunu validi għal perjodu ta’ erba’ snin.

(6)

Huwa xieraq li jiġi permess perjodu transizzjonali ta’ mhux aktar minn tmintax-il xahar għall-produtturi li l-prodotti tagħhom ingħataw ekotikketta qabel l-1 ta’ Ottubru 2006 jew li applikaw għat-tali aġġudikazzjoni qabel dik id-data, sabiex ikollhom biżżejjed żmien biex jaddattaw il-prodotti tagħhom ħalli jikkonformaw mal-kriterji u r-rekwiżiti riveduti.

(7)

Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat istitwit mill-Artiklu 17 tar-Regolament (KE) Nru 1980/2000,

ADDOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-grupp ta’ prodotti “midja tat-tkabbir” għandu jinkludi materjal minbarra l-ħamrija in situ, li fih jitkabbru l-pjanti.

Artikolu 2

Sabiex wieħed jingħata l-ekotikketta tal-Komunità għall-midja tat-tkabbir, taħt ir-Regolament (KE) Nru 1980/2000, il-prodott irid jaqa’ fil-grupp tal-prodotti “midja tat-tkabbir” kif definit fl-Artikolu 1, u jrid jikkonforma mal-kriterji ekoloġiċi stabbiliti fl-Anness għal din id-Deċiżjoni.

Artikolu 3

Il-prestazzjoni ambjentali tal-grupp tal-prodotti “midja tat-tkabbir” għandha tiġi stmata abbażi tal-kriterji ekoloġiċi speċifiċi stabbiliti fl-Anness.

Artikolu 4

Għal skopijiet amministrattivi, in-numru tal-kodiċi mogħti lill-grupp tal-prodotti “midja tat-tkabbir” se jkun “029”.

Artikolu 5

L-ekotikketti li ingħataw qabel l-1 ta’ Ottubru 2006 għal prodotti li jaqgħu fil-grupp tal-prodotti “materjali li jtejbu l-ħamrija u midja tat-tkabbir” jistgħu jibqgħu jintużaw sat-30 ta’ April 2008.

Fejn l-applikazzjonijiet ġew sottomessi qabel għall-għoti ta’ ekotikketta għal prodotti li jaqgħu taħt il-grupp tal-prodotti “materjali li jtejbu l-ħamrija u midja tat-tkabbir” ġew sottomessi qabel l-1 ta’ Ottubru 2006, dawk il-prodotti jistgħu jingħataw l-ekotikketta taħt il-kondizzjonijiet applikabbli sat-28 ta’ Awissu 2007. Fit-tali każijiet, l-ekotikketta tista’ tintuża sat-30 ta’ April 2008.

Artikolu 6

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussel, 15 ta' Diċembru 2006.

F’isem il-Kummissjoni

Stavros DIMAS

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 237, 21.9.2000, p. 1.

(2)   ĠU L 242, 12.9.2001, p. 17. Deċiżjoni kif emendata mid-Deċiżjoni 2005/384/KE (ĠU L 127, 12.5.2005, p. 20).

(3)   ĠU L 325, 24.11.2006, p. 28.


ANNESS

QAFAS

It-testjar u t-teħid ta’ kampjuni għandu, fejn applikabbli, isir skont il-metodu tat-testjar żviluppat mill-Kumitat Tekniku CEN 223 “materjali li jtejbu l-ħamrija u midja tat-tkabbir” sakemm l-istandards orizzontali rilevanti elaborati taħt il-gwida tas-CEN Task Force 151 “Orizzontali” jsiru disponibbli.

It-teħid ta’ kampjuni għandu jsir skont il-metodoloġiji stabbiliti minn CEN/TC 223 (WG 3) kif speċifikati u approvati mis-CEN fil-EN 12579 — Materjali li jtejbu l-ħamrija u midja tat-tkabbir — Teħid ta’ kampjuni. Fejn it-testjar jew it-teħid ta’ kampjuni huwa meħtieġ u mhux kopert minn dawn il-metodi u t-tekniki tat-teħid ta’ kampjuni, il-Korp Kompetenti jew korpi li qed jivvalutaw l-applikazzjoni (minn hawn ‘il quddiem imsejħa “Korp Kompetenti”) għandhom jindikaw liema metodi ta’ testjar u/jew ta’ teħid ta’ kampjuni jqisu aċċettabbli.

Fejn xieraq, jistgħu jintużaw metodi ta’ testjar oħra li l-ekwivalenza tagħhom tiġi aċċettata mill-Korp Kompetenti. Fejn ma jissemma ebda test, jew jissemma għall-użu fil-verifikazzjoni jew il-monitoraġġ, il-korpi kompetenti għandhom jiddependu, skont il-każ, fuq id-dikjarazzjonijiet u d-dokumentazzjoni pprovduti mill-applikant u/jew fuq verifiki indipendenti.

Meta jivvalutaw l-applikazzjonijiet u jimmonitorjaw il-konformità mal-kriterji f’dan l-Anness, il-korpi kompetenti huma rrakkomandati jqisu l-implimentazzjoni tal-iskemi tal-ġestjoni ambjentali rikonoxxuti, bħall-EMAS jew l-ISO 14001. (Nota bene: mhux meħtieġ li jiġu implimentati t-tali skemi ta’ ġestjoni.)

L-għan ta’ dawn il-kriterji huwa, b’mod partikolari, l-promozzjoni ta’:

l-użu ta’ materjali rinnovabbli u/jew ir-riċiklaġġ ta’ materja organika derivati mill-ġbir u/jew l-ipproċessar ta’ materjal ta’ skart li b’hekk jikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-iskart solidu fir-rimi finali (per eżempju fil-miżbla);

it-tnaqqis tal-impatt ambjentali fl-irkupru u l-produzzjoni ta’ materjali mhux rinovabbli.

Il-kriterji huma stabbiliti fuq livelli li jippromwovu t-tikkettar tal-midja tat-tkabbir li għandha impatt ambjentali aktar baxx matul iċ-ċiklu tal-ħajja kollu tal-prodott.

KRITERJI EKOLOĠIĊI

1.   Ingredjenti

L-ingredjenti li ġejjin huma permessi:

1.1.   Ingredjenti organiċi

Għall-għoti tal-ekotikketta għandhom jiġu kkunsidrati biss dawk il-prodotti li ma jkunx fihom pit u li l-kontenut ta’ materja organika tagħhom ikun derivat mill-ipproċessar u/jew l-użu mill-ġdid tal-iskart (kif definiti fid-Direttiva tal-Kunsill 75/442/KEE dwar l-iskart (1) u fl-Anness I ta’ din id-Direttiva).

L-applikant għandu jipprovdi lill-Korp Kompetenti l-kompożizzjoni dettaljata tal-prodott, u dikjarazzjoni tal-konformità mar-rekwiżit imsemmi hawn fuq.

1.2.   Ħama

Il-prodotti ma għandux ikollhom ħama tad-dranaġġ. Il-ħama (mhux tad-dranaġġ) huwa permess biss jekk jissodisfa l-kriterji li ġejjin:

It-tip ta' ħama għandu jkun wieħed mit-tipi ta’ skart li ġejjin skont il-lista Ewropea tal-iskart (kif definita mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/118/KE li temenda d-Deċiżjoni 2000/532/KE (2)):

02 03 05

ħama mit-trattament ta’ effluwenti fuq il-post fil-preparazzjoni u l-ipproċessar ta’ frott, ħxejjex, ċereali, żjut li jittieklu, kawkaw, kafè, tè u tabakk; fil-produzzjoni ta’ marmellati; fil-produzzjoni tal-ħmira u tal-estratti tal-ħmira, fil-preparazzjoni u l-fermentazzjoni tal-għasel iswed

02 04 03

ħama mit-trattament ta’ effluwenti fuq il-post fl-ipproċessar taz-zokkor.

02 05 02

ħama mit-trattament ta’ effluwenti fuq il-post fl-industrija tal-prodotti tal-ħalib.

02 06 03

ħama mit-trattament ta’ effluwenti fuq il-post fl-industrija tal-ħami u tal-ħelu.

02 07 05

ħama mit-trattament ta’ effluwenti fuq il-post fil-produzzjoni tax-xorb alkoħoliku u mhux alkoħoliku (minbarra kafè, tè u kawkaw).

Il-ħama għandu jiġi minn sors wieħed, jiġifieri li ma jkunx sar xi taħlit ma’ effluwenti jew ħama ‘l barra mill-proċess ta’ produzzjoni speċifiku.

Il-konċentrazzjonijiet massimi ta’ metalli tqal fl-iskart qabel it-trattament (mg/kg piż fin-niexef) jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-kriterju 2.

Il-ħama għandu jissodisfa l-kriterji tal-Ekotikketta l-oħra kollha speċifikati f’dan l-Anness, fliema każ jitqies bħala stabbli u diżinfettat biżżejjed.

L-applikant għandu jipprovdi lill-Korp Kompetenti bil-kompożizzjoni dettaljata tal-prodott, u dikjarazzjoni tal-konformità ma’ kull wieħed mir-rekwiżiti msemmija hawn fuq.

1.3.   Minerali

Il-minerali ma għandhomx ikunu ġew estratti minn:

siti ta’ importanza għall-Komunità notifikati skont id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE dwar il-konservazzjoni tal-ħabitit naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (3);

Żoni tan-netwerk Natura 2000, komposti minn żoni ta’ protezzjoni speċjali skont id-Direttiva tal-Kunsill 79/409/KEE dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi (4), u dawk iż-żoni taħt id-Direttiva 92/43/KEE flimkien, jew żoni ekwivalenti ‘l barra mill-Komunità Ewropea li jaqgħu taħt id-dispożizzjonijiet korrispondenti tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Diversità Bijoloġika.

L-applikant għandu jipprovdi lill-Korp Kompetenti b’dikjarazzjoni ta’ konformità mar-rekwiżiti maħruġa mill-awtoritajiet xierqa.

2.   Limitazzjoni tas-sustanzi perikolużi

Fil-kostitwenti organiċi tal-midja tat-tkabbir, il-kontenut tal-elementi li ġejjin għandu jkun aktar baxx mill-valuri li jidhru hawn taħt, mkejla skont il-piż fin-niexef:

Element

mg/kg (piż fin-niexef)

Zn

300

Cu

100

Ni

50

Cd

1

Pb

100

Hg

1

Cr

100

Mo (*1)

2

Se (*1)

1,5

As (*1)

10

F (*1)

200

Nota: Dawn il-valuri tal-limiti huma validi biss sakemm il-leġislazzjoni nazzjonali ma tkunx aktar stretta

L-applikant għandu jipprovdi lill-Korp Kompetenti bir-rapporti tat-testijiet rilevanti, u dikjarazzjoni tal-konformità ma’ dan ir-rekwiżit.

3.   Prestazzjoni tal-Prodott

Il-prodotti ma għandomx jeffettwaw il-ħruġ jew it-tkabbir sussegwenti tal-pjanta.

L-applikant għandu jipprovdi lill-Korp Kompetenti bir-rapport tat-testijiet rilevanti, u dikjarazzjoni tal-konformità ma’ dan ir-rekwiżit.

4.   Saħħa u sigurtà

Il-prodotti ma għandhomx jeċċedu l-livelli massimi tal-patoġeni primarji li ġejjin:

Salmonella: neqsin f’25 g;

Helminth Ova: neqsin f’1,5 g (5).

E. Coli: <1 000 MPN/g (MPN: numru l-aktar probabbli) (6)

L-applikant għandu jipprovdi lill-Korp Kompetenti bir-rapporti tat-testijiet u d-dokumentazzjoni rilevanti, u dikjarazzjoni tal-konformità ma' dawn ir-rekwiżiti.

5.   Żrieragħ/propaguli vijabbli

Fil-prodott finali, il-kontenut ta’ żrieragħ ta’ ħaxix ħażin u l-partijiet riproduttivi veġetattivi ta’ ħaxix ħażin aggressiv ma għandomx jeċċedu żewġ unitajiet kull litru.

L-applikant għandu jipprovdi lill-Korp Kompetenti b’dikjarazzjoni tal-konformità ma’ dawn ir-rekwiżiti, flimkien ma’ kwalunkwe rapport tat-testijiet u/jew dokumentazzjoni relatata.

6.   Kriterji oħra

(a)

Il-konduttività elettrika tal-prodotti ma għandhiex teċċedi 1,5 dS/m.

b)

Applikabbli għall-midja tat-tkabbir biss:

Għas-swieq professjonali sostanzjali kollha (jiġifieri fejn il-bejgħ annwali tal-applikant fi kwalunkwe pajjiż fis-suq professjonali jeċċedi t-30 000 m3), l-applikant għandu jagħti informazzjoni kompleta lill-utent dwar l-opzjonijiet disponibbli għat-tneħħija u l-ipproċessar tal-midja tat-tkabbir wara l-użu tagħha. Din l-informazzjoni għandha tkun tidher fl-iskedi deskrittivi li jakkompanjaw il-prodott.

L-applikant għandu jinforma lill-Korp Kompetenti dwar l-opzjoni(jiet) li qed jiġu offruti u r-reazzjoni għalihom, b’mod partikolari għal dawn l-opzjonijiet li ġejjin:

deskrizzjoni tal-ġbir, l-ipproċessar u d-destinazzjonijiet. Fi kwalunkwe ħin, il-plastiks għandhom jiġu sseparati mill-minerali/organiċi u pproċessati separatament;

deskrizzjoni ġenerika annwali tal-volum tal-midja tat-tkabbir miġbura (mdaħħla) u proċessata (skont id-destinazzjoni).

L-applikant għandu juri li ta’ mil-lanqas 50 % bil-volum tal-iskart tal-midja tat-tkabbir jiġi riċiklat wara l-użu tiegħu.

7.   Informazzjoni provduta mal-prodott

Informazzjoni ġenerali:

L-informazzjoni li ġejja għandha tiġi pprovduta mal-prodott, jew bil-miktub fuq il-pakkett jew mal-iskedi deskrittivi li jakkompanjawh:

(a)

l-isem u l-indirizz tal-korp responsabbli għall-marketing;

(b)

deskrizzjoni li tiddentifika l-prodott bit-tip, inkluż il-kliem “MIDJA TAT-TKABBIR”;

(c)

kodiċi ta’ identifikazzjoni tal-konsenja;

(d)

il-kwantità (skont il-piż jew il-volum);

(e)

il-materjali prinċipali tiegħu (dawk li jeċċedu 5 % bil-volum) li minnhom ġie mmanifatturat il-prodott;

Jekk applikabbli, l-informazzjoni li ġejja dwar l-użu tal-prodott għandha tiġi pprovduta mal-prodott, jew bil-miktub fuq il-pakkett jew fl-iskedi deskrittivi li jakkompanjawh:

(a)

il-kondizzjonijiet rakkomandati ta’ ħażna u d-data “uża sa” rakkomandata;

(b)

linji gwida dwar it-tqandil u l-użu sikur;

(c)

deskrizzjoni tal-iskop li għalih huwa maħsub il-prodott u kwalunkwe limitazzjonijiet fuq l-użu;

(d)

dikjarazzjoni tal-idoneità tal-prodott għal gruppi ta’ pjanti partikolari (per eżempju pjanti li ma jittollerawx il-ħamrija alkalina jew pjanti li jikbru fil-ħamrija alkalina);

(e)

pH u l-proporzjon ta’ Karbonju ma’ Nitroġenu (C/N);

(f)

dikjarazzjoni dwar l-istabbilità tal-materja organika (stabbli jew stabbli ħafna) skont l-istandard nazzjonali jew internazzjonali;

(g)

dikjarazzjoni dwar il-metodi ta’ użu rakkomandati;

(h)

f’applikazzjonijiet mhux professjonali: rata ta’ applikazzjoni rakkomandata espressa f’kilogrammi jew f’litri tal-prodott għal kull unità ta’ erja (m2) kull sena;

Informazzjoni tista’ titħalla barra biss jekk tingħata ġustifikazzjoni sodisfaċenti mill-applikant.

Nota: Din l-informazzjoni għandha tiġi pprovduta sakemm il-leġislazzjoni nazzjonali ma titlobx xort’oħra.

Informazzjoni dettaljata

Parametru

Metodi tal-ittestjar

Kwantità

EN 12580

pH

EN 13037

Konduttività elettrika

EN 13038

Proporzjon ta’ Karbonju ma’ Nitroġenu (C/N)

C/N (*2)

Metalli tqal (Cd, Cr, Cu, Pb, Ni, Zn)

EN 13650

Hg

ISO 16772

Salmonella

ISO 6579

Helminth ova

prXP X 33-017

E. Coli

ISO 11866-3

8.   Informazzjoni li tidher fuq l-ekotikketta

Il-kaxxa 2 tal-ekotikketta għandha tinkludi t-test li ġej:

jippromwovi r-riċiklaġġ tal-materjali;

jippromwovi l-użu ta’ materjali prodotti b’metodi aktar sostenibbli, u b’hekk inaqqas id-degradazzjoni ambjentali.


(1)   ĠU L 194, 25.7.1975, p. 39.

(2)   ĠU L 47, 16.2.2001, p. 1.

(3)   ĠU L 206, 22.7.1992, p. 7

(4)   ĠU L 59, 25.4.1979, p. 1.

(*1)  Id-dejta relatata mal-preżenza ta’ dawn l-elementi hija meħtieġa biss għall-prodotti li fihom materjal li jiġi mill-proċessi industrijali

(5)   Għal dawk il-prodotti li l-kontenut organiku tagħhom mhuwiex derivat biss minn skart veġetali, tal-ġnien jew tal-parks

(6)   Għal dawk il-prodotti li l-kontenut organiku tagħhom huwa derivat biss minn skart veġetali, tal-ġnien jew tal-parks

(*2)  Karbonju = materja organika (EN 13039) × 0,58, N totali (prEN 13654/1-2).