24.8.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

83


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-22 ta' Diċembru 2006

li tfassal miżuri tranżitorji għall-kummerċjalizzazzjoni ta' ċerti prodotti li joriġinaw mill-annimali miksuba fil-Bulgarija u r-Rumanija

(notifikat bid-dokument numru C(2006) 7028)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2007/30/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat it-Trattat ta' l-Adeżjoni tal-Bulgarija u r-Rumanija (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 4(3) tiegħu,

Wara li kkunsidrat it-Trattat ta' l-Adeżjoni tal-Bulgarija u r-Rumanija (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 42(3) tiegħu,

Billi:

(1)

Mill-1 ta' Jannar 2007, prodotti li joriġinaw milll-annimali miksuba fil-Bulgarija u r-Rumanija (l-Istati Membri l-ġodda), għandhom jitqiegħdu fis-suq skond ir-regoli relevanti tal-Komunità b'mod partikolari fir-rigward ta' l-istruttura ta' l-istabbilimenti u l-iġjene tagħhom u l-kontroll u l-immarkar sanitarju tal-prodotti.

(2)

B'mod partikolari, dawn il-prodotti għandhom ikunu soġġetti għar-rekwiżiti stipulati fir-Regolament (KE) Nru 852/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar l-iġjene tal-prodotti ta' l-ikel (3) u r-Regolament (KE) Nru 853/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 li jistipula regoli speċifiċi ta' iġjene għall-ikel li joriġina mill-annimali (4).

(3)

Ċerti prodotti li joriġinaw mill-annimali miksuba mill-Bulgarija u r-Rumanija qabel l-1 ta' Jannar 2007 jistgħu jkunu f'ħażniet wara din id-data. Minkejja dan, dawn il-prodotti li joriġinaw mill-annimali jista' jkun li ma jikkonformawx mar-rekwiżiti veterinarji kollha tal-Komunità.

(4)

Sabiex tiffaċilita it-tranżizzjoni mis-sistema attwali fil-Bulgarija u r-Rumanija għal dik li tirriżulta mill-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni veterinarja tal-Komunità, huwa xieraq li jiġu stipulati miżuri tranżitorji għall-kummerċjalizzazzjoni ta' dawn il-prodotti.

(5)

Dawn il-miżuri għandhom iqisu l-oriġini ta' dawn il-prodotti li joriġinaw mill-annimali kif ukoll il-ħażniet ta' materjal ta' tqartis u imballaġġ u tikketti li fihom marki stampati.

(6)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina ta' l-Ikel u s-Saħħa ta' l-Annimali,

ADOTTAT DIN ID-DECIZJONI:

Artikolu 1

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika għal prodotti li joriġinaw mill-annimali li:

(a)

jaqgħu fi ħdan l-ambitu tar-Regolament (KE) Nru 853/2004; u

(b)

inkisbu fi stabbilimenti fil-Bulgarija u r-Rumanija sal-31 ta' Diċembru 2006

Artikolu 2

1.   Prodotti msemmija fl-Artikolu 1 jistgħu mill-1 ta' Jannar sal-31 ta' Diċembru 2007 jitqiegħdu fis-suq ta' l-Istati Membri l-ġodda ta' oriġini sakemm dawn għandhom il-marka nazzjonali preskritta f'dan l-Istat Membru qabel l-1 ta' Jannar 2007 għal prodotti li joriġinaw mill-annimali li huma tajbin għal konsum uman.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw, skond id-Direttiva tal-Kunsill 89/662/KEE (5) u b'mod partikolari l-Artikolu 3 tagħha, li prodotti msemmija fil-paragrafu 1 ma jiġux kummerċjati fost l-Istati Membri.

Artikolu 3

Bħala deroga mill-Artikolu 2(1), l-Istati Membri għandhom mill-1 ta' Jannar sal-31 ta' Diċembru 2007 jawtorizzaw il-kummerċ fil-prodotti msemmija fl-Artikolu 1 li nkisbu fi stabbilimenti awtorizzati għall-esportazzjoni lejn il-Komunità sakemm il-prodotti:

(a)

għandhom il-marka sanitarja ta' l-esportazzjoni jew il-marka ta' identifikazzjoni tal-Komunità kif previst fl-Artikolu 5(1) tar-Regolament (KE) Nru 853/2004 ta' l-istabbilimenti kkonċernati;

(b)

huma akkumpanjati minn dokument kif previst fl-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 854/2004 (6) li fih l-awtorità kompetenti ta' l-Istat Membru l-ġdid tiċċertifika dan li ġej:

“Prodott qabel l-1 ta' Jannar 2007, b'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni K(2006)7028 finali”.

Artikolu 4

Ħażniet ta' materjal stampat mill-ġdid ta' tgeżwir u tqartis u tikketti li għandhom il-marka preskritta fl-Istat Membru l-ġdid ta' oriġini qabel l-1 ta' Jannar 2007 għal prodotti li joriġinaw mill-annimali li huma tajbin għal konsum mill-bniedem, jistgħu jintużaw sal-31 ta' Diċembru 2007, għat-tqegħid fis-suq domestiku kif previst fl-Artikolu 2.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika soġġetta għad-data tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' l-Adeżjoni tal-Bulgarija u r-Rumanija u tibda tgħodd minnha.

Artikolu 6

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, 22 ta' Diċembru 2006.

Ghall-Kummissjoni

Markos KYPRIANOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 157, 21.6.2005, p. 11.

(2)  ĠU L 157, 21.6.2004, p. 203.

(3)  ĠU L 139, 30.4.2004, p. 1; verżjoni kkoreġuta (ĠU L 226, 25.6.2004, p. 3).

(4)  ĠU L 139, 30.4.2004, p. 55; verżjoni kkoreġuta (ĠU L 226, 25.6.2004, p. 22).) Ir-Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2076/2005 (ĠU L 338, 22.12.2005, p. 83).

(5)  ĠU L 395, 30.12.1989, p. 13.

(6)  ĠU L 139, 30.4.2004, p. 206; verżjoni kkoreġuta (ĠU L 226, 25.6.2004, p. 83) Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2076/2005 (ĠU L 338, 22.12.2005, p. 83).