24.8.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

81


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-22 ta' Diċembru 2006

li tistipula miżuri tranżitorji għal ċerti prodotti li joriġinaw mill-annimali koperti mir-Regolament (KE) Nru 853/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill introdotti fil-Bulgarija u r-Rumanija minn pajjiżi terzi qabel l-1 ta' Jannar 2007

(notifikat bid-dokument numru C(2006) 7019)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2007/29/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat it-Trattat ta' Adeżjoni tal-Bulgarija u r-Rumanija, u partikolarment l-Artikolu 4(3) tiegħu,

Wara li kkunsidrat l-Att ta' Adeżjoni tal-Bulgarija u r-Rumanija, u partikolarment l-Artikolu 42 tiegħu,

Billi:

(1)

Il-Bulgarija u r-Rumanija għandhom jissieħbu mal-Komunità fl-1 ta' Jannar 2007. Ċerti prodotti li jiġu minn pajjiżi terzi li joriġinaw mill-annimali introdotti fil-Bulgarija u r-Rumanija minn pajjiżi terzi qabel dik id-data ma jkunux konformi mar-regoli Komunitarji rilevanti stipulati fir-Regolament (KE) Nru 853/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-24 ta' April 2004 li jistabbilixxi ċerti regoli speċifiċi ta' iġjene għall-ikel li joriġina mill-annimali (1).

(2)

Xi wħud minn dawn il-prodotti ġew rilaxxati f'ċirkolazzjoni ħielsa fil-Bulgarija u r-Rumanija filwaqt li oħrajn għadhom ma tqegħdux taħt il-proċedura doganali u għadhom taħt superviżjoni doganali f'dawn iż-żewġ pajjiżi.

(3)

Sabiex tkun iffaċilitata t-tranżizzjoni mir-reġim eżistenti fil-Bulgarija u r-Rumanija għal dak li jirriżulta mill-applikazzjoni ta' leġiżlazzjoni tal-Komunità, jixraq li jiġu stipulati miżuri tranżitorji għat-tqegħid fis-suq ta' dawn il-prodotti.

(4)

Jixraq ukoll li jiġi pprovdut li prodotti li ma jkunux konformi mal-leġiżlazzjoni Komunitarja ma jiġux introdotti fi Stati Membri oħrajn. Għandhom jitqiegħdu biss fis-swieq domestiċi tal-Bulgarija u r-Rumanija jew esportati lejn pajjiżi terzi taħt kundizzjonijiet xierqa. Barra minn hekk, fid-dawl tal-fatt li s-sistema ta' traċċabilità mhijiex biżżejjed, dawk il-prodotti li mhumiex konformi ma għandhomx jiġu pproċessati mill-istabbilimenti awtorizzati li jibagħtu l-prodotti tagħhom lill-Komunità.

(5)

Wara sena mid-data ta' l-Adeżjoni, prodotti li jkunu għadhom ma ġewx rilaxxati f'ċirkolazzjoni ħielsa f'dawk iż-żewġ pajjiżi jew esportati, u jkunu għandhom maħżuna taħt superviżjoni doganali għandhom jinqerdu.

(6)

Il-miżuri pprovduti f'din id-Deċiżjoni huma konformi ma' l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa ta' l-Annimali,

ADOTTAT DIN ID-DECIZJONI:

Artikolu 1

Ambitu

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika għal prodotti li joriġinaw mill-annimali li:

(a)

jaqgħu fl-ambitu tar-Regolament (KE) Nru 853/2004 iżda li ma jkunux konformi mar-rekwiżit ta' dak ir-Regolament; u

(b)

ġew introdotti fil-Bulgarija u r-Rumanija minn pajjiżi terzi qabel l-1 ta' Jannar 2007;

(ċ)

mhumiex konformi mar-rekwiżiti Komunitarji.

Artikolu 2

Prodotti li joriġinaw mill-annimali rilaxxati f'ċirkolazzjoni ħielsa qabel l-1 ta' Jannar 2007

1.   Il-prodotti msemmija fl-Artikolu 1 (’prodotti li joriġinaw mill-annimali’) li ġew rilaxxati f'ċirkolazzjoni ħielsa fil-Bulgarija u r-Rumanija (’l-Istati Membri l-ġodda’) qabel l-1 ta' Jannar 2007 jistgħu jitqiegħdu fis-swieq nazzjonali tagħhom sal-31 ta' Diċembru 2007 biss.

Il-prodotti li joriġinaw mill-annimali:

(a)

ma għandhomx jiġu pproċessati minn stabbilimenti awtorizzati li jibagħtu l-prodotti tagħhom lil Stati Membri oħra; u

(b)

għandu jkollhom il-marka nazzjonali pprovduta fir-regoli nazzjonali ta' dak l-Istat Membru l-ġdid fid-data tar-rilaxx f'ċirkolazzjoni ħielsa.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw, skond id-Direttiva tal-Kunsill 89/662/KEE (2), u partikolarment l-Artikolu 3 tagħha, li l-prodotti li joriġinaw mill-annimali ma jkunux involuti f'kummerċ bejn l-Istati Membri.

3.   B'deroga mill-paragrafu 1, sal-31 ta' Diċembru 2007, l-Istati Membri l-ġodda jistgħu jawtorizzaw l-esportazzjoni ta' prodotti li joriġinaw mill-annimali lil pajjiż terz taħt il-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

l-esportazzjoni għandha ssir skond l-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3);

(b)

kull konsenja għandha tiġi ttrasportata direttament lill-pajjiż terz taħt is-superviżjoni ta' l-awtorità kompetenti mingħajr ma tgħaddi mit-territorju ta' Stati Membri oħra;

(ċ)

kull konsenja għandha tiġi esportata f'mezz ta' trasport issiġillat mill-awtorità kompetenti, u s-siġilli għandhom jiġu ċċekkjati fil-punt tal-ħruġ ta' l-Istat Membru l-ġdid.

Artikolu 3

Prodotti li joriġinaw mill-annimali introdotti fl-Istati Membri l-ġodda iżda mhux rilaxxati f'ċirkolazzjoni ħielsa qabel l-1 ta' Jannar 2007

1.   Prodotti li joriġinaw mill-annimali li kienu introdotti fl-Istati Membri l-ġodda iżda mhux rilaxxati f'ċirkolazzjoni ħielsa fl-Istati Membri l-ġodda qabel l-1 ta' Jannar 2007, għandhom ikunu soġġetti għar-regoli stipulati fil-paragrafi 2 u 3.

2.   Il-prodotti li joriġinaw mill-annimali jistgħu jiġu rilaxxati f'ċirkolazzjoni ħielsa fl-Istati Membri l-ġodda jew mibgħuta lil pajjiż terz skond il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 2.

3.   Mill-1 ta' Jannar 2008, kwalunkwe konsenja ta' prodotti li joriġinaw mill-annimali taħt is-superviżjoni doganali għandha tinqered taħt il-kontroll ta' l-awtorità kompetenti.

L-ispejjeż kollha ta' din il-qerda għandhom jiġġarrbu minn sid il-konsenja.

Artikolu 4

L-Applikazzjoni

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika soġġetta għal u mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' l-Att ta' Adeżjoni tal-Bulgarija u r-Rumanija.

Artikolu 5

Destinatarji

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, 22 ta' Diċembru 2006.

Għall-Kummissjoni

Markos KYPRIANOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 139, 30.4.2004, p. 55; il-verżjoni kkoreġuta bil-ĠU L 226, 25.6.2004, p. 22. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2076/2005 (ĠU L 338, 22.12.2005, p. 83).

(2)  ĠU L 395, 30.12.1989, p. 13.

(3)  ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1.