24.8.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

3


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

ta' l-20 ta' Diċembru 2006

li temenda d-Deċiżjoni 2005/648/KE dwar il-miżuri ta' protezzjoni fir-rigward tal-marda tan-Newcastle fil-Bulgarija

(notifikat bid-dokument numru C(2006) 6717)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2007/10/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 91/496/KEE tal-15 ta' Lulju 1991 li tistabbilixxi l-prinċipji li jirregolaw l-organizzazzjoni ta' kontrolli veterinarji fuq annimali li jidħlu fil-Komunità minn pajjiżi terzi, u li temenda d-Direttivi 89/662/KEE, 90/425/KEE, u 90/675/KEE (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 18(7) tagħha,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 97/78/KE tat-18 ta' Diċembru 1997 li tistabbilixxi l-prinċipji li jirregolaw l-organizzazzjoni tal-verifiki veterinarji fuq prodotti li jidħlu fil-Komunità minn pajjiżi terzi (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 22 (6) ta' din id-Direttiva,

Billi:

(1)

Il-marda tan-Newcastle hija marda virali li tittieħed. ħafna fit-tjur ta' l-irziezet u l-għasafar u hemm riskju li l-aġent tal-marda jista' jiġi introdott permezz tal-kummerċ internazzjonali ta' tjur ħajjin u prodotti tat-tjur.

(2)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/648/KE tat-8 ta' Settembru 2005 dwar il-miżuri ta' protezzjoni dwar il-marda tan-Newcastle fil-Bulgarija (3) kienet ġiet adottata wara tifqigħa tal-marda tan-Newcastle fir-reġjun amministrattiv ta' Vratsa. Dik id-Deċiżjoni tissospendi l-importazzjoni tat-tjur ħajjin ta' l-irziezet, ir-ratiti, it-tjur selvaġġ u dak imrobbi u l-bajd tat-tfaqqis, il-laħam frisk u l-preparazzjonijiet tal-laħam u l-prodotti tal-laħam minn dawn l-ispeċijiet.

(3)

Il-Bulgarija kkonfermat tifqigħat tal-marda tan-Newcastle f'muniċipalità waħda fir-reġjun amministrattiv ta' Dobrich u f'muniċipalità waħda tar-reġjun amministrattiv ta' Razgrad fil-Bulgarija.

(4)

Waqt li titqies is-sitwazzjoni attwali epidemoloġika fil-Bulgarija dwar il-marda tan-Newcastle u l-fatt li dak il-pajjjiż applika ċerti miżuri ta' kontroll tal-marda u bagħat iktar informazzjoni dwar is-sitwazzjoni tal-marda lill-Kummissjoni, jidher li s-sitwazzjoni fil-Bulgarija għajr għar-reġjuni ta' Vratsa, Blagoevgrad, Kardzhali and Burgas (esklużi l-muniċipalitajiet ta' Burgas u Sungurlare), għall-muniċipalità ta' Dobrichka li qiegħda fid-distrett ta' Dobrich u għall-muniċipalità ta' Kubrat li qiegħda fid-distrett ta' Razgrad, għadha sodisfaċenti. Għaldaqstant ikun xieraq li s-sospensjoni fuq l-importazzjonijiet tiġi llimitata għal dawk ir-reġjuni.

(5)

L-Anness għad-Deċiżjoni 2005/648/KE għandu, għalhekk, jiġi emendat kif xieraq.

(6)

Il-miżuri stipulati f'din id-Deċiżjoni huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti għall-Katina Alimentari u s-Saħħa ta' l-Annimali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Fid-Deċiżjoni 2005/648/KE l-Anness huwa ssostitwit bl-Anness għal din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

L-Istati Membri għandhom minnufih jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jikkonformaw ma' din id-Deċiżjoni u jippubblikaw dawk il-miżuri. Huma għandhom jinformaw immedjatament lill-Kummissjoni dwar dan.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, 20 ta' Diċembru 2006.

Għall-Kummissjoni

Markos KYPRIANOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 268, 24.9.1991, p. 56. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar mill-Att ta' l-Adeżjoni ta' l-2003.

(2)  ĠU L 24, 30.1.1998, p. 9. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar mir-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 165, 30.4.2004, p. 1).

(3)  ĠU L 238, 15.9.2005, p. 16. Id-Deċiżjoni kif emendata l-aħħar mid-Direttiva 2006/571/KE (ĠU L 227, 19.8.2006, p. 58).


ANNESS

“ANNESS

Id-distrett amministrattiv ta' Blagoevgrad.

Id-distrett amministrattiv ta' Burgas, barra l-muniċipalitajiet ta' Burgas u ta' Sungurlare

Id-distrett amministrattiv ta' Vratsa

Id-distrett amministrattiv ta' Kardzhali

Fid-distrett Amministrattiv ta' Razgrad, il-muniċipalità ta' Kubrat

Fid-distrett Amministrattiv ta' Dobrich, il-muniċipalità ta' Dobrichka”