2.8.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 180/1


OPINJONI TAL-KUMMISSJONI

ta' l-1 ta' Awwissu 2007

dwar il-pjan għar-rimi ta' l-iskart radjoattiv li jirriżulta mill-operat tas-Studsvik UK Metallic Recycling Facility li tinsab f'Workington, Cumbria, ir-Renju Unit

(It-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)

(2007/C 180/01)

Fil-15 ta' Jannar 2007, il-Kummissjoni Ewropea rċeviet mingħand il-Gvern tar-Renju Unit, skond l-Artikolu 37 tat-Trattat ta' l-Euratom, Data Ġenerali dwar il-pjan għar-rimi ta' l-iskart radjoattiv li jirriżulta mill-iStudsvik UK metallic recycling facility.

Fuq il-bażi ta' din id-data u l-informazzjoni addizzjonali mitluba mill-Kummissjoni u pprovduta mill-awtoritajiet tar-Renju Unit fit-22 ta' Jannar 2007 u fl-4 ta' April 2007, u wara l-konsultazzjoni mal-Grupp ta' Esperti, il-Kummissjoni ħejjiet l-opinjoni li ġejja:

1.

Id-distanza bejn l-istallazzjoni u l-eqreb punt ta' Stat Membru ieħor, f'dan il-każ l-Irlanda, hija ta' madwar 160 km.

2.

Taħt il-kundizzjonijiet normali ta' l-operat, it-tnixxijiet ta' effluwenti likwidi u gassużi mhux se joħolqu esponiment li jista' jaffettwa s-saħħa tal-popolazzjoni fi Stati Membri oħra.

3.

Wara l-ipproċessar, parti mill-materjal se tiġi kklassifikata bħala LLW u parti se tkun allokata biex terġa' tintuża mill-ġdid jew tiġi riċiklata. L-ipproċessar se jirriżulta wkoll f'xi skart sekondarju LLW. Il-faċilità ma tipprevedix li tipproċessa skart li ma jistax jissodisfa d-Drigg Repository Conditions for Acceptance. L-iskart radjoattiv se jinħeles mill-esiġenzi ta' l-Istandards Bażiċi ta' Sikurezza, jew wara li jiġi ttrattat fl-Iżvezja (tidwib) jew direttament, jekk ikun konformi mal-kriterji skond il-UK Substances of Low Activity Exemption Order, fil-każijiet kollha konformi mal-kriterji stipulati fl-Istandards Bażiċi ta' Sikurezza (id-Direttiva 96/29/Euratom).

4.

F'każ ta' tnixxijiet mhux ippjanati ta' effluwenti radjoattivi li jirriżultaw minn inċident tat-tip u d-daqs meqjusa fid-Data Ġenerali, id-dożi li jgħaddu fi Stati Membri oħra mhux se jaffettwaw is-saħħa tal-popolazzjoni.

Bħala konklużjoni, il-Kummissjoni hija ta' l-opinjoni li l-pjan għar-rimi ta' l-iskart radjoattiv, ikun f'liema forma jkun, li jirriżulta mill-operat ta' l-iStudsvik UK Metallic Recycling Facility li tinsab f'Workington, Cumbria, ir-Renju Unit, kemm fl-operat normali u anke fil-każ ta' inċident tat-tip u d-daqs meqjusa fid-Data Ġenerali, mhux mistenni li jirriżulta fil-kontaminazzjoni radjoattiva ta' l-ilma, tal-ħamrija jew ta' l-ispazju ta' ajru ta' Stat Membru ieħor.