21.6.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 137/1


OPINJONI TAL-KUMMISSJONI

ta' l-20 ta' Ġunju 2007

dwar is-segwitu għall-opinjoni tal-Kummissjoni C(2005)1694 finali tad-9 ta' Ġunju 2005 fuq il-miżuri temporanji li ttieħdu mill-gvern tad-Danimarka fir-rigward ta' valvijiet għar-rilaxx b'veloċità għolja ta' pressjoni/vakwums (high velocity pressure/vacuum relief valves) tal-mudell NEW-ISO-HV manifatturati mid-ditta TANKTECH Co. fir-Repubblika tal-Korea

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2007/C 137/01)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 96/98/KE ta' l-20 ta' Diċembru 1996 dwar it-tagħmir marittimu (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 13 tagħha,

Billi:

(1)

fid-9 ta' Ġunju 2005 (2), il-Kummissjoni tat opinjoni fuq il-miżuri temporanji li ttieħdu mill-gvern tad-Danimarka fir-rigward ta' valvijiet għar-rilaxx b'veloċità għolja ta' pressjoni/vakwums mudell NEW-ISO-HV manifatturati mid-ditta TANKTECH Co. fir-Repubblika tal-Korea (minn issa 'l quddiem “il-manifattur”).

(2)

F'din l-opinjoni, il-Kummissjoni irrakkomandat li l-partijiet (jiġifieri l-Awtorità Marittima tad-Danimarka, il-manifattur, il-Gvern Franċiż bħala l-Istat Membru li għamel in-notifika u l-korp innotifikat li ħareġ iċ-ċerifikat ta' l-eżaminazzjoni tat-tip tal-KE f'isem dan ta' l-aħħar) jagħmlu flimkien test ġdid fuq kampjun rappreżentattiv ta' valvijiet ġodda tal-mudell NEW-ISO-HV ta' kull daqs f'laboratorju aċċettabbli għall-partijiet kollha skond l-istandards ta' ttestjar applikabbli, partikolarment l-istandard Ewropew EN12874:2001, bil-għan li jiġi ddeterminat jekk dan it-tip ta' valv jissodisfax ir-rekwiżiti minimi applikabbli f'kundizzjonijiet normali ta' operat tal-bastiment.

(3)

Mudell ġdid tal-valvijiet, jiġifieri s-serje U-ISO, ħa post is-serje NEW-ISO-HV li ma baqax jinbiegħ. Id-differenza bejn iż-żewġ mudelli hija modifika tal-mekkaniżmu check-lift li saret biex jiġu indirizzati l-oġġezzjonijiet ta' l-awtoritajiet Daniżi dwar it-tħaddim sikur ta' dan il-mekkaniżmu.

(4)

Wara li nbidel il-mudell, iċ-ċertifikat ta' approvazzjoni tat-tip 11582/A2 EC li kien ikopri l-mudell NEW-ISO-HV ma ġiex imħassar, iżda skada fid-19 ta' Marzu 2007 u għalhekk ma għandux jiġi mġedded.

(5)

It-testijiet, li saru fuq il-mudell NEW-ISO-HV fil-laboratorju PTB (fil-Ġermanja) u fil-laboratorju KIMM (fil-Korea t'Isfel) wara li l-Kummissjoni tat l-opinjoni tagħha, wrew li ma kien hemm ebda difett inerenti ieħor f'dan il-mudell. Madankollu, mit-testijiet ħareġ li l-arranġament tat-tagħmir għall-ittestjar kellu influwenza sinifikanti fuq ir-riżultati, li allura jenfasizza l-ħtieġa li l-valvijiet fuq il-bastimenti għandhom ikunu installati b'mod korrett. Għalhekk, huwa kruċjali li l-manifattur jgħaddi tagħrif eżawrjenti dwar l-imġiba u l-limitazzjonijiet fl-użu tal-valvijiet (b'mod partikolari kif jitolbu l-istandards applikabbli) lid-diżinjaturi ta' l-installazzjoni sabiex jiġu evitati t-twaħħil ħażin u l-possibbiltà konsegwenti ta' rendiment ħażin.

(6)

Il-manifattur ipprovda dokumenti li juru li huwa jagħmel kontrolli tal-produzzjoni eżawrjenti, fejn kull valv jiġi mkejjel fid-dettall u jsirulu testijiet ta' pressjoni/vakwu; dan it-tagħrif speċifiku jintbagħat ma' kull konsenja ta' valvijiet.

(7)

Wara li saru testijiet — fuq id-daqsijiet kollha (tmienja b'kollox) għall-kapaċità u għall-hammering, u fuq id-daqsijiet 80 u 150 għall-flashback, — fi Frar 2005 ġie maħruġ iċ-ċertifikat ta' approvazzjoni tat-tip Nru 14773/A0 (li wara ħadlu postu ċ-ċertifikat 14473/A) għall-mudell U-ISO mill-korp notifikat Bureau Veritas, li kien qed jaġixxi taħt l-awtorità tal-gvern Franċiż.

(8)

Il-bidliet li saru mill-mudell NEW-ISO-HV jistgħu jaffettwaw il-konformità mar-rekwiżiti jew il-kundizzjonijiet preskritti għall-użu tal-prodott u għalhekk, il-mudell il-ġdid jeħtieġ approvazzjoni oħra. Għalhekk, huwa meħtieġ l-ittestjar tad-daqsijiet kollha, li għandu jsir taħt il-kontroll ta' korp notifikat li jkun qed jaġixxi taħt l-awtorità ta' xi Stat Membru, sabiex ikun ipprovat li l-mudell il-ġdid U-ISO huwa konformi mal-ħtiġijiet tad-Direttiva.

(9)

Ladarba l-manifattur qabel li jagħmel dan, il-partijiet ftehmu li ċ-ċertifikat ta' approvazzjoni tat-tip attwali għandu jiġi sostitwit. Fir-rigward tal-valvijiet li ħarġu għall-bejgħ biċ-ċertifikat ta' approvazzjoni tat-tip attwali, il-partijiet jaqblu li l-ittestjar parzjali li sarilhom joffri ammont limitat ta' garanzija, tant li biex tiġi żgurata s-sikurezza kompletament biżżejjed li jsir kontroll individwali tal-kundizzjoni tal-valvijiet kollha li diġà twaħħlu fuq il-bastimenti.

(10)

Dan il-kontroll individwali għandu jsir bla dewmien u b'tali mod li kwalunkwe każi li jindikaw funzjonament ħażin — b'mod partikulari pressure peaks jew hammering—ikunu jistgħu jiġu rrappurtati mis-sidien u investigati sabiex tiġi determinata il-kawża tad-difett u jittieħdu l-miżuri meħtieġa. Il-manifattur qabel li jagħmel dan il-kontroll u li jirrapporta l-konklużjonijiet tiegħu lill-Kummissjoni u lill-partijiet l-oħra; fiż-żmien li l-Kummissjoni qed tagħti din l-opinjoni, hu mifhum li din il-proċedura diġà inbdiet.

(11)

Minbarra r-rakkomandazzjoni li saret mill-Kummissjoni lill-Istati Membri fl-opinjoni tagħha tad-9 ta' Ġunju 2005 fir-rigward ta' valvijiet tad-daqs 80 u manifatturati qabel il-31 ta' Diċembru 2002, ikun għaqli li jsir kontroll simili fuq valvijiet oħra tal-mudell NEW-ISO-HV li twaħħlu fuq bastimenti. Il-manifattur qabel li jagħmel dan il-kontroll u li jirrapporta l-konklużjonijiet tiegħu lill-Kummissjoni u lill-partijiet l-oħra; fiż-żmien li l-Kummissjoni qed tagħti din l-opinjoni, hu mifhum li din il-proċedura diġà inbdiet.

(12)

Il-manifattur qabel li fil-futur japplika il-moduli ta' valutazzjoni tal-konformità B (eżami tat-tip KE) u F (verifika tal-prodott).

ADOTTAT DIN L-OPINJINI:

Artikolu 1

Il-partijiet segwew tajjeb l-opinjoni li l-Kummissjoni tat fid-9 ta' Ġunju 2005 u ħadu l-miżuri meħtieġa biex iħarsu s-sikurezza.

Artikolu 2

L-awtoritajiet Franċiżi, li ċ-ċertifikati attwali nħarġu taħt l-awtorità tagħhom, għandhom ir-responsabbiltà li jieħdu l-miżuri xierqa jekk l-ittestjar komplet fuq il-mudell U-ISO ma jsirx fi żmien għaqli jew jekk dan l-ittestjar jonqos milli juri konformità mar-rekwiżiti applikabbli.

Artikolu 3

Il-Kummissjoni tirrakkomanda illi:

(1)

Kwalunkwe każijiet identifikati mill-manifattur li jistgħu jindikaw funzjonament ħażin ta' valvijiet mudelli NEW-ISO-HV u U-ISO li diġà twaħħlu fuq bastimenti għandhom jiġu rrappurtati minnufih mhux biss lill-Kummissjoni u lill-partijiet l-oħra kif miftiehem, iżda wkoll lill-Istat li l-bastiment itajjar il-bandiera tiegħu, tkun xi tkun il-bandiera tal-bastiment.

(2)

L-Istati Membri jagħmlu verifika simili fir-rigward ta' bastimenti li jtajru l-bandiera tagħhom u li jkunu mgħammra b'valvijiet għar-rilaxx b'veloċità għolja ta' pressjoni/vakwums ta' l-istess għamla, tkun xi tkun il-marka tagħhom, u jinvestigaw it-tali każijiet sabiex jiddeterminaw il-kawża probabbli.

Magħmula fi Brussell, fl- 20 ta' Ġunju 2007

Għall-Kummissjoni

Jacques BARROT

Viċi-President


(1)  ĠU L 46, 17.2.1997, p. 25. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar mid-Direttiva 2002/84/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 324, 29.11.2002, p. 53).

(2)  ĠU C 148, 18.6.2005, p. 4.