1.12.2007 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
660 |
REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 1999/2006
ta’ l-20 ta’ Diċembru 2006
jimponi dazju proviżorju kontra d-dumping fuq l-importazzjoni ta’ ċerti mqagħad li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina
IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,
Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 tat-22 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1) (“Ir-Regolament bażiku”), u b’mod partikolari l-Artikolu 7 tiegħu,
Billi:
A. PROĊEDURA
1. Bidu
(1) |
Fit-22 ta’ Frar 2006, il-Kummissjoni rċeviet ilment dwar ċerti mqagħad li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“PRC”), imressaq skond l-Artikolu 5 tar-Regolament bażiku mill-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Manifatturi ta’ l-Imqagħad (‘il-kwerelant’) f’isem produtturi li jirrappreżentaw proporzjon qawwi, f’dan il-każ 99 %, tal-produzzjoni kollha ta’ ċerti mqagħad fil-Komunità. |
(2) |
Dan l-ilment inkorpora provi ta’ dumping u ta’ ħsara materjali kkawżata minnu, li tqiesu biżżejjed biex jiġġustifikaw il-bidu ta’ proċedura. |
(3) |
Fis-7 ta’April 2006, il-proċedura ngħatat bidu bil-pubblikazzjoni ta’ notifika tal-bidu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea (2). |
2. Il-Partijiet ikkonċernati f’din il-proċedura
(4) |
Il-Kummissjoni infurmat uffiċjalment lill-produtturi esportaturi fil-PRC, l-importaturi, in-negozjanti, l-utenti, il-fornituri u l-assoċjazzjonijiet, magħrufa bħala kkonċernati, lir-rappreżentanti tal-PRC u l-produtturi kwerelanti fil-Komunità, u produtturi oħra fil-Komunità magħrufa bħala kkonċernati bil-bidu tal-proċedura. Il-partijiet interessati ngħataw l-opportunità li jressqu l-opinjonijiet tagħhom bil-miktub u li jitolbu smigħ fil-limitu ta’ żmien stipulat fin-notifika tal-bidu. |
(5) |
Bil-għan li l-produtturi esportaturi jkunu jistgħu jressqu talba għal trattament ta’ ekonomija tas-suq (“MET”) jew trattament individwali (“IT”), jekk ikunu jixtiequ jagħmlu dan, il-Kummissjoni bagħtet formoli tat-talba lill-produtturi esportaturi Ċiniżi magħrufa bħala kkonċernati. Tliet gruppi ta’ produtturi esportaturi u produttur esportatur individwali talbu l-MET skond l-Artikolu 2(7) tar-Regolament bażiku, jew l-IT f’każ li l-investigazzjoni tistabbilixxi li huma ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet għall-MET. Għandu jiġi nnutat li tlieta minn dawn il-produtturi esportaturi kienu jikkonsistu f’żewġ kumpaniji relatati jew aktar, involuti fil-produzzjoni u/jew il-bejgħ ta’ l-imqagħad. |
(6) |
Fid-dawl ta’ dak li jidher li hu għadd kbir ta’ produtturi esportaturi fil-PRC u importaturi u produtturi fil-Komunità, fin-notifika tal-bidu, il-Kummissjoni indikat li jista’ jsir it-teħid ta’ kampjuni f’din l-investigazzjoni biex jiġu ddeterminati id-dumping u l-ħsara skond l-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku. |
(7) |
Bil-għan li l-Kummissjoni tkun tista’ tiddeċiedi jekk ikunx meħtieġ it-teħid ta’ kampjuni, u jekk iva, biex tagħżel kampjun, il-produtturi esportaturi fil-PRC, l-importaturi Komunitarji u l-produtturi Komunitarji kollha ntalbu jagħmlu lilhom infushom magħrufa mal-Kummissjoni u jagħtu, kif speċifikat fin-notifika tal-bidu, informazzjoni bażika dwar l-attivitajiet tagħhom marbuta mal-prodott ikkonċernat matul il-perjodu ta’ investigazzjoni (mill-1 ta’ Jannar 2005 sal-31 ta’ Diċembru 2005). |
(8) |
Sa fejn huma kkonċernati l-produtturi, peress li tliet gruppi ta’ produtturi biss u kumpanija individwali waħda kkooperaw fl-investigazzjoni, ġie deċiż li t-teħid ta’ kampjuni ma kienx meħtieġ. |
(9) |
Fir-rigward tal-produtturi fil-Komunità, skond l-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku, intgħażel kampjun ibbażat fuq l-ikbar volum rappreżentattiv ta’ produzzjoni ta’ l-imqagħad fil-Komunità, li jista’ raġonevolment jiġi investigat fiż-żmien disponibbli. Fuq il-bażi ta’ l-informazzjoni mogħtija mill-produtturi fil-Komunità, il-Kummissjoni għażlet ħames kumpaniji li qegħdin f’żewġ Stati Membri differenti. F’termini ta’ volum ta’ produzzjoni, il-ħames kumpaniji magħżula għat-teħid tal-kampjuni kienu jirrappreżentaw 86 % tal-produzzjoni totali fil-Komunità. Skond l-Artikolu 17(2) tar-Regolament bażiku, il-partijiet ikkonċernati ġew ikkonsultati u ma qajmu l-ebda oġġezzjoni. Bħala żieda, il-kumplament tal-produtturi Komunitarji ntalbu jipprovdu ċerta data ġenerali għall-analiżi tal-ħsara. Barra minn hekk, u skond l-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku, intgħażel kampjun ta’ importaturi msejjes fuq l-ikbar volum rappreżentattiv ta’ importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat lejn il-Komunità li seta’ raġonevolment jiġi investigat fiż-żmien disponibbli. Fuq il-bażi ta’ l-informazzjoni mogħtija minn diversi importaturi u meta tqieset il-kwalità differenti ta’ l-informazzjoni mogħtija, intgħażlu għall-kampjun, żewġ importaturi li qegħdin fi Stat Membru wieħed. Iż-żewġ importaturi magħżula għall-kampjun jirrappreżentaw 21 % ta’ l-importazzjoni fil-Komunità tal-prodott ikkonċernat. Fid-dawl tan-numru żgħir ta’ tweġibiet mogħtija mill-utenti, ġie deċiż li t-teħid ta’ kampjun ta’ l-utenti ma kienx meħtieġ. |
(10) |
Intbagħtu kwestjonarji lill-partijiet kollha magħrufa bħala kkonċernati u lill-kumpaniji l-oħra kollha li għamlu lilhom infushom magħrufa sad-dati ta’ l-għeluq stipulati fin-notifika tal-bidu. Waslu tweġibiet minn erba’ produtturi esportaturi mill-PRC u produttur wieħed fil-pajjiż analogu, il-Brażil. Tweġibiet għall-kwestjonarju b’mod sħiħ waslu wkoll mill-ħames produtturi Komunitarji li ntgħażlu fil-kampjun. Għalkemm erba’ importaturi wieġbu l-formola tat-teħid tal-kampjuni, tnejn biss ikkooperaw billi ppreżentaw tweġiba għall-kwestjonarju b’mod sħiħ. Barra minn hekk, erba’ utenti ta’ mqagħad taw tweġiba għall-kwestjonarju b’mod sħiħ. B’żieda ma’ dan, waslet ukoll tweġiba għall-kwestjonarju minn fornitur tal-materja prima. |
(11) |
Il-Kummissjoni talbet u vverifikat l-informazzjoni kollha meqjusa bħala meħtieġa għad-determinazzjoni proviżorja tad-dumping, il-ħsara li tirriżulta u l-interess tal-Komunità, u wettqet verifiki fl-istabbilimenti tal-kumpaniji li ġejjin:
|
(12) |
Fid-dawl tal-ħtieġa li jiġi stabbilit valur normali għall-produtturi esportaturi li jistgħu ma jingħatawx l-MET, saret verifika biex tistabbilixxi l-valur normali msejjes fuq informazzjoni minn pajjiż analogu, f’dan il-każ il-Brażil, fl-istabbilimenti tal-kumpanija li ġejja:
|
3. Il-perjodu ta’ investigazzjoni
(13) |
L-investigazzjoni dwar id-dumping u l-ħsara kopriet il-perjodu bejn l-1 ta’ Jannar u l-31 ta’ Diċembru 2005 (il-“perjodu ta’ investigazzjoni” jew “IP”). L-eżami tax-xejriet rilevanti għall-valutazzjoni tal-ħsara kopra l-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2002 sa tmiem il-perjodu ta’ investigazzjoni (il-‘perjodu kkunsidrat’). |
B. IL-PRODOTT IKKONĊERNAT U L-PRODOTT SIMILI
1. Il-Prodott ikkonċernat
(14) |
Il-prodott ikkonċernat huma ċerti mqagħad u partijiet essenzjali tagħhom (i.e. il-bażi, il-kuxxinetti u l-għata), ta’ roti (biċikletti) u ta’ ċikletti oħra (bħal triċikletti għall-kunsinni), mingħajr mutur, ta’ ċikletti ffittjati b’mutur awżiljarju, bis-sidecar jew mingħajrha, apparat tal-fitness u apparat domestiku għall-attività fiżika, (“il-prodott ikkonċernat” jew “imqagħad”) li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina. Il-prodott huwa normalment iddikjarat taħt il-kodiċi NM 8714 95 00, ex 8714 99 90 u ex 9506 91 10. |
(15) |
Maqgħad huwa tipikament magħmul minn tliet partijiet: il-bażi jew qafas li fuqu jinbena l-maqgħad, ikun ġeneralment magħmul permezz ta’ proċess ta’ injezzjoni tal-plastik ġo forma (injection moulding); il-kuxxinett li jitwaħħal mal-bażi biex il-maqgħad ikun komdu, li jista’ jsir minn tipi differenti ta’ fowm sintetiku jew materjali oħra; l-għata, magħmula minn materjal sintetiku jew ġilda naturali li tiksi l-kuxxinett u t-trufijiet tal-bażi li jagħtu lill-maqgħad il-propjetajiet tiegħu ta’ kif jinħass u dawk estetiċi. Flimkien mat-tliet komponenti ta’ hawn fuq, il-maqgħad normalment jinkorpora mekkaniżmu ta’ rbit magħmul mill-metall bħal furketta, jew klamp u jista’ jinkludi wkoll molla jew mekkaniżmu elastometriku li jassorbi l-iskossi. |
(16) |
Il-prodott konċernat jintuża fir-roti u vetturi simili, kif ukoll f’apparat fiss bħal dak ta’ l-eżerċizzju fiżiku. L-investigazzjoni uriet li, minkejja d-differenzi fil-forom, materjali u proċess ta’ produzzjoni, it-tipi differenti ta’ prodott ikkonċernat, kollha għandhom l-istess karatteristiċi fiżiċi u tekniċi bażiċi u huma bażikament użati għall-istess għanijiet. Għalhekk huma meqjusa li jikkostitwixxu prodott waħdani għall-għan ta’ din il-proċedura. |
2. Prodott simili
(17) |
L-investigazzjoni wriet li l-karatteristiċi fiżiċi u tekniċi bażiċi ta’ l-imqagħad maħduma u mibjugħa mill-industrija Komunitarja fil-Komunità, l-imqagħad maħduma u mibjugħa fis-suq domestiku Ċiniż u l-imqagħad impurtati fil-Komunità mill-PRC, kif ukoll dawk maħduma u mibjugħa fil-Brażil, huma l-istess u li dawn il-prodotti għandhom l-istess użu. |
(18) |
Għalhekk ġie konkluż b’mod proviżjonalment li dawn il-prodotti huma simili skond it-tifsir ta’ l-Artikolu 1(4) tar-Regolament bażiku. |
C. DUMPING
1. Trattament ta’ ekonomija tas-suq (“MET”)
(19) |
Skond l-Artikolu 2(7)(b) tar-Regolament bażiku, f’investigazzjonijiet kontra d-dumping dwar importazzjonijiet li joriġinaw mill-PRC, il-valur normali għandu jiġi ddeterminat skond il-paragrafi 1 sa 6 ta’ l-imsemmi Artikolu għal dawk il-produtturi li jinstabu li jissodisfaw il-kriterji stipulati fl-Artikolu 2(7)(c) tar-Regolament bażiku. |
(20) |
Fil-qosor, u għal skop ta’ referenza faċli biss, il-kriterji ta’ l-MET qed jitniżżlu fil-qosor hawn taħt:
|
(21) |
Żewġ gruppi ta’ produtturi esportaturi u produttur esportatur individwali talbu l-MET skond l-Artikolu 2(7)(b) tar-Regolament bażiku u wieġbu l-formola tat-talba għall-MET għall-produtturi esportaturi saż-żmien stipulat. Il-Kummissjoni talbet u vverifikat l-informazzjoni kollha mressqa fl-applikazzjonijiet għall-MET fl-istabbilimenti ta’ dawn il-kumpaniji skond il-ħtieġa. L-investigazzjoni uriet li l-MET seta’ jingħata biss lil żewġ gruppi ta’ produtturi esportaturi, filwaqt li kellha tiġi miċħuda t-talba fil-każ ta’ grupp wieħed ta’ kumpaniji u tal-kumpanija individwali. |
(22) |
Fir-rigward tal-produttur esportatur individwali, l-investigazzjoni uriet li l-kumpanija ma kinetx tissodisfa l-ħtiġijiet tal-kriterji 1 u 3 msemmija hawn fuq. Speċifikament, il-kumpanija ma setgħetx turi li d-deċiżjonijiet kummerċjali tagħha ttieħdu bi tweġiba għas-sinjali tas-suq, mingħajr indħil sinifikanti mill-Istat, b’mod partikolari minħabba li l-kwantitajiet tal-bejgħ fis-swieq domestiċi u ta’ l-esportazzjoni huma ristretti mill-Artikoli ta’ Assoċjazzjoni tal-kumpanija, li ma jistgħux jinbidlu mingħajr l-approvazzjoni ta’ l-Istat. Barra minn hekk, il-kumpanija ma setgħetx turi li m’hemmx tgħawwiġ fit-trasferimenti mis-sistema preċedenti ta’ ekonomija mhux tas-suq, b’mod partikolari billi tressaq provi bil-miktub dwar l-akkwist tad-drittijiet għall-użu ta’ art. |
(23) |
Minbarra dan, grupp wieħed ta’ produtturi esportaturi naqsu li jiddikjaraw ir-rabta tagħhom ma’ klijent ewlieni domestiku kemm fit-tweġiba fil-formola tat-talba għal ekonomija tas-suq u kemm fit-tweġiba għall-kwestjonarju ta’ kontra d-dumping. Ir-rabta nkixfet biss permezz ta’ sensiela ta’ kontrakontrolli li saru fuq il-post għand il-produtturi esportaturi. Hija l-politika konsistenti tal-Kummissjoni li tagħmel id-determinazzjoni ta’ l-MET/IT għal gruppi ta’ kumpaniji relatati, flimkien. Għalhekk l-għoti tal-MET/IT lil dan l-esportatur kien jitlob li l-kumpanija relatata tikkollabora bis-sħiħ fl-investigazzjoni, bil-għan li jiġu stabbiliti l-attivitajiet preċiżi tagħha fir-rigward tal-prodott ikkonċernat, it-twettiq tal-kriterji ta’ l-MET u l-influwenza ta’ din ir-rabta fuq it-tranżazzjonijiet bejn iż-żewġ kumpaniji. Dan ma kienx il-każ, peress li l-kumpanija relatata ma kkooperatx fl-investigazzjoni. Għalhekk, il-Kummissjoni ma kienetx f’qagħda li tagħmel id-determinazzjoni dwar l-MET/IT għal dan il-grupp ta’ kumpaniji. Għandu jiġi nnutat li din il-kwistjoni laqtet parti sostanzjali ħafna tal-bejgħ domestiku ta’ l-esportaturi. Barra minn hekk, din l-ommissjoni volontarja titfa’ dubji fuq l-affidabbiltà ta’ informazzjoni u dokumenti oħra mressqa lill-Kummissjoni. Fid-dawl ta’ din l-ommissjoni u l-importanza tagħha kemm fl-analiżi għall-MET u kemm għad-determinazzjoni tad-dumping, li jkunu msejsa fuq l-informazzjoni individwali mressqa minn dan il-grupp ta’ esportaturi, ġie deċiż li huma kienu taw informazzjoni falza u qarrieqa skond it-tifsir ta’ l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku. Il-kumpanija ġiet infurmata minnufih dwar il-bażi li fuqha kien maħsub li titwarrab l-informazzjoni mogħtija u ngħatat l-opportunità biex tagħti aktar spjegazzjonijiet, skond l-Artikolu 18(4) tar-Regolament bażiku. Madankollu, l-ispjegazzjonijiet mogħtija mill-kumpanija ma kienux sodisfaċenti u la kkonvinċew lill-Kummissjoni li ma kinetx tressqet informazzjoni qarrieqa u lanqas ma neħħiet id-dubji dwar l-integrità tal-kumplament tad-data mressqa mill-kumpanija. Fil-fatt, dan il-grupp ta’ produtturi esportaturi tqies li ma kkooperax fl-investigazzjoni u t-talba tiegħu għall-MET u l-IT ġiet miċħuda. |
(24) |
Il-partijiet interessati ngħataw opportunità li jikkummentaw dwar il-konklużjonijiet ta’ hawn fuq. |
(25) |
Fuq din il-bażi, l-MET ngħata lill-żewġ gruppi ta’ produtturi esportaturi:
|
2. Trattament individwali (“IT”)
(26) |
Skond l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku, dazju madwar il-pajjiż kollu, jekk ikun hemm, jiġi stabbilit għal dawk il-pajjiżi li jaqgħu taħt dak l-Artikolu, għajr f’dawk il-każi fejn il-kumpaniji jkunu kapaċi juru li jissodisfaw il-kriterji kollha stabbiliti fl-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku. |
(27) |
Il-produttur esportatur li ma setax jingħata l-MET talab ukoll l-IT fil-każ li ma jingħatax l-MET. Madankollu, it-talba tal-kumpanija għal trattament individwali (“IT”’) inċaħdet ukoll billi l-kumpanija naqset li tissodisfa l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 9(5)(b), speċifikament li l-prezzijiet u l-kwantitajiet ta’ l-esportazzjoni kienu ddeterminati liberament. |
3. Il-valur normali
(a) Determinazzjoni tal-valur normali għall-produtturi esportaturi li ngħataw l-MET
(28) |
F’dak li għandu x’jaqsam mad-determinazzjoni tal-valur normali, il-Kummissjoni l-ewwel stabbiliet, għal kull produttur esportatur ikkonċernat, jekk il-bejgħ domestiku totali tiegħu ta’ mqagħad kienx rappreżentattiv meta mqabbel mal-bejgħ totali f’esportazzjoni lejn il-Komunità. Skond l-Artikolu 2(2) tar-Regolament bażiku, il-bejgħ domestiku tqies bħala rappreżentattiv meta l-volum totali ta’ bejgħ domestiku tal-produttur esportatur kien minn talanqas 5 % tal-volum totali ta’ bejgħ f’esportazzjoni lejn il-Komunità. |
(29) |
Iż-żewġ gruppi ta’ kumpaniji li ngħataw l-MET kienu jinkludu ħames kumpaniji li jipproduċu mqagħad għall-esportazzjoni, li tlieta minnhom kellhom ukoll bejgħ domestiku. Kumpanija oħra kellha bejgħ domestiku iżda l-ebda esportazzjoni. |
(30) |
Għal dawk il-produtturi esportaturi li l-bejgħ domestiku totali tagħhom instab li kien rappreżentattiv, il-Kummissjoni mbagħad identifikat it-tipi ta’ mqagħad mibjugħa fis-suq domestiku, li kienu identiċi jew direttament komparabbli mat-tipi mibjugħa f’esportazzjoni lejn il-Komunità. |
(31) |
Għal kull wieħed minn dawk it-tipi, ġie stabbilit jekk il-bejgħ domestiku kienx rappreżentattiv biżżejjed għall-fini ta’ l-Artikolu 2(2) tar-Regolament bażiku. Il-bejgħ domestiku ta’ tip partikolari tqies bħala rappreżentattiv biżżejjed meta l-volum totali ta’ bejgħ domestiku ta’ dak it-tip matul l-IP irrappreżenta 5 % jew aktar tal-volum totali ta’ bejgħ tat-tip komparabbli, esportat lejn il-Komunità. |
(32) |
Il-Kummissjoni mbagħad eżaminat, għal kull kumpanija, jekk il-bejgħ domestiku ta’ kull tip tal-prodott ikkonċernat, mibjugħ domestikament fi kwantitajiet rappreżentattivi, setax jitqies li sar fit-tmexxija ordinarja tal-kummerċ skond l-Artikolu 2(4) tar-Regolament bażiku, billi hija stabbiliet il-proporzjon ta’ bejgħ bi qligħ tat-tip inkwistjoni lil klijenti indipendenti fis-suq domestiku. |
(33) |
Fil-każi fejn il-volum ta’ bejgħ ta’ tip ta’ maqgħad, mibjugħ bi prezz nett daqs jew aktar mill-ispiża ta’ produzzjoni tiegħu, kien jirrappreżenta aktar minn 80 % tal-volum totali ta’ bejgħ ta’ dak it-tip, u fejn il-prezz medju ppeżat ta’ dak it-tip kien daqs jew ogħla mill-ispiża tal-produzzjoni, il-valur normali, għat-tip ta’ prodott, kien ibbażat fuq il-prezz domestiku attwali. Dan il-prezz ġie kkalkulat bħala l-medja ppeżata tal-prezzijiet tal-bejgħ domestiku kollha ta’ dak it-tip, magħmula matul l-IP, irrispettivament minn jekk dan il-bejgħ sarx bi qligħ jew le. |
(34) |
Fejn il-volum ta’ bejgħ bi qligħ ta’ tip ta’ maqgħad kien jirrappreżenta 80 % jew inqas tal-volum totali ta’ bejgħ ta’ dak it-tip, jew fejn il-prezz medju ppeżat ta’ dak it-tip kien inqas mill-ispiża tal-produzzjoni tiegħu, il-valur normali, għat-tip ta’ prodott, kien ibbażat fuq il-prezz domestiku attwali, li ġie kkalkulat bħala l-medja ppeżata tal-bejgħ bi qligħ ta’ dak it-tip biss, sakemm dan il-bejgħ kien jirrappreżenta 10 % jew aktar tal-volum totali ta’ bejgħ ta’ dak it-tip. |
(35) |
Fl-aħħarnett, fejn il-volum ta’ bejgħ bi qligħ ta’ xi tip ta’ maqgħad kien jirrappreżenta inqas minn 10 % tal-volum totali ta’ bejgħ ta’ dak it-tip, kien meqjus li dan it-tip partikolari nbiegħ fi kwantitajiet li mhumiex biżżejjed biex il-prezz domestiku joffri bażi xierqa għad-determinazzjoni tal-valur normali. |
(36) |
Kull fejn il-prezzijiet domestiċi ta’ xi tip partikolari mibjugħ minn produttur esportatur ma setgħux jintużaw, intuża valur normali ikkalkulat. |
(37) |
Skond l-Artikolu 2(3) tar-Regolament bażiku, il-valur normali jiġi kkalkulat billi jiżdiedu ma’ l-ispejjeż tal-produzzjoni li jkollu l-esportatur għat-tipi esportati, aġġustati skond il-ħtieġa, ammont raġonevoli għall-ispejjeż tal-bejgħ, ġenerali u amministrattivi (“SG&A”) u għall-profitti. F’kull każ l-SG&A u l-profitti ġew stabbiliti skond il-metodi stipulati fl-Artikolu 2(6) tar-Regolament bażiku. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni eżaminat jekk l-ispejjeż ta’ l-SG&A li saru u l-profitt magħmul minn kull produttur esportatur ikkonċernat, fis-suq domestiku, kinetx data ta’ min jorbot fuqha. |
(38) |
L-ispejjeż ta’ SG&A attwali tqiesu ta’ min jorbot fuqhom meta l-volum totali ta’ bejgħ domestiku tal-kumpanija kkonċernata seta’ jitqies bħala rappreżentattiv meta mqabbel mal-volum ta’ bejgħ f’esportazzjoni lejn il-Komunità. Il-marġini ta’ qligħ domestiku ġie ddeterminat fuq il-bażi tal-bejgħ domestiku ta’ dawk it-tipi mibjugħa tul it-tmexxija ordinarja tal-kummerċ. Għal dan il-għan, ġiet applikata l-metodoloġija msemmija hawn fuq. |
(39) |
Għat-tliet kumpaniji li kellhom bejgħ domestiku rappreżentattiv, instab li l-maġġoranza tat-tipi ta’ prodott ikkonċernat, li ġew esportati, inbiegħu fis-suq domestiku fit-tmexxija ordinarja tal-kummerċ. Għal dawk it-tipi fejn dan ma kienx il-każ, il-valur normali ġie kkalkulat bl-użu tal-metodoloġija msemmija hawn fuq, bl-użu ta’ l-informazzjoni dwar l-SG&A u l-profitt għal kull kumpanija kkonċernata. |
(40) |
Għaż-żewġ kumpaniji li ma kellhomx bejgħ domestiku rappreżentattiv, l-ammonti ta’ l-SG&A u l-profitt ġew determinati fuq il-bażi tal-medja ta’ l-SG&A u l-profitt ta’ l-erba’ kumpaniji b’bejgħ domestiku. |
(b) Determinazzjoni tal-valur normali għall-produtturi esportaturi li ma ngħatawx l-MET
i) Pajjiż analogu
(41) |
Skond l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku, il-valur normali għall-produtturi esportaturi li ma ngħatawx l-MET, irid jiġi stabbilit fuq il-bażi tal-prezzijiet jew tal-valur ikkalkulat f’pajjiż analogu. |
(42) |
Fin-notifika tal-bidu, il-Kummissjoni wriet l-intenzjoni tagħha li tuża l-Brażil bħala pajjiż analogu xieraq bl-iskop li tistabbilixxi l-valur normali, u l-partijiet interessati ġew mistiedna biex jikkummentaw dwar dan. |
(43) |
L-ebda produttur esportatur fil-PRC li ma ngħatax l-MET ma oġġezzjona għal din il-proposta. |
(44) |
Madankollu, importatur u produttur esportatur li ngħataw l-MET argumentaw li l-Brażil mhuwiex l-aktar pajjiż analogu adattat, u li minflok kellhom jingħażlu t-Tajwan jew il-Messiku għal dak il-għan. |
(45) |
Fir-rigward tat-Tajwan, huwa kkunsidrat li għalkemm hemmhekk żviluppat industrija tal-partijiet tar-roti, il-parti l-kbira tal-produzzjoni ġiet trasferita lejn il-PRC. Għalhekk, il-manifatturi ta’ l-imqagħad bil-kwartieri ġenerali fit-Tajwan jistgħu jkunu, fil-parti l-kbira, l-istess kumpaniji jew kumpaniji relatati ma’ dawk li qed jesportaw mill-PRC lejn il-Komunità allegatament bi prezzijiet ta’ dumping. Barra minn hekk, it-tqassim normali tax-xogħol fi ħdan dawk il-gruppi jfisser li ftit mudelli speċjalizzati biss, b’marġini ta’ qligħ ogħla, għadhom jiġu manifatturati fit-Tajwan, filwaqt li l-produzzjoni tal-maġġoranza l-kbira tal-firxa ta’ mudelli minn prezz medju sa baxx ġew trasferiti lejn il-PRC għal raġunijiet ta’ spejjeż. Huwa improbabbli, għalhekk, li l-prezzijiet jew l-ispejjeż ta’ mudelli ta’ mqagħad immanifatturati fit-Tajwan jistgħu jkunu l-aħjar sostituti biex fuqhom tibbaża l-valur normali għall-imqagħad immanifatturati fil-PRC. |
(46) |
Fir-rigward tal-Messiku, dan il-pajjiż huwa kkunsidrat bħala suq miftuħ u kompetittiv, li jirrappreżenta madwar wieħed minn tmienja tas-suq Brażiljan. Il-Kummissjoni kkuntattjat iż-żewġ produtturi magħrufa fil-Messiku, iżda ma ġiet offruta l-ebda kooperazzjoni. |
(47) |
Fir-rigward tal-Brażil, l-investigazzjoni wriet li huwa suq kompetittiv għall-prodott ikkonċernat b’minn talanqas tliet produtturi lokali, ta’ daqs differenti, u b’importazzjoni minn pajjiżi terzi li tlaħħaq madwar 15 % tal-konsum domestiku ta’ bejn 8 u 9 miljun maqgħad fis-sena. Produttur esportatur allega li l-livell ta’ kompetizzjoni fis-suq Brażiljan huwa dubjuż minħabba l-għadd żgħir ta’ produtturi. Madankollu, l-investigazzjoni wriet li ma kien hemm l-ebda prova ta’ pożizzjoni dominanti ta’ xi wieħed mill-produtturi Brażiljani jew li l-prezzijiet huma stabbiliti b’mod mhux kompetittiv. Lanqas ma kien hemm raġuni għaliex wieħed jaħseb li l-aċċess għall-materja prima, l-ispejjeż u l-kundizzjonijiet l-oħra tal-produzzjoni fit-Tajwan u fil-Messiku kienu jkunu aktar simili għal dawk fil-PRC milli huma għal dawk fil-Brażil. Is-suq Brażiljan għalhekk tqies bħala adegwat għall-iskop ta’ determinazzjoni tal-valur normali. |
(48) |
It-tliet produtturi esportaturi magħrufa fil-Brażil ġew ikkuntattjati, u kumpanija waħda qablet li tikkoopera. Għalhekk intbagħat kwestjonarju lil dan il-produttur u d-data mogħtija fit-tweġiba tiegħu ġiet ivverifikata fuq il-post. Dan il-produttur li kkoopera għandu rabta ma’ wieħed mill-produtturi Komunitarji, iżda m’hemm l-ebda raġuni għaliex wieħed jaħseb li dan jaffettwa l-validità tad-data, li barra minn hekk ġiet ivverifikata fl-istabbiliment tal-kumpanija. |
(49) |
Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, qed jiġi konkluż proviżjonalment li l-Brażil huwa l-aktar pajjiż analogu xieraq u raġonevoli skond l-Artikolu 2(7) tar-Regolament bażiku. |
ii) Il-valur normali
(50) |
Skond l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku, il-valur normali għall-produtturi esportaturi li ma ngħatawx l-MET ġie stabbilit fuq il-bażi ta’ informazzjoni vverifikata mibgħuta mill-produttur fil-pajjiż analogu, jiġifieri, fuq il-bażi ta’ prezzijiet imħallsa jew pagabbli fis-suq Brażiljan għal tipi ta’ prodotti komparabbli, skond il-metodoloġija stabbilita hawn fuq. |
(51) |
Il-valur normali ġie stabbilit fuq il-bażi tal-prezzijiet kollha mħallsa jew pagabbli fis-suq Brażiljan għal tipi ta’ prodotti komparabbli, peress li nstab li t-tranżazzjonijiet kollha saru fit-tmexxija ordinarja tal-kummerċ. |
4. Prezzijiet ta’ l-esportazzjoni
(52) |
Il-produtturi esportaturi kollha biegħu f’esportazzjoni lejn il-Komunità jew direttament lill-klijenti indipendenti fil-Komunità jew permezz ta’ kumpaniji kummerċjali relatati jew mhux, sitwati f’Hong Kong, fil-Gżejjer Verġni Brittaniċi u fit-Tajwan. |
(53) |
Fejn il-prodott ikkonċernat kien esportat direttament lill-klijenti indipendenti fil-Komunità, il-prezzijiet ta’ l-esportazzjoni kienu bbażati fuq il-prezzijiet effettivament imħallsa jew pagabbli għall-prodott ikkonċernat, skond l-Artikolu 2(8) tar-Regolament bażiku. |
(54) |
Fejn il-bejgħ sar permezz ta’ kummerċjant relatat sitwat barra l-Komunità, il-prezz ta’ l-esportazzjoni ġie stabbilit fuq il-bażi ta’ l-ewwel prezzijiet tal-bejgħ lill-klijenti indipendenti fil-Komunità. |
5. Paragun
(55) |
Il-valur normali u l-prezzijiet ta’ l-esportazzjoni ġew imqabbla fuq bażi ex-works. Bil-għan li jiġi żgurat paragun ġust bejn il-valur normali u l-prezz għall-esportazzjoni, sar provvediment kif suppost f’forma ta’ aġġustamenti għad-differenzi li jaffettwaw il-prezzijiet u komparabbiltà tal-prezzijiet skond l-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku. Saru aġġustamenti xierqa dwar it-trasport, l-assigurazzjoni, l-immaniġġar u l-ispejjeż anċillari, l-ippakkjar, il-kreditu, u l-ispejjeż bankarji, fil-każi kollha fejn dawn instabu li kienu raġonevoli, eżatti u sostnuti b’evidenza verifikata. |
(56) |
Għall-bejgħ li sar permezz ta’ kumpaniji relatati fit-Tajwan, ġie applikat aġġustament skond l-Artikolu 2(10)(i) tar-Regolament bażiku, fejn intwera li dawn il-kumpaniji jwettqu funzjonijiet simili għal dawk ta’ aġent li qed jaħdem fuq bażi ta’ kummissjoni. Billi l-allokazzjoni ta’ l-ispiża ta’ l-SG&A mogħtija mill-kumpanija relatata ma setgħetx titqies affidabbli, dan l-aġġustament ġie bbażat fuq id-data ta’ l-SG&A u l-profitti, miksuba minn kummerċjant mhux relatat. |
6. Il-marġini tal-bejgħ taħt il-prezz (dumping)
(a) Għal produtturi esportaturi li ngħataw l-MET u li kkooperaw
(57) |
Għall-kumpaniji li ngħataw l-MET, il-medja ppeżata tal-valur normali ta’ kull tip ta’ prodott ikkonċernat esportat lejn il-Komunità ġie mqabbel mal-medja ppeżata tal-prezz ta’ l-esportazzjoni tat-tip ta’ prodott rispettiv ikkonċernat, skond l-Artikolu 2(11) u (12) tar-Regolament bażiku. |
(58) |
Hija prattika konsistenti tal-Kummissjoni li tqis produtturi esportaturi relatati jew produtturi esportaturi li jappartjenu għall-istess grupp bħala entità waħda għad-determinazzjoni tal-marġini tad-dumping, u għalhekk, li tistabbilixxi marġini tad-dumping waħdanija għalihom. Dan isir, partikolarment, minħabba li marġini tad-dumping individwali jistgħu jħeġġu d-dawrien mal-miżuri ta’ kontra d-dumping, u b’hekk jirrenduhom bla effett, billi jippermettu produtturi esportaturi relatati li jgħaddu l-esportazzjoni tagħhom lejn il-Komunità mill-kumpanija li għandha l-inqas marġini tad-dumping individwali. |
(59) |
Skond din il-prattika, il-produtturi esportaturi relatati li jappartjenu lill-istess gruppi tqiesu bħala entità waħda biss u ġew assenjati marġini tad-dumping waħda biss li ġiet ikkalkulata fuq il-bażi tal-medja ppeżata tad-diversi marġini tad-dumping tal-produtturi li jikkooperaw fil-gruppi rispettivi. |
(60) |
Fuq il-bażi ta’ dan, il-medja ppeżata proviżorja tad-dumping espressa bħala perċentwali tal-prezz CIF fil-fruntiera tal-Komunità, dazju mhux imħallas, huma:
|
(b) Għall-produtturi esportaturi l-oħra kollha
(61) |
Sabiex tikkalkula il-marġini tad-dumping għall-pajjiż kollu, applikabbli għall-esportaturi l-oħra kollha fil-PRC, il-Kummissjoni l-ewwel stabbiliet il-livell ta’ kooperazzjoni. Sar paragun bejn il-kwantitajiet totali esportati mogħtija fit-tweġibiet għall-kwestjonarju mit-tliet produtturi esportaturi kooperanti u t-total ta’ importazzjoni oġġett ta’ dumping mill-PRC, ikkalkulati kif imfisser fil-premessa 71. Irriżulta persentaġġ ta’ 23 %. Fuq din il-bażi, il-livell ta’ kooperazzjoni tqies bħala baxx wisq. |
(62) |
Għalhekk ġie kkunsidrat xieraq li l-marġini tad-dumping għall-pajjiż kollu jiġi ddeterminat bħala l-medja ppeżata ta':
|
(63) |
Fuq il-bażi ta’ dan, il-livell tad-dumping għall-pajjiż kollu ġie stabbilit provizjonalment bħala 30,9 % tal-prezz CIF fil-fruntiera tal-Komunità, dazju mhux imħallas. |
D. ĦSARA
1. Produzzjoni fil-Komunità
(64) |
Fil-Komunità l-prodott ikkonċernat huwa magħruf li jiġi mmanifatturat minn disa’ produtturi li f’isimhom sar l-ilment. Dawn huma sitwati fl-Italja, il-Polonja, ir-Renju Unit u l-Portugall u jirrappreżentaw 99 % tal-produzzjoni Komunitarja matul l-IP. |
(65) |
Barra minn hekk, fl-istadju tal-bidu, wieħed biss mill-produtturi magħrufa tal-Komunità ma kienx kwerelant. Meta jitqies il-volum ta’ produzzjoni fil-Komunità tad-disa’ produtturi kwerelanti u tal-produttur li ma lmentax, il-produzzjoni totali tal-prodott simili laħħqet 16 165 936 biċċa fl-IP. |
2. L-Industrija Komunitarja
(66) |
Il-produtturi Komunitarji li ġejjin appoġġaw l-ilment:
|
(67) |
Billi dawn id-disa’ produtturi Komunitarji kooperanti u kwerelanti (kemm dawk li ttieħdu bħala kampjun u kemm dawk li ma ttieħdux) jirrappreżentaw 99 % tal-produzzjoni Komunitarja tal-prodott simili, huma jikkostitwixxi l-industrija Komunitarja skond it-tifsir ta’ l-Artikoli 4(1) u 5(4) tar-Regolament bażiku. Il-produtturi Komunitarji meħuda bħala kampjun fl-investigazzjoni, (minn hawn il-quddiem imsejħa bħala “produtturi fil-kampjun”) ilaħħqu 86 % tal-produzzjoni totali ta’ mqagħad fil-Komunità matul l-IP. Il-kumplament tal-produtturi Komunitarji ntalbu jagħtu ċerta data ġenerali għall-analiżi tal-ħsara. |
3. Il-konsum fil-Komunità
(68) |
Il-konsum fil-Komunità ġie stabbilit fuq il-bażi tal-volum ta’ bejgħ fis-suq Komunitarju mill-ħames produtturi Komunitarji fil-kampjun, l-erba’ produtturi tal-Komunità li ma ddaħħlux fil-kampjun, il-produttur Komunitarju li ma lmentax u l-importazzjoni mill-PRC u minn pajjiżi terzi oħra taħt il-kodiċi NM rilevanti skond l-Eurostat. Kif imsemmi fi premessa 14 il-prodott ikkonċernat huwa attwalment iddikjarat taħt il-kodiċi NM 8714 95 00, ex 8714 99 90 u ex 9506 91 10. Id-data ta’ l-Eurostat dwar l-aħħar żewġ kodiċijiet NM (ex 8714 99 90 u ex 9506 91 10) tinkludi anki partijiet oħra ta’ roti u apparat għall-eżerċizzju fiżiku. Billi ma kienx possibbli li minn dawn iż-żewġ kategoriji usa’ tinkiseb id-data għall-imqagħad biss, ġie deċiż li l-istatistika ta’ l-importazzjoni tiġi stabbilita fuq il-bażi ta’ kodiċi NM wieħed, jiġifieri l-kodiċi NM 8714 95 00. Bħala konsegwenza, il-volumi ta’ importazzjoni meqjusa għad-determinazzjoni tal-konsum Komunitarju jistgħu jkunu inqas minn dawk reali. |
(69) |
Fuq il-bażi ta’ dik id-data, irriżulta li tul il-perjodu kkunsidrat, il-konsum żdied bi 17 % minn 20 701 027 biċċa fl-2002 għal 24 179 012-il biċċa fl-2005. Tabella 1
|
4. Importazzjoni ta’mqagħad mill-PRC
(a) Marġini tad-dumping u l-volum ta’ importazzjoni u s-sehem mis-suq
(70) |
Kif muri qabel, l-investigazzjoni preżenti uriet li l-marġini medji tad-dumping stabbiliti għall-PRC huma ogħla mil-livell de minimis kif definit fl-Artikolu 9(3) tar-Regolament bażiku, u li l-volum ta’ importazzjoni mill-PRC mhuwiex negliġibbli għall-fini ta’ l-Artikolu 5(7) tar-Regolament bażiku. |
(71) |
Il-volumi ta’ importazzjoni ġew stabbiliti fuq il-bażi tad-data ta’ l-Eurostat. Kif imsemmi hawn fuq fil-premessa 68, id-data dwar l-importazzjoni mogħtija hawn taħt tista’ tkun inqas minn dik reali. Barra minn hekk, l-Eurostat tipprovdi statistika dwar il-volumi ta’ importazzjoni ta’ mqagħad tar-roti fi kwantitajiet ta’ 100 kg u mhux bil-biċċa. Għalhekk kien meqjus xieraq li jittieħed il-piż ta’ 500 gramma kull biċċa bħala l-piż medju ta’ mqagħad importati miċ-Ċina, billi dan il-piż ġie rrappurtat minn produttur esportatur wieħed u minn importatur mhux relatat. |
(72) |
L-importazzjoni mill-PRC kibret b’aktar minn erba’ darbiet matul il-perjodu kkunsidrat. Fil-fatt, din żdiedet minn 1 416 814-il biċċa fl-2002 għal 6 276 749 biċċa fl-IP. Fl-istess waqt, is-sehem fis-suq żdied minn 7 % fl-2002 għal 26 % matul l-IP. Dan irid jitqies fl-isfond ta’ konsum li żdied biss bi 17 %, jiġifieri relattivament inqas miż-żieda fl-importazzjoni mill-PRC. |
(73) |
Importatur mhux relatat allega li l-istatistika ta’ l-importazzjoni kienet ogħla mill-valur reali għaliex fl-ilment intuża piż medju ta’ 400 gramma għal kull maqgħad. Il-kumpanija sostniet li l-piż medju ta’ l-imqagħad impurtati mill-PRC jkun bejn 600 u 800 gramma. Madankollu, l-istess kumpanija kkonfermat, matul iż-żjara ta’ verifika li saret fl-istabbiliment tagħha, li l-piż medju ta’ l-imqagħad impurtati mill-PRC kien 500 gramma, li huwa preċiżament il-piż użat mill-Kummissjoni biex id-data ta’ l-Eurostat, mogħtija f’100 kilo tiġi kkonvertita f’biċċiet. Dan l-importatur argumenta wkoll li l-istatistika ta’ l-importazzjoni mill-PRC kienet minfuħa għaliex inkludiet ukoll l-importazzjoni ta’ għata użata bħala protezzjoni għall-imqagħad. Kif imsemmi hawn fuq fil-premessa 71, l-istatistika ta’ l-importazzjoni kienet imsejsa fuq kodiċi NM wieħed, (NM 8714 95 00) li mhuwiex dak li taħtu normalment tiġi ddikjarata l-għata ta’ l-imqagħad u għalhekk it-talba ta’ l-importatur hija infondata. Tabella 2
|
(b) Prezzijiet
(74) |
Il-prezz medju ppeżat ta’ l-importazzjoni ta’ mqagħad li joriġinaw mill-PRC naqas b’mod regolari kull sena tul il-perjodu kkunsidrat u b’kollox b’21 %, i.e. minn EUR 1.4 kull biċċa għal EUR 1.1 kull biċċa bejn l-2002 u l-IP. Tabella 3
|
(c) Twaqqigħ ta’ prezzijiet taħt ħaddieħor
(75) |
Biex tiddetermina t-twaqqigħ ta’ prezzijiet, il-Kummissjoni analizzat data li tirrigwarda l-IP. Il-prezzijiet tal-bejgħ rilevanti għall-industrija Komunitarja kienu dawk offruti lil klijenti indipendenti, aġġustati fejn meħtieġ għal-livell ex-works, jiġifieri jeskludu l-ispejjeż tat-trasport fil-Komunità u wara li jitnaqqsu l-iskonti u r-ribassi. Il-prezzijiet għat-tipi differenti ta’ mqagħad, iddefiniti skond il-bażi, il-kuxxinett, l-għata, il-furketta u l-piż, ġew ikkomparati mal-prezzijiet tal-bejgħ ta’ tipi simili mitluba mill-esportaturi, bl-iskonti mnaqqsa, u fejn meħtieġ, aġġustati għas-CIF fil-fruntiera tal-Komunità b’aġġustament xieraq għad-dazji tad-dwana (1,2 %) u għall-spejjeż wara l-importazzjoni, kif dovuti minn importatur fil-Komunità. |
(76) |
Għall-kalkolu tal-medja ppeżata tal-marġini ta’ twaqqigħ tal-prezzijiet tqiesu l-prezzijiet ta’ l-esportazzjoni tal-produtturi esportaturi kooperanti. Matul l-IP, il-medja ppeżata tal-marġini ta’ twaqqigħ tal-prezzijiet tal-produtturi kooperanti kienet ta’ 67,3 %. Barra minn dan, meta tqieset l-importazzjoni kollha ta’ l-imqagħad, jiġifieri dik tal-produtturi esportaturi fil-PRC, kooperanti u mhux, il-kalkolu tal-medja tal-marġini ta’ twaqqigħ tal-prezzijiet ibbażata fuq id-data ta’ l-Eurostat wera marġini medja simili ta’ twaqqigħ tal-prezzijiet ta’ 70,1 % għall-IP. |
5. Is-sitwazzjoni ta’ l-industrija Komunitarja
(77) |
Skond l-Artikolu 3(5) tar-Regolament bażiku, l-eżami ta’ l-impatt ta’ l-importazzjoni oġġett ta’ dumping fuq l-industrija Komunitarja tinkludi evalwazzjoni tal-fatturi ekonomiċi kollha li jaffettwaw l-istat ta’ l-industrija Komunitarja matul il-perjodu kkunsidrat. |
(78) |
Din l-analiżi twettqet fuq il-kumpaniji fil-kampjun. Madankollu, bil-għan li tingħata stampa sħiħa tal-qagħda fl-industrija Komunitarja, fil-każ ta’ dawk l-indikaturi li dwarhom kien hemm informazzjoni affidabbli fuq l-industrija Komunitarja kollha kemm hi, din l-informazzjoni ingħatat ukoll hawn taħt. Fuq din il-bażi, il-prestazzjoni ta’ l-industrija, ikkalkulata permezz ta’ fatturi bħal prezz, pagi, investimenti, qligħ, qligħ fuq l-investiment, likwidita u kapaċità li tikseb kapital ġdid, ġiet stabbilita fuq il-bażi ta’ l-informazzjoni mogħtija mill-kumpaniji fil-kampjun. Il-fatturi soġġetti għall-ħsara bħas-sehem fis-suq, il-volum tal-bejgħ u l-produzzjoni ġew stabbiliti għall-industrija Komunitarja kollha kemm hi. |
(a) Produzzjoni
(79) |
Il-volum tal-produzzjoni ta’ l-industrija Komunitarja kollha wriet xejra negattiva ċara matul il-perjodu kkunsidrat. Filwaqt li fl-2002 il-volum tal-produzzjoni ammonta għal 19 546 740 maqgħad, matul l-IP, l-industrija Komunitarja pproduċiet biss 16 165 936 biċċa, li huma kważi 3,5 miljun biċċa jew 17 % inqas mill-2002. Billi l-imqagħad jiġu ġeneralment immanifatturat skond l-ordnijiet li jaslu mingħand il-klijenti, l-iżvilupp negattiv fil-volum tal-produzzjoni jista’ jintrabat direttament mat-tnaqqis fid-domanda għall-imqagħad prodotti mill-industrija Komunitarja. Tabella 4
|
(b) Kapaċità ta’ produzzjoni u rati ta’ utilizzazzjoni tal-kapaċità
(80) |
Il-kapaċità tal-produzzjoni ġiet stabbilita fuq il-bażi tal-kapaċità nominali ta’ l-unitajiet produttivi propjetà ta’ l-industrija Komunitarja, billi tqiesu l-interruzzjonijiet fil-produzzjoni kif ukoll il-fatt li f’xi ftit każijiet, parti mill-kapaċità intużat għall-manifattura ta’ prodotti oħra, per eżempju, imqabad għas-siġġijiet tar-roti, permezz ta’ l-istess linji ta’ produzzjoni. |
(81) |
Il- kapaċità tal-produzzjoni ta’ l-imqagħad żdiedet b’5 % tul il-perjodu kkunsidrat minn 29 492 120 biċċa fl-2002 sa 30 921 920 biċċa fl-IP. Iż-żieda ċkejkna fil-kapaċità tal-produzzjoni hija r-riżultat ta’ l-investimenti li saru fl-2004 u fl-IP għall-produzzjoni ta’ xi tipi ta’ prodotti ġodda li jintużaw fir-roti tat-tlielaq. Ir-rata ta’ l-utilizzazzjoni tal-kapaċità tirrifletti fedelment it-tnaqqis fil-produzzjoni u d-domanda. Hija naqset b’mod regolari matul il-perjodu kkunsidrat u laħqet utilizzazzjoni ta’ 45 % biss fl-IP. Tabella 5
|
(c) Ħażniet
(82) |
F’dawk li huma ħażniet fl-aħħar tas-sena, il-parti l-kbira tal-produzzjoni ssir skond l-ordnijiet li jidħlu. Għalhekk, filwaqt li matul il-perjodu kkunsidrat ġie osservat tnaqqis fil-ħażniet ta’ 35 %, huwa meqjus li f’dan il-każ il-ħażniet ma kienux indikatur ta’ ħsara rilevanti. Tabella 6
|
(d) Investimenti
(83) |
Bejn l-2002 u l-2003, l-investimenti fuq il-produzzjoni ta’ prodotti simili naqsu minn EUR 3 808 057 għal EUR 1 664 147. Fl-2004 il-produtturi Komunitarji żiedu l-investimenti tagħhom u nefqu kważi d-doppju ta’ l-ammont, jiġifieri EUR 3 381 996, meta mqabbel mas-sena ta’ qabel. Matul l-IP l-investimenti ammontaw għal EUR 3 638 962, jiġifieri 4 % inqas mil-livell milħuq fil-bidu tal-perjodu kkunsidrat fl-2002. Matul l-investigazzjoni nstab li l-investimenti f’bini, impjanti u makkinarju saru prinċipalment biex tinżamm il-kapaċità tal-produzzjoni, u fl-2004 u fl-IP biss, u f’miżura inqas, għall-iżvilupp ta’ tipi ta’ prodotti ġodda. Fid-dawl ta’ l-utilizzazzjoni baxxa tal-kapaċità msemmija qabel, l-investimenti xorta waħda ma sarux bil-għan li jiżdied il-volum totali tal-produzzjoni. |
(84) |
L-investigazzjoni żvelat li l-industrija Komunitarja hija kkunsidrata bħala l-ewwel fid-dinja fir-rigward tad-disinn tal-prodott u l-innovazzjoni fl-imqagħad. Bejn l-2000 u l-IP, il-produtturi Komunitarji ddiżinjaw u mexxew fis-suq aktar minn elf tip ġdid ta’ maqgħad. Ir-Riċerka u l-Iżvilupp (R&D) tammonta għal madwar 8 % — 10 % tal-bejgħ ta’ l-industrija Komunitarja. Biex tibqa’ f’din il-pożizzjoni, l-industrija Komunitarja għandha bżonn iżomm ċertu livell ta’ investiment, anki jekk l-utilizzazzjoni tal-kapaċità hija baxxa. Tabella 7
|
(e) Volum ta’ bejgħ u sehem fis-suq
(85) |
Hemm żewġ kanali ewlenija ta’ bejgħ għall-imqagħad: is-suq tal-fabbrikant oriġinali tat-tagħmir (OEM) u s-“suq ta’ wara”. Fl-ewwel każ, l-imqagħad jinbiegħu biex jitwaħħlu fuq roti ġodda, u fit-tieni każ, l-imqagħad jinbiegħu biex jinbidlu maqgħad ta’ roti użati. Instab li bejn wieħed u ieħor il-bejgħ OEM jammonta għal 60 % u l-bejgħ fis-suq ta’ wara għal 40 % tas-suq totali. Bħat-tajers, l-imqagħad huma dawk il-komponenti ta’ rota li jinbidlu l-aktar spiss. |
(86) |
Il-volumi ta’ bejgħ ta’ l-industrija kollha fil-Komunità naqsu b’20 % matul il-perjodu kkunsidrat minn 15 109 569 biċċa għal 12 139 162 biċċa fl-IP, i.e. l-industrija Komunitarja biegħet kważi 3 miljun maqgħad inqas fl-IP milli matul 2002. Wara tnaqqis żgħir ta’ 1 % fl-2003 meta mqabbel ma’ l-2002, it-telf fil-volumi ta’ bejgħ kien aktar qawwi fl-2004 u matul l-IP. |
(87) |
F’termini ta’ valur, matul il-perjodu kollu kkunsidrat, il-bejgħ ta’ mqagħad mill-industrija Komunitarja żdied biss b’1 %. Il-valur tal-bejgħ fis-suq tal-Komunità żdied b’5 % minn EUR 54 460 180 fl-2002 għal EUR 56 978 530 fl-2003 u mbagħad aktar għal EUR 58 052 609 fl-2004. Madankollu, matul l-IP, il-valur tal-bejgħ ta’ l-industrija Komunitarja naqas bi kważi EUR tliet miljuni meta mqabbel mas-sena ta’ qabel. Il-fatt li l-valur tal-bejgħ ma żviluppax skond l-istess xejra bħall-volum tal-bejgħ huwa spjegat miż-żieda fil-prezzijiet medji li se tiġi mfissra hawn taħt. |
(88) |
B’mod korrispondenti mat-tnaqqis fil-volumi tal-bejgħ, is-sehem fis-suq Komunitarju naqas ukoll b’mod sinifikanti minn 81 % fl-2002 għal 58 % fl-IP. Fi kliem ieħor, l-industrija Komunitarja tilfet 23 punti perċentwali mis-sehem tagħha fis-suq tul il-perjodu kollu kkunsidrat kaġun taż-żieda fl-importazzjoni mill-PRC. Tabella 8
|
(f) Prezzijiet
(89) |
Il-prezz medju ta’ l-industrija Komunitarja għal kull biċċa żdied b’25 % matul il-perjodu kkunsidrat. Din iż-żieda fil-prezz tista’ titfisser, min-naħa l-waħda bħala riżultat taż-żieda fl-ispejjeż tal-materja prima, li kellha impatt fuq l-industrija kollha, u min-naħa l-oħra minħabba l-ispostament minn tipi ta’ prodott b’teknoloġija baxxa lejn dawk ta’ teknoloġija avvanzata, li jinkorporaw materja prima ogħla u li l-produzzjoni tagħhom titlob aktar riżorsi umani. |
(90) |
Il-materja prima ewlenija użata fil-produzzjoni ta’ l-imqagħad tinkludi qxur tal-plastik, għatat, polyurethane, vireg u klampijiet. Il-prezzijiet ta’ din il-materja prima huma indirettament marbutin ma’ kif ikunu sejrin il-prezzijiet taż-żejt u l-metall. Il-materja prima hija l-akbar komponent li ttella’ l-ispejjeż tal-produzzjoni ta’ l-imqagħad u li tammonta għal kważi nofs l-ispejjeż totali tal-produzzjoni u għandha impatt dirett fuq l-evoluzzjoni tal-prezz tal-bejgħ. |
(91) |
Instab li l-prezzijiet medji tal-materja prima baqgħu stabbli bejn l-2002 u l-2003, iżda żdiedu mill-2003 u wkoll matul l-IP, ħaġa li kienet riflessa fil-prezzijiet tal-bejgħ ogħla mill-industrija Komunitarja |
(92) |
Importatur mhux relatat allega li ż-żieda fil-prezzijiet ta’ l-industrija Komunitarja kien riżultat ta’ bidla fid-domanda tal-konsumatur. Il-kumpanija argumentat li t-talba għar-roti bi prezz baxx u allura mqagħad bi prezz baxx naqset, filwaqt li d-domanda għal imqagħad ta’ kwalità għolja bi prezz ogħla żdiedet. Din l-istqarrija hija f’kontradizzjoni mal-fatt li importazzjonijiet bi prezz baxx mill-PRC żdiedu, f’termini relattivi, b’mod konsiderevoli, aktar mill-konsum totali ta’ mqagħad fil-Komunità, kif imsemmi fil-premessa 72. Tabella 9
|
(g) Qligħ u likwidità
(93) |
Matul il-perjodu kkunsidrat il-qligħ medju ppeżat fuq il-bejgħ nett ta’ l-industrija Komunitarja naqas drastikament minn 3,8 % fl-2002 għal 0,4 % biss fl-IP. Filwaqt li l-qligħ żdied għal 5,0 % fl-2003, dan naqas għal 3,1 % fl-2004 u fl-aħħar niżel għal 0,4 % matul l-IP. Il-marġini baxx ta’ qligħ huwa konsegwenza tal-fatt li l-industrija Komunitarja ma setgħetx tgħaddi b’mod suffiċjenti ż-żieda fil-prezz tal-materja prima fuq il-klijenti tagħha. Tabella 10
L-industrija Komunitarja ġġenerat likwidità ta’ EUR 3 990 473 matul l-IP, li bejn wieħed u ieħor kien EUR 1.1 miljun jew 22 % inqas minn dak ta’ l-2002. Il-fatt li l-ammont ta’ likwidità fl-industrija Komunitarja għadu sostanzjali huwa mfisser mill-fatt li hija industrija msejsa fuq investiment kapitali intensiv li jeħtieġ ammonti kbar ta’ deprezzament. B’mod ġenerali, jista’ jidher li l-likwidità ta’ l-industrija Komunitarja żviluppat f’xejra simili għall-profittabbiltà. Tabella 11
|
(h) Dħul fuq l-assi netti
(94) |
Id-dħul fuq l-assi netti ġie kkalkulat billi l-qligħ nett qabel it-taxxa tal-prodott simili ġie espress bħala persentaġġ tal-valur nett deprezzat ta’ l-assi fissi allokat għall-prodott simili. Dan l-indikatur segwa xejra simili għal dik tal-qliegħ, u naqas minn 12 % fl-2002 għal 1 % biss fl-IP. Tabella 12
|
(i) Abbiltà li tikseb kapital ġdid
(95) |
Ma kien hemm l-ebda pretensjoni jew indikazzjoni mill-industrija Komunitarja li hija ltaqgħet ma’ problemi biex tikseb kapital għall-attivitajiet tagħha u għalhekk kien konkluż li l-industrija Komunitarja, fit-totalità tagħha, kienet f’pożizzjoni li tikseb kapital għall-attivitajiet tagħha matul il-perjodu kkunsidrat. |
(j) Impjiegi u salarji
(96) |
L-impjiegi fl-industrija Komunitarja baqgħu stabbli matul il-perjodu kollu kkunsidrat. Wara tnaqqis żgħir fl-2003 u l-2004, l-industrija Komunitarja kienet tħaddem 418-il ruħ full time matul l-IP, jiġifieri kważi l-istess numru ta’ l-2002. Madankollu, ġie nnutat li l-produtturi kollha tal-Komunità jissottokuntrattaw partijiet kbar mill-produzzjoni tagħhom lil intrapriżi oħra żgħar u medji sitwati fil-Komunità, u fi ftit każijiet, jissottokuntrattaw kważi l-proċess tal-produzzjoni kollu lil intrapriżi oħra żgħar u medji. Għalhekk, l-għadd totali ta’ nies impjegati full time fil-produzzjoni ta’ l-imqagħad huwa ferm ogħla mill-għadd ta’ ħaddiema impjegati direttament mill-industrija Komunitarja. Huwa stmat li l-għadd totali ta’ impjegati li jaħdmu fil-produzzjoni tal-prodott simili huwa minn talanqas tliet darbiet akbar, jiġifieri madwar 1,200 ruħ matul l-IP. Il-pagi medji annwali mxew ma’ l-istess xejriet ta’ l-ispejjeż tax-xogħol, jiġifieri żdiedu b’5 % matul il-perjodu kkunsidrat, minn EUR 7 784 339 fl-2002 għal EUR 8 190 911 fl-IP, li huwa inqas mir-rata ta’ l-inflazzjoni fil-Komunità matul l-istess perjodu. Tabella 13
|
(k) Produttività
(97) |
Il-produttività mkejla fi produzzjoni minn kull ħaddiem f’sena kienet ta’ 42 225 biċċa fl-2002 u naqset b’mod regolari matul is-snin għal 33 317 biċċa fl-IP. Dan it-tnaqqis huwa kkawżat mit-tnaqqis fil-volum tal-produzzjoni. Tabella 14
|
(l) Tkabbir
(98) |
Filwaqt li l-konsum fil-Komunità żdied bi 17 % bejn l-2002 u l-IP, il-volum ta’ bejgħ mill-industrija Komunitarja matul l-istess perjodu baqa’ stabbli. Għalhekk, il-bejgħ mill-industrija Komunitarja kiber bil-wisq inqas mid-domanda matul il-perjodu kkunsidrat. Mill-banda l-oħra, is-sehem fis-suq ta’ l-importazzjoni mill-PRC tela’ b’21 punt perċentwali. |
(m) Id-daqs tal-marġini tad-dumping u l-irkupru mid-dumping fl-imgħoddi
(99) |
F’dak li jirrigwarda l-impatt fuq l-industrija Komunitarja tad-daqs tal-marġini attwali tad-dumping, minħabba l-volum u l-prezzijiet ta’ l-importazzjoni mill-PRC, dan l-impatt ma jistax jitqies negliġibbli. |
(100) |
Ma rriżultax li l-industrija Komunitarja qed tirkupra mill-effetti tad-dumping fl-imgħoddi jew mill-għoti tas-sussidju. |
6. Il-konklużjoni dwar il-ħsara
(101) |
L-analiżi ta’ l-indikaturi tal-ħsara wrew li s-sitwazzjoni ta’ l-industrija Komunitarja ħżienet b’mod sinifikanti matul il-perjodu kkunsidrat. Il-maġġoranza ta’ l-indikaturi tal-ħsara (fil-bejgħ nett bħala volum, il-volum tal-produzzjoni, l-utilizzazzjoni tal-kapaċità, il-profittabbiltà, id-dħul fuq l-investimenti, l-investimenti, il-likwidità u l-impjiegi) isegwu xejra negattiva tul il-perjodu kkunsidrat. |
(102) |
Minkejja dan, xi indikaturi tal-ħsara juru żvilupp stabbli (il-bejgħ nett bħala valur u l-abbiltà ta’ ksib ta’ kapital), jew saħansitra juru xejra pożittiva (il-prezz tal-bejgħ medju, il-kapaċità tal-produzzjoni u l-ħażniet f’għeluq is-sena). Madankollu, iż-żieda fil-prezzijiet tal-bejgħ u l-valur nett tal-bejgħ matul l-IP ma jistgħux jiġu attribwiti għal titjib fis-sitwazzjoni ta’ l-industrija Komunitarja, iżda kienu konsegwenza tal-prezzijiet ogħla għall-materja prima u anki ta’ l-ispostament ta’ l-industrija Komunitarja lejn il-produzzjoni ta’ tipi ta’ prodotti ta’ valur ogħla. F’dawk li huma ħażniet f’għeluq is-sena, kif imsemmi fil-premessa 82, fid-dawl tal-partikularità ta’ din l-industrija, il-ħażniet ta’ għeluq is-sena ma jistgħux jitqiesu rilevanti għad-determinazzjoni tal-ħsara. |
(103) |
Minħabba l-iżvilupp negattiv ħafna fl-indikaturi marbutin mal-qligħ, il-vijabbiltà ta’ l-industrija tista’ titqies li hija fil-periklu jekk din is-sitwazzjoni ma jinstabilhiex rimedju. Fil-fatt, minħabba li l-industrija Komunitarja tikkonsisti f’intrapriżi ta’ daqs żgħir u medju u topera f’negozju b’kapital għoli, huwa wisq improbabbli li l-industrija Komunitarja tista’ tkampa finanzjarjament għal perjodu itwal f’dan il-livell. |
(104) |
Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-konklużjoni hi li l-industrija Komunitarja sofriet ħsara materjali skond it-tifsir ta’ l-Artikolu 3(5) tar-Regolament bażiku. |
E. KAWŻALITÀ
1. Introduzzjoni
(105) |
Skond l-Artikolu 3(6) u 3(7) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni eżaminat jekk l-importazzjoni oġġett tad-dumping tal-prodott ikkonċernat li oriġina mill-PRC ikkaġunax ħsara lill-industrija Komunitarja sal-punt li jwassal biex tiġi kklassifikata bħala materjali. Fatturi magħrufa minbarra l-importazzjoni oġġett ta’ dumping li setgħu, fl-istess ħin, għamlu ħsara lill-industrija Komunitarja ġew eżaminati wkoll sabiex jiġi żgurat li ħsara possibbli kkawżata minn dawn il-fatturi l-oħra ma kinetx dovuta għall-importazzjoni oġġett ta’ dumping. |
2. L-effett ta’ l-importazzjoni oġġett ta’ dumping
(106) |
L-importazzjoni mill-PRC żdiedet b’aktar minn erba’ darbiet matul il-perjodu kkunsidrat, jiġifieri hija żdiedet b’343 % f’termini ta’ volum u b’19-il punt perċentwali f’termini ta’ sehem fis-suq. Fl-istess waqt, il-prezzijiet medji tal-produtturi esportaturi kollha fl-PRC niżlu taħt il-medja tal-prezzijiet ta’ l-industrija Komunitarja b’70.1 % fl-IP. Iż-żieda sostanzjali fil-volum ta’ l-importazzjoni mill-PRC u ż-żieda tas-sehem fis-suq matul il-perjodu kkunsidrat, bi prezzijiet li kienu biss frazzjoni ta’ dawk ta’ l-industrija Komunitarja, ħabtu eżatt mad-deterjorazzjoni ċara tas-sitwazzjoni finanzjarja ġenerali ta’ l-industrija Komunitarja għall-istess perjodu. |
(107) |
Filwaqt li l-prezzijiet kull biċċa ta’ l-importazzjoni mill-PRC naqsu fuq bażi regolari matul il-perjodu kkunsidrat b’21 %, minn EUR 1.4 fl-2002 għal EUR 1.1 fl-IP, il-prezzijiet ta’ l-industrija Komunitarja żdiedu matul l-istess perjodu b’26 %, minn EUR 3.6 fl-2002 għal EUR 4.5 matul l-IP. Dan l-iżvilupp fil-prezzijiet f’direzzjonijiet opposti jista’ jitfisser biss b’mod parzjali permezz ta’ taħlita ta’ prodotti differenti ta’ mqagħad immanifatturati fil-Komunità u fil-PRC. Barra minn hekk, il-produtturi Komunitarji wrew li l-aċċess għall- u l-prezzijiet tal-parti l-kbira tal-materja prima huma simili fil-Komunità u fil-PRC. Huma wrew ukoll li l-ispejjeż tal-materja prima għall-imqagħad fil-Komunità kiber matul il-perjodu kkunsidrat. Fil-fatt, xi produtturi esportaturi fil-PRC jbigħu l-prodotti tagħhom lill-Komunità taħt l-ispiża tal-materja prima u dan juri biċ-ċar li din mhix sitwazzjoni fejn il-prezzijiet huma baxxi minħabba xi vantaġġ komparattiv li jgawdu l-produtturi fil-PRC, iżda minħabba l-eżistenza ta’ dawn il-prattiċi ta’ dumping. |
(108) |
L-effett ta’ din l-imġieba inġusta fl-ipprezzar ta’ l-importazzjoni oġġett ta’ dumping mill-PRC kien li l-prezzijiet ta’ l-industrija Komunitarja ġew imblukkati u ma setgħux imqar ikopru ż-żieda fl-ispiża tal-materja prima. Dan kompla ġie kkonfermat mit-tnaqqis kbir fil-qliegħ ta’ l-industrija Komunitarja. |
(109) |
Fuq il-bażi tal-kunsiderazzjoni ta’ hawn fuq, jidher illi l-importazzjoni bi prezzijiet baxxi mill-PRC li traħħsu taħt il-prezzijiet ta’ l-industrija Komunitarja kellha rwol determinanti fid-deterjorazzjoni tas-sitwazzjoni ta’ l-industrija Komunitarja, li hija riflessa b’mod partikolari fit-tnaqqis tal-produzzjoni u l-volumi tal-bejgħ, tas-sehem fis-suq, u fit-tnaqqis drastiku tal-qligħ. |
3. L-effett ta’ fatturi oħra
(a) Importazzjoni mhux oġġett ta’ dumping li toriġina mill-PRC
(110) |
Għal wieħed mill-produtturi esportaturi, il-marġini tad-dumping stabbilita kien taħt il-livell de minimis. Għalhekk, l-importazzjoni ta’ din il-kumpanija ma tqisitx fl-analiżi tal-ħsara ta’ hawn fuq. Mill-importazzjoni kollha mir-RPĊ, l-importazzjoni mingħand dan il-produttur esportatur kienet tlaħħaq bejn it-28 % u t-33 % fis-snin 2002 u 2003, bejn it-18 % u t-23 % fl-2004 u laħqet bejn it-12 % u s-17 % fl-IP. Il-prezzijiet medji ta’ din il-kumpanija xorta għelbu b’mod sinifikanti l-prezzijiet ta’ l-industrija Komunitarja matul il-perjodu kkunsidrat. Madankollu, il-marġini medji tal-prezzijiet baxxi ta’ din il-kumpanija kienu ferm inqas minn dawk tal-kumpaniji li nstabu li qed iwettqu d-dumping. Fid-dawl tal-fatt li l-importazzjoni minn din il-kumpanija ma kinetx kbira ħafna, u anki aktar importanti, naqset drastikament matul il-perjodu kkunsidrat, ġie konkluż li l-importazzjoni mhux oġġett ta’ dumping mingħand dan il-produttur esportatur ma kisritx ir-rabta kawżali, jiġifieri li importazzjoni oġġett ta’ dumping mill-PRC ikkawżat ħsara materjali lill-industrija Komunitarja. |
(b) Importazzjoni li toriġina minn pajjiżi terzi minbarra l-pajjiż ikkonċernati
(111) |
Skond l-Eurostat u l-informazzjoni miġbura matul l-investigazzjoni, it-tliet pajjiżi terzi ewlenin li minnhom issir l-importazzjoni ta’ l-imqagħad huma t-Tajwan, l-Indja u l-Vjetnam. |
(112) |
L-importazzjoni mit-Tajwan ammontat għal 1 145 000 biċċa fl-2002 u żdiedet matul il-perjodu kkunsidrat b’25 % għal 1 429 200 biċċa fl-IP. Is-sehem fis-suq ta’ l-imqagħad impurtati mit-Tajwan kien jammonta għal 6 % fl-2002, jiġifieri l-istess livell li kien hemm fl-IP. L-importazzjoni mit-Tajwan saret bi prezzijiet f’livelli simili għal dawk ta’ l-industrija Komunitarja. Billi s-sehem fis-suq ta’ l-importazzjoni mit-Tajwan ma żdiedx, iżda baqa’ stabbli bħala 6 % matul il-perjodu kkunsidrat, u l-prezzijiet kienu fl-istess livell tal-prezzijiet ta’ l-industrija Komunitarja, l-importazzjoni mit-Tajwan mhix meqjusa li kellha effett negattiv fuq is-sitwazzjoni ta’ l-industrija Komunitarja. |
(113) |
L-importazzjoni mill-Indja kienet tammonta għal 204 200 biċċa fl-2002 u telgħet bi 30 % għal 264 600 fl-IP. Il-prezzijiet medji ta’ l-importazzjoni mill-Indja matul il-perjodu kollu kkunsidrat baqgħu sew taħt il-livell ta’ l-importazzjoni mill-PRC. Huma kienu jammontaw għal EUR 0.63 fl-2002, imbagħad żdiedu għal EUR 0.91 fl-2003 u wara dan naqsu drastikament għal EUR 0.47 u niżlu għal EUR 0.6 fl-IP. Madankollu, din l-importazzjoni tirrappreżenta biss sehem fis-suq ta’ 1 % matul il-perjodu kollu kkunsidrat. Għalhekk, ġie konkluż li minkejja l-livell baxx tal-prezz ta’ l-importazzjoni mill-Indja, din l-importazzjoni ma kellhiex effett sinifikanti fuq is-sitwazzjoni ta’ l-industrija Komunitarja. |
(114) |
F’dik li hija importazzjoni mill-Vjetnam, l-istatistika ta’ l-Eurostat turi livell baxx ħafna ta’ 4 400 maqgħad impurtati fl-2002 li telgħu għal 136 600 biċċa fl-IP. Il-prezzijiet ta’ l-importazzjoni mill-Vjetnam baqgħu fl-istess medda tal-prezzijiet mill-PRC. Madankollu, bħal fil-każ ta’ l-Indja, is-sehem fis-suq ta’ l-importazzjoni mill-Vjetnam kien taħt 1 % fl-2002 u l-2003 u appena laħaq 1 % fl-2004 u fl-IP. Għalhekk, ġie konkluż li din l-importazzjoni ma kellhiex impatt sinifikanti fuq l-istat ta’ l-industrija Komunitarja. |
(115) |
Għalhekk jista’ jiġi proviżjonalment konkluż li l-importazzjoni, għajr dik ġejja mill-PRC, ma kellhiex sehem fil-ħsara materjali li sofriet l-industrija Komunitarja. |
(c) Ksur tad-drittijiet tal-propjetà intellettwali
(116) |
Kif imsemmi aktar qabel fil-premessa 83, madwar 8 % — 10 % tal-bejgħ ta’ l-industrija Komunitarja jmur għall-investiment fir-Riċerka u l-Iżvilupp (R&D). Dan l-investiment jinkludi studji dwar il-pożizzjoni tas-sinsla, testijiet u disinn ta’ mudelli ġodda ta’ mqagħad. Xi produtturi Komunitarji allegaw li ċerti produtturi esportaturi mill-PRC sempliċiment jikkupjaw il-prodotti Ewropej privattivati u għaldaqstant kapaċi jagħtu vantaġġ fl-ispejjeż meta mqabbla mal-produtturi fil-Komunità, li huwa rifless fil-prezz baxx ta’ mqagħad impurtati mill-PRC. Mill-banda l-oħra, importatur mhux relatat stqarr li l-kontrafazzjoni ma kinetx qed toriġina biss mill-PRC, iżda kienet ukoll il-kawża ta’ disputi bejn il-produtturi Komunitarji. Huwa rikonoxxut li l-kontrafazzjoni hija kwistjoni importanti f’din l-industrija u setgħet fil-fatt aggravat is-sitwazzjoni għall-industrija Komunitarja. Fi kwalunkwe każ, it-telf sofrut minħabba ksur tad-drittijiet tal-propjetà intellettwali kkawżat mill-industrija Komunitarja nnifisha mhuwiex tali li jħoll ir-rabta qawwija ta’ kawżalità bejn il-qabża kbira fl-importazzjoni oġġett ta’ dumping u l-ħsara materjali sofruta mill-industrija Komunitarja. Għandu jiġi nnutat ukoll li safejn l-importazzjoni oġġett ta’ dumping mill-PRC ibbenefikat mill-ksur tad-drittijiet tal-propjetà intellettwali, dan ma setax jitqies bħala fattur ieħor minħabba li dan il-ksur xorta jibqa’ marbut ma’ l-importazzjoni oġġett ta’ dumping. |
4. Il-konklużjoni dwar il-kawżalità
(117) |
Il-koinċidenza fiż-żmien bejn, fuq naħa waħda, iż-żieda fl-importazzjoni oġġett ta’ dumping mill-PRC, iż-żieda ta’ l-ishma fis-suq u t-traħħis tal-prezzijiet misjub, u fuq in-naħa l-oħra, id-deterjorazzjoni ċara fis-sitwazzjoni ta’ l-industrija Komunitarja, twassal għall-konklużjoni li l-importazzjoni oġġett ta’ dumping ikkawżat il-ħsara materjali mġarrba mill-industrija Komunitarja skond it-tifsir ta’ l-Artikolu 3(6) tar-Regolament bażiku. Ġew analizzati fatturi oħra iżda ma nstabx li kienu raġuni determinanti għall-ħsara mġarrba. |
(118) |
Fuq il-bażi ta’ l-analiżi t’hawn fuq, li iddistingwiet u sseparat sew l-effetti tal-fatturi kollha magħrufa li jeffettwaw is-sitwazzjoni ta’ l-industrija Komunitarja mill-effett ta’ ħsara ta’ l-importazzjoni oġġett ta’ dumping, ġie proviżjonalment konkluż li l-importazzjoni ta’ mqagħad mill-PRC ikkawżat ħsara materjali lill-industrija tal-Komunità skond it-tifsira fl-Artikolu 3(6) tar-Regolament bażiku. |
F. L-INTERESS TAL-KOMUNITÀ
(119) |
Skond l-Artikolu 21 tar-Regolament bażiku, ġie eżaminat jekk minkejja l-konklużjoni fuq id-dumping dannuż, kienux jeżistu raġunijiet ċari li jwasslu għall-konklużjoni li mhux fl-interess tal-Komunità li tadotta miżuri f’dan il-każ partikolari. L-impatt probabbli ta’ miżuri possibbli fuq il-partijiet kollha nvoluti fil-proċediment kif ukoll il-konsegwenzi jekk ma jittiħdux miżuri jridu jitqiesu f’dan is-sens. |
1. L-industrija Komunitarja
(120) |
Is-sitwazzjoni ta’ ħsara għall-industrija Komunitarja irriżultat mid-diffikultà tagħha li tikkompeti ma’ importazzjoni bi prezz baxx, oġġett ta’ dumping. |
(121) |
L-impożizzjoni ta’ miżuri għandha tippermetti lill-industrija Komunitarja li żżid il-volum tal-bejgħ tagħha u terġa’ tikseb is-sehem fis-suq biex tiġġenera ekonomija ta’ skala aħjar, u b’hekk tikseb il-livell ta’ qligħ meħtieġ biex tiġġustifika t-tkomplija ta’ l-investiment fil-faċilitajiet tal-produzzjoni u fir-riċerka kontinwa biex tibqa’ kompetittiva. |
(122) |
Wieħed mill-importaturi kkontenda li wieħed mill-produtturi fil-Komunità kellu pożizzjoni dominanti fis-suq, madankollu, mingħajr ma ssostanzja din l-allegazzjoni. Minħabba l-fatt li matul il-perjodu kkunsidrat l-imqagħad ġew prodotti għand minn talanqas għaxar produtturi differenti f’kompetizzjoni bejniethom fil-Komunità, u li ma nstab xejn matul l-investigazzjoni li jsostni din l-allegazzjoni, din il-kontenzjoni ġiet miċħuda. |
(123) |
Jekk ma jiġux imposti miżuri, id-deterjorazzjoni tas-sitwazzjoni ta’ l-industrija Komunitarja tkompli. Hija ma tkunx f’pożizzjoni li tinvesti f’teknoloġiji ġodda u li tikkompeti b’mod effettiv ma’ l-importazzjoni minn pajjiżi terzi. Barra minn dan, jekk ma jiġux imposti miżuri, l-industrija Komunitarja tkompli tiġi mċaħħda mill-volumi l-kbar tas-suq ta’ l-mqagħad ta’ prezz medju, u għalhekk ma tkunx tista’ tifrex l-ispejjeż fissi tagħha. Fil-fatt, xi kumpaniji jkollhom iwaqqfu l-produzzjoni tal-prodott simili u jagħtu s-sensja lill-ħaddiema tagħhom, kif diġà ġara fil-każ ta’ produttur Komunitarju fl-2005. Ġie għalhekk konkluż li l-impożizzjoni ta’ miżuri kontra d-dumping hija fl-interess ta’ l-industrija Komunitarja. |
2. L-interess ta’ importaturi mhux relatati
(124) |
Sa fejn jikkonċerna l-importaturi, żewġ importaturi mhux relatati biss wieġbu l-kwestjonarju u wara saret żjara ta’ verifika għand wieħed minnhom. Il-volumi tal-prodott ikkonċernat, impurtat minn dawn iż-żewġ importaturi kien jirrappreżenta 21 % tat-total ta’ l-importazzjoni lejn il-Komunità miċ-Ċina u 7 % tal-konsum fil-Komunità. |
(125) |
Fid-dawl tal-fatt li l-parti l-kbira ta’ l-importazzjoni ta’ mqagħad lejn il-Komunità tgħaddi minn importaturi li mhumiex relatati mal-produtturi esportaturi, l-importazzjoni ta’ dawn l-importaturi mhux relatati tqieset bħala rappreżentattiva għall-importaturi mhux relatati l-oħra kollha. |
(126) |
Għaż-żewġ importaturi, l-importazzjoni tal-prodott ikkonċernat mill-PRC kienet tirrappreżenta 100 % ta’ l-importazzjoni totali tagħhom ta’ mqagħad. Fil-każ ta’ importatur wieħed, il-valur tal-bejgħ rispettiv ta’ mqagħad kien jirrappreżenta 8 % tal-bejgħ totali ta’ l-importatur matul l-IP. Il-bejgħ ta’ mqagħad impurtati miċ-Ċina kien profitabbli matul l-IP. Madankollu, il-qligħ mill-bejgħ ta’ l-imqagħad kien ta’ 0,7 punti perċentwali taħt il-qligħ globali ta’ din il-kumpanija, li kien f’medda ta’ bejn wieħed u ieħor 2 % sa 6 % fl-IP. Fil-każ ta’ l-importatur l-ieħor, il-valur tal-bejgħ ta’ l-imqagħad impurtati fl-IP irrappreżenta biss 1,2 % tad-dħul totali tal-kumpanija u l-qligħ mill-bejgħ ta’ l-imqagħad kienet stmata fl-istess livell tal-qligħ ġenerali ta’ din il-kumpanija. Wieħed jista’ jassumi, mill-informazzjoni mogħtija minn importaturi oħra, li s-sitwazzjoni ta’ dawn iż-żewġ kumpaniji msemmija hija rappreżentattiva għall-parti l-kbira ta’ l-importaturi ta’ l-imqagħad mill-PRC. |
(127) |
Billi ż-żewġ kumpaniji impurtaw l-imqagħad mill-PRC biss, jista’ jiġi konkluż li l-impożizzjoni ta’ miżuri tista’ tassew ikollha effett negattiv fuq is-sitwazzjoni finanzjarja ta’ dawn il-kumpaniji. Madankollu, meta jitqies li l-bejgħ ta’ l-imqagħad jammonta biss għal sehem żgħir mill-bejgħ u l-qligħ totali tal-kumpanija, mhux mistenni li miżuri jkollhom impatt finanzjarju sinifikanti fuq is-sitwazzjoni ġenerali ta’ dawn iż-żewġ importaturi. Barra minn hekk, dawn il-kumpaniji jistgħu jimpurtaw ukoll imqagħad kemm mill-grupp ta’ kumpaniji li ma nstabilhomx dumping, jew minn pajjiżi terzi oħra, per eżempju t-Tajwan. |
3. L-interess ta’ l-utenti
(128) |
Erba’ utenti u distributuri tal-prodott ikkonċernat wieġbu l-kwestjonarju mibgħut mill-Kummissjoni. Dawn huma kumpaniji li jużaw imqagħad prodotti fil-Komunità u anki mqagħad impurtati fl-assemblaġġ tar-roti. Dawn l-erba’ kumpaniji użaw ammont totali ta’ 1 255 655 maqgħad matul l-IP, li minnhom aktar min-nofs (55 %) kienu mqagħad li oriġinaw mill-PRC. L-għadd ta’ mqagħad impurtati mill-PRC u użati mill-erba’ kumpaniji kien jirrappreżenta 5,7 % tal-volum ta’ bejgħ ta’ l-industrija Komunitarja u 2,9 % tal-konsum totali ta’ mqagħad fil-Komunità matul l-IP. Safejn jolqot l-assemblaturi tar-roti, instab li l-imqagħad jirrappreżentaw parti minuri mill-ispiża totali ta’ rota kompluta. Bħala medja, l-imqagħad jikkostitwixxu minn 1 % sa 4 % ta’ l-ispejjeż totali ta’ rota, skond il-mudell. |
(129) |
Tnejn mill-erba’ utenti iddikjaraw li l-impożizzjoni ta’ dazju kontra d-dumping x’aktarx ma jkollux effett kbir fuq in-negozju tagħhom għaliex żieda fil-prezz ta’ l-imqagħad probabbli tingħadda fuq il-konsumatur aħħari tagħhom. Barra minn hekk, huma argumentaw li d-differenza fil-prezz bejn imqagħad prodotti u mibjugħa mill-industrija Komunitarja u l-importazzjoni miċ-Ċina kienet tali, li anki wara l-impożizzjoni tad-dazji kontra d-dumping, l-imqagħad li joriġinaw mill-PRC xorta waħda jibqgħu kompetittivi. |
(130) |
Iż-żewġ utenti l-oħra ma tawx verżjoni mhux kunfidenzjali tas-sottomissjoni tagħhom. Għalhekk, skond l-Artikolu 19(3), din l-informazzjoni ġiet proviżjonalment injorata. |
(131) |
Wieħed mill-produtturi esportaturi ikkontenda li l-impożizzjoni ta’ miżuri fuq l-importazzjoni ta’ mqagħad ma kinetx fl-interess tal-Komunità għaliex kienet tqiegħed l-eżistenza ta’ industrija vijabbli tal-manifattura tar-roti fl-Ewropa f’riskju akbar. Il-kumpanija sostniet li l-manifatturi fil-Komunità kienu jwaqqfu n-negozju ta’ assemblaġġ tagħhom u minflok jibdew jimpurtaw roti lesti mill-PRC, minkejja l-eżistenza ta’ dazju kontra d-dumping fuq ir-roti. F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnutat li l-esportaturi m’għandhom l-ebda kompetenza fejn tidħol id-determinazzjoni ta’ l-interess tal-Komunità. Minkejja dan, is-sustanza ta’ l-argument ġiet investigata. Billi tnejn mill-erba’ utenti ta' l-imqagħad tar-roti ddikjaraw li l-impożizzjoni ta’ miżuri ma jkollha l-ebda impatt sostanzjali fuq in-negozji tagħhom minħabba l-ispiża baxxa ta’ maqgħad fl-ispiża globali tal-produzzjoni ta’ rota, l-argument xorta waħda m’għandux jiġi aċċettat. |
(132) |
Fid-dawl tal-fatt li l-erba’ kumpaniji xtraw ammont importanti ta’ mqagħad (45 % matul l-IP) fil-Komunità, u minħabba l-importanza relattivament baxxa ta’ l-imaqgħad fl-ispiża totali ta’ rota assemblata kompletament, ġie konkluż li l-impatt fuq l-ispejjeż li jirriżulta mill-impożizzjoni ta’ miżuri kontra d-dumping fuq l-imqagħad ma tirriżultax f’impatt sinifikanti fl-ispejjeż globali ta’ l-utenti. Fi kwalunkwe każ, jekk ikun hemm dan l-impatt, hemm probabbiltà kbira li l-utenti ta’ l-imqagħad impurtati jkunu f’qagħda li jgħaddu l-ispiża addizzjonali. |
4. L-interess tal-fornituri tal-materja prima u tal-konsumaturi
(133) |
Fornitur wieħed ta’ materja prima wieġeb il-kwestjonarju. Din il-kumpanija qed tbigħ il-partijiet tal-metall ta’ l-imqagħad lill-produtturi Komunitarji, speċifikament qofsa u molol magħmula mill-ħadid, azzar, titanju, vanadju, manganiż jew azzar tal-karbonju. Il-kumpanija hija favur l-impożizzjoni tad-dazji kontra d-dumping minħabba li tipprevedi li l-volumi tal-produzzjoni ta’ l-industrija Komunitarja jiżdiedu u konsegwentement ikollha domanda ogħla għall-materja prima tagħha. |
(134) |
Fuq il-bażi tas-sejbiet ta’ hawn fuq, u fin-nuqqas ta’ xi element jew reazzjoni oħra mill-organizzazzjonijiet tal-konsumatur, ġie konkluż li l-impatt tal-miżuri proposti fuq il-konsumaturi mhux mistenni li jkun sinifikanti. |
5. Il-konklużjoni dwar l-interess tal-Komunità
(135) |
Sussegwenti għal dan ta’ hawn fuq, ġie konkluż li m’hemmx raġunijiet ċari fir-rigward ta’ l-interess tal-Komunità, li għalihom id-dazji proviżorji kontra d-dumping m’għandhomx jiġu imposti. |
G. MIŻURI PROVIŻORJI KONTRA D-DUMPING
1. Il-livell ta’ tneħħija tal-ħsara
(136) |
Fid-dawl tal-konklużjonijiet milħuqa fir-rigward tad-dumping, il-ħsara li ssir, il-kawżalità u l-interess tal-Komunità, għandhom jiġu imposti miżuri proviżorji bil-għan li jipprevjenu li ssir aktar ħsara lill-industrija Komunitarja mill-importazzjoni oġġett ta’ dumping. |
(137) |
Il-miżuri għandhom jiġu imposti f’livell li jkun biżżejjed biex tiġi eliminata l-ħsara kkawżata minn din l-importazzjoni, mingħajr ma jinqabeż il-marġini ta’ dumping determinat. Fil-kalkolu ta’ l-ammont ta’ dazju meħtieġ biex jitneħħew l-effetti tad-dumping dannuż, ġie kkunsidrat li kull miżura għandha tippermetti lill-industrija Komunitarja tkopri l-ispejjeż tagħha tal-produzzjoni u li tagħmel qligħ totali qabel it-taxxa li jkun jista’ raġonevolment jintlaħaq minn industrija ta’ dan it-tip fis-settur, taħt kundizzjonijiet normali ta’ kompetizzjoni, jiġifieri fl-assenza ta’ importazzjoni oġġett ta’ dumping, fuq il-bejgħ tal-prodott simili fil-Komunità. Il-marġini ta’ profitt qabel it-taxxa użat għal dan il-kalkolu kien ta’ 5 % tal-bejgħ, ibbażat fuq il-qligħ stabbilit f’investigazzjonijiet preċedenti ta’ produtturi ta’ partijiet tar-roti li jinkludu l-produtturi Komunitarji kif definit fil-premessa 67. |
(138) |
Iż-żieda meħtieġa fil-prezz kienet imbagħad determinata fuq il-bażi tat-tqabbil tal-prezz medju ppeżat ta’ l-importazzjoni, kif stabbilit għall-kalkolu tal-bejgħ bi prezz imraħħas (ara l-premessa (75) hawn fuq), mal-prezz mingħajr ħsara ta’ prodotti mibjugħa mill-industrija Komunitarja fis-suq tal-Komunità. Il-prezz mingħajr ħsara nkiseb bl-aġġustament tal-prezz tal-bejgħ ta’ l-industrija Komunitarja bit-telf/qligħ attwali magħmul tul l-IP u billi ngħaddet il-marġini tal-qligħ imsemmija aktar il fuq. Kull differenza li ħarġet minn dan il-paragun ġiet imbagħad espressa f’perċentwali tal-valur CIF ta’ l-importazzjoni totali. |
(139) |
Bil-għan li jiġi kkalkulat il-livell ta’ tneħħija ta’ ħsara għall-pajjiż kollu għall-esportaturi l-oħra kollha fil-PRC, għandu jiġi mfakkar li l-livell ta’ kooperazzjoni kien baxx. Għalhekk, il-marġini ta’ ħsara kien ikkalkulat bħala medja ppeżata tal-marġini kkalkulat għall-esportaturi li kkooperaw u l-ogħla marġini stabbiliti għal tipi rappreżentattivi esportati mill-istess esportatur. |
(140) |
Il-marġini ta’ ħsara kienu ferm ogħla mill-marġini ta’ dumping misjuba. |
2. Miżuri proviżorji
(141) |
Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, ġie meqjus li dazju proviżorju kontra d-dumping għandu jiġi impost fil-livell tal-marġini tad-dumping misjub, iżda m’għandux, skond l-Artikolu 7(2) tar-Regolament bażiku, ikun ogħla mill-marġini ta’ ħsara kkalkulat hawn fuq. |
(142) |
“Ir-rati ta’ dazji kontra d-dumping għall-kumpaniji individwali speċifikati f’dan ir-Regolament ġew stabbiliti fuq il-bażi tar-riżultati ta’ l-investigazzjoni attwali. Għalhekk, huma jirriflettu s-sitwazzjoni misjuba matul dik l-investigazzjoni fir-rigward ta’ dawn il-kumpaniji. Dawn ir-rati ta’ dazju (f'kuntrast mad-dazju għall-pajjiż kollu applikabbli għall-‘kumpaniji l-oħra kollha”) huma għalhekk esklużivament applikabbli għall-importazzjoni tal-prodotti li joriġinaw mill-pajjiż ikkonċernat u prodotti mill-kumpaniji u għalhekk mill-entitajiet legali speċifiċi msemmija. Prodotti impurtati prodotti minn kull kumpanija oħra mhux speċifikament imsemmija b’isimha u l-indirizz fil-parti operattiva ta’ dan id-dokument, inklużi l-entitajiet relatati ma’ dawk speċifikament imsemmija, ma jistgħux jibbenefikaw minn dawn ir-rati u għandhom ikunu suġġetti għar-rata ta’ dazju applikabbli għall-‘kumpaniji l-oħra kollha. |
(143) |
Kull talba li titlob l-applikazzjoni ta’ dawn ir-rati ta’ dazju kontra d-dumping għall-kumpaniji individwali (per eżempju wara bidla fl-isem ta’ l-entità jew wara t-twaqqif ta’ entitajiet ġodda tal-produzzjoni jew bejgħ), għandhom jiġu indirizzati lill-Kummissjoni (3) mingħajr telf ta’ żmien, bl-informazzjoni kollha rilevanti, b’mod partikolari kull tibdil fl-attivitajiet tal-kumpanija marbut mal-produzzjoni, bejgħ domestiku u għall-esportazzjoni assoċjat ma’, per eżempju, dak it-tibdil fl-isem jew dak it-tibdil fl-entitajiet tal-produzzjoni u bejgħ. Il-Kummissjoni, jekk ikun xieraq, wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv, temenda r-Regolament skond il-ħtieġa billi taġġorna l-lista tal-kumpaniji li jibbenefikaw mir-rati ta’ dazju individwali. Bil-għan li jiġi żgurat infurzar tajjeb tad-dazju kontra d-dumping, il-marġini tad-dumping għall-pajjiż kollu għandu japplika wkoll għal dawk il-produtturi li ma għamlu l-ebda esportazzjoni lejn il-Komunità matul l-IP. |
(144) |
Fuq il-bażi ta’ dak ta’ hawn fuq, ir-rati ta’ dazju proviżorju huma:
|
3. Monitoraġġ speċjali
(145) |
Bil-għan li jitnaqqas kemm jista’ jkun ir-riskju ta’ ċirkumvenzjoni minħabba d-differenza kbira fir-rati ta’ dazju, huwa meqjus li miżuri speċjali huma meħtieġa f’dan il-każ biex tiġi żgurata l-applikazzjoni tajba tad-dazji kontra d-dumping. Hija biss l-importazzjoni tal-prodott ikkonċernat, immanifatturat mill-produttur li jesporta rispettiv li tista’ tibbenefika mill-marġini tad-dumping speċifiku kkalkulat għall-produttur ikkonċernat. Dawn il-miżuri speċjali jinkludu dan li ġej: |
(146) |
Il-preżentazzjoni lill-awtoritajiet tad-dwana ta’ l-Istati Membri ta’ fattura kummerċjali valida li għandha tkun tikkonforma mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness għal dan ir-Regolament. L-importazzjonijiet mhux akkumpanjati minn din il-fattura għandhom ikunu suġġetti għad-dazju residwu kontra d-dumping applikabbli għall-kumpaniji l-oħra kollha. |
(147) |
Ta’ min ifakkar li jekk l-esportazzjoni mill-kumpaniji li jibbenefikaw minn rati ta’ dazju individwali aktar baxxi jżidu ħafna fil-volum wara l-impożizzjoni tal-miżuri kontra d-dumping, tali żieda fil-volum tista’ tiġi kkunsidrata fiha nnifisha bħala bidla fil-mudell tal-kummerċ dovuta għall-impożizzjoni tal-miżuri skond l-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku. F’tali ċirkostanzi, u sakemm il-kundizzjonijiet jiġu rrispettati, jista’ jingħata bidu għal investigazzjoni kontra ċ-ċirkumvenzjoni. Din l-investigazzjoni tista’, inter alia, teżamina l-ħtieġa tat-tneħħija tar-rati ta’ dazju individwali bil-konsegwenza li jiġi impost dazju għall-pajjiż kollu. |
H. DISPOŻIZZJONI FINALI
(148) |
Fl-interess ta’ amministrazzjoni tajba, għandu jiġi ffissat perjodu li fih il-partijiet interessati li għamlu lilhom infushom magħrufa sal-limitu ta’ żmien speċifikat fin-notifika tal-bidu jistgħu jressqu l-opinjonijiet tagħhom bil-miktub u jitolbu smigħ. Barra minn hekk, għandu jiġi ddikjarat li s-sejbiet li jikkonċernaw l-impożizzjoni ta’ dazji kontra d-dumping, magħmula għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament huma proviżorju u jistgħu jiġu kkunsidrati mill-ġdid għall-għan ta’ xi dazju definittiv. |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
1. Dazju proviżorju kontra d-dumping huwa b’dan impost fuq l-importazzjoni ta’ mqagħad u partijiet essenzjali tagħhom jiġifieri bażijiet, kuxxinetti u għata, ta’ roti (biċikletti) u ċikletti oħra (inklużi triċikletti għall-kunsinni), mingħajr mutur, ta’ ċikletti ffittjati b’mutur awżiljarju, bis-sidecar jew mingħajrha, apparat tal-fitness u ta’ apparat domestiku għall-attività fiżika, li jaqgħu taħt il-kodiċi NM 8714 95 00, ex 8714 99 90 u ex 9506 91 10 (kodiċi TARIC 8714999081 u 9506911010) u li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina.
2. Ir-rata tad-dazju proviżorju kontra d-dumping applikabbli għall-prezz nett ħieles fuq il-fruntiera tal-Komunità, qabel id-dazju, tal-prodotti mmanifatturati mill-kumpaniji ta’ hawn taħt għandha tkun:
Kumpanija |
Dazju ta’ kontra d-dumping |
Kodiċi Addizzjonali TARIC |
Cionlli Bicycle (Taicang) Co. Ltd., Shunde Hongli Bicycle Parts Co. Ltd. u Safe Strong Bicycle Parts Shenzhen Co. Ltd. |
7,5 % |
A787 |
Giching Bicycle parts (Shenzhen) Co. Ltd. u Velo Cycle Kunshan Co. Ltd. |
0 % |
A788 |
Il-kumpaniji l-oħra kollha |
30,9 % |
A999 |
3. L-applikazzjoni tar-rati tad-dazju individwali speċifikati għall-kumpaniji msemmija fil-paragrafu 2 għandha tkun suġġetta għall-preżentazzjoni lill-awtoritajiet tad-dwana ta’ l-Istati Membri ta’ fattura kummerċjali valida, li għandha tikkonforma mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness. Jekk ma tkunx ippreżentata din il-fattura, għandha tapplika r-rata tad-dazju applikabbli għall-kumpaniji l-oħra kollha.
4. Ir-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni ħielsa fil-Komunità tal-prodott imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jkun suġġett għall-għoti ta’ garanzija, ekwivalenti għall-ammont tad-dazju proviżorju.
5. Kemm-il darba ma jkunx speċifikat mod ieħor, id-dispożizzjonijiet fis-seħħ dwar id-dazji tad-dwana għandhom japplikaw.
Artikolu 2
Bla ħsara għall-Artikolu 20 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96, partijiet interessati jistgħu jitolbu l-kxif tal-fatti essenzjali u l-konsiderazzjonijiet li fuqhom dan ir-Regolament ġie adottat, jesponu l-opinjonijiet tagħhom bil-miktub u japplikaw għas-smigħ orali mill-Kummissjoni fi żmien xahar mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.
Skond l-Artikolu 21(4) tar-Regolament (KE) Nru 384/96, il-partijiet ikkonċernati jistgħu jikkummentaw dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament fi żmien xahar mid-data tad-dħul fis-seħħ tiegħu.
Artikolu 3
Dan ir-regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.
L-Artikolu 1 ta’ dan ir-Regolament għandu japplika għal perjodu ta’ sitt xhur.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, 20 ta’ Diċembru 2006.
Għall-Kummissjoni
Peter MANDELSON
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 56, 6.3.1996, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 2117/2005 (ĠU L 340, 23.12.2005, p. 17).
(3) (Il-Kummissjoni Ewropea, Direttorat-Ġenerali għall-Kummerċ. Direzzjoni B, 1049 Brussell, Belgju).
ANNESS
Il-fattura kummerċjali valida msemmija fl-Artikolu 1(3) ta’ dan ir-Regolament għandha tinkludi dikjarazzjoni ffirmata minn uffiċjal tal-kumpanija, fil-format li ġej:
(1) |
L-isem u l-kariga ta’ l-uffiċjal tal-kumpanija li ħarġet il-fattura kummerċjali. |
(2) |
Id-dikjarazzjoni li ġejja: “Jiena, hawn taħt iffirmat, niċċertifika li [volum] mqagħad mibjugħa għall-esportazzjoni lejn il-Komunità Ewropea koperti b’din il-fattura ġew immanifatturat minn [isem u indirizz tal-kumpanija] [kodiċi addizzjonali TARIC] fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina. Jiena niddikjara li l-informazzjoni mogħtija f’din il-fattura hija kompluta u korretta.” |