31.12.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

960


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 1991/2006

tal-21 ta’ Diċembru 2006

li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 2092/91 dwar il-produzzjoni organika ta' prodotti agrikoli u l-indikazzjonijiet li jirreferu għalihom fil-prodotti agrikoli u fl-oġġetti ta’ l-ikel

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 37 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Billi:

(1)

Jeħtieġ li tiġi avvanzata l-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni Ewropew dwar Ikel u Biedja Organiċi abbażi ta' miżuri konkreti bil-ħsieb li jiġu żgurati s-simplifikazzjoni u l-koerenza globali.

(2)

Il-prodotti organiċi importati fil-Komunità għandhom jitħallew jitqiegħdu fis-suq Komunitarju ttikkettati b'referenza għall-biedja organika jekk dawn ikunu ġew prodotti skond ir-regoli tal-produzzjoni u soġġetti għal arranġamenti ta' spezzjonijiet li huma f'konformità mal-leġislazzjoni Komunitarja jew ekwivalenti għaliha.

(3)

Pajjiżi terzi li għandhom standards ta' produzzjoni u arranġamenti ta' spezzjonijiet ekwivalenti għal dawk applikati fil-Komunità għandhom jiġu rikonoxxuti u għandha tiġi ppubblikata lista tagħhom. L-organizzazzjonijiet ta' l-ispezzjoni jew l-awtoritajiet ta' l-ispezzjoni kompetenti biex iwettqu spezzjoni f'pajjiżi li m'humiex fil-lista ta' pajjiżi terzi rikonoxxuti għandhom jiġu rikonoxxuti u elenkati wkoll. Operaturi ta' pajjiżi terzi li jipproduċu f'konformità diretta mar-regoli Komunitarji għandhom jitħallew jippreżentaw l-attivitajiet tagħhom lill-organizzazzjonijiet ta' l-ispezzjoni u l-awtoritajiet ta' l-ispezzjoni rikonoxxuti mill-Kummissjoni għal dan il-għan.

(4)

Ir-Regolament (KEE) Nru 2092/91 ta' l-24 ta' Ġunju 1991 dwar il-produzzjoni organika ta' prodotti agrikoli u l-indikazzjonijiet li jirreferu għalihom fil-prodotti agrikoli u fl-oġġetti ta' l-ikel (2) jipprevedi l-possibbiltà għall-Istati Membri li jagħtu sal-31 ta' Diċembru 2006 awtorizzazzjonijiet lill-importaturi għat-tqegħid fis-suq ta' prodotti individwali taħt ċerti kondizzjonijiet. Dan għandu jiġi emendat biex dik l-iskema ta' importazzjoni tiġi sostitwita bi skema applikabbli wara dik id-data.

(5)

Biex il-kummerċ internazzjonali ma jiġix sfrattat, jeħtieġ li tiġi estiża l-possibbiltà għall-Istati Membri biex ikomplu jagħtu awtorizzazzjonijiet lill-importaturi fuq bażi ta' każ b'każ għat-tqegħid fis-suq Komunitarju ta' prodotti sakemm jiġu stabbiliti l-miżuri meħtieġa għat-tħaddim ta' l-iskema l-ġdida ta' importazzjoni, b'mod partikolari fir-rigward tar-rikonoxximent ta' organizzazzjonijiet ta' l-ispezzjoni u awtoritajiet ta' l-ispezzjoni kompetenti biex iwettqu spezzjonijiet f'dawk il-pajjiżi li m'humiex fuq il-lista ta' pajjiżi terzi rikonoxxuti.

(6)

Ir-Regolament (KEE) Nru 2092/91 għandu jiġi emendat kif meħtieġ,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KEE) Nru 2092/91 ġie emendat kif ġej:

1)

fl-Artikolu 10(1), il-punt (b) għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“(b)

kienu soġġetti għas-sistema ta' spezzjoni msemmija fl-Artikolu 9, jew kienu importati f'konformità ma' l-Artikolu 11;

madankollu, fil-każ ta' prodotti importati f'konformità ma' l-Artikolu 11(6), l-implimentazzjoni tas-sistema ta' spezzjoni għandha tkun konformi ma' ħtiġiet ekwivalenti għal dawk previsti fl-Artikolu 9, u b'mod partikolari l-paragrafu 4 tiegħu.”;

2)

L-Artikolu 11 għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 11

1.   Prodott importat minn pajjiż terz jista' jitqiegħed fis-suq Komunitarju ttikkettat bħala prodott b'indikazzjonijiet li jirreferu għall-metodu tal-produzzjoni organika sakemm:

(a)

il-prodott ikun konformi mad-dispożizzjonijiet imniżżlin fl-Artikoli 5 u 6 ta' dan ir-Regolament;

(b)

l-operaturi kollha, inklużi l-esportaturi, ikunu bagħtu l-attivitajiet tagħhom lil organizzazzjoni ta' l-ispezzjoni jew awtorità ta' l-ispezzjoni rikonoxxuta skond il-paragrafu 2; u,

(c)

l-operaturi kkonċernati għandhom ikunu jistgħu jipprovdu fi kwalunkwe ħin, lill-importaturi jew lill-awtoritajiet nazzjonali, evidenza dokumentata li tippermetti l-identifikazzjoni ta' l-operatur li wettaq l-aħħar operazzjoni u t-tip jew il-firxa ta' prodotti taħt il-kontroll tiegħu, kif ukoll li tippermetti l-verifika tal-konformità minn dak l-operatur mal-punti (a) u (b), u l-perijodu tal-validità.

2.   Il-Kummissjoni għandha, skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 14(2), tirrikonoxxi l-organizzazzjonjiet ta' l-ispezzjoni u l-awtoritajiet ta' l-ispezzjoni msemmija fil-paragrafu 1 (b), inklużi l-organizzazzjonijiet ta' l-ispezzjoni u l-awtoritajiet ta' l-ispezzjoni msemmija fl-Artikolu 9, kompetenti li jwettqu spezzjonijiet u li joħorġu l-evidenza dokumentata msemmija fil-paragrafu 1 (c) f'pajjiżi terzi, u għandha tistabbilixxi lista ta' dawk l-organizzazzjonijiet ta' l-ispezzjoni u l-awtoritajiet ta' l-ispezzjoni.

L-organizzazzjonijiet ta' l-ispezzjoni għandhom jiġu akkreditati għall-Istandard rilevanti Ewropew EN 45011 jew il-Gwida 65 ta' l-ISO ‘Ħtiġiet ġenerali għall-korpi li jħaddmu sistemi ta' ċertifikazzjoni ta' prodotti’ li kienet l-aħħar verżjoni ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea, is-serje C. L-organizzazzjonijiet ta' l-ispezzjoni għandu jsirilhom evalwazzjoni fuq il-post, monitoraġġ u valutazzjoni mill-ġdid pluriennali regolari ta' l-attivitajiet tagħhom mill-korp ta' akkreditazzjoni.

Meta teżamina talbiet għal rikonoxximent, il-Kummissjoni għandha tistieden lill-organizzazzjoni jew lill-awtorità ta' l-ispezzjoni biex tipprovdi l-informazzjoni kollha meħtieġa. Il-Kummissjoni tista' wkoll tafda esperti bil-kompitu li jeżaminaw fuq il-post ir-regoli tal-produzzjoni u l-attivitajiet ta' spezzjoni mwettqa fil-pajjiż terz mill-orgnizzazzjoni ta' l-ispezzjoni jew l-awtorità ta' l-ispezzjoni konċernata.

L-organizzazzjonijiet ta' l-ispezzjoni jew l-awtoritajiet ta' l-ispezzjoni rikonoxxuti għandhom jipprovdu r-rapporti ta' valutazzjoni maħruġa mill-korp ta' akkreditazzjoni, jew kif xieraq, mill-awtorità kompetenti dwar l-evalwazzjoni fuq il-post, il-monitoraġġ u l-valutazzjoni mill-ġdid pluriennali regolari ta' l-attivitajiet tagħhom.

Abbażi tar-rapporti ta' valutazzjoni, il-Kummissjoni, assistita mill-Istati Membri, għandha tiżgura superviżjoni xierqa ta' l-organizzazzjonijiet ta' l-ispezzjoni u ta' l-awtoritajiet ta' l-ispezzjoni rikonoxxuti billi tirrevedi regolarment ir-rikonoxximent tagħhom. In-natura ta' l-ispezzjoni għandha tkun determinata abbażi ta' valutazzjoni tar-riskju ta' l-okkorrenza ta' irregolaritajiet jew ksur tad-dispożizzjonijiet stabbiliti fi jew skond dan ir-Regolament.

3.   Prodott importat minn pajjiż terz jista' wkoll jitqiegħed fis-suq Komunitarju ttikkettat bħala prodott b'indikazzjonijiet li jirreferu għall-metodu tal-produzzjoni organika sakemm:

(a)

il-prodott ġie prodott skond l-istandards tal-produzzjoni ekwivalenti għar-regoli tal-produzzjoni mniżżlin fl-Artikoli 5 u 6 għall-produzzjoni organika fil-Komunità;

(b)

l-operaturi ġew soġġetti għal miżuri ta' spezzjoni ta' effikaċja ekwivalenti għal dawk imsemmija fl-Artikoli 8 u 9, u tali miżuri ta' spezzjoni ġew applikati permanentement u b'mod effettiv;

(c)

l-operaturi fl-istadji kollha tal-produzzjoni, tal-preparazzjoni u tad-distribuzzjoni fil-pajjiż terz issottomettew l-attivitajiet tagħhom għal sistema ta' spezzjoni rikonoxxuta skond il-paragrafu 4 jew organizzazzjoni ta' l-ispezzjoni jew awtorità ta' l-ispezzjoni rikonoxxuta skond il-paragrafu 5; u,

(d)

il-prodott huwa kopert b'ċertfikat ta' l-ispezzjoni maħruġ mill-awtoritajiet kompetenti jew l-organizzazzjonijiet ta' l-ispezzjoni jew l-awtoritajiet ta' l-ispezzjoni tal-pajjiż terz rikonoxxuti skond il-paragrafu 4, jew minn organizzazzjoni ta' l-ispezzjoni jew awtorità ta' l-ispezzjoni rikonoxxuta skond il-paragrafu 5, li jikkonfermaw li l-prodott jissodisfa l-kondizzjonijiet imniżżla f'dan il-paragrafu. L-oriġinal taċ-ċertifikat għandu jakkumpanja l-merkanzija għall-post ta' l-ewwel kunsinnatarju. Wara dan, l-importatur għandu jżomm iċ-ċertifikat disponibbli għall-organizzazzjoni ta' l-ispezzjoni u, kif xieraq, l-awtorità ta' l-ispezzjoni għal mhux anqas minn sentejn.

4.   Il-Kummissjoni, skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 14(2), tista' tirrikonoxxi l-pajjiżi terzi li s-sistema ta' produzzjoni tagħhom hi konformi ma' regoli ekwivalenti għal dawk stabbiliti fl-Artikoli 5 u 6 u li l-arranġamenti ta' l-ispezzjonar tagħhom huma ta' effikaċja ekwivalenti għal dawk imniżżlin fl-Artikoli 8 u 9, u tista' tistabbilixxi lista ta' dawn il-pajjiżi. Il-valutazzjoni ta' l-ekwivalenza għandha tqis il-linji gwida CAC/GL 32 tal-Codex Alimentarius.

Meta teżamina t-talbiet għar-rikonoxximent, il-Kummissjoni għandha tistieden lill-pajjiż terz biex jipprovdi l-informazzjoni kollha meħtieġa. Il-Kummissjoni tista' tavda esperti bil-kompitu li jeżaminaw fuq il-post ir-regoli ta' produzzjoni u l-arranġamenti ta' l-ispezzjonar tal-pajjiż terz ikkonċernat.

Sal-31 ta' Marzu ta' kull sena, il-pajjiżi terzi hekk rikonoxxuti għandhom jibagħtu rapport annwali konċiż lill-Kummissjoni rigward l-implimentazzjoni u l-infurzar ta' l-arranġamenti ta' l-ispezzjonar tagħhom.

Abbażi ta' l-informazzjoni f'dawk ir-rapporti annwali, il-Kummissjoni, assistita mill-Istati Membri, għandha tiżgura superviżjoni xierqa tal-partijiet terzi rikonoxxuti permezz ta' reviżjoni regolari tar-rikonoxximent tagħhom. In-natura ta' l-ispezzjoni għandha tkun determinata abbażi ta' valutazzjoni tar-riskju ta' l-okkorrenza ta' irregolaritajiet jew ksur tad-dispożizzjonijiet stabbiliti fi jew skond dan ir-Regolament.

5.   Għall-prodotti mhux importati taħt il-paragrafu 1 u mhux importati minn pajjiż terz li hu rikonoxxut taħt il-paragrafu 4, il-Kummissjoni tista', skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 14(2), tirrikonoxxi l-organizzazzjonijiet ta' l-ispezzjoni u l-awtoritajiet ta' l-ispezzjoni, inklużi l-organizzazzjonijiet ta' l-ispezzjoni u l-awtoritajiet ta' l-ispezzjoni kif imsemmija fl-Artikolu 9, kompetenti li jwettqu spezzjonijiet u joħorġu ċertifikati f'pajjiżi terzi għall-iskop tal-paragrafu 3, u tistabbilixxi lista ta' dawn l-organizzazzjonijiet ta' l-ispezzjoni u l-awtoritajiet ta' l-ispezzjoni. IL-valutazzjoni ta' l-ekwivalenza għandha tqis il-linji gwida CAC/GL 32 tal-Codex Alimentarius.

Il-Kummissjoni għandha teżamina kwalunkwe talba għar-rikonoxximent ippreżentata minn organizzazzjoni ta' l-ispezzjoni jew awtorità ta' l-ispezzjoni f'pajjiż terz.

Meta teżamina talbiet għar-rikonoxximent, il-Kummissjoni għandha tistieden lill-organizzazzjoni ta' l-ispezzjoni jew lill-awtorità ta' l-ispezzjoni biex tipprovdi l-informazzjoni kollha meħtieġa. L-organizzazzjoni ta' l-ispezzjoni jew l-awtorità ta' l-ispezzjoni għandu jsirilha valutazzjoni fuq il-post, monitoraġġ u valutazzjoni mill-ġdid pluriennali regolari ta' l-attivitajiet tagħhom minn korp ta' akkreditazzjoni jew, kif xieraq, minn awtorità kompetenti. Il-Kummissjoni tista' tafda esperti bil-kompitu li jeżaminaw fuq il-post ir-regoli tal-produzzjoni u l-attivitajiet ta' l-ispezzjoni mwettqa fil-pajjiż terz mill-organizzazzjoni ta' l-ispezzjoni jew l-awtorità ta' l-ispezzjoni konċernata.

L-organizzazzjonijiet ta' l-ispezzjoni jew l-awtoritajiet ta' l-ispezzjoni rikonoxxuti għandhom jipprovdu r-rapporti ta' valutazzjoni maħruġa mill-korp ta' akkreditazzjoni, jew kif xieraq, mill-awtorità kompetenti dwar l-evalwazzjoni fuq il-post, il-monitoraġġ u l-valutazzjoni mill-ġdid pluriennali regolari ta' l-attivitajiet tagħhom.

Abbażi ta' dawn ir-rapporti ta' valutazzjoni, il-Kummissjoni, assistita mill-Istati Membri, għandha tiżgura superviżjoni xierqa ta' l-organizzazzjonijiet ta' l-ispezzjoni u ta' l-awtoritajiet ta' l-ispezzjoni rikonoxxuti billi tirrevedi regolarment ir-rikonoxximent tagħhom. In-natura ta' l-ispezzjoni għandha tkun determinata abbażi ta' valutazzjoni tar-riskju ta' l-okkorrenza ta' irregolaritajiet jew ksur tad-dispożizzjonijiet stabbiliti fi jew skond dan ir-Regolament.

6.   Għal perijodu li jibda mill-1 ta' Jannar 2007 u li jispiċċa 12-il xahar wara l-pubblikazzjoni ta' l-ewwel lista ta' organizzazzjonijiet ta' l-ispezzjoni u awtoritajiet ta' l-ispezzjoni rikonoxxuti skond il-paragrafu 5, l-awtorità kompetenti ta' Stat Membru tista' tawtorizza lill-importaturi f'dak l-Istat Membru, fejn l-importatur ikun innotifika l-attività tiegħu skond l-Artikolu 8(1), biex iqiegħed fis-suq prodotti importati mill-pajjiżi terzi li mhumiex inklużi fil-lista msemmija fil-paragrafu 4, sakemm l-importatur jipprovdi evidenza suffiċjenti li turi li l-kondizzjonijiet imsemmija fil-punti (a) u (b) tal-paragrafu 3 huma mħarsa. Jekk dawn il-kondizzjonijiet m'għadhomx qed jiġu mħarsa, l-awtorizzazzjoni għandha tiġi rtirata immedjatament. L-awtorizzazzjonijiet għandhom jiskadu l-aktar tard sa 24 xahar wara l-pubblikazzjoni ta' l-ewwel lista ta' organizzazzjonijiet ta' l-ispezzjoni u awtoritajiet ta' l-ispezzjoni rikonoxxuti skond il-paragrafu 5. Il-prodott importat għandu jkun kopert b'ċertifikat ta' l-ispezzjoni maħruġ mill-awtorità jew l-organizzazzjoni li ġiet aċċettata għall-ħruġ taċ-ċertifikat ta' l-ispezzjoni mill-awtorità kompetenti ta' l-Istat Membru ta' l-awtorizzazzjoni. L-orġinal taċ-ċertifikat għandu jakkumpanja l-merkanzija lejn il-post ta' l-ewwel kunsinnatarju; wara dan l-importatur għandu jżomm iċ-ċertifikat għad-disposizzjoni ta' l-organizzazzjoni ta' l-ispezzjoni u, kif xieraq, l-awtorità ta' l-ispezzjoni għal mhux anqas minn sentejn.

Kull Stat Membru għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni b'kull awtorizzazzjoni mogħtija skond dan il-paragrafu, inkluża l-informazzjoni dwar l-istandards tal-produzzjoni u l-arranġamenti ta' l-ispezzjonar ikkonċernati.

Fuq it-talba ta' Stat Membru jew fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni, awtorizzazzjoni mogħtija skond dan il-paragrafu għandha tiġi eżaminata mill-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 14. Jekk mill-eżami jirriżulta li l-kondizzjonijiet imsemmija fil-punti (a) u (b) tal-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu ma ġewx imħarsa, il-Kummissjoni għandha teħtieġ li l-Istati Membri li taw l-awtorizzazzjoni jirtirawha.

Kwalunkwe awtorizzazzjoni għal prodotti tas-suq importati minn pajjiż terz li, qabel l-31 ta' Diċembru 2006, kienet ingħatat lil importatur mill-awtorità kompetenti ta' l-Istat Membru rispettiv taħt dan il-paragrafu, għandha tiskadi sa mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 2007.

7.   Il-Kummissjoni, skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 14(2), għandha tadotta r-regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta' dan l-Artikolu, b'mod partikolari rigward:

(a)

il-kriterji u l-proċeduri li għandhom jiġu segwiti fir-rigward tar-rikonoxximent ta' pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet ta' l-ispezzjoni u awtoritajiet ta' l-ispezzjoni, inkluża l-pubblikazzjoni ta' listi ta' pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet ta' l-ispezzjoni u awtoritajiet ta' l-ispezzjoni rikonoxxuti; u,

(b)

l-evidenza dokumentata msemmija fil-paragrafu 1 u ċ-ċertifikat imsemmi fil-paragrafi 3(d) u 6 ta' dan l-Artikolu, b'kont meħud tal-vantaġġi taċ-ċertifikazzjoni elettronika inkluż il-ħarsien imsaħħaħ kontra l-frodi.”;

3)

It-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 16(3) għandu jitħassar;

4)

il-punt C ta' l-Anness III huwa b'dan emendat kif ġej:

(a)

Fl-ewwel paragrafu, it-tieni inċiż għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“—

l-ewwel kunsinnatarju għandha tfisser il-persuna fiżika jew ġuridika msemmija fl-Artikolu 11(3)(d) u l-Artikolu 11(6) li lilha tkun ingħatat il-kunsinna u li ser tirċiviha għal aktar preparazzjoni jew għat-tqegħid fis-suq Komunitarju”; u,

(b)

Fil-punt 5, l-ewwel subparagrafu għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“L-organizzazzjoni jew l-awtorità ta' l-ispezzjoni għandha tispezzjona l-istokk u r-reġistri finanzjarji msemmija fit-taqsima C, il-punt 2 u ċ-ċertifikat ta' l-ispezzjoni msemmi fl-Artikolu 11(3)(d) jew l-Artikolu 11(6) u l-evidenza dokumentata msemmija fl-Artikolu 11(1).”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba' jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Huwa għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2007.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 21 ta’ Diċembru 2006.

Ghall-Kunsill

Il-President

J. KORKEAOJA


(1)  Opinjoni tat-28 ta' Settembru 2006 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  ĠU L 198, 22.7.1991, p. 1. Regolament emendat l-aħħar mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru. 780/2006 (ĠU L 137, 25.5.2006, p. 9).