1.12.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

734


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 1985/2006

tat-22 ta’ Diċembru 2006

li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-kalkolu ta' l-għajnuna mogħtija mill-Istati Membri lill-organizzazzjonijiet ta' produtturi fis-settur tas-sajd u l-akwakultura

(Verżjoni kkodifikata)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2792/1999 tas-17 ta' Diċembru 1999 li jippreskrivi r-regoli u l-arranġamenti dettaljati rigward l-għajnuna Komunitarja strutturali fis-settur tas-sajd (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 15(4) dwar dan,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 908/2000 tat-2 ta’ Mejju 2000 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-kalkolu ta' l-għajnuna mogħtija mill-Istati Membri lill-organizzazzjonijiet ta' produtturi fis-settur tas-sajd u l-akwakultura (2) ġie emendat (3) b’mod sostanzjali. Għal iktar ċarezza u razzjonalità, l-imsemmi Regolament għandu jiġi kkodifikat.

(2)

L-Artikolu 15(1) tar- Regolament (KE) Nru 2792/1999 jistabbilixxi l-kondizzjonijiet ġenerali għall-għotja ta' għajnuna finanzjarja mill-Istati Membri lill-organizzazzjonijiet tal-produtturi rikonoxxuti taħt l-Artikolu 5 u, meta xieraq, rikonoxxuti speċifikament taħt l-Artikolu 12 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 104/2000 tas-17 ta’ Diċembru 1999 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fil-prodotti tas-sajd u l-akwakultura (4).

(3)

Sabiex jiġi żgurat li din l-għajnuna tingħata u tiġi ffinanzjata taħt l-istess kondizzjonijiet, iridu jiġu stabbiliti regoli dettaljati għall-kalkolu tal-valur tal-prodott kummerċjalizzat kopert mill-azzjoni ta’-l-organizzazzjonijiet ta' produtturi, kif ukoll ta' l-ispejjeż amministrattivi ta' dawn l-organizzazzjonijiet. Dan il-kalkolu jenħtieġ li jkun msejjes skond bażi tal-kontabilità probatorju. Madankollu, għandu jittieħed kont tad-diffikultà biex jinkiseb dan il-bażi f’ċerti każijiet, billi jkun hemm wkoll disponibbli metodu ta’ rata fissa bħala alternattiva.

(4)

L-għajnuna li organizzazzjoni ta' produtturi tista' tikkwalifika għaliha għandha tkun limitata sa ammont totali massimu, peress li kull organizzazzjoni membru tista tikkwalifika għal għajnuna għall-istabbiliment u għall-ħidma.

(5)

Kriterji dettaljati jridu jiġu stabbiliti li jiddefinixxu l-ispejjeż għall-implimentazzjoni ta' kull pjan ta' titjieb tal-kwalità ta' kull organizzazzjoni ta' produtturi.

(6)

Kriterji dettaljati jridu jiġu stabbiliti dwar ir-rimborż tal-kontribuzzjoni Komunitarja marbuta ma’ għajnuna mogħtija mill-Istati Membri wara l-1 ta' Jannar 2000, abbażi ta’ l-Artikli 7 u 7b tar-Regolament (KEE) Nru 3759/92 tal-Kunsill (5).

(7)

Il-miżuri pprovduti għal dan f'dan ir-Regolament huma konformi ma' l-opinjoni tal-Kumitat ta' Amministrazzjoni tas-Sajd u ta' l-Akwakultura,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli dettaljati għall-għajnuna li tista’ tingħata lillorganizzazzjonijiet ta' produtturi fis-sajd u fl-akwakultura taħt l-Artikolu 15(1)(a) u (b) tar-Regolament (KE) Nru 2792/1999.

Artikolu 2

1.   Il-prodotturi membri li l-produzzjoni tagħhom tista' tiġi kkunsidrata għall-applikazzjoni ta' l-Artikolu 15(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 2792/1999 iridu jkunu:

(a)

produtturi li kienu membri ta' l-organizzazzjoni meta din ġiet rikonoxxuta u li baqgħu membri matul is-sena li għaliha tirreferi l-applikazzjoni għall-għajnuna;

(b)

produtturi li ngħaqdu ma' l-organizzazzjoni wara li din ġiet rikonoxxuta u li kienu ilhom membri għall-aħħar disa xhur tas-sena li għaliha tirreferi l-applikazzjoni għall-għajnuna;

2.   Kull assoċjazzjoni ta' organizzazzjonijiet ta' produtturi tista' tingħata l-għajnuna taħt l-Artikolu 15(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 2792/1999 ta' mhux aktar minn EUR 180 000.

Artikolu 3

1.   Għall-kalkolu ta' l-għajnuna prevista skond l-Artikolu 15(1)(a)(i) tar-Regolament (KE) Nru 2792/1999, il-valur tal-prodott kummerċjalizzat mill-organizzazzjoni ta' produtturi għandu jiġi stabbilit fuq bażi ta' rata fissa, għal kull sena, bil-multiplikazzjoni għal kull prodott kopert mill-azzjoni ta’ l-organizzazzjoni ta':

(a)

il-produzzjoni miżjuna medja espressa f'100 kg nett, kummerċjalizzata mill-membri matul it-tliet snin fuq il-kalendarju qabel il-perjodu li għaliha tirreferi l-applikazzjoni għall-għajnuna,

ma

(b)

Il-prezz medju ippeżat tal-produzzjoni miksub minn dawk il-produtturi matul l-istess perjodu, kalkulat kull 100 kg nett.

2.   Għall-kalkolu tal-produzzjoni medja msemmija fil-paragrafu 1(a), il-produzzjoni kummerċjalizzata mill-prodotturi membri matul kull waħda mit-tliet snin imsemmija tiġi stabbilita:

(a)

skond id-dokumenti kummerċjali u tal-kontabilità disponibbli, li għandhom valur probatorju,

jew, fin-nuqqas ta' dawn,

(b)

skond evalwazzjoni fuq rata fissa stabbilita mill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri, skond parametri stabbiliti minn qabel li jiddependu mit-tipi ta' prodotti involuti.

3.   Sabiex jiġi kkalkulat il-prezz medju msemmi fil-paragrafu 1(b), il-prezz medju miksub mill-produtturi għal kull waħda mit-tliet snin konċernati irid jiġi stabbilit mis-servizzi kompetenti ta' l-Istati Membri:

(a)

skond id-dokumenti kummerċjali u tal-kontabilità disponibbli, li għandhom valur probatorju,

jew, fin-nuqqas ta' dawn,

(b)

bil-kalkolu tal-prezz medju annwali għal kull prodott fis-suq prinċipali fis-settur ta' attività ta' l-organizzazzjoni ta' produttur involut

Artikolu 4

1.   L-ispejjeż amministrattivi fis-sens ta' l-Artikolu 15(1)(a)(ii) tar-Regolament (KE) Nru 2792/1999 huma l-ispejjeż imħallsin effetivament mill-organizzazzjoni ta' produtturi fl-istabbiliment u fix-xogħol tagħha, li jaqgħu taħt l-intestaturi li ġejjin:

(a)

spejjeż ta' xogħol preparatorju għall-istabbiliment ta' l-organizzazzjoni u t-tfassil jew l-emenda ta' l-att ta' kostituzzjoni tagħha u l-istatut tagħha;

(b)

spejjeż ta' kontroll ta' adempjament mar-regoli msemmija fl-Artikolu 5(1) ta' Regolament (KE) Nru 104/2000;

(ċ)

spejjeż ta' personnel (pagi u salarji, spejjeż ta' taħriġ, spejjeż tas-sigurtà soċjali u spejjeż ta’ missjonijiet) u onararji għal servizzi u pariri tekniċi;

(d)

spejjeż ta' korrispondenza u telekomunikazzjonijiet;

(e)

spejjeż ta' tagħmir ta' l-uffiċċju u d-deprezzament jew spejjeż tal-kiri (leasing) ta' dan it-tagħmir;

(f)

spejjeż għall-mezzi tat-trasport disponibbli għall-impjegati ta' l-organizzazzjoni;

(ġ)

spejjeż tal-kera jew, fil-każ ta' xiri, spejjeż marbuta ma’ l-imgħax mħallas effetivament u spejjeż oħra minħabba l-okkupazzjoni tal-fond użat għall-ħidma amministrattiva ta' l-organizzazzjoni ta' produtturi;

(h)

spejjeż t’assigurazzjoni għat-trasport ta’ l-impjegati, għall-bini amministrattivi u għall-kontenut.

2.   L-organizzazzjoni ta' produttur għandha l-għażla li tifrex l-ispejjeż imsemmija fil-paragrafu 1 matul is-snin li magħtulhom tingħata l-għajnuna.

3.   L-ammont ta' spejjeż amministrattivi deskritti fil-paragrafu 1 irid jiġi stabbilit fuq il-bażi ta' dokumenti kummerċjali u tal-kontabilità li għandhom valur probatorju.

Artikolu 5

1.   L-ispejjeż msemmija fl-Artikolu 15(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 2792/1999 huma l-ispejjeż effetivament mħallsa mill-organizzazzjoni ta' produtturi għat-tfassil u implimentazzjoni tal-pjan ta' titjieb tal-kwalità approvat skond l-Artikolu 12 tar-Regolament(KE) Nru 104/2000, li jaqgħu taħt l-intestaturi li ġejjin:

(a)

spejjeż ta' studji preliminari, it-tfassil u l-emendi tal-pjan;

(b)

spejjeż li għalihom hemm referenza fl-Artikolu 4(1)(ċ), (d) u (e) ta' dan ir-Regolament;

(ċ)

spejjeż ta' miżuri ta’ tagħrif għall-membri dwar metodi ta' teknika u ħiliet għat-titjieb tal-kwalità;

(d)

spejjeż għat-twaqqif u ta' l-implimentazzjoni ta' sistema għall-kontroll ta' adempjament mal-miżuri adottati mill-organizzazzjoni għall-applikazzjoni tal-pjan ta' titjieb tal-kwalità.

2.   L-organizzazzjoni ta' produtturi għandha l-għażla li tifrex l-ispejjeż imsemmija fil-paragrafu 1 matul is-snin li magħtulhom tingħata l-għajnuna.

3.   L-ammont ta' spejjeż amministrattivi kif deskritti fil-paragrafu 1 irid jiġi stabbilit fuq il-bażi ta' dokumenti kummerċjali u tal-kontabilità, b’valur probatorju, li juru b'mod ċar li l-ispejjeż huma marbuta ma’ l-implimentazzjoni tal-pjan.

Artikolu 6

Fil-kaz ta' għajnuna deċiża mill-Istati Membri wara 1 ta' Jannar 2000 fuq il-bażi ta' l-Artikolu 7 u 7b tar-Regolament (KEE) Nru 3759/92, ir-radd lura tal-flus għandu jsir fil-kuntest tal-ipprogrammar tal-Fondi Strutturali għall-Istat membru konċernat għall-perjodu 2000 sa 2006.

Artikolu 7

Ir-Regolament (KE) Nru 908/2000 hu mħassar.

Referenzi għar-Regolament li ġie mħassar għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal dan ir-Regolament u għandhom jinqraw skond it-tabella ta’ korrelazzjoni fl-Anness II.

Artikolu 8

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 22 ta’ Diċembru 2006.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 337, 30.12.1999, p. 10. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 485/2005 (ĠU L 81, 30.3.2005, p. 1).

(2)  ĠU L 105, 3.5.2000, p. 15. Ir-Regolament kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 2438/2000. (ĠU L 280, 4.11.2000, p. 37).

(3)  Ara l-Anness I.

(4)  ĠU L 17, 21.1.2000, p. 22. Regolament emendat mill-Att ta’ Adeżjoni 2003.

(5)  ĠU L 388, 31.12.1992, p. 1. Ir-Regolament imħassar bir-Regolament (KE) Nru 104/2000.


ANNESS I

Regolament imħassar flimkien ma’ l-emendi tiegħu

Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 908/2000

(ĠU L 105, 3.5.2000, p. 15)

Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2438/2000

(ĠU L 280, 4.11.2000, p. 37)


ANNESS II

TABELLA TA’ KORRELAZZJONI

Regolament (KE) Nru 908/2000

Dan ir-Regolament

Artikolu 1

Artikolu 1

Artikolu 2

Artikolu 2

Artikolu 3

Artikolu 3

Artikolu 4

Artikolu 4

Artikolu 5

Artikolu 5

Artikolu 6 l-ewwel paragrafu

Artikolu 6 it-tieni paragrafu

Artikolu 6 it-tielet paragrafu

Artikolu 6

Artikolu 7

Artikolu 7

Artikolu 8

Anness I

Anness II