8.2.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

31


Corrigendum għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1968/2006 tal-21 ta' diċembru 2006 dwar kontribuzzjonijiet finanzjarji tal-komunità lill-fond internazzjonali għall-Irlanda (2007-2010)

( Ġurnal Uffiċjali ta'l-Unjoni Ewropea L 409 tat-30 ta' Diċembru 2006 )

Regolament (KE) Nru 1968/2006 għandu jaqra hekk:

REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 1968/2006

tal-21 ta' Diċembru 2006

dwar kontribuzzjonijiet finanzjarji tal-Komunità lill-Fond Internazzjonali għall-Irlanda (2007-2010)

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 308 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew,

Billi:

(1)

Il-Fond Internazzjonali għall-Irlanda (minn hawn 'il quddiem “il-Fond”) ġie stabbilit fl-1986 bil-Ftehim tat-18 ta' Settembru 1986 bejn il-Gvern ta' l-Irlanda u l-Gvern tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq dwar il-Fond Internazzjonali għall-Irlanda (minn hawn 'il quddiem “il-Ftehim”) sabiex jippromwovi avvanz ekonomiku u soċjali, u sabiex iħeġġeġ kuntatt, djalogu u rikonċiljazzjoni bejn nazzjonalisti u unjonisti ma' l-Irlanda kollha, fl-implimentazzjoni ta' wieħed mill-objettivi speċifikati mill-Ftehim Anglo-Irlandiż tal-15 ta' Novembru 1985.

(2)

Il-Komunità, waqt li tirrikonoxxi li l-objettivi tal-Fond huma riflessjoni ta' dawk segwiti minnha stess, ipprovdiet kontribuzzjonijiet finanzjarji lill-Fond mill-1989 'l hawn. Għall-perjodu 2005 sa l-2006 ġew allokati EUR 15-il miljun mill-baġit tal-Komunità għal kull waħda mis-snin 2005 u 2006 skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 177/2005 ta' l-24 ta' Jannar 2005 dwar kontribuzzjonijiet finanzjarji għall-Fond Internazzjonali għall-Irlanda (1). Dak ir-Regolament ser jiskadi fil-31 ta' Diċembru 2006.

(3)

Il-valutazzjonijiet imwettqa skond l-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 177/2005 kkonfermaw il-ħtieġa għal appoġġ ulterjuri għal attivitajiet tal-Fond, filwaqt li tissokta s-sinerġija ta' tisħiħ ta' objettivi u koordinazzjoni ma' l-interventi tal-Fondi Strutturali, b'mod partikolari mal-Programm Speċjali għall-Paċi u r-Rikonċiljazzjoni fl-Irlanda ta' Fuq u l-Pajjiżi Konfinali ta' l-Irlanda (minn hawn 'il quddiem “il-programm PEACE”) stabbilit skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1260/1999 tal-21 ta' Ġunju 1999 li jistipula dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fondi Strutturali (2).

(4)

Il-proċess ta' paċi fl-Irlanda ta' Fuq jeħtieġ kontinwazzjoni ta' appoġġ Komunitarju għall-Fond lil hinn mill-31 ta' Diċembru 2006. Bħala rikonoxximent ta' l-isforz speċjali għall-proċess ta' paċi, il-programm PEACE ġie allokat appoġġ addizzjonali mill-Fondi Strutturali għall-perjodu 2007 sa l-2013 skond il-paragrafu 22 ta' l-Anness II tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 li jistipula dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew ta' l-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta' Koeżjoni u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1260/1999.

(5)

Waqt il-laqgħa tiegħu fi Brussel fil-15 u s-16 ta' Diċembru 2005, il-Kunsill Ewropew stieden lill-Kummissjoni sabiex tieħu l-passi meħtieġa bil-ħsieb ta' appoġġ Komunitarju kontinwat għall-Fond hekk kif jidħol fil-fażi finali ta' xogħlu sa l-2010.

(6)

L-għan ewlieni ta' dan ir-Regolament hu li jappoġġa l-paċi u r-rikonċiljazzjoni permezz ta' firxa ta' attivitajiet usa' minn dawk koperti mill-Fondi Strutturali, u li testendi lil hinn mill-kamp ta' applikazzjoni tal-politika Komunitarja dwar il-koeżjoni ekonomika u soċjali.

(7)

Il-kontribuzzjoni tal-Komunità lill-Fond għandha tieħu s-sura ta' kontribuzzjonijiet finanzjarji għas-snin 2007, 2008, 2009 u 2010, u b'hekk tintemm fl-istess waqt li tintemm il-ħajja tal-Fond.

(8)

Fl-allokazzjoni tal-kontribuzzjonijiet tal-Komunità, il-Fond għandu jagħti prijorità lill-proġetti ta' natura transkonfinali u transkomunitarja, b'tali mod li jikkomplementa l-attivitajiet finanzjati mill-Programm PEACE għall-perjodu 2007 sa 2010.

(9)

Skond il-Ftehim, il-kontributuri finanzjarji kollha tal-Fond jipparteċipaw bħala osservaturi fil-laqgħat tal-Bord tal-Fond Internazzjonali għall-Irlanda.

(10)

Huwa essenzjali li tiġi żgurata koordinazzjoni xierqa bejn l-attivitajiet tal-Fond u dawk finanzjati taħt il-Fondi Strutturali tal-Komunità previsti mill-Artikolu 159 tat-Trattat, b'mod partikolari l-Programm PEACE.

(11)

L-assistenza mill-Fond għandha titqies bħala waħda effettiva biss sakemm jirnexxielha tiġġenera żvilupp ekonomiku soċjali sostenibbli u ma tintużax bħala sostitut għal infiq ieħor pubbliku jew privat.

(12)

Huwa meħtieġ li ssir valutazzjoni li tirrivedi d-dispożizzjonijiet ta' l-għeluq tal-Fond qabel l-1 ta' Lulju 2008.

(13)

F'dan ir-Regolament huwa inserit ammont finanzjarju ta' riferenza, fis-sens tal-Punt 38 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja u ġestjoni finanzjarja tajba (3) għat-tul taż-żmien kollu tal-programm, mingħajr preġudizzju għas-setgħat ta' l-awtorita baġitarja kif definiti mit-Trattat.

(14)

L-ammont tal-kontribuzzjoni tal-Komunità lill-Fond għandu jkun EUR 15-il miljun għal kull waħda mis-snin 2007, 2008, 2009, u 2010, espress f'valuri attwali.

(15)

L-istrateġija tal-Fond imniedi għall-fażi finali ta' l-attivitajiet tiegħu (2006-2010) u intitolata “Naqsmu dan l-Ispazju” tiffoka fuq erba' oqsma ewlenin: il-bini ta' pedamenti għal rikonċiljazzjoni fl-aktar komunitajiet marġinalizzati, il-bini ta' pontijiet għall-kuntatt bejn komunitajiet diviżi, progress lejn soċjetà aktar integrata u t-tramandar ta' patrimonju. Konsegwentement, l-għan aħħari tal-Fond u ta' dan ir-Regolament huwa, għalhekk, sabiex jinkoraġġixxi r-rikonċiljazzjoni inter-komunitarja.

(16)

L-appoġġ Komunitarju ser jikkontribwixxi sabiex isaħħaħ is-solidarjetà bejn l-Istati Membri u bejn il-popli tagħhom.

(17)

L-adozzjoni ta' dan ir-Regolament hija kkunsidrata meħtieġa sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-Komunità matul il-funzjonament tas-suq komuni. Ladarba t-Trattat ma jipprevedix speċifikament il-poteri meħtieġa, dan ir-Regolament għandu jkun adottat abbażi ta' l-Artikolu 308 tat-Trattat,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-ammont finanzjarju ta' referenza għall-implimentazzjoni tal-Fond Internazzjonali għall-Irlanda (minn hawn 'il quddiem “il-Fond”) għall-perjodu 2007-2010 għandu jkun ta' EUR 60 miljun.

L-approprjazzjonijiet annwali għandhom ikunu awtorizzati mill-awtorità baġitarja fi ħdan il-limitu tal-qafas finanzjarju.

Artikolu 2

Il-kontribuzzjoni għandha tintuża mill-Fond skond il-Ftehim tat-18 ta' Settembru 1986 bejn il-Gvern ta' l-Irlanda u l-Gvern tar-Renju Unit tal-Gran Brettanja u l-Irlanda ta' Fuq dwar il-Fond Internazzjonali għall-Irlanda (minn hawn 'il quddiem “il-Ftehim”).

Fl-allokazzjoni tal-kontribuzzjoni l-Fond għandu jagħti prijorità għal proġetti ta' natura transkonfinali u transkomunitarja, b'tali mod li jikkomplementa l-attivitajiet finanzjati mill-Fondi Strutturali, u speċjalment dawk tal-Programm PEACE li jopera fl-Irlanda ta' Fuq u l-Pajjiżi Konfinali ta' l-Irlanda.

Il-kontribuzzjoni għandha tintuża b'tali mod li twassal għal titjib sostenibbli ekonomiku u soċjali fl-oqsma kkonċernati. Hija m'għandhiex tintuża bħala sostitut għal infiq ieħor pubbliku jew privat.

Artikolu 3

Il-Kummissjoni għandha tirrappreżenta lill-Komunità bħala osservatur waqt il-laqgħat tal-Bord tal-Fond (minn hawn 'il quddiem “il-Bord”).

Il-Fond għandu jkun rappreżentat bħala osservatur fil-laqgħat tal-Kumitat tas-Sorveljanza tal-programm PEACE, u f'interventi oħrajn tal-Fondi Strutturali skond kif ikun xieraq.

Artikolu 4

Il-Kummissjoni għandha, f'koperazzjoni mal-Bord tal-Fond, tiddetermina proċeduri xierqa sabiex trawwem il-koordinazzjoni fil-livelli kollha bejn il-Fond u l-awtoritajiet ta' ġestjoni u l-korpi implimentattivi stabbiliti taħt l-interventi kkonċernati tal-Fondi Strutturali, b'mod partikolari taħt il-programm PEACE.

Artikolu 5

Il-Kummissjoni għandha, f'koperazzjoni mal-Bord tal-Fond, tiddetermina proċeduri adatti ta' pubbliċità u informazzjoni sabiex tiġi pubbliċizzata l-kontribuzzjoni tal-Komunità għall-proġetti ffinanzjati mill-Fond.

Artikolu 6

Sat-30 ta' Ġunju 2008 l-aktar tard, il-Fond għandu jippreżenta lill-Kummissjoni l-istrateġija tiegħu għall-għeluq ta' l-attivitajiet tal-Fond, inklużi:

(a)

pjan ta' azzjoni bi ħlasijiet proġettati u data prevista ta' konklużjoni;

(b)

proċedura ta' diżimpenn;

(ċ)

it-trattament ta' kwalunkwe ammont residwu u imgħax imħallas fl-għeluq tal-Fond.

Il-ħlasijiet sussegwenti lill-Fond huma kondizzjonali fuq l-approvazzjoni tal-Kummissjoni ta' l-istrateġija ta' l-għeluq. Jekk l-istrateġija ta' l-għeluq ma tiġix preżentata sat-30 ta' Ġunju 2008, il-ħlasijiet lill-Fond għandhom jiġu interrotti sa meta tiġi riċevuta l-istrateġija.

Artikolu 7

1.   Il-Kummissjoni għandha tamministra l-kontribuzzjonijiet.

Suġġett għall-paragrafu 2, il-kontribuzzjoni annwali għandha titħallas permezz tal-ħlasijiet li ġejjin:

(a)

l-ewwel ħlas bil-quddiem ta' 40 % għandu jsir wara li l-Kummissjoni tkun irċeviet garanzija, iffirmata mill-President tal-Bord tal-Fond, li tiddikjara li l-Fond għandu jikkonforma mal-kondizzjonijiet ta' l-għotja tal-kontribuzzjoni stabbilita f'dan ir-Regolament;

(b)

it-tieni ħlas bil-quddiem ta' 40 % għandu jsir sitt xhur wara;

(ċ)

ħlas finali ta' 20 % għandu jsir wara li l-Kummissjoni tkun irċeviet u aċċettat ir-rapport annwali dwar l-attività tal-Fond u l-kontijiet verifikati għas-sena in kwistjoni.

2.   Qabel ma tagħmel xi ħlas il-Kummissjoni għandha tagħmel stima tal-ħtiġijiet finanzjarji tal-Fond abbażi tal-bilanċ ta' flus kontanti tal-Fond fiż-żmien skedat għal kull ħlas. Jekk konsegwentement għal dik l-istima, il-ħtiġijiet finanzjarji tal-Fond ma jiġġustifikawx li jsir xi wieħed mill-ħlasijiet, il-ħlas konċernat għandu jkun sospiż. Il- Kummissjoni għandha tirrivedi d-deċiżjoni abbażi ta' informazzjoni ġdida mogħtija mill-Fond u għandha tkompli biħlasijiet ladarba jkunu kkunsidrati ġustifikati.

Artikolu 8

Tista' tiġi allokata kntribuzzjoni mill-Fond għal operazzjoni li tirċievi jew li tkun dovuta għajnuna finanzjarja taħt intervent tal-Fondi Strutturali fil-każ biss li s-somma ta' din l-għajnuna finanzjarja flimkien ma' 40 % tal-kontribuzzjoni mill-Fond ma teċċedix 75 % ta' l-ispejjeż totali eliġibbli ta' l-operazzjoni.

Artikolu 9

Għandu jitressaq rapport finali lill-Kummissjoni sitt xhur qabel id-data tal-konklużjoni prevista fl-istrateġija għall-għeluq fil-punt (a) ta' l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 6 jew sitt xhur wara l-aħħar ħlas mill-Komunità, skond liema minnhom isseħħ l-ewwel, u għandu jinkludi l-informazzjoni kollha meħtieġa li tippermetti lill-Kummissjoni sabiex tivvaluta l-implimentazzjoni ta' l-għajnuna u l-kisba ta' l-għanijiet.

Artikolu 10

L-aħħar sena ta' kontribuzzjoni għandha titħallas wara l-analiżi tal-ħtiġijiet finanzjarji msemmija fl-Artikoli 7(2) u sakemm il-prestazzjoni tal-Fond tirrispetta l-istrateġija prevista fl-Artikolu 6.

Artikolu 11

Id-data finali ta' eliġibbiltà tan-nefqa hija l-31 ta' Diċembru 2013.

Artikolu 12

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2007.

Għandu jiskadi fil-31 ta' Diċembru 2010.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u jkun direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 21 ta' Diċembru 2006.

Għall-Kunsill

Il-President

J. KORKEAOJA


(1)  ĠU L 30,3.2.2005, p. 1.

(2)  ĠU L 161, 26.6.1999, p. 1. Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 173/2005 (ĠU L 29, 2.2.2005, p. 3) u revokat u sostitwit bir-Regolament (KE) Nru 1083/2006 (ĠU L 210, 31.7.2006, p. 210) mill-1 ta' Jannar 2007.

(3)  ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.