1.8.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

517


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 1943/2006

tat-12 ta’ Diċembru 2006

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 876/2002 li jistabbilixxi l-Impriża Konġunta GALILEO

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 171 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (2),

Billi:

(1)

L-Impriża Konġunta Galileo ġiet stabbilita bir-Regolament (KE) Nru 876/2002 (3) tal-21 ta' Mejju 2002, għall-implimentazzjoni tal-fażi ta' żvilupp u għat-tħejjija tal-fażijiet suċċessivi tal-programm Galileo.

(2)

Ir-Regolament (KE) Nru 876/2002 jipprovdi li l-Impriża Konġunta Galileo tkun stabbilita għal perijodu ta' erba' snin, li jikkorrispondi għall-fażi ta' żvilupp, dan il-perijodu kien inizjalment maħsub li jkopri s-snin mill-2002 sa l-2005 inklużi.

(3)

Madankollu, skond kif inhu l-programm Galileo attwalment, il-fażi ta' żvilupp mhux ser tkun lesta qabel tmiem l-2008. Barra minn hekk, jidher li estensjoni ta' l-Impriża Konġunta Galileo lil hinn mill-2006 tkun inutli u għalja, billi l-Awtorità Ewropea ta' Sorveljanza tal-GNSS (*), stabbilita bir-Regolament (KE) Nru 1321/2004 (4) tat-12 ta' Lulju 2004 ser tkun tista' gradwalment tieħu kontroll, matul is-sena 2006, u mbagħad ittemm l-attivitajiet kollha li attwalment qed jitwettqu mill-Impriża Konġunta Galileo.

(4)

Sabiex l-Awtorità Ewropea ta' Sorveljanza tal-GNSS tkun tista' tieħu f'idejha l-attivitajiet ta' l-Impriża Konġunta Galileo bl-aħjar mod, huwa madankollu mixtieq li ż-żewġ strutturi jeżistu flimkien għal ftit xhur u li l-Awtorità Ewropea ta' Sorveljanza tal-GNSS tkun assoċjata mill-qrib ma' l-attivitajiet ta' l-Impriża Konġunta Galileo matul dan il-perijodu.

(5)

Għaldaqstant jidher raġonevoli li jkun previst li l-Impriża Konġunta Galileo tieqaf taħdem fil-31 ta' Diċembru 2006.

(6)

Barra minn hekk, sabiex jiġu kkoreġuti l-Istatuti ta' l-Impriża Konġunta Galileo adottati bir-Regolament (KE) Nru 876/2002, li fih diversi dispożizzjonijiet skorretti jew ambigwi, dawk l-Istatuti għandhom jiġu emendati.

(7)

Il-proċeduri ta' emendar rilevanti ġew segwiti skond ir-Regolament (KE) Nru 876/2002.

(8)

Ir-Regolament (KE) Nru 876/2002 għandu għalhekk jiġi emendat kif meħtieġ.

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fl-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 876/2002 il-frażi “għal perijodu ta' erba' snin” tiġi mibdula bil-frażi “sal-31 ta' Diċembru 2006”.

Artikolu 2

L-Istatuti ta' l-Impriża Konġunta Galileo annessi mar-Regolament (KE) Nru 876/2002 huma emendati kif ġej:

1)

L-Artikolu 1(4) qed jiġi mibdul bit-test li ġej:

“4.   Il-fondi ta' l-Impriża Konġunta għandhom jikkonsistu mill-kontribuzzjonijiet tal-membri tagħha. Jistgħu jiddaħlu assi in natura. Dawn għandhom ikunu suġġetti għal evalwazzjoni tal-valur tagħhom u l-utilità tagħhom fit-twettieq ta' l-attivitajiet ta' l-Impriża Konġunta.

Il-membri fundaturi għandhom jissottoskrivu l-ishma tagħhom tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji sal-limitu ta' l-ammonti indikati fl-impenji rispettivi tagħhom ta' EUR 520 miljun għall-Komunità Ewropea u EUR 50 miljun għall-Aġenżija Spazjali Ewropea. Dawn jistgħu, kif meħtieġ, jagħmlu kontribuzzjonijiet addizzjonali biex jiffinanzjaw il-fażi ta' żvilupp.

Malli l-Kummissjoni tkun infurmat lill-Kunsill bir-riżultat tal-proċedura tas-sejħa għall-offerti bl-appalt, il-Bord Amministrattiv għandu minnufih jistieden lill-impriżi msemmija fit-tieni inċiż tal-paragrafu 3(b) biex jissottoskrivu. L-impriżi huma meħtieġa li jissottoskrivu EUR 5 miljun fi żmien perjodu ta' sena. Dak l-ammont għandu jitnaqqas għal EUR 250 000 għal impriżi, li jissottoskrivu individwalment jew kollettivament, li jistgħu jitqiesu bħala intrapriżi żgħar jew ta' daqs medju skond it-tifsira tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' April 1996 dwar id-definizzjoni ta' intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (**).

Il-Bord Amministrattiv għandu jiddeċiedi dwar l-ammonti ta' dawn il-kontribuzzjonijiet li għandu jiġi rilaxxat fi proporżjon mas-sehem tal-kontribuzzjoni finanzjarja sottoskritta minn kull membru. Kull membru ta' l-Impriża Konġunta li jonqos milli jħares l-impenji tiegħu dwar id-dħul ta' l-assi in natura jew li ma jirrilaxxax l-ammont dovut fil-limiti ta' żmien preskritti għandu, bħala l-ewwel pass, jiġi skwalifikat milli jivvota fil-Bord Amministrattiv u, wara sitt xhur, is-sħubija għandha titħassar sa dak iż-żmien li obbligazzjonijiet tiegħu jkunu tħarsu.

L-impenji finanzjarji ta' l-Impriża Konġunta m'għandhomx jeċċedu l-ammont ta' kontribuzzjonijiet għad-dispożizzjoni tagħha.

(**)  ĠU L 107, 30.4.1996, p. 4.”"

2)

Fl-Artikolu 8(1)(b), it-tieni sentenza qed tiġi mibdula bis-sentenza li ġejja:

“Kull membru ta' l-Impriża Konġunta għandu jkollu numru ta' voti b'mod proporzjonat għas-sehem tal-kontribuzzjonijiet sottoskritti minnu.”;

3)

L-Artikolu 20 qed jiġi mibdul bit-test li ġej:

“Artikolu 20

L-Impriża Konġunta għandha tkun stabbilita għal perijodu li jibda fit-28 ta' Mejju 2002 u jintemm fil-31 ta' Diċembru 2006.”

Artikolu 3

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 12 ta’ Diċembru 2006.

Għall-Kunsill

Il-President

S. HUOVINEN


(1)  Opinjoni mogħtija fl-24 ta' Ottubru 2006 (għadha mhijiex pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Opinjoni mogħtija fit-12 ta' Ottubru 2006 (għadha mhijiex pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(3)  ĠU L 138, 28.5.2002, p. 1.

(*)  GNSS: Global Navigation Satellite Systems — Sistemi Globali għan-Navigazzjoni bis-Satellita.

(4)  ĠU L 246, 20.7.2004, p. 1.