30.12.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

9


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 1930/2006

ta' l-20 ta' Diċembru 2006

li jemenda l-Anness I tar-Regolament (KEE) Nru 2658/87 dwar in-nomenklatura tat-tariffi u ta' l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 26 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Billi:

(1)

Konsegwentement għan-negozjati fil-qafas ta' l-Uruguay Round saret dispożizzjoni fin-Nomenklatura Magħquda (NM), stabbilita fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 (1), għal eżenzjoni minn dazji tariffarji għal prodotti farmaċewtiċi regolati taħt il-Kapitolu 30 tan-NM.

(2)

Il-protezzjonijiet anti-aderenzjali sterili kirurġiċi jew dentali, kemm jekk assorbibbli kif ukoll jekk le, u apparati identifikabbli għall-użu ta' l-osotomija, huma attwalment klassifikati f'kapitoli varji tan-NM u huma suġġetti għal rata ta' dazju ta' 6,5 %. Madankollu, wara l-1 ta' Jannar 2007, huma għandhom jiġu kklassifikati fil-Kapitolu 30 tan-NM bħala riżultat ta' l-emendi fin-Nomenklatura mehmuża bħala anness mal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-Sistema ta' Deskrizzjoni u Kodifikazzjoni tal-Merċi, aċċettata permezz tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill għall-Koperazzjoni Doganali tas-26 ta' Ġunju 2004.

(3)

Għal raġunijiet ta' saħħa pubblika, huwa fl-interess tal-Komunità li testendi b'mod awtonomu għal dawk l-oġġetti l-eżenzjoni għal prodotti farmaċewtiċi regolati taħt il-Kapitolu 30 tan-NM. Dan għandu jsir permezz ta' sospensjoni ta' dmirijiet għal żmien indefinit.

(4)

Ir-Regolament (KEE) Nru 2658/87 għandu għalhekk jiġi emendat kif meħtieġ.

(5)

Ladarba l-emenda introdotta permezz ta' dan ir-Regolament għandha tiġi applikata mill-istess data tan-NM għall-2007, stabbilita fir-Regolament (KE) Nru 1549/2006 (2), dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ minnufiħ u għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2007.

(6)

Fid-dawl ta' l-importanza ekonomika ta' dan ir-Regolament, huwa meħtieġ li jiġu invokati r-raġunijiet ta' urġenza previsti fil-punt I.3 tal-Protokoll anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattati li jistabbilixxu l-Komunitajiet Ewropej dwar ir-rwol tal-parlamenti nazzjonali fl-Unjoni Ewropea,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

It-Taqsima VI, fil-Kapitolu 30 tat-Tieni Parti (Skeda ta' dazji doganali) ta' l-Anness I tar-Regolament (KEE) Nru 2658/87 hija b'dan emendata kif ġej:

1)

fl-entrata għall-kodiċi NM 3006 10 30, it-test fit-tielet kolonna għandu jinbidel b'dan li ġej:

“6,5 (*)

(*)  Dazju doganali sospiż fuq bażi awtonoma għal zmien indefinit.”."

2)

fl-entrata għall-kodiċi NM 3006 91 00, it-test fit-tielet kolonna għandu jinbidel b'dan li ġej:

“6,5 (**)

(**)  Dazju doganali sospiż fuq bażi awtonoma għal zmien indefinit.”."

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Għandu jibda japplika mill-1 ta' Jannar 2007.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Maghmul fi Brussel, l-20 ta' Diċembru 2006.

Ghall-Kunsill

Il-President

J. KORKEAOJA


(1)  ĠU L 256, 7.09.1987, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament (KE) Nru 1758/2006 (ĠU L 335, 1.12.2006, p. 1).

(2)  ĠU L 301, 31.10.2006, p. 1.