1.12.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

554


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 1877/2006

ta' 18 ta' Diċembru 2006

li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 878/2004 li jippreskrivi miżuri tranżitorji skond ir-Regolament (KE) Nru 1774/2002 għal ċerti prodotti sekondarji ta' annimali kklassifikati bħala materjali tal-Kategoriji 1 u 2 u maħsuba għal għanijiet tekniċi

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkundsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1774/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta’ Ottubru 2002 li jippreskrivi regoli tas-saħħa li jirrigwardaw prodotti sekondarji ta’ l-annimali mhux maħsuba għall-konsum uman (1), u partikolarment l-Artikoli 4(4), 5(4) u 32(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 1774/2002 jippreskrivi regoli sanitarji li jirrigwardaw prodotti sekondarji ta’ l-annimali mhux maħsuba għall-konsum mill-bniedem. Dak ir-Regolament jiddefinixxi l-prodotti sekondarji ta' l-annimali bħala materjali tal-Kategoriji 1,2 u 3, skond ir-riskju li jirrappreżentaw dawn il-prodotti.

(2)

Skond dak ir-Regolament, il-prodotti sekondarji ta' l-annimali għajr dawk il-materjali fil-Kategorija 1 jew 3 huma definiti bħala materjal tal-Kategorija 2, irrispettivament minn kwalunkwe kunsiderazzjoni oħra fir-rigward tar-riskju li dawn il-prodotti jirrappreżentaw. L-użu permess ta' prodotti sekondarji ta' l-annimali għal skopijiet ta' għalf jiddependi fuq jekk dan il-materjal huwiex definit bħala materjal tal-Kategorija 1, 2, jew 3. Filwaqt li ċertu materjal tal-Kategorija 3 jista' jintuża għal skopijiet ta' għalf, il-materjal tal-Kategorija 2 ġeneralment jiġi eskluż minn użu bħal dan.

(3)

Madankollu, ċerti prodotti sekondarji ta' l-annimali li jistgħu jitqiesu li għandhom riskju baxx ma jaqgħux fid-definizzjoni tal-materjal tal-Kategorija 3 fir-Regolament (KE) Nru 1774/2002. Awtomatikament, id-definizzjoni ta' dan il-materjal bħala materjal tal-Kategorija 2 ma tikkorrispondix mar-riskji li dawn il-prodotti jirrappreżentaw.

(4)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 878/2004 li jippreskrivi miżuri tranżitorji skond ir-Regolament (KE) Nru 1774/2002 għal ċerti prodotti sekondarji ta' annimali kklassifkati bħala materjali ta' Kategorija 1 u 2 u maħsuba għal għanijiet tekniċi (2) ġie adottat sabiex jippermetti l-issuktar tat-tqegħid fis-suq, l-esportazzjoni, l-importazzjoni u t-tranżitu ta' ċerti prodotti sekondarji ta' l-annimali definiti bħala materjal tal-Kategoriji 1 u 2, maħsuba esklussivament għal użi tekniċi

(5)

Ir-Rapport dwar il-prodotti sekondarji ta' l-annimali (3) adottat mill-Kummissjoni fil-21 ta' Ottubru 2005 u ppreżentat lill-Kunsill fl-24 ta' Ottubru 2005 jirrifletti d-diffikultajiet li jirrigwardaw id-definizzjoni ta' ċertu materjal bħala materjal tal-Kategorija 2 u jipprevedi għadd ta' emendi għar-Regolament (KE) Nru 1774/2002 matul ir-reviżjoni ta' dik il-leġiżlazzjoni skedata li tibda fi tmiem l-2006.

(6)

Sakemm isiru dawk l-emendi għandu jkun possibbli l-użu ta' ċerti prodotti sekondarji ta' l-annimali b'riskju baxx, li bħalissa jinsabu definiti bħala materjal tal-Kategorija 2, għal ċertu tip ta' għalf u għal skopijiet tekniċi. Għaldaqstant, l-ambitu tar-Regolament (KE) Nru 878/2004 għandu jitwessa' sabiex jippermetti l-użu ta' ċertu materjal tal-Kategorija 2 b'riskju baxx għall-manifattura ta' prodotti tekniċi u għal ċerti użi bħala għalf.

(7)

Ir-Regolament (KE) Nru 878/2004 għandu għalhekk jiġi emendat skond dan.

(8)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma konformi ma' l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa ta' l-Annimali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 878/2004 huwa emendat kif ġej:

(1)

It-titolu jinbidel b'dan li ġej:

“Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 878/2004 tad-29 ta' April 2004 li jippreskrivi miżuri tranżitorji għal ċerti prodotti sekondarji ta' l-annimali ddefiniti bħala materjali tal-Kategoriji 1 u 2, skond ir-Regolament (KE) Nru 1774/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill”

(2)

L-Artikolu 1 jinbidel b'dan li ġej:

“Artikolu 1

Ambitu

1.   Dan ir-Regolament għandu japplika għall-prodotti sekondarji ta' annimali li ġejjin, iddefiniti bħala materjal tal-Kategorija 1 jew 2 fir-Regolament (KE) Nru 1774/2002 u maħsuba esklussivament għal użi tekniċi:

(a)

ġlud (hides u skins) idderivati minn annimali li ġew ittrattati b'sustanzi li huma pprojbiti skond id-Direttiva 96/22/KE (*);

(b)

xaħmijiet rendered idderivati minn materjali tal-Kategorija 1 prodotti permezz tal-Metodu 1 kif imsemmi fil-Kapitolu III ta' l-Anness V tar-Regolament (KE) Nru 1774/2002, u, fil-każ tax-xaħmijiet rendered minn annimali li jixtarru, ġew ippurifikati biex il-livell massimu tat-total ta' impuritajiet insolubbli jibqa' ma jeċċedix 0,15 % tal-piż, u derivattivi ta' xaħam idderivat li jissodisfaw għall-inqas l-istandards isemmija fil-Kapitolu III ta' l-Anness VI tar-Regolament (KE) Nru 1774/2002;

(c)

intestini ta' annimali li jixtarru (bil-kontenut jew mingħajru); kif ukoll

(d)

għadam u prodotti ta' l-għadam li jkun fihom il-kolonna vertebrali u l-kranji, u qrun ta' annimali ta' l-ifrat li kienu tneħħew mill-kranju permezz ta' metodu li ħalla l-kavità tal-kranju intatta.

Madankollu, dan ir-Regolament ma għandux japplika għal prodotti sekondarji ta' l-annimali dderivati mill-annimali msemmija fl-Artikolu 4(1)(a)(i) u (ii) tar-Regolament (KE) Nru 1774/2002

2.   Dan ir-Regolament għandu japplika għall-prodotti sekondarji ta' l-annimali li ġejjin, iddefiniti bħala materjal tal-Kategorija 2 fir-Regolament (KE) Nru 1774/2002 skond l-Artikolu 5(1)(g) ta' dak ir-Regolament, li huma maħsuba biex jintemgħu lill-annimali għajr annimali terrestri tar-razzett, biex jintemgħu lil annimali li jitrabbew għall-fer jew għal użi tekniċi, inkluż bħala lixka fis-sajd.

(a)

invertebrati terrestri għajr speċi patoġeniċi għall-annimali jew għall-bnedmin, inklużi kwalunkwe mill-għamliet li jittrasformaw fihom, bħal-larvi;

(b)

annimali akkwatiċi, għajr mammali tal-baħar, jekk mhux dawk li joriġinaw mill-akkwakultura;

(c)

annimali ta' l-akkwakultura mrobbija speċifikament bl-iskop li jintużaw bħala lixka fis-sajd, sakemm il-lixka ma tintużax fl-akkwakultura mingħajr ma tiġi pproċessata qabel;

(d)

annimali li jinsabu fl-ordnijiet żooloġiċi Rodentia u Lagomorpha, inklużi dawk miżmuma bħala annimali mrobbija għall-produzzjoni ta' prodotti li joriġinaw mill-annimali; kif ukoll

(e)

prodotti dderivati mill-annimali msemmija f'(a) sa (d) jew prodotti minnhom, bħall-bajd tal-ħut, iżda minbarra għalf mitħun idderivat mill-annimali msemmija f'(d).

(*)  ĠU L 125, 23. 5.1996, p. 3.”"

(3)

L-Artikolu 1a li jmiss jiddaħħal:

“Artikolu 1a

Deroga rigward dokumenti kummerċjali u ċertifikati sanitarji

B'deroga mill-punt 1 tal-Kapitolu III ta' l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1774/2002, prodotti sekondarji ta' l-annimali msemmija fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament preżenti jistgħu jiġu forniti minn bejjiegħa lill-utenti aħħarija, għajr in-negozjanti, mingħajr ma jkunu akkumpanjati b'dokument kummerċjali matul it-trasport jew, meta rikjest mir-Regolament (KE) Nru 1774/2002, minn ċertifikat sanitarju.”

(4)

Fit-tieni sentenza ta' l-Artikolu 2, ir-referenza għall-“punti (c) u (d) ta' l-Artikolu 1” tinbidel b'referenza għall-“punti (c) u (d) ta' l-Artikolu 1(1)”.

(5)

Fit-tieni sentenza ta' l-Artikolu 3, ir-referenza għall-“punt (a) ta' l-Artikolu 5” tinbidel b'referenza għall-“paragrafi (1) jew (2) ta' l-Artikolu 5, skond liema jkun xieraq”.

(6)

L-aħħar sentenza ta' l-Artikolu 4(2) tinbidel b'dan li ġej:

“Fir-rigward tal-prodotti sekondarji ta' l-annimali msemmija fl-Artikolu 1(1), kunsinni importati u kunsinni fi tranżitu għandhom ikunu diretti skond il-proċedura ta' monitoraġġ ipprovduta fl-Artikolu 8 (4) tad-Direttiva tal-Kunsill 97/78/KE (**)

(**)  ĠU L 24, 30.1.1998, p. 9.”."

(7)

L-Artikolu 5 jinbidel b'dan li ġej:

“Artikolu 5

Rekwiżiti ta' tikkettar, twassil, żamma tar-reġistri u trattament

1.   Barra mir-rekwiżiti ta' identifikazzjoni pprovduti fil-Kapitolu I tal l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1774/2002, il-pakketti kollha ta' prodotti sekondarji ta' l-annimali msemmija fl-Artikolu 1(1) ta' dan ir-Regolament għandu jkollhom tikketta li tindika ‘IPPROJBIT FL-IKEL, L-GĦALF, IL-FERTILIZZATURI, IL-KOŻMETIĊI, IL-PRODOTTI MEDIĊINALI U L-ISTRUMENTI MEDIĊI’.

Madankollu, fil-każ ta' prodotti sekondarji ta' l-annimali maħsuba għal prodotti mediċinali f'konformità mal-leġiżlazzjoni Komunitarja, tista' tintuża tikketta differenti li għandha tindika ‘MAĦSUB GĦAL PRODOTTI MEDIĊINALI BISS’.

2.   Il-pakketti kollha tal-prodotti sekondarji ta' l-annimali msemmija fl-Artikolu 1(2) għandu jkollhom tikketta li tindika ‘MHUX GĦALL-KONSUM MILL-BNIEDEM’, sakemm ma jitilqux f'pakketti lesti għall-bejgħ li jindikaw li l-kontenut huwa maħsub għat-tmigħ lill-annimali domestiċi biss jew għall-użu bħala lixka fis-sajd.

3.   Il-prodotti sekondarji ta' l-annimali msemmija fl-Artikolu 1 ta' dan ir-Regolament għandhom jitwasslu lil impjant tekniku speċjalizzat fl-użu ta' materjali bħal dawn u li ġie approvat skond l-Artikolu 18(1) tar-Regolament (KE) Nru 1774/2002.

Il-prodotti sekondarji ta' l-annimali msemmija fl-Artikolu 1(2) jistgħu jitwasslu wkoll:

(a)

lil impjant intermedju approvat skond l-Artikolu 10(1) tar-Regolament (KE) Nru 1774/2002;

(b)

lil impjant għall-ħżin approvat skond l-Artikolu 11(1) tar-Regolament (KE) Nru 1774/2002;

(c)

lil impjant li jipproduċi l-għalf għall-annimali domestiċi approvat skond l-Artikolu 18(1) tar-Regolament (KE) Nru 1774/2002;

(d)

lil ażjenda jew stabbiliment li jżommu l-annimali skond ir-rekwiżiti msemmija fl-Artikolu 23(2)(c) tar-Regolament (KE) Nru 1774/2002.

(e)

lill-post tal-manifattura jew l-istabbiliment tal-manifattura, skond kif ikun xieraq, ta'

(i)

prodotti kożmetiċi skond id-Direttiva tal-Kunsill 76/768/KEE tas-27 ta’ Lulju 1976 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu mal-prodotti kosmetiċi (***)

(ii)

prodotti mediċinali veterinarji skond id-Direttiva 2001/82/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Novembru 2001 dwar il-kodiċi tal-Komunità rigward il-prodotti mediċinali veterinarji (****)

(iii)

prodotti mediċinali skond id-Direttiva 2001/83/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Novembru 2001 dwar il-kodiċi tal-Komunità li għandu x’jaqsam ma’ prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem (*****)

(iv)

tagħmir mediku skond id-Direttiva tal-Kunsill 93/42/KEE ta' l-14 ta' Ġunju 1993 dwar it-tagħmir mediku (******) jew

(v)

tagħmir djanjostiku in-vitro skond id-Direttiva 98/79/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Ottubru 1998 dwar il-mezzi mediċi dijanjostiċi in vitro (*******); jew

(f)

direttament għall-bejgħ fil-ħwienet fejn il-prodotti sekondarji ta' l-annimali jkunu:

(i)

mibgħuta f'pakketti lesti għall-bejgħ b'tikketta li jkollha indikazzjoni ċara li l-kontenut huwa maħsub biss għal:

it-tmigħ lill-annimali domestiċi; jew bħala lixka fis-sajd

(ii)

imnixxef permezz ta' trattament li huwa suffiċjenti biex joqtol l-organiżmi patoġeniċi, inkluż is-salmonella; jew

(iii)

fil-każ ta' prodotti sekondarji msemmija fl-Artikolu 1(2)(b), (c) u, fir-rigward tar-Rodentia, (d) iffriżat;

Mingħajr ħsara għar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 811/2003 tat-12 ta' Mejju 2003 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1774/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward il-projbizzjoni ta’ riċiklaġġ intra-speċje għall-ħut, id-dfin u l-ħruq ta’ prodotti sekondarji ta’ l-annimali u ċerti miżuri tranżitorji (********), il-prodotti sekondarji ta' l-annimali msemmija fl-Artikolu 1(2)(b) ta' dan ir-Regolament jistgħu jitwasslu wkoll għall-użu bħala materjal ta' għalf lil ażjenda jew stabbiliment li jżomm l-annimali akkwatiċi.

4.   Is-sid, l-operatur jew ir-rappreżentant ta' l-impjanti, l-ażjendi jew l-istabbilimenti msemmija fil-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu għandhom:

(a)

Iżommu reġistri skond l-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 1774/2002;

(b)

Jiżguraw li l-prodotti sekondarji ta' l-annimali jkunu soġġetti, fejn ikun xieraq, għal trattament li jissodisfa l-awtorità kompetenti f'mod li l-materjal li jirriżulta ma jirrappreżentax riskju għas-saħħa ta' l-annimali u dik pubblika;

(c)

Jibagħtu jew jużaw ulterjorment il-prodotti sekondarji ta' l-annimali esklussivament għall-iskopijiet awtorizzati mill-awtorità kompetenti.

(***)  ĠU L 262, 27.9.1976, p. 169, kif l-aħħar emendata bid-Direttiva (KE) Nru 2005/80 (ĠU L 303, 22.1.2005, p. 32)."

(****)  ĠU L 311, 28.11.2001, p. 1, kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 2004/28/KE (ĠU L 136, 30.4.2004, p. 58)."

(*****)  ĠU L 311, 28.11.2001, p. 67, kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2003/63/KE (ĠU L 159, 27.6.2003, p. 46)."

(******)  ĠU L 169, 12.7.1993, p. 1, kif emendata l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1882/2003 (ĠU L 284, 31.10.2003, p. 1)."

(*******)  ĠU L 331, 7.12.1998, p. 1, kif emendata l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1882/2003 (ĠU L 284, 31.10.2003, p. 1)."

(********)  ĠU L 117, 13.5.2003, p. 14.”"

(8)

Fl-Artikolu 7(b) ir-referenza għall-“Artikolu 5(c)” tinbidel b'referenza għall-“Artikolu 5(3)”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet ġurnata wara dik tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 18 ta' Diċembru 2006.

Għall-Kummissjoni

Markos KYPRIANOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 273, 10.10.2002, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 208/2006 (ĠU L 36, 8.2.2006, p. 25).

(2)  ĠU L 162, 30.4.2004, p. 62.

(3)  COM (2005)521 Finali.