10.12.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

125


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 1741/2006

tal-24 ta' Novembru 2006

li jistipula l-kundizzjonijiet li taħthom tingħata r-rifużjoni speċjali ta’ esportazzjoni fir-rigward ta’ laħam dissussat ta' annimali tal-ifrat adulti maskili li jitqiegħu taħt il-proċedura ta’ ħażna doganali qabel l-esportazzjoni [traduzzjoni mhux uffiċjali]

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1254/1999 tas-17 ta' Mejju 1999 dwar l-organizzazzjoni tas-suq taċ-ċanga u l-vitella (1) u b'mod partikolari l-Artikolu 33(12) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1964/82 tal-20 ta' Lulju 1982 li jistipula l-kundizzjonijiet li taħthom tingħata r-rifużjoni speċjali ta’ esportazzjoni fuq ċerti qatgħat ta' laħam dissussat ta' annimali tal-ifrat (2) jistipula l-kundizzjonijiet li taħthom tingħata rifużjoni speċjali fuq qatgħat ta' laħam ta' annimali tal-ifrat adulti maskili esportati lejn pajjiżi terzi.

(2)

Għat-tħaddim mingħajr xkiel tal-arranġamenti stabbilit bir-Regolament (KEE) Nru 1964/82, il-leġiżlatur ipprovdut b'mod partikolari għall-possibbiltà għall-operaturi biex jagħmlu użu, fil-każ ta' laħam bil-għadam ta' annimali tal-ifrat adulti maskili, mill-proċedura ta' ħżin doganali jew proċedura ta' żona ħielsa pprovduti fir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 565/80 tal-4 ta' Marzu 1980 fuq il-ħlas bil-quddiem ta’ rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni rigward prodotti agrikoli (3).

(3)

Ir-regoli u l-kundizzjonijiet ġenerali sabiex japplika l-ħlas bil-quddiem tar-rifużjoni fuq il-prodotti mqiegħda taħt il-proċedura ta' ħżin doganali jew proċedura ta' żona ħielsa huma stipulati fil-Kapitolu 3 tat-Titlu II tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 800/1999 tal-15 ta' April 1999 li jistabbilixxi regoli komuni dettaljati għall-applikazzjoni tas-sistema ta' rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni ta' prodotti agrikoli (4).

(4)

Il-kundizzjonijiet speċifiċi biex japplika l-ħlas bil-quddiem fuq il-laħam dissussat tal-annimali tal-ifrat adulti maskili mqiegħda taħt il-proċedura ta' ħżin doganali jew proċedura ta' żona ħielsa huma stipulati taħt ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 456/2003 li jistabbilixxi regoli speċjali għal-pre-finanzjament tar-rifużjoni ta’ l-esportazzjoni għal ċerti prodotti taċ-ċanga u l-vitella mqiegħda taħt il-proċedura tal-magazzinaġġ [ħżin] doganali jew ta’ żona ħielsa (5). Kienu adottati sabiex isaħħu u jiċċaraw id-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti (KEE) Nru 565/80 u (KE) Nru 800/1999, b'mod partikolari fir-rigward tal-kontrolli, għal-laħam dissussat tal-annimali tal-ifrat adulti maskili.

(5)

Il-miżuri li ġew introdotti bir-Regolament (KEE) Nru 565/80 u l-miżuri ta' implimentazzjoni korrispondenti stipulati fil-Kapitolu 3 tat-Titlu II tar-Regolament (KE) Nru 800/1999 tħassru bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1713/2006. Minħabba t-tħassir ta' dawn il-miżuri, il-miżuri speċifiċi stipulati fir-Regolament (KE) Nru 456/2003 tqiesu skaduti u ġew imħassra wkoll.

(6)

Il-ħlas bil-quddiem tar-rifużjoni fuq laħam dissussat tal-annimali tal-ifrat adulti maskili taħt il-proċedura ta' ħżin doganali jew proċedura ta' żona ħielsa kien u għadu użat għall-esportazzjonijiet lejn pajjiżi terzi. L-interess li wrew l-operaturi f'din is-sistema hu b'mod partikolari minħabba l-flessibbiltà li toffri għall-preprazzjonijiet tal-ordnijiet, speċjalment il-possibbiltà li għandhom l-operaturi biex jaħżnu l-laħam sa perjodu massimu ta' erba' xhur qabel ma ssir l-esportazzjoni u li jiffriżawh matul il-perjodu ta' ħżin intermedju.

(7)

Fin-nuqqas ta' dispożizzjonijiet ġodda, l-operaturi jitilfu l-flessibbiltà provduta mill-proċedura preċidenti u jiltaqgħu ma' diffikultajiet ulterjuri fis-swieq esterni biex jesportaw laħam dissussat ta' annimali tal-ifrat adulti maskili. Il-konsegwenzi tat-tħassir ta' dawk il-miżuri għandhom ikunu ristretti kemm jista' jkun. Sabiex jinkiseb dan, l-operaturi għandhom ikunu jistgħu jkomplu jqiegħdu laħam dissussat ta' annimali tal-ifrat adulti maskoli taħt il-proċedura ta' ħżin doganali jew proċedura ta' żona ħielsa qabel l-esportazzjoni, u għandhom jiġu stipulati l-kundizzjonijiet li taħthom tingħata r-rifużjoni speċjali fuq dan il-laħam meta jiġi esportat wara li jkun inħażen.

(8)

F'dan il-qafas, hu essenzjali li jiġu speċifikati l-kundizzjonijiet tal-laħam li jidħol fir-reġim u, sabiex tiġi żgurata t-traċċibbiltà tal-laħam tal-annimali tal-ifrat adulti maskili matul il-ħżin, għandha ssir dispożizzjoni lill-operaturi sabiex jistabbilixxu u jaġġornaw dejtabejż kompjuterizzata li tkun approvata minn qabel mill-awtorità doganali.

(9)

Sabiex titjieb it-trasparenza tat-tħaddim u jitħaffef ir-ritmu u tiżdied l-effikaċja tal-kontrolli, l-għadd ta' dikjarazzjonijiet għal ħżin li jistgħu jitressqu għal kull operazzjoni ta' dissussar u l-għadd ta' ċertifikati ta' laħam dissussat involuti fl-arranġamenti tal-ħżin taħt superviżjoni għandhom ikunu ristretti.

(10)

Għat-tħaddim bla xkiel tar-reġim, għandha ssir dispożizzjoni għad-derogi mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1291/2000 tad-9 ta' Ġunju 2000 li jistabbilixxi regoli dettaljati komuni għall-applikazzjoni tas-sistema tal-liċenzji tal-importazzjoni u fuq l-esportazzjoni u ta' ċertifikati ta' iffissar bil-quddiem għal prodotti agrikoli (6), b'mod partikoari fir-rigward fil-mument meta l-liċenzji jiġu ppreżentati u attribwiti u l-immaniġġar tas-sigurtà assoċjata.

(11)

Il-perjodu massimu ta' ħżin għandu wkoll jiġi stipulat kif ukoll l-operazzjonijiet li jistgħu jsiru matul il-perjodu speċifikat.

(12)

Għandhom jiġu stipulati wkoll il-kriterji tal-kontrolli matul il-perjodu ta' ħżin, u fl-eventwalità ta' diskrepanzi bejn id-dejta rreġistrata fid-dejtabejż u l-istokks attwali speċifikati għandhom jissemmew il-frekwenza u l-konsegwenzi tagħhom.

(13)

Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat ta' Ġestjoni taċ-Ċanga u l-Vitella,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ambitu

Bla ħsara għar-Regolament (KE) Nru 800/1999 u għar-Regolament (KEE) Nru 1964/82, il-ħlas tar-rifużjoni speċjali ta’ esportazzjoni fir-rigward ta’ laħam dissussat ta' annimali tal-ifrat adulti maskili li jitqiegħdu taħt il-proċedura ta’ ħażna doganali qabel l-esportazzjoni għandu jkun soġġett għall-kundizzjonijiet stipulati f'dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament:

(a)

“prodotti magħmulin mil-laħam dissussat tal-annimali tal-ifrat adulti maskili” tfisser prodotti li jaqgħu taħt il-kodiċi 0201 30 00 9100 and 0201 30 00 9120 tan-nomenklatura ta' prodotti agrikoli għar-rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni stabbiliti bir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 3846/87 (7);

(b)

“proċedura ta' ħżin doganali” tfisser il-proċedura kif imfissra fl-Artikolu 98(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 (8);

(c)

“operatur” tfisser l-esportatur kif imfisser fl-Artikolu 2(1)(i) tar-Regolament (KE) Nru 800/1999;

(d)

“operazzjoni ta' dissussar” tfisser il-laħam dissussat f'ġurnata waħda jew f'parti mill-ġurnata;

(e)

“ċertifikat ta' laħam dissussat” tfisser ċertifikat imsemmi fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament (KEE) Nru 1964/82.

Artikolu 3

Tqegħid taħt il-proċedura ta' ħżin doganali

1.   It-tqegħid tal-laħam dissussat tal-annimali tal-ifrat adulti maskili taħt il-proċedura tal-ħżin doganali għandu jkun kundizzjonali fuq il-ħruġ ta' awtorizzazzjoni bil-miktub mill-awtorità doganali responsabbli mill-maniġment u l-kontroll tal-iskema.

2.   L-awtorizzazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tinħareġ biss lill-operaturi li jagħtu impenn bil-miktub li se jżommu dejtabejż kompjuterizzata tal-prodotti mqegħdin taħt il-proċedura ta' ħżin doganali (minn hawn 'il quddiem id-dejtabejż) u sabiex tiżgura li l-ħżin se jsir biss mill-Istat Membru li fih inħarġet l-awtorizzazzjoni u fil-postijiet koperti minn din l-awtorizzazzjoni. Meta l-prodotti huma maħżuna f'iktar minn post wieħed, l-awtorizzazzjoni tista' tingħata għal dejtabejż ta' kull maħżen.

Meta l-oġġetti kollha jew parti minnhom jinħażnu minn parti terza li taġixxi f'isem l-operatur, id-dejtabejż tista' tinżamm minn dik it-terza persuna fuq ir-responsabbiltà tal-operatur, li jibqa' jintalab jagħti kont dwar l-eżattezza tagħha.

L-awtorità doganali għandha tagħmel verifiki bil-quddiem ħalli tassigura li d-dejtabejż, li għaliha l-awtorità għandu jkollha aċċess dirett mingħajr il-ħtieġa ta' notifika bil-quddiem, tkun ġiet stabbilita u tkun operazzjonali. L-awtorizzazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tistipula l-proċedura għall-aċċess tad-dejtabejż.

Artikolu 4

Tqegħid fil-ħażna

1.   L-operaturi li tkun inħarġitilhom l-awtorizzazzjoni msemmija fl-Artikolu 3(1) għandhom iressqu dikjarazzjoni tal-ħżin lill-awtorità doganali li tiddikjara l-ħsieb tagħhom li jqiegħdu laħam dissussat frisk u mkessaħ tal-annimali tal-ifrat adulti maskili taħt il-proċedura doganali sakemm jiġi esportat. Dik id-dikjarazzjoni tista' titressaq biss fl-Istat Membru li fih tkun saret l-operazzjoni tad-dissussar.

Id-dikjarazzjoni għandha tinkludi deskrizzjoni tal-prodotti skont il-kodiċi tan-nomenklatura tar-rifużjoni fuq l-esportazzjoni tal-laħam li għandhom jitqiegħdu taħt dak ir-reġim, il-piż nett tagħhom u d-dejta kollha mitluba għall-identifikazzjoni preċiża tal-laħam u l-positjiet li fihom se jinħażen sakemm jiġu esportati.

Magħha għandu/hom jiġi/u mehmuż/a ċ-ċertifikat(i) tal-laħam dissussat u kopja Nru 1 tal-liċenzja tal-esportazzjoni li tkun valida dak iż-żmien, permezz ta' deroga mill-Artikoli 24(1) u (2) tar-Regolament (KE) Nru 1291/2000, għandha tiġi ppreżentata lill-awtorità doganali flimkien mad-dikjarazzjoni tal-ħżin.

2.   Jistgħu jiġu aċċettati sa massimu ta' żewġ dikjarazzjonijiet tal-ħżin taħt is-superviżjoni tad-dwana għal kull operazzjoni tad-dissussar. F'dikjarazzjoni tal-ħżin jistgħu jissemmew sa massimu ta' żewġ ċertifikati ta' laħam dissussat.

3.   Fid-dikjarazzjoni tal-ħżin għandhom jiddaħħlu d-data ta' aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni tal-ħżin, in-numru taċ-ċertifikati ta' laħam dissussat fuq il-laħam dissussat tal-annimali tal-ifrat adulti maskili meta jitqiegħdu taħt il-proċedura ta' ħżin doganali, l-għadd ta' kaxxi għal kull tip ta' qatgħa, l-identifikazzjoni tad-dettalji u l-piż ta' dan il-laħam.

L-informazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu għandha tiddaħħal b'tali mod li tkun stabbilita rabta ċara bejn il-laħam differenti maħżun u ċ-ċertifikati korrispondenti.

Id-data ta' aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni tal-ħżin, il-piż tal-laħam u n-numru tad-dikjarazzjonijiet ta' ħżin għandhom jiddaħħlu immedjatament fil-kaxxi nru 10 u 11 taċ-ċertifikat tal-laħam dissussat.

4.   Id-dikjarazzjonijiet tal-ħżin għandhom jintbagħtu permezz ta' mezzi amministrattivi lill-entità responsabbli mill-ħlas tar-rifużjoni fuq l-esportazzjoni. L-istess għandu japplika għaċ-ċertifikati tal-laħam dissussat li ġew attribwiti għall-kwantitajiet kollha disponibbli ta' laħam.

5.   Wara li jiġi attribwit u approvat mill-awtorità doganali, il-kopja Nru 1 tal-liċenzja għandha tintbagħat lura lill-operatur.

6.   B'deroga mill-Artikolu 31(b) tar-Regolament (KE) Nru 1291/2000, fil-każ ta' laħam dissussat tal-annimali tal-ifrat adulti maskili mqiegħed taħt il-proċedura ta' ħżin doganali qabel ma jiġi esportat, l-obbligu tal-esportazzjoni għandu jitqies onorat u d-dritt tal-esportazzjoni taħt il-liċenzja jew ċertifikat għandu jitqies li jkun sar dakinhar li tiġi aċċettata d-dikjarazzjoni tal-ħżin. Ir-rekwiżit primarju għandu jitqies sodisfatt meta tkun pprovduta l-prova tal-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni tal-ħżin. Għall-għoti tal-prova, l-Artikoli 33 u 35 tar-Regolament (KE) Nru 1291/2000 għandhom japplikaw mutatis mutandis kif inhu xieraq.

7.   Id-data tal-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni tal-ħżin għandha tiddetermina t-tip, il-kwantità u l-karatteritiċi tal-prodotti magħżula għall-ħlas tar-rifużjoni skont l-Artikolu 10.

8.   Il-laħam dissussat tal-annimali tal-ifrat adulti maskili li għalih tkun ħarġet dikjarazzjoni ta' ħżin li tkun ġiet aċċettata hu soġġett għal verifika fiżika li jkollha x'taqsam ma' għażla rappreżentattiva ta' għallanqas 5 % tad-dikjarazzjonijiet aċċettati ta' ħżin.

L-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 386/90 (9) u l-Artikolu 2(2), l-Artikoli 3, 4, 5 u 6, l-Artikoli 8(1) u (2), l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 11 u l-Anness I tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2090/2002 (10) għandhom japplikaw mutatis mutandis.

B'deroga mill-ewwel subparagrafu, il-verifika fiżika tista' tkopri perċentwal iżgħar ta' dikjarazzjonijiet ta' ħżin li jkunu ġew aċċettati, imma mhux inqas minn 2 %, fejn l-awtorità doganali tuża analiżi tar-riskju li jqis il-kriterji pprovduti fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 3122/94 (11).

Artikolu 5

Traċċabbiltà tal-laħam

Id-dejtabejż għandha:

(a)

tippermetti li jiġi traċċat il-laħam kopert mill-arranġamenti mill-amministrazzjoni matul il-perjodu ta' ħżin;

(b)

tipprovdi rapport aġġornat f'ħin reali tal-kwantitajiet ta' laħam maħżun, li għandu jkun disponibbli fuq il-bażi ta' kull waħda mill-kriterji msemmija fit-tielet subparagrafu.

It-traċċabbilità msemmija fl-ewwel subparagrafu, il-punt (a) hawn fuq għandha tkun imsejsa fuq referenza unika ta' identifikazzjoni assenjata għal-laħam minn operazzjoni ta' dissussar imwettqa qabel ma l-prodotti konċernati jkun mqiegħda taħt il-proċedura ta' ħżin doganali.

Ir-referenza għall-identifikazzjoni unika msemmija fit-tieni subparagrafu għandha tinkludi:

(a)

numru uniku,

(b)

id-data tal-produzzjoni;

(c)

in-numru taċ-ċertifikat ta' laħam dissussat;

(d)

l-għadd ta' kaxxi għal kull tip ta' qatgħa u l-piż nett li jintiżen meta jidħol fil-proċedura ta' ħżin doganali.

Artikolu 6

Aġġornament tad-dejtabejż

1.   Id-dejtabejż għandha tinżamm aġġornata u għandha tindika d-dħul u l-ħruġ tal-prodotti mill-ħżin sal-ġurnata li fiha ssir il-preżentazzjoni ta':

(a)

id-dikjarazzjoni tal-ħżin msemmija fl-Artikolu 4(1);

(b)

id-dikjarazzjoni tal-esportazzjoni msemmija fl-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 800/1999.

2.   L-awtoritajiet doganali għandhom jaċċettaw id-dikjarazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 biss wara li jivverifikaw li l-operazzjoni li dwarha tkun inħarġet dikjarazzjoni hija mdaħħla fid-dejtabejż bħala “dħul” jew bħala “tneħħija” mill-ħżin.

Madankollu, l-awtorità doganali tista' taċċetta dikjarazzjonijiet kif imsemmi fil-paragrafu 1 qabel ma titwettaq il-verifika msemmija fl-ewwel subparagrafu. F'każi bħal dawn, l-operatur għandu jikkonferma lill-awtorità li jkun sar id-dħul relevanti fid-dejtabejż. L-awtorità doganali tista' tipposponi u taggruppa dawn il-verifiki imma għandha twettaqhom għallanqas darba f'kull perjodu ta' xahrejn kalendarji.

Artikolu 7

Perjodu ta' ħżin

1.   Il-laħam dissussat tal-annimali tal-ifrat adulti maskili għandu jibqa' taħt proċedura doganali għal massimu ta' erba' xhur mid-data ta' dikjarazzjoni tal-ħżin msemmija fl-Artikolu 4(1).

2.   Meta operatur jonqos milli jkun konformi mal-limiti ta' żmien msemmija fil-paragrafu 1, jew jirtira parti mill-prodotti mqiegħda taħt proċedura doganali minn taħt is-superviżjoni, l-obbligu ta' esportazzjoni għandu jitqies daqslikieku ma jissodisfax il-kwantità konċernata.

L-awtorità doganali li aċċettat id-dikjarazzjoni tal-ħżin msemmija fl-Artikolu 4(1) jew l-entità responsabbli mill-ħlas tar-rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni msemmija fl-Artikolu 9(3) għandha immedjatament tinforma lill-entità li tkun ħarġet il-liċenzja ta' esportazzjoni b'dan. B'mod partikolari għandha tinnotifikalhom il-kwantità u t-tip ta' prodotti inkwistjoni, in-numru tar-referenza tal-liċenzja u d-data tal-attribuzzjoni konċernata.

3.   Meta l-obbligu ta' esportazzjoni ma jkunx konformi, l-awtorità li tkun ħarġet il-liċenzja għandha tapplika l-Artikolu 44 tar-Regolament (KE) Nru 1291/2000 mutatis mutandis.

Artikolu 8

Operazzjonijiet matul il-ħżin

1.   Matul il-perjodu ta' ħżin imsemmi fl-Artikolu 7, il-laħam dissussat tal-annimali tal-ifrat adulti maskili għandhom, skont il-kundizzjonijiet stipulati mill-awtorità doganali, jinbidlulhom it-tikketti, jiġu ffriżati jew, fejn applikabbli, jiġu ppakkjati mill-ġdid, sakemm:

(a)

l-ippakkjar individwali ta' kull biċċa laħam ikun intatt u mhux modifkat;

(b)

tinżamm ir-rabta mat-tikketta oriġinali u t-traċċabbiltà tal-laħam kif imsemmi fl-Artikolu 5 ma tkunx kompromessa.

Meta jsiru l-operazzjonijiet msemmijin fl-ewwel subparagrafu, għandhom jiġu rreġistrati fid-dejtabejż u għandha tiġi stabbilita rabta ċara mad-dikjarazzjoni tal-ħżin u ċ-ċertifikati ta' ħalam dissussat korrispondenti.

2.   Kwalunkwe rifużjoni fuq prodotti li jkunu għaddew minn operazzjonijiet msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiġu ddeterminati fuq il-bażi tal-kwalita, tat-tip, u tal-karatteristiċi tal-laħam eżistenti li dwaru hija aċċettata dikjarazzjoni tal-ħżin skont l-Artikolu 4(3).

Kwalunkwe telf fil-piż li jsir matul il-perjodu tal-ħżin fil-maħżen tad-dwana ma għandux jitqies jekk dan it-telf ikun riżultat esklussivament ta' kawżi naturali. Il-ħsara li ssir lill-prodotti ma għandhiex titqies bħala telf tal-piż minħabba kawżi naturali.

Artikolu 9

Formalitajiet tal-esportazzjoni

1.   Meta jitwettqu l-formalitajiet doganali għall-esportazzjoni ta' laħam dissussat ta' annimali tal-ifrat adulti maskili mqiegħed taħt il-proċedura ta' ħżin doganali skont dan ir-Regolament, l-għadd tad-dikjarazzjonijiet ta' ħżin u l-kwantitajiet ta' esportazzjoni għal kull dikjarazzjoni tal-ħżin għandhom jiddaħħlu taħt is-superviżjoni tal-awtorità doganali skont id-dikjarazzjoni(jiet) msemmija fl-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 800/1999.

2.   Id-dikjarazzjoni tal-esportazzjoni għandha titressaq sal-aħħar ġurnata tal-limitu taż-żmien msemmi fl-Artikolu 7(1).

3.   Meta l-formalitajiet doganali għall-esportazzjoni jkunu tlestew, għandha tintbagħat kopja ta' kull dikjarazzjoni tal-esportazzjoni permezz tal-mezzi amministrattivi lill-entità responsabbli mill-ħlas tar-rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni.

Artikolu 10

Għoti ta' rifużjonijiet

1.   Il-ħlas tar-rifużjoni għandu jsir lill-Istat Membru li fih tkun ġiet aċċettata d-dikjarazzjoni tal-ħżin skont l-Artikolu 4(1).

2.   Meta l-kwantitajiet li jikkorrispondu għal dikjarazzjoni tal-ħżin ikunu ġew esportati, l-operatur għandu d-dritt għall-ħlas tar-rifużjoni fuq dawk il-kwantitajiet, sakemm il-kundizzjonijiet l-oħra tar-regoli Komunitarji dwar l-esportazzjonijiet b'rifużjoni, b'mod partikolari dawk stipulati fl-Artikolu 6 tar-Regolament (KEE) Nru 1964/82, fl-Artikolu 21 u fit-Titlu IV tar-Regolament (KE) Nru 800/1999 ikunu ġew sodisfatti.

Meta operatur ikun għamel użu mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 24 tar-Regolament (KE) Nru 800/1999, qabel ma tkun ġiet irrilaxxata s-sigurtà korrispondenti, l-entità responsabbli mill-ħlas tar-rifużjoni fuq l-esportazzjoni għandha taċċerta b'mod partikolari li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6 tar-Regolament (KEE) Nru 1964/82 ikunu ġew imħarsa.

3.   Meta operatur jonqos milli jħares wieħed jew iktar mil-limiti taż-żmien stipulati fl-Artikolu 7(1) ta' dan ir-Regolament u dawk stipulati fl-Artikoli 7(1) u 15(1) tar-Regolament (KE) Nru 800/1999, ir-rifużjoni fuq l-esportazzjoni applikabbli għandha tiġi emendata, ħlief għal każijiet ta' force majeur, kif ġej:

(a)

ir-rifużjoni għandha l-ewwel tkun imnaqqsa bi 15 %;

(b)

mir-rifużjoni li tirriżulta għandu jsir dan it-tnaqqis:

(i)

2 % għal kull ġurnata wara d-data ta' skadenza tal-limiti taż-żmien imsemmija fl-Artikolu 7(1) ta' dan ir-Regolament u fl-Artikolu 15(1) tar-Regolament (KE) Nru 800/1999;

(ii)

5 % għal kull ġurnata wara d-data ta' skadenza tal-limiti taż-żmien imsemmija fl-Artikolu 7(1) tar-Regolament (KE) Nru 800/1999;

Meta d-dokumenti msemmija fl-Artikolu 49(2) tar-Regolament (KE) Nru 800/1999 jkunu ppreżentati fi żmien sitt xhur mil-limiti taż-żmien stipulati, ir-rifużjoni, stabbilita fejn applikabbli skont l-ewwel subparagrafu, għandha titnaqqas b'ammont ekwivalenti għal 15 % tar-rifużjoni li kienet titħallas li kieku l-limiti taż-żmien kienu mħarsa.

L-Artikolu 50(3), (4) u (6) tar-Regolament (KE) Nru 800/1999 għandhom japplikaw mutatis mutandis.

Artikolu 11

Kontrolli tal-ħżin

1.   L-awtorità doganali għandha twettaq għallanqas żewġ verifiki mingħajr avviż f'kull sena kalendarja dwar it-tħaddim u l-kontenut tad-dejtabejż.

Dawn il-verifiki għandhom ikopru għallanqas 5 % tal-kwantitajiet totali tal-prodotti li, skont id-dejtabejż huma maħżuna dakinhar li jibdew il-verifiki. Dawn il-verifiki għandhom jiżguraw li l-laħam imqiegħed fil-maħżen jkun imdaħħal fid-dejtabejż u li, bil-maqlub, il-laħam imdaħħal fid-dejtabejż jista' jkun identifikat fil-maħżen.

Għandu jitħejja rapport għal kull verifika.

2.   L-awtorità doganali għandha tinforma lill-entità responsabbli għall-ħlas tar-rifużjoni fuq l-esportazzjoni dwar:

(a)

l-awtorizzazzjonijiet kollha li jinħarġu, jiġu sospiżi jew irtirati;

(b)

il-verifiki kollha mwettqa.

Meta jkun preżunt li jkun hemm riskju ta' irregolarità, l-entitajiet responsabbli mill-ħlas tar-rifużjoni jistgħu jitolbu lill-awtorità doganali twettaq kontroll.

Artikolu 12

Penali

Meta l-awtorità doganali ssib diskrepanza bejn il-ħażna fiżika u l-ħażna rreġistrata fid-dejtabejż, l-awtorizzazzjoni msemmija fl-Artikolu 3(1) għandha tiġi sospiża għal perjodu li għandu jiġi ddeterminat mill-Istati Membri. Dan il-perjodu ma jistax ikun anqas minn tliet xhur mid-data minn meta tiġi individwata l-problema. Matul il-perjodu ta' sospensjoni, l-operatur mhux awtorizzat iqiegħed laħam dissussat ta' annimali tal-ifrat adulti maskili f'maħżen doganali skont dan ir-Regolament.

L-awtorizzazzjoni ma għandhiex tiġi sospiża d-diskrepanza bejn il-ħażna fiżika u l-ħażna reġistrata fid-dejtabejż tkun riżultat ta' force majeure.

L-awtorizzazzjoni ma għandhiex tiġi sospiża wkoll meta l-kwantitajiet nieqsa jew mhux imdaħħla fid-dejtabejż ikunu anqas minn 1 % tal-piż totali tal-prodotti magħżula għall-verifika u jkunu riżultat ta' ommissjonijiet jew żbalji sempliċi amministrattivi, sakemm ikunu ttieħdu l-miżuri korrettivi sabiex ikun żgurat li żbalji simili ma jerġgħux iseħħu.

Jekk jerġgħu jseħħu, l-awtoritajiet doganali jistgħu mbagħad jirtiraw l-awtorizzazzjoni b'mod definittiv.

Artikolu 13

Notifika lill-Kummissjoni

L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar il-kwantitajiet ta' laħam dissussat ta' annimali tal-ifrat adulti maskili li jkunu taħt il-proċedura ta' ħżin doganali qabel ma jiġu esportati skont dan ir-Regolament, kif ukoll analiżi ta' dawk il-kwantitajiet skont il-kodiċi bi 12-il figura tan-nomenklatura ta' prodotti agrikoli għar-rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni stabbilit bir-Regolament (KEE) Nru 3846/87.

L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri sabiex jiżguraw li n-notifika ma ssirx iktar tard mit-tieni xahar wara x-xahar li fih tkun ġiet aċċettata d-dikjarazzjoni tal-ħżin.

Artikolu 14

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-20 jum mill-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2007.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u jkun applikabbli direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-24 ta' Novembru 2006.

Għall-Kummissjoni

Mariann FISCHER BOEL

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 160, 26.6.1999, p. 21. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament (KE) Nru 1913/2005 (ĠU L 307, 25.11.2005, p. 2).

(2)   ĠU L 212, 21.7.1982, p. 48. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament (KE) Nru 1713/2006 (ĠU L 321, 21.11.2006, p. 11).

(3)   ĠU L 62, 7.3.1980, p. 5. Ir-Regolament imħassar bir-Regolament (KE) Nru 1713/2006.

(4)   ĠU L 102, 17.4.1999, p. 11. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1713/2006.

(5)   ĠU L 69, 13.3.2003, p. 18. Ir-Regolament imħassar bir-Regolament (KE) Nru 1713/2006.

(6)   ĠU L 152, 24.6.2000, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1713/2006.

(7)   ĠU L 366, 24.12.1987, p. 1.

(8)   ĠU L 302, 19.10.1992, p. 1.

(9)   ĠU L 42, 16.2.1990, p. 6.

(10)   ĠU L 322, 27.11.2002, p. 4.

(11)   ĠU L 330, 21.12.1994, p. 31.