1.12.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

346


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 1678/2006

ta’ l-14 ta’ Novembru 2006

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 92/2005 rigward il-mezzi alternattivi għar-rimi u l-użu ta’ prodotti sekondarji mill-annimali

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkundsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1774/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta’ Ottubru 2002 li jistipula regoli tas-saħħa li jikkonċernaw prodotti sekondarji ta’ l-annimali mhux maħsuba għall-konsum uman (1), u partikolarment l-Artikoli 5(2) u 6(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 1774/2002 jistipula regoli li jikkonċernaw il-mezzi għar-rimi u użi ta’ prodotti sekondarji mill-annimali. Jipprevedi wkoll il-possibilità għal mezzi supplimentari ta’ rimi ta’ u użi oħrajn ta’ prodotti sekondarji mill-annimali li jridu jiġu approvati wara konsultazzjoni tal-kumitat xjentifiku rilevanti.

(2)

Fuq il-bażi ta’ l-opinjonijiet maħruġa mill-Kumitat Xjentifiku ta’ Tmexxija u ta’ l-Awtorità ta’ Sigurtà ta’ l-Ikel Ewropea (EFSA), sa llum sitt proċessi ġew approvati bħala mezzi alternattivi għar-rimi jew ta’ użi ta’ prodotti sekondarji mill-annimali skond ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 92/2005 tad-19 ta’ Jannar 2005 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1774/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward il-mezzi ta’ rimi jew użi ta’ prodotti sekondarji mill-annimali u jemenda l-Anness VI tiegħu rigward it-trasformazzjoni tal-bijogass u l-ipproċessar ta’ trasformazzjoni ta’ xaħmijiet maħlula (2)

(3)

Fuq il-bażi ta’ iżjed applikazzjonijiet, fit-13 ta’ Lulju 2006 l-EFSA ħarġet opinjoni rigward is-sigurtà ta’ proċess termo-mekkaniku għall-produzzjoni tal-bijofjuwil. Il-kundizzjonijiet li bis-saħħa tagħhom il-proċess tqies bħala mezz sigur ta’ rimi tad-demel u l-kontenut tas-sistema diġestiva u l-materjal tal-Kategorija 3 għandhom għalhekk jitqiesu billi jiġi emendat ir-Regolament (KE) Nru 92/2005.

(4)

Meta tqiesu mill-ġdid ir-riskji għas-saħħa pubblika u ta’ l-annimali, il-materjal tal-Kategorija 2 li jirriżulta mill-proċess ta’ produzzjoni tal-bijodiżil approvat għandu jiġi permess għal ċerti użi tekniċi jew għat-trasformazzjoni f’bijogass.

(5)

Ir-Regolament (KE) Nru 92/2005 għandu jiġi emendat skond dan.

(6)

Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma konformi ma’ l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa ta’ l-Annimali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 92/2005 huwa emendat kif ġej:

(1)

L-Artikolu 2 jinbidel b’dan li ġej:

“Artikolu 2

Approvazzjoni, trattament u użu jew rimi tal-materjal tal-Kategorija 2 jew 3

1.   Il-proċessi segwenti huma approvati u jistgħu jiġu awtorizzati mill-awtorità kompetenti għat-trattament u użu jew rimi tal-materjal tal-Kategorija 2 jew 3:

(a)

proċess ta’ idrolisi alkalina kif iddefinit fl-Anness I;

(b)

proċess ta’ idrolisi alkalina ta’ temperatura u pressjoni għolja kif iddefinit fl-Anness II;

(c)

proċess ta’ bijogass ta’ l-idrolisi taħt pressjoni għolja kif iddefinit fl-Anness III;

(d)

proċess ta’ produzzjoni ta’ bijodiżel kif iddefinit fl-Anness IV;

(e)

proċess ta’ gassifikazzjoni Brookes kif iddefinit fl-Anness V; kif ukoll

(f)

il-ħruq tax-xaħam ta’ l-annimali fi proċess ta’ bojler termali kif iddefinit fl-Anness VI;

Il-proċessi ta’ produzzjoni bijofjuwil termo-mekkaniku kif iddefinit fl-Anness VII hu approvat u jista’ jiġi awtorizzat mill-awtorità kompetenti għat-trattament u rimi tad-demel u tal-kontenut tas-sistema diġestiva u l-materjal tal-Kategorija 3.

2.   L-awtorità kompetenti tista’ tawtorizza l-użu ta’ parametri oħrajn ta’ proċess, dment li tali parameteri jipprovdu għal tnaqqis ekwivalenti ta’ riskji għas-saħħa pubblika u ta’ l-annimali, għall-istadji ta’:

(a)

il-proċess ta’ produzzjoni ta’ bijodiżil kif iddefinit fl-Anness IV, il-punt 1(b)(i); kif ukoll

(b)

il-proċess ta’ ħruq tax-xaħam ta’ l-annimali f’bojler termali kif iddefinit fl-Anness VI, il-punt 1(c)(i).”

(2)

Fit-titolu u fl-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 3, “Annessi I sa VI” hi mibdula b“l-Anness”i.

(3)

L-Artikolu 4 huwa emendat kif ġej:

(a)

Fil-paragrafu 2, jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“Madankollu, il-materjal li jirriżulta mill-proċess ta’ produzzjoni ta’ bijodiżel kif iddefinit fl-Anness IV se jinħaraq.”

(b)

Fil-paragrafu 3 il-punt (d) li ġej huwa miżjud:

“(d)

f’każ ta’ materjal li jirriżulta mill-proċess ta’ produzzjoni ta’ bijodiżel kif iddefinit fl-Anness IV, użat għall-produzzjoni ta’ prodotti tekniċi.”

(c)

Il-Paragrafu 5 qed jitneħħa.

(4)

L-Annessi jiġu emendati skond l-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 14 ta’ Novembru 2006.

Għall-Kummissjoni

Markos KYPRIANOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 273, 10.10.2002, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 208/2006 (ĠU L 36, 8.2.2006, p. 25).

(2)  ĠU L 19, 21.1.2005, p. 27. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament (KE) Nru 2067/2005 (ĠU L 331, 17.12.2005, p. 12).


ANNESS

L-Annessi tar-Regolament (KE) Nru 92/2005 huma emendati kif ġej:

(1)

Fl-Anness IV, il-punt 3 qed jitneħħa.

(2)

L-Anness VII li ġej hu miżjud:

“ANNESS VII

PROĊESS TA’ PRODUZZJONI TAL-BIJOFJUWIL TERMO-MEKKANIKU

Il-produzzjoni tal-bijofjuwil termo-mekkaniku jfisser trattament tal-prodotti sekondarji mill-annimali skond dawn il-kondizzjonijiet:

1.

Il-prodotti sekondarji mill-annimali huma mgħobbija f’reċipjent u ttrattati għaldaqstant f’temperatura ta’ 80° C għal perjodu ta’ tmien sigħat. Tul dan il-perjodu, il-materjal hu kontinwament imnaqqas fid-daqs bl-użu ta’ tagħmir mekkaniku xieraq li jobrox.

2.

Il-materjal hu għalhekk ittrattat għal temperatura ta’ 100° C għal mill-inqas sagħtejn.

3.

Id-daqs tal-partikola tal-materjal li tirriżulta m’għandhiex tkun akbar minn 20 millimetru.

4.

Il-prodotti sekondarji ta’ l-annimali huma ttrattati b’tali mod li r-rekwiżiti ħin-temperatura stipulati fil-paragrafu 1 u 2 jinkisbu fl-istess ħin.

5.

Filwaqt li l-materjal jissaħħan, ilma evaporat jinħareġ kontinwament mill-ispazju ta’ l-arja fuq il-bijofjuwil u jgħaddi minn kondenser ta’ l-azzar li ma jissaddadx. Il-kondensat jinżamm f’temperatura ta’ mill-inqas 70° C għal mill-inqas siegħa qabel ma jitbattal bħala ilma għar-rimi.

6.

Wara li jissaħħan il-materjal, il-bijofjuwil li jirriżulta mill-reċipjent jitbattal u jinġarr awtomatikament minn trasportatur kopert u magħluq totalment għall-ħruq sa ma jsiru rmied jew ko-inċinerazzjoni fl-istess post.

7.

Sistema ta’ analiżi tal-periklu u punti ta’ kontroll kritiċi hi stabbilita u miżmuma. Din tippermetti għall-kontroll tar-rekwiżiti stipulati fil-paragrafu 1 sa 6.

8.

L-ipproċessar hu mwettaq f’sistema ta’ gruppi.”