18.11.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

1


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 1662/2006

tas-6 ta' Novembru 2006

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 853/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi ċerti regoli speċifiċi ta' iġjene għall-ikel li joriġina mill-annimali

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 853/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 li jistipula regoli speċifiċi dwar l-iġjene ta' l-ikel li ġej mill-annimali (1) u b'mod partikolari l-Artikolu 10 tiegħu,

Billi:

(1)

Meta suġġetti għad-dispożizzjonijiet ta' l-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 853/2004, l-operaturi tan-negozji ta' l-ikel għandhom jiżguraw li kull prodott li ġej mill-annimali għandu marka ta' identifikazzjoni skond id-dispożizzjonijiet stipulati fl-Anness II, it-Taqsima I ta' dak ir-Regolament. Sakemm mhux indikat speċifikament u għal raġunijiet ta' kontroll, il-prodotti li joriġinaw mill-annimali m'għandhomx ikollhom aktar minn marka ta' identifikazzjoni waħda.

(2)

It-Taqsima I ta' l-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 853/2004 tistipula regoli dwar il-produzzjoni u t-tqegħid fis-suq ta' laħam ta' annimali domestiċi bid-dwiefer mgħawġa. L-eċċezzjonijiet għat-tqaxxir sħiħ tal-karkassa u l-partijiet l-oħra tal-ġisem maħsuba għall-konsum tal-bniedem huma stipulati fil-Kapitolu IV, il-punt 8 ta' dik it-Taqsima. Għandhom isiru dispożizzjonijiet biex jitwessgħu dawn l-eżenzjonijiet għal geddum u xuftejn l-annimali bovini, dment li jikkonformaw ma' l-istess kondizzjonijiet bħal dawk li japplikaw għall-irjus ta' annimali ovini u kaprini.

(3)

It-tunsilli jservu ta' filtru għall-aġenti li jagħmlu l-ħsara li jidħlu mill-ħalq ta' l-annimali u għandhom jitneħħew minħabba raġunijiet iġjeniċi u ta' sigrutà tul il-proċess ta' qtil ta' l-annimali bid-dwiefer mgħawġa. Peress li t-tneħħija bi żball ma kinitx immarkata bħala obbligatorja għall-ħnieżer domestiċi, il-ħtieġa għat-tneħħija tat-tunsilli tal-porċini għandha tiddaħħal mill-ġdid.

(4)

It-Taqsima VIII ta' l-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 853/2004 tistipula rekwiżiti li jmexxu l-produzzjoni u t-tqegħid fis-suq ta' prodotti tas-sajd maħsuba għall-konsum tal-bniedem. Iż-żejt tal-ħuta hu inkluż fid-definizzjoni tal-prodotti tas-sajd. Htiġijiet speċifiċi għall-produzzjoni u t-tqegħid fis-suq taż-żejt tal-ħuta għall-konsum tal-bniedem għandhom, għalhekk, jiġu stipulati. Arranġamenti temporanji għandhom jitbassru wkoll biex jagħtu l-possibbiltà lill-istabbilimenti f'pajjiżi terzi li jaddattaw għall-qagħda l-ġdida.

(5)

Il-Kolostru jitqies bħala prodott li joriġina mill-annimali iżda mhux kopert mid-definizzjoni ta' ħalib mhux trattat kif imsemmi fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 853/2004. Il-Kolostru hu magħmul b'mod simili u jista' jitqies bħala li jikkaġuna riskju simili għas-saħħa tal-bniedem bħall-ħalib mhux trattat. Għalhekk jeħtieġ li jiddaħħlu regoli speċifiċi għall-iġjene tal-produzzjoni tal-kolostru.

(6)

It-Taqsima XV ta' l-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 853/2004 jistipula l-ħtiġijiet għall-produzzjoni tal-kollaġini. Tispeċifika li l-kollaġini għandu jkun prodott bi proċess li jassigura li l-materjal mhux trattat ikun suġġett għal trattament li jinvolvi l-ħasil, l-aġġustament tal-pH bl-użu ta' aċidi jew alkali, segwit b'waħda jew aktar tlaħliħat, filtrazzjoni jew estrużjoni jew bi proċess approvat ekwivalenti. Proċess differenti li jirriżulta f'kollaġini idrolizzat li ma jistax jiġi estruż tressaq lill-EFSA għall-valutazzjoni. Fis-26 ta' Jannar 2005, l-EFSA adottat opinjoni dwar is-sigurtà tal-kollaġini u metodu ta' proċessar għall-produzzjoni tal-kollaġini. Ikkonkludiet li l-proċess ta' produzzjoni propost hawn fuq jiżgura sigurtà għas-saħħa ekwivalenti jew ogħla għall-kollaġini maħsub għall-konsum tal-bniedem meta mqabbel mas-sigurtà miksuba bl-applikazzjoni ta' l-istandards tat-Taqsima XV. Il-kondizzjonijiet għall-produzzjoni tal-kollaġini għandhom għalhekk jiġu emendati.

(7)

Ir-Regolament (KE) Nru 853/2004 għandu jiġi emendat kif xieraq.

(8)

Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma konformi ma' l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa ta' l-Annimali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 853/2004 huwa emendat kif ġej:

1.

L-Anness II huwa emendat skond l-Anness I ta' dan ir-Regolament.

2.

L-Anness III huwa emendat skond l-Anness II ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fis-seba' jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, nhar is-6 ta' Novembru 2006.

Għall-Kummissjoni

Markos KYPRIANOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 139, 30.4.2004, p. 55. Verżjoni kkoreġuta mill-ĠU L 226, 25.6.2004, p. 22. Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2076/2005 (ĠU L 338, 22.12.2006, p. 83).


ANNESS I

It-Taqsima I, il-Parti A, il-punt (2) ta’ l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 853/2004 huwa ssostitwit b’li ġej:

“2.

Madankollu, meta l-imballaġġ u/jew il-kisi tal-prodott jitneħħa jew jiġi pproċessat iżjed fi stabbiliment ieħor, għadha tiġi applikata marka ġdida lill-prodott. F’tali każijiet, il-marka l-ġdida għandha tindika n-numru ta’ approvazzjoni ta’ l-istabbiliment fejn saru dawn l-operazzjonijiet.”


ANNESS II

L-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 853/2004 huwa emendat kif ġej:

1.

Fit-Taqsima I, il-Kapitolu IV huwa emendat kif ġej:

(a)

Il-punt 8 jinbidel b’dan li ġej:

“8.

Il-karkassi u l-partijiet l-oħra tal-ġisem maħsuba għall-konsum tal-bniedem għandhom jitqaxxru kompletament, ħlief fil-każ ta’ l-annimali porċini, l-irjus ta’ l-annimali ovini u kaprini u l-għoġġiela, il-geddum u x-xuftejn ta’ l-annimali bovini u s-saqajn ta’ l-annimali bovini, ovini u kaprini. L-irjus, inklużi l-geddum u x-xuftejn, u s-saqajn għandhom jiġu ttrattati b’mod sabiex tiġi evitata l-kontaminazzjoni.”

(b)

Il-punt 16(a) jinbidel b’dan li ġej:

“(a)

it-tunsilli ta’ l-annimali bovini, ta’ l-annimali porċini u ta’ l-annimali bi dwiefer sodi għandhom jitneħħew b’mod iġjeniku;”

2.

Fit-Taqsima VIII, il-Kapitolu III, il-Parti E hi miżjuda kif ġej:

“E.   IL-ĦTIĠIJIET GĦAŻ-ŻEJT TAL-ĦUTA GĦALL-KONSUM TAL-BNIEDEM

L-operaturi tan-negozju ta’ l-ikel għandhom jiżguraw li l-materja prima użata fit-tħejjija taż-żejt tal-ħut għall-konsum tal-bniedem tkun konformi mal-ħtiġijiet li ġejjin:

1.

għandha toriġina mill-prodotti tas-sajd li tqiesu tajbin għall-konsum tal-bniedem;

2.

għandha tiġi mill-istabbiliment, kif ukoll il-bastimenti, approvati skond dan ir-Regolament;

3.

għandha tinġarr u tinħażen sa l-ipproċessar f’kondizzjonijiet iġjeniċi.”

3.

It-Taqsima IX hi mibdula b’dan li ġej:

“TAQSIMA IX: ĦALIB MHUX TRATTAT, KOLOSTRU, PRODOTTI LI ĠEJJIN MILL-ĦALIB U PRODOTTI LI FIHOM IL-KOLOSTRU

Għall-fini ta’ din it-Taqsima:

1.

“Il-Kolostru” ifisser il-fluwidu li joħroġ mill-glandoli tal-ħalib ta’ l-annimali li jipproduċu l-ħalib sa minn 3 sa 5t ijiem wara t-twelid, li għandu ammont kbir ta’ anti-korpi u minerali u li jiġi qabel il-produzzjoni ta’ ħalib mhux trattat.

2.

“Prodotti li fihom il-kolostru” ifisser il-prodotti pproċessati li jirriżultaw mill-ipproċessar tal-kolostru jew minn ipproċessar ulterjuri ta’ tali prodotti pproċessati.

KAPITOLU I: ĦALIB MHUX TRATTAT U KOLOSTRU – PRODUZZJONI PRIMARJA

L-operaturi tan-negozju ta’ l-ikel li jipproduċu jew, kif xieraq, jiġbru l-ħalib mhux trattat u l-kolostru għandhom jiżguraw konformità mar-rekwiżiti stipulati f’dan il-Kapitolu.

I.   REKWIŻITI TAS-SAĦĦA GĦALL-ĦALIB MHUX TRATTAT U L-PRODUZZJONI TAL-KOLOSTRU

1.

Il-ħalib mhux trattat u l-kolostru għandhom jiġu mill-annimali:

(a)

ma jurux sintomi ta’ mard infettat li jittieħed mill-bnedmin permezz tal-ħalib u l-kolostru;

(b)

huma fi stat ġenerali tas-saħħa tajjeb, ma juru l-ebda sinjal ta’ mard li jista’ jwassal għal kontaminazzjoni tal-ħalib u l-kolostru u, b’mod partikolari, ma jsofrux minn infezzjoni ta’ l-apparat ġenitali b’nixxiegħa tal-materja, enterite b’dijarea u deni, jew infjammazzjoni rikonoxxuta tal-glandola mammarja;

(c)

li m’għandhom l-ebda ġerħa tal-glandola mammarja li tista’ taffettwa l-ħalib u l-kolostru;

(d)

li ma nżdidux sostanzi jew prodotti mhux awtorizzati magħhom u li ma kinux suġġetti għal trattament illegali fi ħdan it-tifsira tad-Direttiva 96/23/KE;

(e)

li fil-każ tagħhom, fejn ġew miżjuda prodotti jew sustanzi awtoritzzati, il-perjodi ta’ sospensjoni tat-trattament preskritt għal dawn il-prodotti jew sustanzi ġew irrispettati.

2.

(a)

B’mod partikolari, għal dak li għandu x’jaqsam mal-bruċellosi, il-ħalib mhux trattat u l-kolostru għandu jiġi minn:

(i)

baqar jew bufli ta’ merħla li, fi ħdan it-tifsira tad-Direttiva 64/423/KEE (1), m’għandhomx jew m’għandhomx uffiċjalment il-bruċellosi;

(ii)

nagħaġ jew mogħoż li huma ta’ kumpanija li m’għandhiex jew m’għandhiex uffiċjalment il-bruċellosi fi ħdan it-tifsira tad-Direttiva 91/68/KEE (2); jew

(iii)

l-annimali tas-sess femminil ta’ speċi oħra li jagħmlu parti, għal speċi suxxetibbli għall-bruċelossi, minn merħla ċċekkjata regolarment għal dik il-marda taħt pjan ta’ kontroll li l-awtorità kompetenti approvat.

(b)

Għal dak li għandu x’jaqsam mat-tuberkolosi, il-ħalib mhux trattat u l-kolostru għandu jiġi minn:

(i)

baqar jew bufli ta’ merħla li, fi ħdan it-tifsira tad-Direttiva 64/423/KEE, m’għandhomx jew m’għandhomx uffiċjalment it-tuberkolosi; jew

(ii)

l-annimali tas-sess femminil ta’ speċi oħra li jagħmlu parti, għal speċi suxxetibbli għall-bruċellosi, minn merħla ċċekkjata regolarment għal dik il-marda taħt pjan ta’ kontroll li l-awtorità kompetenti approvat.

(c)

Jekk il-mogħoż jinżammu flimkien mal-baqar, tali mogħoż għandhom jiġu ċċekkjati u ttestjati għat-tuberkolosi.

3.

Madankollu, il-ħalib mhux trattat minn annimali li ma jissodisfawx il-ħtiġijiet tal-punt 2 jista’ jintuża bl-awtorizzazzjoni ta’ l-awtorità kompetenti.

(a)

fil-każ ta’ baqar jew bufli li ma jurux reazzjoni pożittiva għat-testijiet tat-tuberkolosi jew il-bruċellosi, la kwalunkwe sintomi ta’ dawn il-mard, wara li għaddew minn trattament tas-sħana b’mod li juru reazzjoni negattiva għat-test ta’ l-alkaline phosphatase;

(b)

fil-każ ta’ nagħaġ jew mogħoż li ma jurux reazzjoni pożittiva għat-testijiet tal-bruċellosi, jew li ntlaqqmu kontra l-bruċellosi bħala parti ta’ programm approvat ta’ qirda, u li ma juru l-ebda sintomu ta’ dik il-marda, jew:

(i)

għall-produzzjoni ta’ ġobon b’perjodu ta’ maturazzjoni ta’ mill-inqas xahrejn; jew

(ii)

wara li għaddew minn trattament tas-sħana biex juru reazzjoni negattiva għat-test alkaline phosphatase; u

(c)

fil-każ ta’ annimali tas-sess femminil ta’ speċi oħra li ma jurux reazzjoni pożittiva għat-testijiet tat-tuberkolosi jew il-bruċellosi, u lanqas ma juru l-ebda sintomi ta’ dan il-mard, iżda li jagħmlu parti minn merħla fejn instabu t-tuberkolosi u l-bruċellosi wara t-testijiet imsemmija fil-punti 2(a)(iii) jew 2(b)(ii), jekk ittrattati biex jiżguraw is-sigurtà tagħha;

4.

Il-ħalib mhux trattat u l-kolostru minn kwalunkwe annimal li ma jikkonformax mal-ħtiġijiet xierqa tal-punti 1 sa 3 – b’mod partikolari, kwalunkwe annimal li individwalment juri reazzjoni pożittiva għat-testijiet profilattiċi għal dak li għandu x’jaqsam mat-tuberkolosi jew il-bruċellosi kif stipulat fid-Direttiva 64/432/KEE u d-Direttiva 91/68/KEE – m’għandhomx jintużaw għall-konsum mill-bniedem.

5.

L-iżolament ta’ l-annimali li huma infettati, jew huma suspettati li huma infettati, b’kwalunkwe marda msemmija fil-punti 1 jew 2 għandu jkun effettiv biex jiġi evitat kwalunkwe effett mhux favorevoli fuq il-ħalib u l-kolostru ta’ annimali oħrajn.

II.   IĠJENE TAL-KUMPANIJI LI JIPPRODUĊU L-ĦALIB U L-KOLOSTRU

A.   Ħtiġijiet għall-bini u t-tagħmir

1.

It-tagħmir li jaħleb l-annimali u l-bini fejn il-ħalib u l-kolostru huma miżmuma, ittrattati jew imkessħin għandu jinsab u jinbena sabiex jiġi llimitat ir-riskju ta’ kontaminazzjoni tal-ħalib u l-kolostru.

2.

Il-bini għall-ħażna tal-ħalib u l-kolostru għandu jitħares kontra l-ġrieden u l-annimali l-oħra li jagħmlu l-ħsara, ikollu separazzjoni xierqa mill-bini fejn jinżammu l-annimali u, fejn meħtieġ jissodisfa l-ħtiġijiet stipulati fil-Parti B, ikollu tagħmir ta’ tkessiħ xieraq.

3.

L-uċuħ tat-tagħmir li huma maħsuba biex jiġu f’kuntatt mal-ħalib u l-kolostru (għodda, kontejners, tankijiet, eċċ maħsuba biex jaħilbu l-annimali, jiġbru jew iġorru) għandhom jitnaddfu faċilment u, fejn meħtieġ jiġu ddiżinfettati faċilment u jinżammu f’kondizzjonijiet stabbli. Dan jeħtieġ l-użu ta’ materjali lixxi, li jinħaslu u li mhumiex tossiċi.

4.

Wara l-użu, tali wċuħ għandhom jinħaslu u, fejn meħtieġ, jiġu ddiżinfettati. Wara kull vjaġġ, jew wara kull serje ta’ vjaġġi meta l-perjodu ta’ żmien bejn it-tagħbija u l-ħatt li jmiss ikun qasir, iżda fil-każijiet kollha mill-inqas darba kuljum, il-kontejners u t-tankijiet użati għat-trasport tal-ħalib u l-kolostru għandhom jitnaddfu u jiġu ddiżinfettati b’mod xieraq qabel l-użu mill-ġdid.

B.   L-iġjene tul it-taħlib, il-ġabra u t-trasport

1.

It-taħlib għandu jitwettaq b’mod iġjeniku, u b’mod partikolari għandu jiġi żgurat:

(a)

li, qabel ma’ jinħaleb l-annimal, l-irjus tal-bżieżel, il-glandola mammarja u l-partijiet li jmissu magħha jkunu nodfa;

(b)

li l-ħalib u l-kolostru minn kull annimali jiġi ċċekkjat għal anomalitajiet organolettiċi jew fiżiko-kimiċi mill-ħallieb jew metodu li jikseb riżultati simili u li l-ħalib u l-kolostru li juru tali anomalitajiet ma jintużawx għall-konsum tal-bniedem;

(c)

li l-ħalib u l-kolostru minn annimali li juru sinjali kliniċi ta’ mard tal-glandoli mammarji ma jintużawx għall-konsum tal-bniedem ħlief skond l-istruzzjonijiet ta’ veterinarju;

(d)

l-identifikazzjoni ta’ l-annimali li għaddejjin minn trattament mediku li għandu tendenza li jgħaddi residwi lill-ħalib u lill-kolostru, u li dak il-ħalib u kolostru miksub minn tali annimali qabel tmiem il-perjodu ta’ sospensjoni ta’ trattament preskritt ma jintużawx għall-konsum tal-bniedem; u

(e)

li farmaċewtiċi diżinfettanti f’forma ta’ bott li fih jixxarrbu l-bżieżel u sprays jintużaw biss wara awtorizzazzjoni jew reġistrazzjoni skond il-proċeduri stipulati fid-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 1998 dwar it-tqegħid fis-suq tal-prodotti bijoċidali (3)

(f)

li l-kolostru jinħaleb separatament u ma jitħallatx flimkien mal-ħalib mhux trattat.

2.

Malli jsir it-taħlib, il-ħalib u l-kolostru għandhom jinżammu f’post nadif iddisinjat u mgħammar biex tiġi evitata l-kontaminazzjoni.

(a)

Il-ħalib għandu jitkessaħ minnufih għal mhux aktar minn 8 oC fil-każ ta’ ġabra li ssir kuljum, jew mhux aktar minn 6 oC jekk il-ġabra ma ssirx kuljum;

(b)

Il-kolostru għandu jinżamm separatament u jitkessaħ minnufih għal mhux aktar minn 8 oC fil-każ ta’ ġabra li ssir kuljum, jew mhux aktar minn 6 oC jekk il-ġabra ma ssirx kuljum, jew iffriżat.

3.

Tul it-trasport, il-katina ta’ tkessiħ għandha tinżamm u, mal-wasla fl-istabbiliment tad-destinazzjoni, it-temperatura tal-ħalib u l-kolostru m’għandhiex tkun aktar minn 10 oC.

4.

L-operaturi tan-negozju ta’ l-ikel m’għandhomx bżonn jikkonformaw mal-ħtiġijiet tat-temperatura stipulati fil-punti 2 u 3 jekk il-ħalib jissodisfa l-kriterji pprovduti fil-Parti III u jew:

(a)

il-ħalib hu pproċessat fi żmien jumejn mit-taħlib; jew

(b)

tinħtieġ temperatura ogħla minħabba raġunijiet teknoloġiċi marbuta mal-produzzjoni ta’ ċerti prodotti mill-ħalib u l-awtorità kompetenti tawtorizza hekk.

C.   Iġjene tal-persunal

1.

Il-persuni li jaħilbu u/jew li jkollhom kuntatt dirett mal-ħalib mhux trattat u l-kolostru għandhom jilbsu ħwejjeġ nodfa adegwati.

2.

Il-persuni li jaħilbu għandhom iżommu livell għoli ta’ ndafa personali. Faċilitajiet xierqa għandhom ikunu disponibbli ħdejn il-post tat-taħlib biex jippermettu lill-persuni li jaħilbu u li jkollhom kuntatt dirett mal-ħalib mhux trattat u l-kolostru li jaħslu idejhom.

III.   KRITERJI GĦALL-ĦALIB MHUX TRATTAT U L-KOLOSTRU

1.

(a)

Il-kriterji li ġejjin għall-ħalib mhux trattat japplikaw sakemm jitwaqqfu l-istandards fil-kuntest ta’ leġiżlazzjoni aktar speċifika dwar il-kwalità tal-ħalib u l-prodotti mill-ħalib.

(b)

Il-kriterji nazzjonali għall-kolostru, għal dak li għandu x’jaqsam ma’ l-ammont ta’ mikrobi, l-ammont taċ-ċelloli somatiċi jew residwi ta’ l-anti-korpi, japplikaw sakemm titwaqqaf il-leġiżlazzjoni Komunitarja speċifika.

2.

Numru rappreżentattiv tal-kampjuni tal-ħalib mhux trattat u l-kolostru miġbura mill-kumpaniji li jagħmlu l-ħalib meħudha permezz ta’ kampjuni każwali għandhom jiġu ċċekkjati għall-konformità mal-punti 3 u 4 fil-każ ta’ ħalib mhux trattat u mal-preżenza ta’ kriterji nazzjonali msemmija fil-punt 1(b) fil-każ tal-kolostru. Il-verifiki għandhom jitwettqu minn, jew f’isem:

(a)

l-operaturi tan-negozju ta’ l-ikel li jipproduċu l-ħalib;

(b)

l-operaturi tan-negozju ta’ l-ikel li jiġbru jew jipproċessaw il-ħalib;

(c)

grupp ta’ operaturi tan-negozju ta’ l-ikel; jew

(d)

fil-kuntest ta’ skema ta’ kontroll nazzjonali jew reġjonali.

3.

(a)

L-operaturi tan-negozju ta’ l-ikel għandhom jibdew proċeduri biex jiżguraw li l-ħalib mhux trattat jissodisfa l-kriterji li jmiss:

(i)

għall-ħalib mhux trattat tal-baqar:

Ammont ta’ mikrobi f’30 oC (kull ml)

≤ 100 000  (*)

Ammont ta’ ċelloli somatiċi (kull ml)

≤ 400 000  (**)

(ii)

għall-ħalib mhux trattat minn speċi oħra:

Ammont ta’ mikrobi f’30 oC (kull ml)

≤ 1 500 000  (***)

(b)

Madankollu, jekk il-ħalib mhux trattat minn speċi għajr il-baqar hu maħsub għall-produzzjoni ta’ prodotti magħmula mill-ħalib mhux trattat permezz ta’ proċess li ma jinvolvix trattament ta’ sħana, l-operaturi tan-negozju ta’ l-ikel għandhom jieħdu l-passi biex jiżguraw li l-ħalib mhux trattat jissodisfa l-kriterji li jmiss.

Ammont ta’ mikrobi f’30 oC (kull ml)

≤ 500 000  (****)

4.

Mingħajr ħsara għad-Direttiva 96/23/KE, l-operaturi tan-negozju ta’ l-ikel għandhom jibdew proċeduri biex jiżguraw li l-ħalib mhux trattat ma jitqiegħedx fis-suq jekk:

(a)

ikun fih fdalijiet antibijotiċi f’kwantità li, għal dak li għandu x’jaqsam ma' kwalunkwe waħda mis-sustanzi msemmija fl-Annessi I u III tar-Regolament (KEE) Nru 2377/90 (4), taqbeż il-livelli awtorizzati skond ir-Regolament; jew

(b)

l-ammont totali tal-fdalijiet ta’ sustanzi antibijotiċi jaqbeż kwalunkwe valur massimu permess.

5.

Meta l-ħalib mhux trattat jonqos milli jikkonforma mal-punt 3 jew 4, l-operatur tan-negozju ta’ l-ikel għandu jinforma lill-awtorità kompetenti u jieħu l-miżuri biex jirranġa l-qagħda.

KAPITOLU II: REKWIŻITI LI JIKKONĊERNAW PRODOTTI MILL-ĦALIB U PRODOTTI LI FIHOM IL-KOLOSTRU

I.   REKWIŻITI TAT-TEMPERATURA

1.

L-operaturi tan-negozju ta’ l-ikel għandhom jiżguraw li, ma’ l-approvazzjoni fi stabbiliment ta’ pproċessar,

(a)

il-ħalib jitkessaħ minnufih għal mhux aktar minn 6 oC;

(b)

il-kolostru jitkessaħ minnufih għal mhux aktar minn 6 oC jew jinżamm iffriżat;

u jinżamm f’dik it-temperatura sakemm jiġi pproċessat.

2.

Madankollu, l-operaturi tan-negozju ta’ l-ikel jistgħu jżommu l-ħalib u l-kolostru f’temperatura ogħla jekk:

(a)

il-proċess jibda mill-ewwel wara t-taħlib, jew fi żmien 4 sigħat mill-approvazzjoni fl-istabbiliment ta’ l-ipproċessar; jew

(b)

l-awtorità kompetenti tawtorizza temperatura ogħla minħabba raġunijiet teknoloġiċi li jikkonċernaw il-produttur ta’ ċerti prodotti mill-ħalib jew li fihom il-kolostru.

II.   REKWIŻITI GĦAT-TRATTAMENT TAS-SĦANA

1.

Meta l-ħalib mhux trattat, il-prodotti magħmulin mill-ħalib jew li fihom il-kolostru jgħaddu minn trattament ta’ sħana, l-operaturi tan-negozju ta’ l-ikel jiżguraw li dan jissodisfa r-rekwiżiti stipulati fil-Kapitolu XI ta’ l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 852/2004. B’mod partikolari, għandhom jiżguraw, meta jużaw il-proċessi li ġejjin, li għandhom jikkonformaw ma' l-ispeċifikazzjonijiet imsemmija:

(a)

Il-pasturizzazzjoni tinkiseb b’trattament li jinvolvi:

(i)

temperatura għolja għal żmien qasir (ta’ mill-inqas 72 oC għal 15-il sekonda);

(ii)

temperatura baxxa għal żmien twil (ta’ mill-inqas 63 oC għal 30 minuta); jew

(iii)

kwalunkwe għaqda ta’ kondizzjonijiet ta’ ħin-temperatura biex jinkiseb l-effett ekwivalenti,

b’mod li l-prodotti juru, fejn meħtieġ, reazzjoni negattiva għat-test alkaline phosphatase minnufih wara tali trattament.

(b)

Trattament ta’ Temperatura Għolja Ħafna (UHT) jinkiseb b’trattament:

(i)

li jinvolvi nixxiegħa kontinwa ta’ sħana b’temperatura għolja għal żmien qasir (mhux inqas minn 135 oC flimkien ma’ żmien ta’ żamma) b’mod li ma jkunx hemm mikroorganiżmi vjabbli jew spori kapaċi li jikbru f’prodott trattat meta miżmum f’kontejner mingħajr settiku magħluq f’temperatura ta’ l-arja, u

(ii)

biżżejjed biex jiżgura li l-prodotti jibqgħu stabbli mikrobijoloġikament wara inkubazzjoni ta’ 15-il ġurnata f’kontejners magħluqa għal aktar minn 7t ijiem f’55 oC f’kontejners magħluqa jew wara kwalunkwe metodu ieħor li juri li t-trattament ta’ sħana xieraq ġie implimentat.

2.

Wara kunsiderazzjoni ta’ jekk il-ħalib mhux trattat jew il-kolostru għandux jiġi suġġett għal trattament ta’ sħana jew le, l-operaturi tan-negozju ta’ l-ikel għandhom:

(a)

jikkunsidraw il-proċeduri żviluppati skond il-prinċipji HACCP skond ir-Regolament (KE) Nru 852/2004; u

(b)

jikkonformaw ma’ kwalunkwe ħtiġijiet li l-awtorità kompetenti tista’ timponi għal dak li għandu x’jaqsam ma’ l-approvazzjoni ta’ l-istabbiliment jew iwettqu verifiki skond ir-Regolament (KE) Nru 854/2004.

III.   KRITERJI GĦALL-ĦALIB MHUX TRATTAT TAL-BAQAR

1.

L-operaturi tan-negozju ta’ l-ikel li jipproduċu prodotti mill-ħalib għandhom jibdew proċeduri biex jiżguraw li, minnufih wara l-ipproċessar:

(a)

ħalib mhux trattat tal-baqar użat għat-tħejjija tal-prodotti mill-ħalib għandu ammont ta’ mikrobi f’30 oC ta’ inqas minn 300 000 għal kull ml; u

(b)

ħalib tal-baqar ipproċessat użat għat-tħejjija tal-prodotti mill-ħalib għandu ammont ta’ mikrobi f’30 oC ta’ inqas minn 100 000 għal kull ml;

2.

Meta l-ħalib mhux trattat jonqos milli jikkonforma mal-kriterji stipulati fil-paragrafu 1, l-operatur tan-negozju ta’ l-ikel għandu javża lill-awtorità kompetenti u jieħu l-miżuri biex jirranġa l-qagħda.

KAPITOLU III: TGEŻWIR U IMBALLAĠĠ:

Is-siġġillar tal-pakketti tal-konsumatur għandu jitwettaq malli jimtela l-istabbiliment fejn l-aħħar trattament tas-sħana tal-prodotti likwidi mill-ħalib u prodotti li fihom il-kolostru, jitwettaq permezz ta’ tagħmir tas-siġġillar li jipprevjeni l-kontaminazzjoni. Is-sistema ta’ siġillar għandha tiġi ddisinjata b’mod li, wara l-ftuħ, il-prova tal-ftuħ tagħha tibqa’ ċara u faċli li tiġi ċċekkjata.

KAPITOLU IV: TIKKETTJAR

1.

Barra mill-ħtiġijiet tad-Direttiva 2000/13/KE, ħlief fil-każijiet stipulati fl-Artikolu 13(4) u (5) ta' dik id-Direttiva, it-tikketti għandhom juru b’mod ċar:

(a)

fil-każ ta’ ħalib mhux trattat maħsub għal konsum dirett mill-bniedem, il-kliem “ħalib mhux trattat”;

(b)

fil-każ ta’ prodotti magħmula minn ħalib mhux trattat, il-proċess ta' produzzjoni li ma jinkludix trattament tas-sħana jew kwalunkwe trattament fiżiku jew kimiku, il-kliem “magħmul minn ħalib mhux trattat”;

(c)

fil-każ tal-kolostru, il-kelma “kolostru”;

(d)

fil-każ tal-prodotti magħmula mill-kolostru, il-kliem “magħmula mill-kolostru”.

2.

Il-ħtiġijiet tal-paragrafu 1 japplikaw għall-prodotti maħsuba għall-kummerċ ta’ bejgħ bl-imnut. It-terminu “tikkettjar” jinkludi kwalunkwe imballaġġ, dokument, avviż, tikketta, ċurkett jew kullar li jinsab ma’ jew jirreferi għal tali prodotti.

KAPITOLU V: MARKI TA' IDENTIFIKAZZJONI

Bħala deroga mill-ħtiġijiet ta’ l-Anness II, Taqsima I:

1.

minflok tindika n-numru ta’ approvazzjoni ta’ l-istabbiliment, il-marka ta’ identifikazzjoni tista’ tinkludi referenza fejn fuq it-tġeżwir jew l-imballaġġ ikun indikat in-numru ta’ approvazzjoni ta’ l-istabbiliment;

2.

fil-każ tal-fliexken li jerġgħu jintużaw, il-marka ta’ identifikazzjoni tindika biss l-inizjali tal-pajjiż kunsinnatarju u n-numru ta’ approvazzjoni ta’ l-istabbiliment.”

4.

Fit-Taqsima XV, il-Kapitolu III, il-punt 1 hu mibdul b’dan li ġej:

“1.

Il-kollaġini għandu jkun prodott bi proċess li jiżgura li l-materjal mhux trattat ikun suġġett għal trattament li jinvolvi l-ħasil, l-aġġustament tal-pH bl-użu ta’ aċidi jew alkali, segwit b’waħda jew aktar tlaħliħat, filtrazzjoni jew estrużjoni jew bi proċess approvat ekwivalenti. L-istadju ta’ l-estrużjoni jista’ ma jitwettaqx tul il-produzzjoni ta’ kollaġini b’numru baxx ta’ molekoli.”


(1)  Id-Direttiva tal-Kunsill 64/432/KEE tas-26 ta’ Ġunju 1964 dwar il-problemi tas-saħħa ta’ l-annimali li jaffettwaw il-kummerċ intra-Komunitarju fl-annimali bovini jew il-ħnieżer (ĠU 121, 29.7.1964, p. 1977/64). Id-Direttiva kif emendata l-aħħar mir-Regolament (KE) Nru 21/2004 (ĠU L 5, 9.1.2004, p. 8).

(2)  Id-Direttiva tal-Kunsill 91/68/KEE tat-28 ta’ Jannar 1991 dwar il-kondizzjonijiet tas-saħħa ta’ l-annimali li jiggvernaw il-kummerċ intra-Komunitarju ta' l-annimali ovini u kaprini (ĠU L 46, 19.2.1991, p. 19). Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/932/KE (ĠU L 340, 23.12.2005, p. 68).

(3)  ĠU L 123, 24.4.1998, p. 1. Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/50/KE (ĠU L 142, 30.5.2006, p. 6).

(*)  Medja ġeometrika mobbli matul perjodu ta’ xahrejn, b’mill-inqas żewġ kampjuni kull xahar.

(**)  Medja ġeometrika mobbli matul perjodu ta’ tliet xhur, b’mill-inqas kampjun kull xahar, sakemm l-awtorità kompetenti tispeċifika metodu ieħor biex iqis il-varjazzjonijiet ta’ l-istaġun fil-livelli ta’ produzzjoni.

(***)  Medja ġeometrika mobbli matul perjodu ta’ xahrejn, b’mill-inqas żewġ kampjuni kull xahar.

(****)  Medja ġeometrika mobbli matul perjodu ta’ xahrejn, b’mill-inqas żewġ kampjuni kull xahar.

(4)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2377/90 tas-26 ta’ Ġunju 1990 li jistabbilixxi proċedura Komunitarja sabiex jiġu stabbiliti l-limiti massimi tal-fdalijiet tal-prodotti mediċinali veterinarji fl-oġġetti ta' l-ikel ta' oriġini mill-annimali (ĠU L 224, 18.8.1990, p. 1). Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1231/2006 (ĠU L 225, 17.8.2006, p. 3).